Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2569(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0124/2018

Testi mressqa :

B8-0124/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.10

Testi adottati :

P8_TA(2018)0052

Testi adottati
PDF 313kWORD 60k
Il-Ħamis, 1 ta' Marzu 2018 - Brussell Verżjoni finali
Qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × NK603
P8_TA(2018)0052B8-0124/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × NK603 (MON-87427-7 × MON-89Ø34-3 × MON-ØØ6Ø3-6) u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn mill-eventi MON 87427, MON 89034 u NK603 u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/420/UE (D054771-02 – 2018/2569(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × NK603 (MON-87427-7 × MON-89Ø34-3 × MON-ØØ6Ø3-6) u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn mill-eventi MON 87427, MON 89034 u NK603 (D054771-02),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tas-16 ta' Jannar 2018, li matulha ma ngħatat l-ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-28 ta' Ġunju 2017, u ppubblikata fl-1 ta' Awwissu 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw l-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fit-13 ta' Settembru 2013, Monsanto Europe S.A. ressqet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu, jew huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikata (ĠM) MON 87427 ×MON 89034 ×NK603 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Belġju, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jikkonsistu jew li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 ×MON 89034 ×NK603 għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.  billi l-applikazzjoni kopriet, għal tali użi, it-tliet subkombinazzjonijiet kollha ta' qamħirrum ĠM MON 87427 ×MON 89034 ×NK603;

C.  billi l-qamħirrum ĠM MON 87427 ×MON 89034 ×NK603 fih żewġ ġeni għar-reżistenza għall-glifosat u jipproduċi l-proteini Cry1A.105 u Cry2Ab2 li jikkonferixxu reżistenza għal lepidotteri speċifiċi;

D.  billi fit-28 ta' Ġunju 2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli, skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fl-1 ta' Awwissu 2017(5);

E.  billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;

F.  billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi(6); billi l-maġġor parti tal-kummenti kritiċi jinkludu l-fatt li l-analiżi tal-kompożizzjoni la tkopri r-residwi tal-erbiċidi komplementari u lanqas il-metaboliti tagħhom; billi, minħabba tħassib, fost affarijiet oħra, rigward studji li juru żieda fl-inċidenza tal-ġebla fil-bużżieqa tal-awrina fil-ġrieden magħlufa bil-MON 89034, ma tistax tinsilet konklużjoni dwar ir-riskji assoċjati mal-użu ta' dan l-organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM) fl-ikel jew fl-għalf; billi hija meħtieġa aktar informazzjoni qabel ma tista' tiġi finalizzata l-valutazzjoni tar-riskju, u li l-ebda konklużjoni mhi possibbli fir-rigward tal-effetti subkroniċi (ma sar l-ebda studju fuq 90 jum ), tal-effetti fit-tul, tal-effetti fuq ir-riproduzzjoni u tal-effetti fuq l-iżvilupp tal-ikel u/jew tal-għalf kollha kemm huma;

G.  billi l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li, għall-qamħirrum ĠM MON 87427 ×MON 89034 ×NK603 (ittrattat bil-glifosat), ġew identifikati differenzi statistikament sinifikanti mal-komparatur mhux ĠM għal 16-il punt tat-tmiem taċ-ċereali(7) u 2 punti tat-tmiem tal-foraġġ(8), u differenzi statistiċi għal numru saħansitra akbar tal-punti tat-tmiem taċ-ċereali (42) ġew identifikati f'paragun bejn il-qamħirrum ĠM mhux ittrattat bil-glifosat u l-komparatur tiegħu mhux ĠM, u li tnaqqis sinifikanti fil-kontenut ta' vitamini u minerali ta' għelejjel iqajjem tħassib kbir għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali peress li l-malnutrizzjoni tat-tip B hi problema globali;

H.  billi studju indipendenti(9) sab li, minħabba dawn id-differenzi statistiċi, wieħed jista' jassumi li l-qamħirrum ĠM huwa essenzjalment differenti mill-komparatur tiegħu fir-rigward ta' ħafna karatteristiċi bijoloġiċi u ta' kompożizzjoni u li, filwaqt li l-bidliet ikkunsidrati bħala data iżolata jistgħu ma jqajmux tħassib dwar is-sikurezza, l-għadd ġenerali ta' effetti u s-sinifikat qawwi tagħhom kellu jittieħed bħala punt ta' tluq għal aktar investigazzjonijiet dettaljati; billi l-EFSA ma wettqet l-ebda studju ieħor;

I.  billi l-ebda data sperimentali ma ġiet ipprovduta mill-applikant għas-subkombinazzjonijiet MON 87427 ×MON 89034 u MON 87427 ×NK603; billi, għalkemm il-Bord dwar l-OĠM tal-EFSA jistenna li, wara l-estrapolazzjoni ta' data sperimentali pprovduta għas-subkombinazzjoni l-oħra u għall-eventi uniċi, iż-żewġ subkombinazzjonijiet huma sikuri daqs l-eventi uniċi valutati tal-qamħirrum MON ×x NK603 u MON 87427 ×MON 89034 ×NK603, ma saret l-ebda evalwazzjoni tal-inċertezza relatata mal-estrapolazzjoni; billi din id-dgħufija tista' xxejjen il-konklużjoni ġenerali tal-opinjoni tal-EFSA u tista' wkoll tmur kontra l-Gwida dwar l-Analiżi tal-Inċertezza fil-Valutazzjoni Xjentifika ("Guidance on Uncertainty Analysis in Scientific Assessment") ippubblikata f'Jannar 2018(10); billi l-awtorizzazzjoni m'għandhiex titqies mingħajr valutazzjoni profonda ta' data sperimentali għal kull subkombinazzjoni ta' event ta' trasformazzjoni multiplu;

J.  billi l-bord dwar l-OĠM tal-EFSA osserva li l-pjan ta' monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq imressaq mill-applikant għall-qamħirrum li għandu tliet eventi ta' trasformazzjoni multipli ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni għaż-żewġ subkombinazzjonijiet MON 87427 ×MON 89034 u MON 87427 × NK603, u għalhekk irrakkomanda li l-applikant jirrevedi l-pjan f'dan is-sens; billi, skont il-pjan ta' monitoraġġ imressaq mill-applikant, din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx segwita(11);

K.  billi wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-event ta' trasformazzjoni multiplu hu li tiżdied it-tolleranza tal-pjanta għall-glifosat (kemm NK603 u MON 87427 jesprimu enzimi EPSPS li jikkonferixxu tolleranza għall-glifosat); billi, bħala konsegwenza, huwa mistenni li l-pjanta se tkun esposta għal dożi ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat li mhux biss iwasslu għal piż ogħla ta' residwi fil-ħsad iżda jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-kompożizzjoni tal-pjanti u l-karatteristiċi agronomiċi tagħhom; billi dan l-aspett ma kienx kopert fil-valutazzjoni tar-riskju; billi r-residwi mill-bexx bil-glifosat lanqas ma kienu vvalutati fl-opinjoni tal-EFSA;

L.  billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi l-EFSA kkonkludiet, f'Novembru 2015, li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku filwaqt li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kkonkludiet, f'Marzu 2017, li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tad-WHO kklassifikat il-glifosat bħala probabbilment karċinoġeniku għall-bnedmin; billi l-Parlament stabbilixxa kumitat speċjali dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi, li se jgħin biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm influwenza mhux dovuta mill-industrija fuq il-konklużjonijiet tal-aġenziji tal-Unjoni dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat;

M.  billi, skont il-bord dwar il-pestiċidi tal-EFSA, abbażi tad-data pprovduta s'issa, ma jistgħux isiru konklużjonijiet dwar is-sikurezza ta' residwi mill-bexx ta' għelejjel ġenetikament modifikati b'formazzjonijiet ta' glifosat(12); billi l-addittivi u t-taħlitiet tagħhom użati f'formulazzjonijiet kummerċjali tal-glisofat għall-bexx jistgħu juru tossiċità ogħla minn ingredjenti attivi waħedhom(13); billi l-Unjoni diġà neħħiet mis-suq addittiv magħruf bħala "POE tallowamine" minħabba tħassib dwar it-tossiċità tiegħu; billi madankollu, l-addittivi u t-taħlitiet problematiċi xorta jistgħu jiġu permessi f'pajjiżi fejn huwa kkultivat dan il-qamħirrum ĠM;

N.  billi l-qamħirrum ĠM impurtat huwa użat ħafna għall-għalf fl-Unjoni; billi studju xjentifiku evalwat bejn il-pari sab korrelazzjoni possibbli bejn il-glifosat f'għalf mogħti lill-ħnieżer nisa tqal u żieda fl-inċidenza ta' anomaliji konġeniti severi fid-driefeġ tagħhom(14);

O.  billi l-iżvilupp ta' għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla tar-reżistenza tal-ħaxix ħażin għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna minn għelejjel ġenetikament modifikati;

P.  billi l-karatteristiċi reżistenti għall-insetti tal-event ta' trasformazzjoni multiplu huma dovuti għal MON 89034 li jesprimi proteini Bt (Cry1A.105 u Cry2Ab2), li jikkonferixxu reżistenza għal-lepidotteri speċifiċi (pereżempju l-Ostrinia nubilalis); billi, skont studju indipendenti, fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA, ir-residwi mill-glifosat kellhom jitqiesu wkoll bħala fatturi stressanti qawwija peress li l-impatt fuq iċ-ċelloli u l-organiżmi esposti għal bosta fatturi stressanti jista' jkun ukoll ta' importanza kbira għall-effikaċja ta' tossini Bt(15); billi studju xjentifiku fl-2017 dwar l-impatti possibbli fuq is-saħħa ta' tossini Bt u residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari jikkonkludi li għandha tingħata attenzjoni speċifika għar-residwi tal-erbiċidi u l-interazzjoni tagħhom ma' tossini Bt(16); billi l-EFSA ma eżaminatx tali kwistjonijiet;

Q.  billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fis-16 ta' Jannar 2018, ma rriżultat fl-ebda opinjoni; billi 14-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li 11-il Stat Membru biss, li jirrappreżentaw 38,75 % biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni, ivvutaw favur, u tliet Stati Membri astenew;

R.  billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kellhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi anke l-President Juncker iddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika(17);

S.  billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari(18) l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

T.  billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tiddikjara l-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun, timxi b'tali mod li tevita l-kunflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta’ deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi din mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' OĠM sa ma l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;

5.  Jistieden lil-leġiżlaturi responsabbli jkomplu b'urġenza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 u jiżguraw li, fost l-oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward ta' approvazzjonijiet ta' OĠM, sew għall-kultivazzjoni u sew għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza l-ebda pjanta ġenetikament modifikata tolleranti għall-erbiċida (HT GMP) mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob testijiet ħafna aktar dettaljati tar-riskji għas-saħħa b'rabta ma' eventi ta' trasformazzjoni multipli bħall-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × NK603;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa, it-tossikoloġija, u l-monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq, li jkollhom fil-mira l-katina tal-ikel u tal-għalf kollha kemm hi;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-HT GMP, irrispettivament minn jekk il-pjanta ĠM tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għall-ikel u l-għalf;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4922
(4)–––––––––––––––––––– – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (ĠU C 399, 24.11.2017, p. 71).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 19).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 17).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2)(ĠU C 35, 31.1.2018, p. 15).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events (Testi adottati P8_TA(2016)0271).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (Testi adottati P8_TA(2016)0272).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati P8_TA(2016)0388).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati P8_TA(2016)0389).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (Testi adottati P8_TA(2016)0386).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (Testi adottati P8_TA(2016)0387).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (Testi adottati P8_TA(2016)0390).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati P8_TA(2017)0123).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati P8_TA(2017)0215).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati P8_TA(2017)0214).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0341).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0377).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0378).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0396).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0397).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-kolza ġenetikament modifikata MON 88302 ×Ms8 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8 × ACS-BNØØ3-6), MON 88302 x Ms8 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8) u MON 88302 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACS-BNØØ3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0398).
(5) https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4922
(6) Anness G – il-kummenti tal-Istati Membri u t-tweġibiet tal-Bord dwar l-OĠM: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2013-00765
(7) ADF, irmied, kalċju, manjeżju, fosforu, żingu, arġinina, gliċina, aċidu steariku, niaċina, α-tokoferol, aċidu feruliku u aċidu ρ-kumariku. Ara paġna 94 tal-Anness G - il-kummenti tal-Istati Membri u t-tweġibiet tal-Bord dwar l-OĠM (http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2013-00765) u paġna 13 tal-opinjoni tal-EFSA (https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4922)
(8) Umdità u kalċju.
(9) https://www.testbiotech.org/sites/default/files/Testbiotech_Comment_Maize%20MON%2087427%20%C3%97%20MON%2089034%20%C3%97%20NK603%20.pdf
(10) https://www.efsa.europa.eu/en/press/news/180124-0
(11) Anness F - Pjan ta' monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2013-00765
(12) Konklużjoni tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva glifosat. Journal tal-EFSA 2015, 13 (11):4302: http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4302/epdf
(13) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC3955666
(14) https://www.omicsonline.org/open-access/detection-of-glyphosate-in-malformed-piglets-2161-0525.1000230.php?aid=27562
(15) https://www.testbiotech.org/sites/default/files/Testbiotech_Comment_Maize%20MON%2087427%20%C3%97%20MON%2089034%20%C3%97%20NK603%20.pdf
(16) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5236067/
(17) Pereżempju, fid-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).
(18) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 165.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Ottubru 2018Avviż legali