Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2115(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0014/2018

Testi mressqa :

A8-0014/2018

Dibattiti :

PV 28/02/2018 - 26
CRE 28/02/2018 - 26

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0057

Testi adottati
PDF 522kWORD 75k
Il-Ħamis, 1 ta' Marzu 2018 - Brussell Verżjoni finali
Prospettivi u sfidi għas-settur tal-apikultura tal-UE
P8_TA(2018)0057A8-0014/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar Prospettivi u sfidi għas-settur tal-apikultura tal-UE (2017/2115(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel u l-isfidi għas-settur tal-apikultura(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd (8606/11 ADD 1 REV 1) fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel (COM(2010)0714),

–  wara li kkunsidra l-Ġimgħa Ewropea tan-Naħal u d-dakkir tan-naħal u – EU Bee Week – li ilha ssir fil-Parlament Ewropew mill-2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) "Ġbir u Kondiviżjoni ta' Data dwar is-Saħħa tan-Naħal: Lejn Sħubija Ewropea tan-Naħal" ta' Settembru 2017, li poġġa fil-prattika is-Sħubija Ewropea tan-Naħal

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0014/2018),

A.  billi s-settur tal-apikultura huwa parti integrali mill-agrikoltura Ewropea fejn jirrappreżenta aktar minn 620 000 apikultur fl-UE(2); billi l-apikultura hija prattikata ħafna bħala delizzju jew għall-finijiet ta' konsum proprju, u hija wkoll ipprattikata b'mod professjonali;

B.  billi l-valur ekonomiku fornut min-naħal jinvolvi d-dakkir u l-produzzjoni tal-għasel, tax-xama' tal-għasel, u ta' prodotti oħra tan-naħal, filwaqt li l-oqfsa tal-injam jew id-doqqajs, kif ukoll apituriżmu, huma wkoll ta' importanza kbira;

C.  billi s-settur tal-apikultura huwa vitali għall-UE u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-soċjetà, kemm ekonomikament b'madwar EUR 14.2-il biljun kull sena, u kemm ambjentalment billi jżomm il-bilanċ ekoloġiku u d-diversità bioloġika, peress li 84 % tal-ispeċijiet tal-pjanti u 76 % tal-produzzjoni tal-ikel fl-Ewropa huma dipendenti mid-dakkir min-naħal selvaġġ u domestiku;

D.  billi n-naħal u dakkara oħra jipprovdu d-dakkir u b'hekk jiżguraw ir-riproduzzjoni ta' għadd kbir ta' pjanti kkultivati u selvaġġi, b'tali mod li jiġu żgurati l-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel u tiġi preservata l-bijodiversità mingħajr ħlas fl-Ewropa u fid-dinja; billi l-importanza tad-dakkir fl-UE mhijiex rikonoxxuta biżżejjed u spiss neħduh bħala ħaġa fatta, filwaqt li fl-Istati Uniti, pereżempju, jintefqu total ta' EUR 2 biljun kull sena fid-dakkir artifiċjali; billi l-Ewropa fiha madwar 10 % tad-diversità globali tan-naħal; billi skont l-Istitut Nazzjonali Franċiż għar-Riċerka Agrikola, il-mortalità tan-naħal se tiswa EUR 150 biljun madwar id-dinja, jew 10 % tal-valur tas-suq tal-ikel, fatt li jagħti xhieda tal-ħtieġa li nħarsu lill-insetti dakkara;

E.  billi r-riċerka riċenti mwettqa mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU turi li żieda fid-densità u fil-varjetà ta' insetti dakkara għandha impatt dirett fuq ir-rendimenti tal-ħsad u, għaldaqstant, tista' tgħin lill-bdiewa żgħar iżidu l-produttività tagħhom b'medja ta' 24 % b'mod globali;

F.  billi mhux il-pajjiżi kollha għandhom sistema ta' reġistrazzjoni ta' min irabbi n-naħal u tad-doqqajs, ħaġa li kieku tiffaċilita l-monitoraġġ tal-iżviluppi fis-settur, fis-suq u fis-saħħa tan-naħal;

G.  billi fl-2004 il-Kummissjoni assigurat is-somma ta' EUR 32 miljun lill-programmi nazzjonali tal-apikultura għall-benefiċċju uniku tal-apikultura, u billi sal-2016 din iċ-ċifra żdiedet għal EUR 36 miljun, iżda għad jonqosha ħafna biex tkun biżżejjed (tirrappreżenta 0.0003 % tal-baġit tal-PAK);

H.  billi bejn l-2004 u l-2016 il-għadd ta' kolonji tan-naħal tal-għasel żdied b'47.8 % permezz ta' l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda, iżda l-finanzjament mill-UE żdied biss bi 12 %, li jfisser li l-finanzjament tal-UE disponibbli mhuwiex biżżejjed għall-manutenzjoni tal-popolazzjoni tan-naħal u biex jassisti kif xieraq lil dawk li jrabbu n-naħal fit-tiġdid tal-kolonji tan-naħal tagħhom wara t-telfiet fil-popolazzjoni fi Stati Membri li jsofru minn rati għolja ta' mortalità;

I.  billi, minkejja din iż-żieda ta' statistika, ħafna persuni professjonali li jrabbu n-naħal waqqfu l-attività tagħhom, u f'xi Stati Membri l-għadd ta' kolonji tan-naħal naqas sa saħansitra 50 % jew aktar(3), minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima (eż. ġlata fir-Rebbiegħa, nixfa, nirien), ċerti sustanzi kimiċi attivi, u disturbi fis-suq intern tal-għasel tal-UE; billi sal-ġurnata tal-lum għadhom qed jiġu rreġistrati għadd kbri ta' każijiet ta' telf u diżorni ta' żmien ix-xitwa ;

J.  billi l-programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura li jirċievu kofinanzjament tal-UE għandhom effett ġenerali pożittiv; billi huwa aktar probabbli li tkun l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali li tista' xi drabi tiġġenera nuqqas ta' fiduċja min-naħa tas-settur u, għalhekk, titnaqqas ir-rata ta' assorbiment;

K.  billi s-settur tal-apikultura jbati minn problema demografika u tat-tixjiħ partikolarment serja, fejn persentaġġ żgħir biss ta' dawk li jrabbu n-naħal huma taħt l-età ta' 50 sena, sitwazzjoni li qed tipperikola l-ġejjieni tas-settur; billi l-apikultura tirrappreżenta għajn potenzjali ta' xogħol u integrazzjoni għaż-żgħażagħ fiż-żoni rurali, peress li l-aċċess għall-art huwa limitat f'ħafna reġjuni Ewropej;

L.  billi l-għarfien teoretiku flimkien mat-taħriġ prattiku jistgħu jgħinu biex jiġi aġevolat fehim aħjar tal-isfidi li ġejjin għall-kolonji tan-naħal u biex tiġi aġevolata l-azzjoni biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati, u għalhekk huma importanti; billi dawk li jrabbu n-naħal għandhom joperaw b'mod responsabbli u professjonali u b'koperazzjoni mill-qrib mal-bdiewa sabiex jittrattaw b'mod determinat l-isfidi futuri bħat-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali, it-tnaqqis taż-żoni fil-miftuħ fejn in-naħal jista' jfittex l-ikel, l-attakki minn annimali selvaġġi u minn speċijiet ta' għasafar migratorji f'uħud mir-reġjuni (id-doqqajs huma ferm esposti għal tali predaturi peress li l-apikultura spiss tiġi pprattikata fil-beraħ), u l-piżijiet amministrattivi għolja f'xi Stati Membri;

M.  billi l-Programmi Nazzjonali tal-Apikultura kofinanzjati mill-UE jagħti lill-parteċipanti l-opportunità li jwettqu proġetti ta' riċerka u żvilupp; billi l-proġetti li jagħmlu suċċess jistgħu jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għat-tisħiħ tas-settur u għat-titjib tal-kapaċità tiegħu li jirreżisti lill-kriżijiet naturali u tas-suq; billi t-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju tal-prattiki tajba u innovattivi jipprovdu valur miżjud lis-settur tal-apikultura Ewropew, b'mod partikolari jekk jiġu kkumplementati bi programm speċifiku, bħalma hu dak tal-"Erasmus għal min irabbi n-naħal" taħt il-Pilastru II tal-PAK;

N.  billi l-prattika tal-hekk imsejħa biedja nomadika għandha ħafna aspetti pożittivi iżda wkoll uħud problematiċi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-konformità mar-regoli biex sitwazzjonijiet ta' riskji jiġu pprevenuti milli jinfirxu; billi, għalhekk, jeħtieġ li jsir aktar monitoraġġ bir-reqqa;

O.  billi ż-żieda attwalment osservata fir-rata tal-mortalità fost in-naħal tal-għasel u d-dakkara selvaġġi fl-Ewropa hija inkwetanti minħabba l-impatt negattiv tagħha fuq l-agrikoltura, il-bijodiversità u l-ekosistemi; billi hemm diversi fatturi ta' stress li jikkawżaw żieda fir-rata ta' mortalità tan-naħal, li jvarjaw skont iż-żona ġeografika, il-karatteristiċi lokali u l-kundizzjonijiet klimatiċi; billi dawn il-fatturi jinkludu l-impatt sever ta' speċijiet aljeni invażivi bħalma huma l-Varroa destructor, il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala (Aethina tumida), iż-żunżan bagħal ażjatiku (Vespa velutina) u l-batterja Amerikana tal-larva tan-naħal (Paenibacillus larvae), kif ukoll patoġeni tal-annimali bħan-nosemosis, l-impatt ta' ċerti sustanzi attivi fil-prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti u bijoċidi oħra, it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, id-deġenerazzjoni tal-ħabitats u l-għajbien progressiv tal-pjanti li jagħmlu l-fjuri; billi n-naħal huma dipendenti mill-art agrikola, fejn l-erjas tal-wiċċ u d-diversità tal-għelejjel jipprovdu l-għajn ewlenija tal-ikel tagħhom, u għalhekk ikun utli li kemm dawk li jrabbu n-naħal u kemm il-bdiewa japplikaw ċertu tip ta' erjas ta' attenzjoni ekoloġiku partikolari msejħa "żoni għall-apikultura", li jistgħu sussegwentement jiġu użati b'mod mifrux fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari matul l-istaġun meta joħorġu inqas fjuri;

P.  billi dawk li jrabbu n-naħal ħafna drabi ma jkollhomx il-kapaċità li jiġġieldu lill-mard u lill-parassiti tan-naħal, minħabba nuqqas ta' informazzjoni u taħriġ u nuqqas ta' mezzi effettivi biex biex jilqgħu għalihom, bħalma hu l-aċċess għall-mediċini ta' trattament tan-naħal; billi dawk li jrabbu n-naħal qed jirċievu appoġġ għal miżuri protettivi kontra l-Varroa destructor, għalkemm dawn il-miżuri għadhom mhumiex kompletament ta' suċċess peress li l-isforzi li jsiru fir-riċerka u l-iżvilupp għadhom inadegwati fir-rigward tal-kura kontra l-ispeċijiet parassitiċi, l-impatt tad-dieti tan-naħal u l-esponiment għal prodotti kimiċi;

Q.  billi l-fatt li dawk li jrabbu n-naħal huma obbligati jiddikjaraw il-mard u l-parassiti jwassal għall-qerda sistematika tad-doqqajs u dan jista' jħajjarhom ma jiddikjarawhom xejn; billi l-mediċini disponibbli fis-suq biex jiġi ttrattat il-mard tan-naħal huma limitati u ma jippermettux li tiġi mwieġba l-ħtieġa dejjem akbar ta' mediċini veterinarji effettivi; billi ġew ittestjati għadd ta' sustanzi naturali għall-kontroll tal-varroażi, u tlieta minnhom saru l-bażi għat-trattamenti organiċi, jiġifieri l-aċidu formiku, l-aċidu ossaliku u t-timol;

R.  billi l-biedja bbażata fuq il-monokultura bl-użu ta' varjetajiet ta' għelejjel u ibridi b'rendimenti aktar baxxi ta' nektar u għabra tad-dakra u perjodi iqsar ta' ħruġ ta' fjuri tnaqqas bil-kbir kemm il-bijodiversità u kemm il-firxa tal-meded ta' art użati biex in-naħal ifittex l-ikel tiegħu; billi xjenzjati Brittaniċi dan l-aħħar ikkonkludew li r-razez tan-naħal lokali u reġjonali jkampaw aħjar f'żona partikolari mir-razez ta' naħal tal-għasel li jkunu nġabu jgħixu hemm minn xi mkien ieħor(4); billi s-saħħa u s-sostenibilità fit-tul tas-settur tal-apikultura fl-Ewropa huma bbażati fuq li jiġu żgurati s-saħħa u s-sostenibilità fit-tul tal-ekotipi tan-naħal tal-għasel lokali, minħabba d-diversità tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jadattaw ruħhom għal ambjenti lokali;

S.  billi l-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES), fir-rapport tagħha adottat fis-26 ta' Frar 2016, kif ukoll l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (IUCN) fil-Valutazzjonijiet Integrati Mondjali (Worldwide Integrated Assessments) tagħha dwar l-insettiċidi sistemiċi, wissew kontra t-tnaqqis fid-dakkara; billi n-naħal huma indikatur importanti tal-kwalità tal-ambjent;

T.  billi dawk li jrabbu n-naħal, il-bdiewa, l-ambjentalisti u ċ-ċittadini jistennew azzjonijiet ibbażati fuq kunsens xjentifiku ċar dwar il-kawżi kollha tal-mortalità tan-naħal, inklużi l-effetti tas-sustanzi attivi tal-pestiċidi (eż. xi neonikotinojdi u ċerti insettiċidi sistemiċi oħra), kif identifikati mill-EFSA;

U.  billi l-varjazzjoni fis-sejbiet xjentifiċi tista' tiġi parzjalment attribwita għall-użu ta' metodi analitiċi u ta' protokolli ta' riċerka differenti; billi n-nuqqas ta' koordinazzjoni tar-riċerka dwar id-dakkar fil-livell tal-UE u n-nuqqas ta' data aċċessibbli u armonizzata bejn partijiet ikkonċernati qed jirriżultaw fi proliferazzjoni ta' studji diverġenti jew kontradittorji;

V.  billi huwa importanti li jinżammu u jiġu approfonditi d-djalogu u l-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati kollha (dawk li jrabbu n-naħal, il-bdiewa, ix-xjenzjati, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali, l-industriji tal-protezzjoni tal-pjanti, is-settur privat, il-veterinarji u l-pubbliku ġenerali), ħalli r-riċerka tiġi kkoordinata u d-data relevanti miġbura kollha tiġi kondiviża f'waqtha;

W.  billi hemm talba ġenerali għal bażi tad-data komuni u armonizzata, li tkun tinkludi, inter alia, it-tip ta' wiċċ tar-raba' u l-prattika agrikola, il-preżenza ta' pesti u mard, il-kundizzjonijiet tal-klima u tat-temp, il-pajsaġġ u l-infrastruttura, id-densità tal-kolonji tan-naħal u r-rata tal-mortalità tan-naħal għal kull reġjun, u hemm talba ġenerali wkoll għal għodod u teknoloġiji diġitali rilevanti li ma jagħmlux ħsara lin-naħal, kif ukoll għal midja kif issuġġerit mill-inizjattiva "Sħubija Ewropea tan-Naħal" adottata f'Ġunju 2017; billi r-riżultati tar-rieżami xjentifiku komprensiva tal-EFSA, li diġà ttardja b'aktar minn sena, huma meħtieġa biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza l-aktar reċenti; billi huma meħtieġa malajr kemm jista' jkun riżultati ċari dwar l-indikaturi kollha tas-saħħa tan-naħal sabiex titwaqqaf u titnaqqsu il-mortalità tan-naħal, b'mod partikolari permezz ta' testijiet fuq il-post; billi dawk li jrabbu n-naħal, il-bdiewa u ċ-ċittadini jistennew li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib, flimkien mal-aġenziji rilevanti tal-UE u l-esperti mill-Istati Membri, l-Gwida tal-EFSA għall-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal, u li hija tistenna li l-Istati Membri jimplimentawha b'mod xieraq;

X.  billi l-produzzjoni tal-għasel hija affettwata wkoll mill-kundizzjonijiet tat-temp, peress li t-temp sħun u umdu jippromwovi l-produzzjoni tal-għasel, filwaqt li temp li fl-istess ħin ikun kiesaħ u milwiem ixekkilha; billi t-telf li jseħħ fil-ħarifa u fix-xitwa jikkontribwixxi biex il-popolazzjonijiet tal-kolonji jsiru inqas iffullati u wkoll għat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-għasel, liema tnaqqis jaf jilħaq il-50 % f'ċerti Stati Membri, u saħansitra 100 % f'xi reġjuni;

Y.  billi għandha tingħata attenzjoni lid-daqs tal-popolazzjoni tan-naħal tal-għasel li jvarja f'żoni agrikoli differenti, minħabba li qed tikber f'xi pajjiżi li jipproduċu l-għasel u qed tonqos f'oħrajn;

Z.  billi ż-żieda fil-mortalità tan-naħal ġiegħlet lil dawk li jrabbu n-naħal jixtru kolonji ġodda b'mod aktar regolari, li wassal biex l-ispejjeż tal-produzzjoni jiżdiedu; billi l-ispiża ta' kolonja tan-naħal żdied mill-inqas erba' darbiet mill-2002 'il hawn; billi s-sostituzzjoni tal-kolonji tan-naħal spiss tista' twassal għal tnaqqis fil-produzzjoni, kemm fuq perjodu qasir u kemm fuq perjodu medju, peress li l-kolonji ġodda huma anqas produttivi meta jkunu għadhom qed jiġu stabbiliti; billi fil-produzzjoni tal-għasel, dawk li jrabbu n-naħal qatt ma jużaw daqstant kolonji tan-naħal daqskemm turi l-istatistika, peress li matul is-sena huma jerġgħu jibnu l-għadd oriġinali ta' kolonji, a skapitu tal-kwantità tal-produzzjoni peress li l-istokkjar mill-ġdid tal-kolonji li jkunu ntilfu wkoll jeħtieġ l-għasel;

AA.  billi kien hemm żieda doppja fl-ammont ta' għasel li jiġi prodott u esportat f'ċerti pajjiżi terzi matul dawn l-aħħar 15-il sena; billi l-UE bilkemm tipproduċi 60 % tal-bżonnijiet tagħha ta' għasel – ċifra li mhix qed tiżdied – filwaqt li l-għadd ta' doqqajs fl-UE kważi rdoppja bejn l-2003 u l-2016 u n-numru ta' dawk li jrabbu n-naħal żdied minn madwar 470 000 għal madwar 620 000 matul l-istess perjodu; billi fl-2016 it-tliet produtturi Ewropej ewlenin tal-għasel kienu r-Rumanija, Spanja u l-Ungerija, segwiti mill-Ġermanja, l-Italja u l-Greċja;

AB.  billi kull sena, l-UE timporta madwar 40 % tal-għasel tagħha; billi fl-2015 l-għasel importat kien bħala medja 2.3 darbiet orħos mill-għasel prodott fl-UE; billi l-UE timporta madwar 200 000 tunnellata għasel fis-sena, prinċipalment miċ-Ċina, l-Ukrajna, l-Arġentina u l-Messiku, fatt li qed joħloq żvantaġġ kompetittiv serju għal dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa meta mqabbla ma' produtturi minn pajjiżi terzi u mhux qed jippermetti livell ogħla ta' awtosuffiċjenza; billi l-għasel importat spiss ma jilħaqx l-istandards applikati lil dawk li jrabbu n-naħal fl-UE;

AC.  billi l-konsumaturi sikwit jaħsbu li qed jieklu għasel mill-UE, meta proporzjon minn dak l-għasel fil-fatt huwa taħlita ta' għasel tal-UE u għasel ta' pajjiżi terzi, filwaqt li proporzjon kbir tal-għasel importat huwa adulterat;

AD.  billi mill-2002 'il hawn l-ammont ta' għasel mir-reġjuni ewlenin li jipproduċu l-għasel fid-dinja staġna jew naqas kawża tal-istat ħażin tas-saħħa tan-naħal, filwaqt li l-ammont ta' għasel prodott fiċ-Ċina irdoppja (għal madwar 450 000 tunnellata fis-sena mill-2012 'il hawn), li jirrappreżenta aktar mill-produzzjoni tal-għasel tal-UE, l-Arġentina, il-Messiku, l-Istati Uniti u l-Kanada kollha f'daqqa;

AE.  billi fl-2015 aktar minn nofs l-għasel impurtat tal-UE ġie miċ-Ċina – madwar 100 000 tunnellata, id-doppju tal-ammont tal-2002 – alavolja l-għadd ta' kolonji tan-naħal naqas f'partijiet oħra tad-dinja; billi, skont l-assoċjazzjonijiet ta' dawk li jrabbu n-naħal u l-professjonisti, proporzjon kbir tal-għasel importat miċ-Ċina jista' jkun adulterat b'zokkor eżoġenu tal-kannamieli jew tal-qamħirrum; billi mhux l-Istati Membri kollha huma f'pożizzjoni li jwettqu analiżijiet biex isibu l-irregolaritajiet fl-għasel importat fil-postijiet ta' kontroll fil-fruntieri esterni tal-UE;

AF.  billi l-għasel huwa t-tielet l-aktar prodotti adulterat fid-dinja; billi l-adulterazzjoni tagħmel ħsara kbira lil dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa u tesponi lill-konsumaturi għal riskji tas-saħħa serji;

AG.  billi skont l-esperti, il-problema kloramfenikola tal-2002 ġiet solvuta minn kumpaniji li jesportaw għasel miċ-Ċina, mhux billi kkonformaw mar-regoli iżda billi użaw filtri tar-reżina;

AH.  billi fil-laqgħa tiegħu f'Diċembru 2015 il-Kunsill Agrikoltura u Sajd iddiskuta preokkupazzjonijiet dwar il-kwalità fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-għasel u l-kompetittività tas-settur tal-apikultura Ewropew; billi wara dik il-laqgħa l-Kummissjoni ordnat l-ittestjar ċentralizzat tal-għasel;

AI.  billi ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ttestja l-kampjuni tal-għasel tal-Istati Membri, u sab, fost affarijiet oħra, li 20 % tal-kampjuni meħuda fil-fruntieri esterni tal-UE u fil-bini tal-importaturi ma kinux jirrispettaw il-kompożizzjoni tal-għasel u/jew il-proċessi tal-produzzjoni tal-għasel stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Għasel (2001/110/KE), u li 14 % tal-kampjuni kienu miżjuda z-zokkor; billi, minkejja dan, għadu jidħol fl-Ewropa għasel falz u adulterat;

AJ.  billi skont il-Codex Alimentarius, li jintuża fl-UE, l-għasel huwa prodott naturali li ma tista' tiżdied miegħu l-ebda sustanza u li minnu ma jista' jiġi estratt xejn, u li ma jistax jitnixxef barra d-doqqajs;

AK.  billi l-iżbilanċ fis-suq tal-għasel Ewropew li jirriżulta mill-importazzjoni bl-ingrossa ta' għasel irħis adulterat naqqas il-prezz tax-xiri tal-għasel fil-pajjiżi produtturi ewlenin tal-UE (ir-Rumanija, Spanja, l-Ungerija, il-Bulgarija, il-Portugall, Franza, l-Italja, il-Greċja u l-Kroazja) bin-nofs bejn l-2014 u l-2016, u dan ikompli jpoġġi lil dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa f'pożizzjoni diffiċli u ta' ħsara;

AL.  billi fit-tieni paragrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva dwar l-Għasel hekk kif emendata mid-Direttiva 2014/63/UE jipprovdi li jekk l-għasel joriġina f'aktar minn Stat Membru jew pajjiż terz wieħed, l-indikazzjoni mandatorja tal-pajjiżi tal-oriġini tista' tiġi sostitwita b'waħda minn dawn li ġejjin, kif ikun xieraq: "taħlita ta' għasel tal-UE", "taħlita ta' għasel mhux tal-UE" jew "taħlita ta' għasel tal-UE u mhux tal-UE"; billi l-indikazzjoni "taħlita ta' għasel tal-UE u mhux tal-UE" ma tagħtix biżżejjed informazzjoni għall-konsumatur;

AM.  billi ħafna persuni li jippakkjaw l-għasel u negozjanti tal-għasel issa qed jabbużaw minn dan il-mod ta' kif jindikaw l-oriġini sabiex jaħbu l-pajjiż ta' oriġini reali, kif ukol il-proporzjon ta' għasel mill-pajjiżi differenti kkonċernati, peress li x-xerrejja qed isiru aktar konxji u mhux qed jafdaw oġġetti tal-ikel minn ċerti pajjiżi; billi ħafna pajjiżi produtturi tal-għasel kbar bħalma huma l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Arġentina jew il-Messiku għandhom rekwiżiti wisq aktar stretti dwar it-tikkettar tal-għasel mir-regoli ssimplifikati tal-UE, u għalhekk joffru garanziji ferm aħjar minn tal-UE f'dik li hi l-informazzjoni li huma meħtieġa jagħtu lill-konsumaturi;

AN.  billi r-regoli attwali ma jqisux il-prattiki qarrieqa li jaffettwaw lill-prodotti pproċessati bħalma huma l-gallettini, iċ-ċereali għall-kolazzjon, il-ħelu, eċċ; billi t-tikketta "għasel" tista' tiżgwida lill-konsumaturi fir-rigward tal-kontenut reali ta' prodott partikolari, għaliex ta' spiss tintuża meta ħafna anqas minn 50 % tal-kontenut ta' zokkor tal-prodott joriġina mill-għasel;

AO.  billi l-inizjattiva "European Honey Breakfast" ("Kolazzjon b'Għasel Ewropew") li ġiet varata fl-2014 kienet ta' suċċess kbir, u din l-inizjattiva eċċellenti hija miftuħa għall-Istati Membri kollha, fejn l-għan tagħha hu li tikkontribwixxi għall-edukazzjoni tat-tfal fir-rigward tal-konsum ta' ikel tajjeb għas-saħħa bħalma hu l-għasel u li tippromwovu s-settur tal-apikultura; billi fil-11 ta' Mejju 2015, is-Slovenja, fil-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, tat bidu għar-rikonoxximent uffiċjali tal-20 ta' Mejju bħala l-Jum Dinji tan-Naħal li għandu jiġi ddikjarat min-NU, liema idea ġiet appoġġata b'mod ġenerali mill-Istati Membri kollha u ġiet approvata mill-FAO waqt il-Konferenza tagħha li saret f'Ruma f'Lulju 2017; billi hemmhekk ġie miftiehem li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-settur tal-apikultura f'dawk li huma agrikultura, protezzjoni tal-pjanti u biedja sostenibbli, peress li n-naħal għandu impatt kbir fuq il-bilanċ ekoloġiku fid-dinja kollha;

AP.  billi l-programmi tal-UE tal-iskemi tal-frott, tal-ħaxix u tal-ħalib għall-iskejjel jirrappreżentaw għodda essenzjali biex jerġgħu jqarrbu lit-tfal lejn l-agrikoltura u l-varjetà tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk prodotti fir-reġjun tagħhom; billi flimkien mal-promozzjoni tal-konsum tal-ħaxix u l-frott frisk u tal-ħalib, dawn il-programmi jippermettu lill-Istati Membri jinkludu speċjalitajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali oħra bħalma hu l-għasel;

AQ.  billi, għalkemm il-fatt li wieħed jinvolvi lill-produtturi lokali fil-programmi taħt l-iskema tal-UE "tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib għall-iskejjel" jfisser piż amministrattiv u finanzjarju addizzjonali, il-benefiċċji potenzjali f'dawk li huma t-tisħiħ tal-għarfien dwar il-benefiċċji nutrittivi ta' għasel, l-importanza tal-apikultura, l-inkoraġġiment biex jiżdied il-konsum u l-involviment bla xkiel prinċipalment ta' dawk li jrabbu n-naħal lokalment, jistgħu jkunu pożittivi għas-settur u għall-katina tal-għasel b'mod ġenerali; billi l-produtturi lokali jesperjenzaw diffikultajiet biex jipparteċipaw fil-programmi taħt l-iskema tal-iskejjel tal-UE minħabba l-applikazzjoni ristrettiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-forniment dirett ta' kwantitajiet żgħar ta' għasel f'xi Stati Membri; billi huwa essenzjali li jiġu promossi l-produzzjoni u l-konsum lokali;

AR.  billi l-konsum annwali tal-għasel ivarja bil-kbir fost l-Istati Membri: filwaqt li l-Istati Membri fl-Ewropa tal-Punent għandhom konsum medju ta' 2.5-2.7 kg għal kull persuna, iċ-ċifra għall-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004 'l quddiem huwa biss ta' 0.7 kg f'xi każijiet; billi l-iskemi Ewropej tal-kwalità u b'mod partikolari l-iskemi ta' indikazzjoni ġeografika (IĠ) huma ta' importanza kbira għall-preservazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi; billi s'issa ġew irreġistrati aktar minn 30 IĠ għall-għasel; billi t-tikketti "Ewropew" ("European") u "Magħmul fl-Ewropa" ("Made in Europe") spiss huma assoċjati ma' prodotti ta' valur għoli;

AS.  billi l-għasel għandu impatt psikoloġiku pożittiv, b'mod partikolari f'dik li hi saħħa, minħabba l-proprjetajiet antisettiċi, antiinfjammatorja, u ta' fejqan tiegħu, li jistgħu jiġu rikonoxxuti ulterjorment fil-politika agrikola futura;

AT.  billi diversi eżempji ta' organizzazzjoni awtonoma u ta' bejgħ dirett minn dawk li jrabbu n-naħal qegħdin juru li l-bejgħ tal-għasel u b'mod partikolari l-għasel organiku, u ta' prodotti oħra tal-apikultura bi ktajjen tal-provvista qosra u fis-swieq tal-produtturi lokali huwa ta' suċċess kbir;

AU.  billi l-apikultura urbana żdiedet fil-popolarità f'dawn l-aħħar snin u għandha l-potenzjal li żżid l-għarfien fost ċirku usa' ta' ċittadini, inklużi t-tfal, tan-natura u l-benefiċċji tal-apikultura; billi t-tħawwil, mill-membri tal-pubbliku u/jew mill-awtoritajet lokali u reġjonali, ta' pjanti li jagħmlu l-fjuri, fil-ġonna u fiż-żoni urbani, wkoll jikkontribwixxi biex jiġu arrikkiti s-sorsi dijetetiċi tad-dakkara;

AV.  billi prodotti oħra tal-apikultura bħall-għabra tad-dakra, iż-żaftur (propolis), ix-xama' tan-naħal, il-velenu tan-naħal u ħalib in-naħal (royal jelly) jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-benesseri taċ-ċittadini u huma użati bħala ikel ta' kwalità għolja u mfittxija bħala parti minn stil ta' ħajja naturali; billi huma jaqdu wkoll rwol ewlieni fis-settur tal-kura tas-saħħa u f'dak tal-kosmetiċi, u għalhekk jikkostitwixxu riżors addizzjonali għat-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika ta' dawk li jrabbu n-naħal; billi, madankollu, dawn il-prodotti mhumiex iddefiniti fid-Direttiva dwar l-Għasel, u din l-ommissjoni taħdem kontra l-implimentazzjoni ta' politika settorjali effettiva u ma timpedixxi approċċi bbażati fuq il-kwalità u l-ġlieda kontra l-frodi u l-adulterazzjoni; billi kwalunkwe Stat Membru jista' jiddeċiedu li jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM fit-territorju tiegħu sabiex jipproteġi lill-konsumaturi Ewropej minn għasel ikkontaminat minn għabra tad-dakra ġenetikament modifikat;

AW.  billi fl-UE jiġu importati kwantitajiet kbar ta' għasel u dan il-fatt, f'ħafna każijiet, jikkawża disturbi serji u saħansitra kriżijiet fis-suq tal-għasel tal-UE, u b'hekk jikkontribwixxi għad-dgħajfien tas-settur Ewropew tal-apikultura; billi s-settur tal-apikultura jistħoqqlu jiġi ttratta bħala prijorità fl-UE fin-negozjati dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles, u l-prodotti tal-għasel u prodotti oħra tan-naħal jinħtieġ li jiġu kklassifikati bħala "prodotti sensittivi".

L-importanza tal-apikultura

1.  Jenfasizza li n-naħal tal-għasel, flimkien man-naħal selvaġġ u dakkara oħra, iwettqu servizzi fundamentali għall-ekosistemi u għall-agrikoltura billi jdakkru l-fjuri, inklużi l-għelejjel, li mingħajrhom l-agrikoltura Ewropea, u b'mod partikolari l-kultivazzjoni tal-pjanti entomofili (pjanti imdakkra mill-insetti), ma tkunx teżisti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' PAK orjentata lejn l-iżvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tal-bijodiversità, li hija aħjar mhux biss biex in-naħal ikompli jeżisti u jkompli jiġġedded fil-popolazzjoni tiegħu, iżda wkoll għar-rendimenti tal-uċuħ tar-raba';

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-prominenza tal-apikultura fil-proposti futuri ta' politiki agrikoli, f'dawk li huma appoġġ u simplifikazzjoni, riċerka u innovazzjoni, u programmi ta' edukazzjoni dwar l-apikultura;

3.  Jissottolinja li, filwaqt li l-UE tista' tieħu azzjoni ulterjuri għal dawk li jrabbu n-naħal u għan-naħal, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut il-kontribut tal-PAK fl-appoġġ attwali mogħti lill-apikultura u potenzjalment ukoll lit-titjib tal-ambjent u l-biodiversità permezz ta' diversi għodod, bħalma huma l-miżuri ta' diversifikazzjoni tal-għelejjel, iż-żoni ta' interess ekoloġiku (ŻIE), Natura 2000, il-biedja organika, miżuri oħra agroambjentali li jgħinu biex l-istabbiliment ta' kolonji tan-naħal, miżuri għall-protezzjoni tal-klima jew is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni;

L-appoġġ mill-UE lil dawk li jrabbu n-naħal

4.  Jissottolinja li l-finanzjament tal-apikultura għall-produzzjoni tal-ikel u għal finijiet terapewtiċi irid ikun strutturat b'mod aktar immirat u effettiv, u jrid jiżdied b'mod xieraq f'politika agrikola futura (mistennija mill-2021 'il quddiem);

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ għas-settur tal-apikultura tal-UE permezz ta' għodod ta' politika b'saħħithom u miżuri ta' finanzjament xierqa li jikkorrispondu għall-istokk attwali tan-naħal; jipproponi, għalhekk, li jkun hemm żieda ta' 50 % fil-linja tal-baġit tal-UE allokata għall-programmi nazzjonali tal-apikultura, li tkun tirrifletti l-popolazzjoni attwali tan-naħal tal-għasel fl-UE u l-importanza tas-settur b'mod ġenerali; iħeġġeġ bil-qawwa lil kull Stat Membru, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013/UE dwar l-OKS Unika, jiżviluppa programm nazzjonali għas-settur tal-apikultura tiegħu;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bir-reqqa l-inklużjoni ta' skema ġdida ta' appoġġ għal dawk li jrabbu n-naħal għall-PAK ta' wara l-2020, sabiex b'mod adegwat tirrifletti r-rwol ekoloġiku tan-naħal bħala dakkara; jissottolinja f'dan ir-rigward li għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, inklużi dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fir-reġjuni ultraperiferiċi u muntanjużi u fil-gżejjer; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tinvestiga miżuri addizzjonali, bħalma hu l-appoġġ għax-xiri tal-fondazzjonijiet tax-xehda;

7.  Jistieden lil dawk li jrabbu n-naħal jidħlu fi djalogu attiv mal-awtoritajiet kompetenti bil-ħsieb li ssir applikazzjoni aktar effettiva tal-programmi nazzjonali tal-apikultura, għall-fini li jittejbu u tiġi kkoreġuta kwalunkwe problema li tista' tinqala';

Il-ġestjoni tar-riskju

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tvara studju dwar il-fattibilità ta' skema ta' mmaniġġjar tar-riskju tal-apikultura bħala parti mill-programmi nazzjonali tal-apikultura, sabiex jiġi ttrattat it-telf fil-produzzjoni mġarrab minn dawk li jipprattikaw l-apikultura b'mod professjonali; jissuġġerixxi, għalhekk, indennizz ikkalkolat skont il-fatturat tan-negozji affettwati; jenfasizza li f'għadd ta' Stati Membri l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jirrifjutaw li jassiguraw il-kolonji tan-naħal u li dawk li jrabbu n-naħal għandhom diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-għodod tal-ġestjoni tar-riskju taħt il-Pilastru II tal-PAK; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġevolaw l-aċċess ta' dawk li jrabbu n-naħal għall-għodod tal-ġestjoni tar-riskju;

Programmi Nazzjonali tal-Apikultura kofinanzjati mill-UE

9.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' taħriġ xieraq fl-apikultura, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkludu dan bħala prerekwiżit fil-programmi nazzjonali; jemmen li n-nefqa fix-xiri tat-tagħmir għall-apikultura, fejn huwa eliġibbli u kofinanzjati skont il-programmi nazzjonali individwali tal-apikultura, jenħtieġ li tiġi rrikonoxxuta matul il-perjodu ta' programmazzjoni ta' tliet snin kollu kemm hu, u mhux biss fis-sena tal-programm li fiha tkun ġiet imġarrba n-nefqa;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' skema ta' kumpens fil-programmi nazzjonali tagħhom tal-apikultura għall-mortalitajiet tal-kolonji tan-naħal li jirriżultaw minn diżastri naturali, mard jew attakki minn predaturi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi bidla fl-iskedar tas-sena tal-programm, għall-finijiet tal-programmi nazzjonali tal-apikultura, fejn l-aħħar tas-sena jiġi estiż sat-30 ta' Ottubru, filwaqt li wieħed jiftakar li, skont ir-regolament attwalment fis-seħħ, is-sena tal-programm tintemm fil-31 ta' Lulju, data li taħbat fl-aqwa tal-istaġun tal-apikultura f'xi Stati Membri, u dan jagħmilha mument partikolari li mhuwiex adattat;

12.  Jirrimarka li t-tifrix tal-orsijiet kannella u ta' annimali predatorji oħra f'xi reġjuni fl-Ewropa qed joħloq sfidi ġodda għal dawk li jrabbu n-naħal fir-rigward tas-sikurezza personali tagħhom u l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw modi xierqa li bihom jistgħu jindirizzaw dan il-fatt, b'mod partikolari permezz ta' kumpens għall-ħsara kkawżata;

Riċerka taħriġ u edukazzjoni

13.  Jissuġġerixxi li s-suġġetti u s-sejbiet tar-riċerka dwar l-apikultura jiġu estiżi u kondiviżi wkoll fuq il-linji tal-konsorzju tal-proġett tal-apiterapija – b'mod partikolari fejn dawn huma ffinanzjati mill-UE – fost l-Istati Membri sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' bażi tad-data diġitali komuni, armonizzata fil-livell tal-UE, għall-iskambju ta' informazzjoni fost dawk li jrabbu n-naħal, ir-riċerkaturi u l-partijiet kollha involuti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippromwovi u tagħti spinta lill-proġetti ta' riċerka Ewropej dwar l-apikultura, bħalma l-programm ta' riċerka tal-EFSA taħt il-proġett "Collecting and Sharing Data on Bee Health: towards a European Bee Partnership" ("Il-Ġbir u l-Kondiviżjoni ta' Data dwar is-Saħħa tan-Naħal: lejn Sħubija Ewropea tan-Naħal"); iqis li huwa essenzjali li jsir investiment privat u pubbliku akbar fil-kompetenza teknika u xjentifika u li għandu jiġi inċentivizzat, fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE, b'mod partikolari dwar l-aspetti ġenetiċi u veterinarji u l-iżvilupp ta' mediċini innovattivi għas-saħħa tan-naħal; jappoġġa l-attività tal-istituzzjonijiet u l-laboratorji ta' referenza tal-UE, li tirriżulta f'titjib fil-koordinazzjoni tar-riċerka, inter alia għal skopijiet ta' investigazzjoni ulterjuri tal-kawżi tal-mortalità tan-naħal;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm programmi ta' taħriġ bażiku u vokazzjonali xierqa għal dawk li jrabbu n-naħal; jenfasizza li lil hinn mill-aspett agrikolu u aspetti ekonomiċi oħra tal-apikultura, il-materjal tat-tagħlim għandu jkun fih l-għarfien relatat mad-dakkir u prattiki ambjentali oħra, bħalma huma ż-żamma tal-bilanċ ekoloġiku u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, u t-titjib tal-kondizzjonijiet tas-sopravivenza għad-dakkara fil-pajsaġġi fejn isseħħ il-biedja; jemmen li, flimkien ma' dawk li jrabbu n-naħal, jenħtieġ li jiġu żviluppati moduli ta' taħriġ speċifiċi dwar dawn il-kwistjonijiet għall-produtturi agrikoli involuti fil-koltivazzjoni tal-art; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kooperazzjoni akbar u l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-informazzjoni, inklużi sistemi ta' twissija bikrija avvanzati u reċiproċi bejn il-bdiewa u dawk li jrabbu n-naħal, dawk li jieħdu ħsieb il-foresti, ix-xjenzjati u l-veterinarji dwar il-perjodi tal-bexx u applikazzjonijiet oħra ta' insettiċidi, il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lin-naħal, u metodi ta' protezzjoni tal-pjanti li jnaqqsu l-mortalità tad-dakkara;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta rakkomandazzjonijiet sabiex fl-UE tagħti appoġġ lil programmi nazzjonali differenti ta' edukazzjoni bażika u vokazzjonali ta' kwalità għolja dwar l-apikultura ; jitlob programmi li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jaqbdu l-professjoni tal-apikultura, minħabba l-ħtieġa urġenti ta' tiġdid ġenerazzjonali fis-settur; iqis li huwa neċessarju li l-potenzjal tas-settur tal-apikultura jiġi żviluppat aktar b'modi li huma mfassla għall-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jrabbu n-naħal; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri u mas-settur biex tiżviluppa kodiċi tal-aħjar prattika fl-apikultura, appoġġjat permezz ta' aċċess fil-livell ta' Stat Membru għal taħriġ ta' kwalità għolja; f'dak li għandu x'jaqsam mal-edukazzjoni professjonali, jinkoraġġixxi lill-fakultajiet tal-mediċina veterinarja fl-universitajiet isaħħu l-qasam tas-sorveljanza veterinarja u dak tal-involviment veterinarju; iqis li programmi bħalma huma Orizzont 2020 u Erasmus + għandhom jinkoraġġixxu r-riċerka u t-taħriġ fil-qasam tal-apiterapija;

Is-saħħa tan-naħal u aspetti ambjentali

16.  Itenni t-tħassib li ż-żieda fir-rata tal-mortalità, u t-tnaqqis, fost in-naħal tal-għasel u d-dakkara selvaġġi, inklużi n-naħal selvaġġ, fl-Ewropa se jkollhom impatt negattiv profond fuq l-agrikoltura, il-produzzjoni u s-sikurezza tal-ikel, il-bijodiversità, is-sostenibilità ambjentali u l-ekosistemi;

17.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu l-passi neċessarji u immedjati meħtieġa biex tiġi implimentata strateġija fuq skala kbira u fit-tul għas-saħħa u r-ripopolazzjoni tan-naħal sabiex jiġi ppreservata l-istokk tan-naħal selvaġġ li attwalment qed jonqos fl-UE, anke permezz ta' miżuri agroambjentali li jappoġġjaw l-istabbiliment ta' kolonji tan-naħal;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-bijodiversità għas-saħħa u l-benesseri tan-naħal, li tipprovdilhom artijiet fejn jistgħu jfittxu l-ikel kif ukoll ħabitati naturali u seminaturali flimkien ma' mergħat permanenti estensivi; jiġbed l-attenzjoni lejn l-għajbien gradwali tal-pjanti siewja li joffru l-ikel għan-naħal – pjanti bħalma huma wardet il-qamħ, il-ġulbiena, ix-xewk tal-Madonna jew is-silla bajda – ikkawża mill-użu ħażin ta' prodotti ta' ħarsien tal-pjanti, it-tnaqqis fl-użu tal-bwar biex l-annimali jirgħu fihom u ż-żieda fl-użu tagħhom għall-produzzjoni tal-ħuxlief; jirrimarka li dan jirriżulta f'nuqqas ta' għabra tad-dakra u dan in-nuqqas jikkawża malnutrizzjoni fin-naħal, li mbagħad tikkontribwixxi biex tonqos is-saħħa tan-naħal u tiżdied is-suxxettibilità tagħhom għall-patoġeni u għall-parassiti; jenfasizza l-ħtieġa jiġu protetti l-fjuri selvaġġi u l-ispeċijiet favorevoli għall-insetti fl-Ewropa kollha; ifakkar li "ż-żoni tal-apikultura" b'fattur ta' ponderazzjoni ta' 1.5 huma tip taż-ŻIE fl-ekoloġizzazzjoni tal-PAK; jistieden lill-Kummissjoni, lil dawk li jnisslu ż-żrieragħ u lill-bdiewa jippromwovu skemi ta' kwalità tat-tnissil tal-pjanti b'kapaċità għolja u ppruvata ta' produzzjoni tal-għasel jew tal-għabra tad-dakra fil-kriterji tal-għażla, bi preferenza diversità bijoloġika massima ta' speċijiet u varjetajiet adattati lokalment u li huma fornuti lokalment;

19.  Jindika l-ħtieġa ta' inċentivi finanzjarji xierqa għal min jipprattika l-apikultura organika, minħabba r-rekwiżiti addizzjonali li jeħtieġ li jissodisfaw u l-impatti dejjem ikbar li jirriżultaw mill-ambjent;

20.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ppreservati l-wirt ġenetiku straordinarji, id-diversità u l-kapaċità ta' adattament tal-popolazzjonijiet tan-naħal tal-għasel endemiċi lokali, kull waħda mfassla tul ġenerazzjonijiet skont il-partikularitajiet tal-ambjent lokali tagħhom, filwaqt li jfakkar li din id-diversità hija importanti fil-ġlieda kontra l-ispeċijiet invażivi, inklużi l-parassiti u l-mard;

21.  Jinnota li l-biedja bbażata fuq il-monokultura tnaqqas il-bijodiversità u tippreżenta r-riskju ta' dakkir insuffiċjenti u ta' għajbien tal-flora li tipproduċi l-għasel, u jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għaż-żrigħ, fuq art mhix użata, ta' pjanti li jipproduċu n-nektar; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-preservazzjoni tar-riżorsi abijotiċi, b'mod partikolari tal-ħamrija u tal-ilma, kif ukoll diversità sostanzjali ta' għabra tad-dakra u varjetà kbira ta' nutriment, huma essenzjali għall-protezzjoni tan-naħal;

22.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu l-inċentivi neċessarji ħalli jinkoraġixxu prattiki żviluppati lokalment, sabiex jiġu ppreservati l-ekotipi tan-naħal tal-għasel u kultivazzjoni tagħhom fl-UE kollha;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri biex jiżdiedu l-protezzjoni legali u l-appoġġ finanzjarju għall-ekotipi u l-popolazzjonijiet tan-naħal tal-għasel lokali fl-UE kollha, inkluż permezz ta' żoni ta' konservazzjoni, legalment protetti, tan-naħal tal-għasel lokali endemiċi;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal inventarju sabiex tevalwa r-riskji emerġenti tas-saħħa, kemm dawk eżistenti u kemm dawk emerġenti, fil-livell tal-UE u f'dak internazzjonali, bil-għan li tistabbilixxi pjan ta' azzjoni biex tiġġieled lill-mortalità tan-naħal;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-proġetti pilota fuq in-naħal u dakkara oħra bħala indikaturi ta' saħħa ambjentali u tal-ħabitats, peress li dawn jistgħu joħorġu utli għall-iżvilupp ta' politiki futuri;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sussidji għall-azjendi tal-biedja mid-diversi linji baġitarji tal-PAK iqisu l-prattiki li jiffavorixxu n-naħal, pereżempju l-istabbiliment ta' żoni ta' interess ekoloġiku jew it-tkabbir ta' fjuri selvaġġi li huma ppreferuti min-naħal fuq art mistrieħa;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni ħalli d-dakkara b'mod ġenerali jiġu protetti, kemm dawk domestiċi kif ukoll dawk selvaġġi;

28.  Jinnota li n-naħal b'saħħtu huwa f'pożizzjoni aħjar sabiex jirreżisti parassitiżmu, il-mard u l-attakki mill-predaturi; jifhem li xi speċijiet aljeni invażivi bħalma huma l-Varroa destructor, il-ħanfusa żgħira tal-ġabsala (Aethina tumida), iż-żunżan bagħal ażjatiku (Vespa velutina) - speċi li hija estremament aggressiva lejn insetti oħra), kif ukoll il-batterja Amerikana tal-larva tan-naħal (Paenibacillus larvae), u ċerti patoġeni bħan-nosemosis, huma l-kawżi ewlenin tal-mortalità tan-naħal u jikkawżaw dannu ekonomiku serju għal dawk li jrabbu n-naħal; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-proġett pilota varat mill-Parlament dwar il-programm ta' tnissil u selezzjoni għar-riċerka dwar ir-reżistenza għall-Varroa destructor; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka applikata madwar l-UE kollha permezz ta' programmi ta' tnissil effettivi li jipproduċu speċijiet ta' naħal li jkunu reżiljenti quddiem l-ispeċijiet invażivi u l-mard u li jkollhom il-karatteristika ta' mġiba tal-iġjene sensittiva għall-varroa (VSH); fid-dawl tar-riskju li xi speċijiet aljeni invażivi bħall-Varroa destructor huma kapaċi jiżviluppaw reżistenza għal ċerti prodotti mediċinali veterinarji (PMV), iħeġġeġ lill-Istati Membri biex kull sena jwettqu testijiet fuq il-livell ta' reżistenza tad-dud għas-sustanzi attivi differenti użati fil-PMV; jipproponi li l-ġlieda obbligatorja kontra l-Varroa tinżamm għaddejja fil-livell tal-UE;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-produtturi rilevanti kollha tal-mediċini fir-riċerka dwar mediċini tan-naħal, inter alia sabiex tiġi miġġielda l-Varroa destructor u jiġu evitati l-effetti sekondarji negattivi fuq is-sistemi immunitarji tan-naħal minn dawn il-mediċini, u tistabbilixxi pjattaforma tal-informatika komuni sabiex taqsam l-aħjar soluzzjonijiet u mediċini mal-partijiet interessati, ittejjeb id-disponibilità tal-prodotti veterinarji vitali għall-apikultura, issaħħaħ ir-rwol tal-veterinarji fil-ġestjoni tas-saħħa tan-naħal, u tagħmel lil dawk li jrabbu n-naħal konxji tas-soluzzjonijiet disponibbli kollha; jitlob li ssir riċerka pubblika u privata dwar metodi alternattivi bijoloġiċi u fiżiċi li ma jkunux ta' ħsara la għas-saħħa tal-bniedem u lanqas għal tal-annimali, kif ukoll dwar l-użu ta' sustanzi u komposti naturali għall-kontroll tal-varrożi, b'kont meħud tal-vantaġġi speċifiċi tat-trattamenti organiċi;

30.  Jirrikonoxxi l-fatt li r-riżultati tal-eżerċizzji ta' monitoraġġ sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni tas-saħħa tan-naħal li saru minn xi Stati Membri huma importanti u li jenħtieġ li jiġu kondiviżi mal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni;

31.  Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jużaw il-mezzi kollha possibbli sabiex jipproteġu l-ispeċijiet lokali u reġjonali tan-naħal tal-għasel (razez ta' naħal tal-Apis Mellifera) mit-tifrix mhux mixtieq ta' speċijiet aljeni naturalizzati jew invażivi li jkollhom impatt dirett jew indirett fuq id-dakkara; jappoġġja r-ripopolament tad-doqqajs li jkun intilef minħabba speċijiet aljeni invażivi b'naħal ta' speċijiet nattivi lokali; jirrakkomanda lill-Istati Membri joħolqu ċentri ddedikati għat-tnissil u s-salvagwardja tal-ispeċijiet nattivi tan-naħal; jissottolinja, f'dan ir-rigward, kemm hu importanti li jiġu żviluppati strateġiji ta' tnissil biex jiżdiedu l-frekwenzi ta' karatteristiċi siewja fil-popolazzjonijiet lokali tan-naħal tal-għasel; jinnota l-possibilitajiet li jiddisponi għalihom ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi, kif ukoll potenzjalment ir-regolamenti adottati dan l-aħħar dwar is-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti (ir-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 rispettivament); jesprimi t-tħassib tiegħu li x-xama' tan-naħal ikkontaminata importata miċ-Ċina spiss tista' tikkawża problemi tas-saħħa għan-naħal;

32.  Jappella għal proċedura meqjusa biex tiġi estiża l-lista ta' speċijiet ta' pjanti invażivi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fid-diversità fil-mergħat tan-naħal fl-UE;

Sustanzi kimiċi perikolużi għan-naħal

33.  Jitlob lill-Kummissjoni tissospendi l-awtorizzazzjoni ta' dawk is-sustanzi attivi tal-pestiċidi li jipperikolaw is-saħħa tan-naħal fuq il-bażi tas-sejbiet xjentifiċi tal-EFSA bbażati fuq testijiet fuq il-post, sa ma tiġi ppubblikata l-valutazzjoni tal-impatt dettaljata finali mwettqa mill-EFSA; itenni li kwalunkwe proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni u sejbiet xjentifiċi;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu fuq il-kunsens xjentifiku stabbilit u jipprojbixxu dawk is-sustanzi attivi tal-pestiċidi, inklużi dawk in-neonikotinojdi u dawk l-insettiċidi sistemiċi li huma xjentifikament ippruvati (fuq il-bażi tar-riżultati tal-analiżijiet tal-laboratorju u, speċjalment, it-testijiet fuq il-post) li huma ta' periklu għas-saħħa tan-naħal; jitlob, fl-istess ħin, li jiġu implimentati prodotti alternattivi jew metodi agronomiċi sikuri (eż. diversi forom effettivi ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara li jikkontribwixxu livell baxx ta' pestiċidi, ta' kontroll bijoloġiku u ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara) biex jieħdu post dawk is-sustanzi attivi li huma ta' riskju għan-naħal;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni jimmonitorjaw mill-qrib, flimkien mal-aġenziji rilevanti tal-UE u l-esperti tal-Istati Membri, il-Gwida tal-EFSA għall-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal, u jistieden lill-Istati Membri jimplimentawha;

36.  Jissottolinja li kwalunkwe prodott li fih sustanzi li huma kkonfermati li huma ta' ħsara għan-naħal fl-użu agrikolu għandu jiġi ttikkettat bħala ‘perikoluż għan-naħal";

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex immedjatament iżidu r-riċerka xjentifika, bi skeda ddeterminata b'mod ċar, dwar is-sustanzi kollha li x'aktarx jipperikolaw is-saħħa tan-naħal;

38.  Jenfasizza li l-effetti fit-tul ta' prodotti sistemiċi għall-protezzjoni tal-pjanti huma sottovalutati; jilqa' l-adozzjoni riċenti ta' proġett pilota dwar għall-monitoraġġ ambjentali tal-użu tal-pestiċidi permezz tan-naħal tal-għasel;

39.  Jirrikonoxxi li, skont evidenza xjentifika indipendenti vvalutati mill-pari, ir-reżistenza tan-naħal hija mdgħajfa b'mod konsiderevoli mill-esponiment kimiku kumulattiv, li jħallihom inkapaċi li jiffaċċjaw kundizzjonijiet stressanti bħas-snin umdi, in-nuqqas ta' nektar, il-mard jew il-parassiti;

40.  Ifakkar fid-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, li jagħmilha mandatarja li l-bdiewa kollha japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara fl-azjenda tal-biedja tagħhom mill-2014 'il quddiem, u l-Artikolu 9, li jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali fuq il-bexx mill-ajru;

41.  Jirrimarka li l-UE introduċiet restrizzjonijiet temporanji fuq l-użu ta' erba' insettiċidi neonikotinojdi (klotijanidin, tijametoksam, imidakloprid u fipronil) sabiex jittaffa l-impatt minn fuq in-naħal;

Il-ġlieda kontra l-adulterazzjoni tal-għasel

42.  Jistenna lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jiggarantixxu l-konformità sħiħa tal-għasel importat u tal-prodotti importati l-oħra tan-naħal mal-istandards ta' kwalità għolja tal-UE, u b'hekk jiġġieldu kemm lill-produtturi tal-għasel f'pajjiżi mhux tal-UE li jużaw metodi mhux onesti u kemm lil dawk fl-UE li jippakkjaw u lin-negozjanti tal-UE li intenzjonalment iħalltu għasel impurtat adulterat ma' għasel Ewropew;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proċeduri effettivi ta' analiżi fil-laboratorju, bħalma huma l-ittestjar bir-reżonanza manjetika nukleari, li jidentifikaw peptidi speċifiki għan-naħal u markaturi oħra speċifiċi għan-naħal, sabiex taqbad il-każijiet ta' adulterazzjoni tal-għasel, u jistieden lill-Istati Membri jimponu penali aktar ħorox fuq it-trasgressuri; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi laboratorji privati li huma internazzjonalment rikonoxxuti, bħal dak Franċiż EUROFINS jew il-Ġermaniża QSI, biex iwettqu eżamijiet l-aktar sofistikati; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa bażi tad-data uffiċjali għall-għasel, fejn tikkategorizza l-għasel ta' oriġini differenti bl-użu ta' metodu komuni ta' analiżi;

44.  Jinnota li l-impjanti tal-ippakkjar tal-għasel, li jħalltu jew jipproċessaw l-għasel minn diversi produtturi, huma soġġetti għal monitoraġġ tas-sikurezza tal-ikel tal-UE kif stabbiliti fir-Regolament Nru (KE) Nru 853/2004; jemmen li dan għandu jiġi estiż għall-impjanti kollha li jipproċessaw l-għasel importat; jispeċifika l-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta' kwalunkwe piż finanzjarju jew amministrattiv għal dawk li jrabbu n-naħal fl-UE li jippakkjaw l-għasel tagħhom stess;

45.  Jenfasizza li l-miżuri ssuġġeriti se jsaħħu l-monitoraġġ tal-UE applikat għal dawk li jippakkjaw l-għasel f'pajjiżi mhux tal-UE, u b'hekk jippermettu lill-awdituri uffiċjali jsiru jafu jekk ikunx intuża għasel adulterat u jiżguraw it-tneħħija tiegħu mill-katina tal-ikel;

46.  Jemmen li l-għasel għandu dejjem ikun identifikabbli tul il-katina tal-provvista tal-ikel u għandu jkun jista' jiġi kklassifikat skont il-pjanta li minnu joriġina, irrispettivament jekk huwiex prodott domestiku jew prodott impurtat, ħlief fil-każijiet ta' tranżazzjonijiet diretti bejn il-produttur u l-konsumatur; jitlob, f'dan ir-rigward, l-issikkar tar-rekwiżit tat-traċċabilità għall-għasel; jemmen li l-kumpaniji li jimpurtaw l-għasel barrani, kif ukoll il-bejjiegħa bl-imnut, jenħtieġ li jikkonformaw mar-regoli tal-UE jenħtieġ li jbiegħu biss prodotti tal-apikultura li jissodisfaw id-definizzjoni tal-għasel kif stabbilit fil-Codex Alimentarius;

47.  Jitlob li l-Kummissjoni temenda l-hekk imsejħa Direttiva dwar l-Għasel bil-ħsieb li tipprovdi definizzjonijiet ċari u tispjega l-karatteristiċi distintivi ewlenin tal-prodotti kollha tal-apikultura, bħalma huma l-għasel ġej minn tip wieħed ta' fjura u l-għasel ġej minn varjetà ta' tipi ta' fjuri, iż-żaftur, ħalib in-naħal, ix-xama' tan-naħal, il-gerbub tal-għabra tad-dakra, it-taħlita ta' għasel u għabra tad-dakra, u l-velenu tan-naħal, kif diġà ġie mitlub f'testi adottati mill-Parlament;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa t-tħaddim tas-suq tal-UE tal-għalf, is-supplimenti u l-mediċini tan-naħal, u tieħu l-miżuri meħtieġa biex tissemplifika s-suq u tipprevjeni l-adulterazzjoni u l-ikkummerċjar illegali ta' dawk il-prodotti;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-protokolli ta' livell ta' azzjoni żero, punti ta' referenza għall-azzjoni, jew il-limiti massimi ta' residwu għall-għasel u prodotti oħra tal-apikultura, sabiex tkopri sustanzi li ma jistgħux jiġu awtorizzati għas-settur tal-apikultura tal-UE, u tarmonizza l-ispezzjonijiet veterinarji fil-fruntieri u l-kontrolli tas-suq interni, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li sa fejn għandu x'jaqsam l-għasel, l-importazzjonijiet ta' kwalità baxxa, l-adulterazzjoni u s-sostituti jgħawġu s-suq u qed ikomplu jagħmlu pressjoni fuq il-prezzijiet u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-kwalità tal-prodotti fi ħdan is-suq intern, u li għandu jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-prodotti u għall-produtturi kemm mill-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi;

50.  Jinsab konxju li sistema ta' twissija bikrija għall-ikel u l-għalf ikollha sinifikat prattiku, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex dejjem tqiegħed il-każijiet tal-għasel li jkun ċar li hu falz fuq il-lista tal-RASFF (Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf);

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi kemm jista' jkun malajr id-distribuzzjoni ta' għasel iffiltrat mir-reżina, peress li dan l-għasel ma fih l-ebda valur bijoloġiku ta' xejn;

52.  Jitlob li jsiru kontrolli kontinwi fuq il-kwalità tal-għasel impurtat minn pajjiżi terzi li l-leġiżlazzjoni tagħhom tippermetti t-trattament tal-kolonji tan-naħal bl-antibijotiċi;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal standards tal-manifattura għall-fondazzjonijiet tax-xehdiet, li għandhom jinkludu l-proporzjonijiet rispettivi permessi ta' paraffina, ta' spori tal-batterja tal-larva, u ta' residwi tal-akariċida, bid-dispożizzjoni li l-kontenut tar-residwu tal-akariċida tax-xama' li jkun se jifforma l-fondazzjonijiet ma jridx ikun tali li r-residwi jkunu jistgħu jibdew jgħaddu għal ġol-għasel;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tittestja bir-reqqa l-importazzjoni fuq skala kbira ta' għasel miċ-Ċina f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 2016/1036, u b'mod partikolari teżamina l-operazzjoni tal-kumpaniji li jesportaw l-għasel miċ-Ċina u tevalwa l-kwalità, il-proporzjon tal-kwantità u l-livell tal-prezz tal-bejgħ tal-għasel fis-suq tal-għasel tal-UE;

55.  Iqis li, fid-dawl tal-kwantitajiet kbar ta' għasel li jiġu importati miċ-Ċina, tendenza li aċċelerat f'dawn l-aħħar 15-il sena, il-prezz tax-xiri tal-għasel skont il-kosti reali tal-produzzjoni fl-UE u l-kwalità ħażina tal-għasel importat "manifatturat" (u mhux prodott) għandhom jagħmluha ċara lill-Kummissjoni li wasal iż-żmien li tibda tinvestiga l-prattiki ta' xi esportaturi Ċiniżi, sabiex possibilment jinbdew proċeduri ta' "anti-dumping";

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikjedi li fil-fruntieri esterni tal-UE jsir l-ikkampjunar u l-ittestjar uffiċjali tal-lottijiet ta' għasel ġej minn pajjiżi mhux tal-UE, f'konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 (dak li kien ir-Regolament (KE)Nru. 882/2004);

57.  Jinnota li d-Direttiva dwar l-Għasel hekk kif emendata mid-Direttiva 2014/63/UE tistipula li l-pajjiż li fih ikun inġabar l-għasel irid jiġi indikat fuq it-tikketta meta l-għasel joriġina minn Stat Membru wieħed jew minn pajjiż terz wieħed; jirrikonoxxi, madankollu, li tinħtieġ aktar azzjoni biex tiġi indirizzata l-frodi fil-qasam tal-prodotti tan-naħal u biex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni inġusta rappreżentata mill-"għasel" adulterat;

58.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-konsumaturi għandhom id-dritt li jkunu jafu l-post tal-oriġini tal-oġġetti tal-ikel kollha; iqis, madankollu, li tikkettar bħal "taħlita ta' għasel tal-UE", "taħlita ta' għasel mhux tal-UE", u speċjalment "taħlita ta' għasel tal-UE u mhux tal-UE", kompletament jaħbi l-oriġini tal-għasel mill-konsumatur u konsegwentement jonqos milli jissodisfa l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgurata b'mod preċiż u mandatarju t-tikkettar tal-għasel u tal-prodotti tan-naħal, kif ukoll armonizzazzjoni akbar għall-produzzjoni tal-għasel, f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar skemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, ħalli l-konsumaturi ma jitħallewx jiġu mqarrqa u tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-frodi; jirrikonoxxi s-suċċess tal-bejgħ dirett tal-għasel, li jeliminaw parti mill-problema fir-rigward tat-tikkettar tal-oriġini;

59.  Jitlob li d-deskrittur tat-"taħlita ta' għasel tal-UE u mhux tal-UE" fuq it-tikketti jiġi sostitwit b'indikazzjoni ta' mil-liema pajjiż jew pajjiżi eżattament hu ġej l-għasel użat fil-prodott finali, u li dawn jiġu elenkati fl-ordni li tikkorrispondi għall-proporzjonijiet perċentwali użati fil-prodott finali (filwaqt li addizzjonalment jiġi ddikjarat il-perċentwal skont il-pajjiż fi prodott partikolari);

60.  Jitlob lill-Kummissjoni temenda d-Direttiva dwar l-Għasel fir-rigward tal-użu tal-kelma "għasel" jew it-termini "li fih/li fiha l-għasel" jew "magħmul/magħmula mill-għasel" fid-denominazzjoni tal-prodotti pproċessati, jew fi kwalunkwe element grafiku jew mhux grafiku li jindika li l-prodott fih l-għasel, b'tali mod li dawk it-termini jkunu jistgħu jintużaw biss jekk mill-inqas 50 % tal-kontenut ta' zokkor tal-prodott jkun joriġina mill-għasel;

61.  Jappoġġja l-idea li l-Istati Membri jagħmluha obbligatorja li fuq il-prodotti tal-għasel u prodotti oħra tan-naħal jiġi indikat il-post ta' oriġini tal-għasel, bħalma huwa l-każ b'ċerti prodotti tal-laħam u tal-ħalib;

Il-promozzjoni tal-prodotti tan-naħal u l-użu terapewtiku tal-għasel

62.  Jilqa' l-inizjattiva Kolazzjon b'Għasel Ewropew, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinfurmaw lit-tfal dwar il-prodotti magħmula lokalment u l-iskoperta mill-ġdid tat-tradizzjonijiet ta' produzzjoni li ilhom stabbiliti żmien twil; jinnota li l-għasel fih ammont kbir ta' kaloriji u jista' jintuża b'moderazzjoni biex jieħu post iz-zokkor raffinat u dolċifikanti oħra, u b'hekk jikkontribwixxi għas-saħħa pubblika;

63.  jenfasizza li l-għasel huwa wieħed mill-prodotti agrikoli li jistgħu jiġu inklużi fl-iskema tal-"frott, ħaxix u ħalib għall-iskejjel"; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tal-produtturi lokali tal-għasel fil-programmi skolastiċi rilevanti, u jenfasizza l-importanza ta' miżuri edukattivi li għandhom l-għan li jqajmu kuxjenza fost iż-żgħażagħ tal-prodotti lokali, filwaqt li jiftħu d-dinja tal-biedja għat-tfal;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta sabiex l-appoġġ annwali tal-UE għal dawn il-progammi jiżdied b'50 %, ħalli jkunu jistgħu jiġu operati b'mod effettiv, fejn l-organizzazzjoni ta' kompetizzjonijiet għat-tfal fit-tagħlim preprimarju u prodotti lokali bħalma huma l-għasel, iż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa jiġu inklużi kif xieraq;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-ammont ta' għasel ikkunsmat u x-xejriet tal-konsum fl-Istati Membri kollha, kif ukoll rapport ieħor dwar id-diversi prattiki terapewtiċi li jużaw l-għasel, l-għabra tad-dakra, ħalib in-naħal u l-velenu tan-naħal fl-UE; jenfasizza l-importanza li kulma jmur qed tikber tal-apiterapija bħala alternattiva naturali għat-trattament li juża mediċini konvenzjonali, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jippromwovu dawk il-prodotti fost il-professjonisti mediċi u paramediċi u fost il-pubbliku fl-UE;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni volontarja tal-marka "Għasel mill-UE", li tidenomina l-għasel li joriġina 100 % u esklussivament fl-Istati Membri tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha kollu biex tiżgura li n-NU tiddikjara l-20 ta' Mejju bħala l-Jum Dinji tan-Naħal;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka somma speċifika mill-baġit promozzjonali tal-UE għar-reklamar tal-prodotti tal-għasel tal-UE għall-konsum u għal skopijiet mediċi, inklużi miżuri bħalma huma l-promozzjoni tal-bejgħ dirett tal-għasel fis-swieq lokali, avvenimenti pubbliċi ta' tidwiq tal-għasel, workshops u avvenimenti oħra; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-bejgħ lokali u reġjonali tal-għasel, b'mod partikolari lill-għasel organiku, bil-mezzi kollha li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari billi jipprovdu appoġġ intensiv għall-ktajjen tal-provvista qosra permezz tal-programmi tagħhom ta' żvilupp rurali, u billi jippromwovu prodotti ta' kwalità għolja abbażi ta' skemi ta' indikazzjoni ġeografika; jirrikonoxxi r-rwol li għandu l-konsum tal-għasel prodott lokalment bħala mezz biex tinbena r-reżistenza għall-allerġeni lokali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi x-xama' tal-għasel bħala prodott kopert mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, minħabba l-interess li kulma jmur qed jikber min-naħa tal-konsumaturi u tal-produtturi kif ukoll il-produzzjoni tradizzjonali tagħha li ilha teżisti f'ċerti Stati Membri;

68.  Jipproponi li l-Istati Membri jinkoraġġixxu, b'kull mezz li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, l-użu tal-prodotti tal-apikultura, bħalma huma l-għabra tad-dakra, iż-żaftur (propolis) jew ħalib in-naħal (royal jelly), fl-industrija farmaċewtika;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-produzzjoni tal-għasel organiku, sabiex tingħeleb kwalunkwe diskrepanza li tista' tipprevjeni lil dawk li jipprattikaw l-apikultura organika fl-Ewropa milli jkollhom aċċess għas-suq taħt l-istess regoli;

70.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-għasel u prodotti oħra tan-naħal jitqiesu bħala "prodotti sensittivi" kemm fin-negozjati li għaddejjin attwalment u kemm f'dawk futuri għal ftehimiet ta' kummerċ ħieles, peress li kompetizzjoni diretta tista' tesponi lis-settur tal-apikultura tal-UE għal pressjoni eċċessiva jew mhux sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex potenzjalment teskludihom mill-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati għal ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, flimkien mas-settur tal-biedja u dak tal-apikultura, sistema ta' tikkettar li tippromwovi l-istabbiliment ta' sistema ta' produzzjoni responsabbli għan-naħal;

72.  Jilqa' x-xejra attwali li hemm lejn l-apikultura urbana u, fl-istess ħin, jappella għall-integrazzjoni mandatarja u mill-qrib bejn l-assoċjazzjonijiet reġjonali ta' dawk li jrabbu n-naħal u l-awtoritajiet, u għall-introduzzjoni ta' standards minimi biex jitwaqqfu l-prattiki ta' trobbija abbużivi u jiġi pprevenut it-tixrid intenzjonat tal-mard fost il-popolazzjonijiet tan-naħal;

o
o   o

73.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 43.
(2) https://ec.europa.eu/agriculture/honey_en
(3) dan iwassal għal telf fil-produttività għax dawk li jrabbu n-naħal ikollhom iżidu l-istokkijiet tan-naħal tagħhom biex jipproduċu ammonti ekwivalenti ta' għasel;
(4) ‘Honey bee genotypes and the environment' ("Il-ġenotipi tan-naħal tal-għasel u l-ambjent"), fil-Journal of Agricultural Research 53(2), pp. 183-187 (2014)

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Ottubru 2018Avviż legali