Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2014(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0033/2018

Testi mressqa :

A8-0033/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.11

Testi adottati :

P8_TA(2018)0053

Testi adottati
PDF 427kWORD 53k
Il-Ħamis, 1 ta' Marzu 2018 - Brussell Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - EGF/2017/006 ES/Galicia apparel - Spanja
P8_TA(2018)0053A8-0033/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Spanja – EGF/2017/006/Galicia apparel) (COM(2017)0686 – C8-0011/2018 – 2018/2014(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0686 – C8-0011/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0033/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;

C.  billi Spanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/006 ES/Galicia apparel għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għat-303 sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ħwejjeġ) fir-reġjun tal-Galicia tal-livell NUTS 2 fi Spanja (ES11);

D.  billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju tal-intervent tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG li jidderoga mill-kriterju fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament, li jeħtieġu tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jkun jinsab f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li Spanja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 720 000 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 200 000;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-applikazzjoni fid-19 ta' Lulju 2017, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali minn Spanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-28 ta' Novembru 2017 u l-Parlament ġie avżat fil-15 ta' Jannar 2018;

3.  Josserva li Spanja sostniet li s-sensji kienu marbutin mal-bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'mod aktar partikolari l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fit-tessuti u l-ħwejjeġ, wara li l-Arranġament dwar il-Multifibri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ skada fi tmiem l-2004, li wasslet għal bidliet radikali fl-istruttura tal-kummerċ dinji;

4.  Ifakkar li s-sensji li ngħataw f'ħames intrapriżi huma mistennija jpoġġu pressjoni kbira fuq it-territorju milqut, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet ta' riallokazzjoni minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi, peress li t-territorju huwa 'l bogħod miċ-ċentri industrijali ewlenin, mil-livell baxx tal-isfond edukattiv tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, mill-iżvilupp tagħhom ta' ħiliet vokazzjonali speċifiċi f'settur li sejjer lura, u mill-għadd kbir ta' dawk li qed ifittxu impjieg;

5.  Jenfasizza li Ordes, ir-reġjun milqut mis-sensji, huwa dipendenti ħafna mill-industrija tal-ilbies u ra tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' intrapriżi tal-ħwejjeġ f'dawn l-aħħar snin; jiddispjaċih li l-PDG per capita tar-reġjun qiegħed jonqos ukoll;

6.  Iqis li, b'kont meħud tal-popolazzjoni li qed tonqos, il-PDG per capita u l-bażi industrijali tar-reġjun ikkonċernat, l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji għall-intervent tal-FEG minkejja li tinvolvi inqas minn 500 sensja;

7.  Huwa konxju li ż-żieda tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni poġġiet pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet, li kellha effett negattiv fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-intrapriżi fis-settur tat-tessuti fl-Unjoni u wasslet biex fl-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ hemm tendenza ġenerali lejn produzzjoni offshore f'pajjiżi b'anqas spejjeż barra mill-UE; jirrikonoxxi l-fatt li fil-Galicia, dan irriżulta fi tnaqqis kostanti fl-għadd ta' kumpaniji tal-ħwejjeġ u, għaldaqstant, f'żieda ta' sensji;

8.  Jissottolinja li 83,5 % tal-benefiċjarji fil-mira huma nisa u li l-maġġoranza kbira minnhom għandhom bejn 30 u 54 sena; jirrikonoxxi, fid-dawl ta' dan, l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex itejbu l-possibilitajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dan il-grupp vulnerabbli;

9.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawn is-sensji jistgħu jaggravaw aktar is-sitwazzjoni tal-qgħad li r-reġjun inkwistjoni ilu jħabbat wiċċu magħha mill-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;

10.  Jinnota li Spanja qiegħda tippjana sitt tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) sessjonijiet ta' merħba u workshops preparatorji, (ii) gwida okkupazzjonali, (iii) taħriġ, (iv) għajnuna intensiva għat-tfittix ta' impjieg, (v) tutela wara r-riintegrazzjoni fl-impjieg, (vi) inċentivi; iqis li l-kontribuzzjoni għall-ispejjeż għal min jieħu ħsieb persuni dipendenti tkun ta' importanza partikolari fid-dawl tal-profil tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

11.  Iqis li t-taħriġ vokazzjonali li għandu jingħata jrid iwessa' l-ispettru ta' opportunitajiet għall-persuni qiegħda, li l-attivitajiet ta' taħriġ għandhom ikunu relatati ma' studju prospettiv tax-xejriet tal-impjiegi, li għandhom ikunu inklużi fi ħdan l-azzjonijiet ta' dan il-finanzjament, u li t-taħriġ għandu jespandi l-għażliet ta' karrieri professjonali mingħajr ebda preġudizzju bejn is-sessi jew limitazzjoni għal impjieg mhux kwalifikat;

12.  Iqis li l-programm approvat għandu jappoġġa, permezz ta' pariri u appoġġ finanzjarju, inizjattivi għall-ħolqien ta' kooperattivi li l-persuni li jirċievu s-servizzi personalizzati previsti għandhom iwettqu;

13.  Jirrimarka li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG għandu jkun immirat lejn inizjattivi li jikkontribwixxu għall-impjiegi, għall-kompetenzi tal-ħaddiema, għall-valorizzazzjoni tal-karrieri tagħhom bil-għan li jersqu lejn il-komunità tan-negozju, inklużi l-kooperattivi, u għandu jkun koordinat mal-programmi eżistenti tal-Unjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew;

14.  Jirrikonoxxi li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali;

15.  Jiddispjaċih li din l-applikazzjoni ma tinkludi l-ebda miżura għal dawk iż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) minħabba t-tendenza li ż-żgħażagħ jitilqu mir-reġjun biex ifittxu opportunitajiet ekonomiċi akbar;

16.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jikkostitwixxu 18,21 % tal-pakkett globali tal-miżuri personalizzati, ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG; u li dawk l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg;

17.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' d-dikjarazzjoni ta' Spanja li l-pakkett koordinat juri potenzjal kbir biex tiġi faċilitata din il-bidla.

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

19.  Jilqa' l-konferma ta' Spanja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhix se tissostitwixxi l-azzjonijiet li l-intrapriżi kkonċernati huma meħtieġa jieħdu skont id-dritt nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi, jew miżuri għal kumpaniji jew setturi ta' ristrutturar;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

21.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata minn Spanja – EGF/2017/006 ES/Galicia apparel

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/515.)

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Ottubru 2018Avviż legali