Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2194(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0022/2018

Testi mressqa :

A8-0022/2018

Dibattiti :

PV 01/03/2018 - 5
CRE 01/03/2018 - 5

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.18
CRE 01/03/2018 - 8.18

Testi adottati :

P8_TA(2018)0060

Testi adottati
PDF 376kWORD 58k
Il-Ħamis, 1 ta' Marzu 2018 - Brussell Verżjoni finali
Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-62 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa
P8_TA(2018)0060A8-0022/2018

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 lill-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-62 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (2017/2194(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-62 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet dwar l-Istatus tan-Nisa, bit-tema prijoritarja ta' "Challenges and opportunities in achieving gender equality and the empowerment of rural women and girls" ("Sfidi u opportunitajiet biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet rurali") u t-tema ta' reviżjoni tagħha "Participation in and access of women to the media, and information and communications technologies and their impact on and use as an instrument for the advancement and empowerment of women" ("Il-parteċipazzjoni u l-aċċess tan-nisa għall-mezzi ta' komunikazzjoni u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet, u l-impatt u l-użu tagħhom bħala għodda għall-avvanz u l-emanċipazzjoni tan-nisa"),

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni għall-emanċipazzjoni tan-nisa approvati f'Beijing u d-dokumenti finali sussegwenti tas-Sessjonijiet Speċjali tan-NU f'Beijing +5, +10, +15 u +20 dwar azzjonijiet u inizjattivi ġodda għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005, fit-2 ta' Marzu 2010 u fid-9 ta' Marzu 2015, rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-emanċipazzjoni tal-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-saħħa mentali u r-riċerka klinika(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"), adottata waqt is-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015 fi New York,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 34 (2016) tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa dwar id-drittijiet tan-nisa rurali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017(6) dwar l-adeżjoni tal-UE għall-imsemmija Konvenzjoni,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' Pariġi tat-12 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0022/2018),

A.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni, kif rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

B.  billi l-ħames għan ta' żvilupp sostenibbli (SDG5) huwa li tinkiseb ugwaljanza bejn is-sessi u li jiġu emanċipati n-nisa u l-bniet kollha madwar id-dinja, u billi l-SDG5 għandu jiġi integrat għalkollox fi ħdan l-Aġenda 2030 sabiex isir progress fl-Għanijiet u l-Miri kollha ta' Żvilupp Sostenibbli; billi l-SDG jinkludu l-għan li "jiġu rduppjati l-produttività agrikola u d-dħul tal-produtturi ż-żgħar tal-ikel, b'mod partikolari n-nisa";

C.  billi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu minn ta' quddiem nett fl-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet, u għandhom id-dmir li jaħdmu biex tintlaħaq l-ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll li jippromwovu dan il-għan fir-relazzjonijiet esterni kollha;

D.  billi ċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien inbidlu b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar deċennji u hemm differenzi kbar mhux ħażin fihom bejn id-diversi pajjiżi;

E.  billi n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-gvernijiet kontra l-inugwaljanza bejn is-sessi jqiegħed f'riskju l-kisbiet kemm attwali u kemm futuri li jsiru f'dan il-qasam; billi l-indirizzar tar-relazzjonijiet tal-poter bejn l-irġiel u n-nisa, l-isterjotipi u t-twemmin tradizzjonali huwa ta' importanza ewlenija biex jiġu żgurati l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-qerda tal-faqar;

F.  billi d-diskriminazzjoni li jġarrbu n-nisa taffettwa wkoll lin-nisa rurali; billi l-maġġoranza tan-nisa fid-dinja jgħixu f’żoni rurali u għalhekk huma aktar esposti għal diversi forom ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, il-klassi, l-etniċità, ir-razza, id-diżabilità u l-identità tal-ġeneru;

G.  billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol fiż-żoni rurali tinkludi firxa wiesgħa ta’ impjiegi li jmorru lil hinn mill-agrikoltura konvenzjonali;

H.  billi x-xogħol tan-nisa rurali spiss jitħallas inqas mix-xogħol tal-irġiel għall-istess ammont ta’ produzzjoni, spiss huwa formalment mhux rikonoxxut, l-istess bħax-xogħol tal-indokrar ta' familjari dipendenti li mhux imħallas, pereżempju, u mhuwiex rifless fl-għadd ta’ nisa li huma l-proprjetarji ta' azjenda agrikola; billi, madankollu, in-nisa huma atturi ewlenin biex jinkisbu l-bidliet ta’ trasformazzjoni ekonomika, ambjentali u soċjali li huma meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli;

I.  billi n-nisa rurali, li spiss huma l-provvedituri primarji tal-indukrar fil-familji u l-komunitajiet tagħhom, jiltaqgħu ma’ għadd kbir ta' diffikultajiet fl-aċċess għall-kura tat-tfal u għall-kura tal-anzjani għall-familji tagħhom, sitwazzjoni li twassal biex in-nisa jerfgħu piż sproporzjonat u tixxekkel l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi l-provvediment ta’ servizzi tal-kura ta’ kwalità huwa essenzjali għan-nisa u jippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

J.  billi n-nisa rurali jiltaqgħu ma' għadd kbir ta' limitazzjonijiet biex ikollhom aċċess għal servizzi tas-saħħa pubbliċi adegwati minħabba mobilità limitata u nuqqas ta' aċċess għat-trasport jew nuqqas ta' mezzi ta' kuntatt mat-trasport (pereżempju, telefown ċellulari); billi hemm il-ħtieġa ta' servizzi tas-saħħa komprensivi li jindirizzaw il-benesseri fiżiku, mentali u emozzjonali tan-nisa rurali (pereżempju, biex jingħata rispons għall-vjolenza sessista); billi l-aċċess għad-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-edukazzjoni dwarhom huwa aktar limitat fiż-żoni rurali;

K.  billi l-permanenza tal-popolazzjonijiet fiż-żoni rurali, b'attenzjoni partikolari għaż-żoni li għandhom limitazzjonijiet naturali, hija essenzjali għas-soċjetà fil-kumplessità tagħha, peress li l-konservazzjoni tal-ambjent u tal-pajsaġġ jiddependu minn din il-permanenza;

L.  billi hemm rabta diretta bejn l-inugwaljanza bejn is-sessi u d-degradazzjoni ambjentali;

M.  billi t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu impatt negattiv partikolari u sproporzjonat fuq in-nisa u l-bniet rurali; billi n-nisa rurali huma wkoll atturi b’saħħithom ta’ bidla lejn agrikoltura aktar sostenibbli u ekoloġikament soda u jistgħu jaqdu rwol importanti fil-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi; billi li jingħata aċċess ugwali lill-bdiewa nisa għall-art u riżorsi produttivi oħra huwa kruċjali biex jinkisbu l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sigurtà alimentari u politiki tal-klima effettivi;

N.  billi n-nisa żgħażagħ fiż-żoni rurali għadhom qed ibatu l-inugwaljanza u forom multipli ta’ diskriminazzjoni; billi hemm bżonn ta’ miżuri biex tiġi promossa l-ugwaljanza effettiva bejn l-irġiel u n-nisa sabiex ikun hemm aktar opportunitajiet tax-xogħol, inkluż l-impjieg għal rashom u fis-settur tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), li jippermettulhom jibqgħu f’ambjenti rurali, biex b’hekk jiġu żgurati t-tiġdid ġenerazzjonali u s-sopravivenza tas-settur agrikolu u ż-żoni rurali;

O.  billi s-settur agrikolu, li fih in-nisa jaqdu rwol importanti, huwa kruċjali għall-vitalità taż-żoni rurali, u għat-tisħiħ tat-tiġdid ġenerazzjonali, il-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku; billi jenħtieġ li l-agrikoltura tipprovdi ikel sikur, sustanzjuż u tajjeb għas-saħħa; billi jenħtieġ ukoll li s-settur agrikolu jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-pajsaġġ, għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-wirt kulturali;

P.  billi n-nutrizzjoni taqdi rwol sinifikanti fl-iżvilupp u l-benesseri tal-bniet; billi nutrizzjoni fqira twassal għal problemi fiżiċi u mentali bħalma huma t-tnaqqis fit-tikbir, l-infertilità, l-għeja u konċentrazzjoni batuta, u b’hekk tnaqqas il-potenzjal ekonomiku tan-nisa u tħalli impatt fuq il-benesseri tal-familja u tal-komunità b'mod aktar wiesa’;

Q.  billi n-nisa rurali għandhom bżonn li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-isfera pubblika; billi rappreżentanza bbilanċjata hija essenzjali biex tinkiseb l-ugwaljanza;

R.  billi, f'dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, l-irġiel u n-nisa huma esposti għal fatturi differenti; billi, pereżempju, l-kalkoli li jsiru sabiex jiġu evalwati l-effetti ta' ħsara tal-prodotti kimiċi spiss huma bbażati fuq il-fiżiku tal-irġiel – li ġeneralment għandhom massa muskolari akbar – u saħansitra jinjoraw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għan-nisa tqal jew li jkunu qegħdin ireddgħu; billi, għaldaqstant, jeħtieġ li jitqiesu fatturi differenti biex jiġu adottati l-miżuri li jiggarantixxu s-saħħa tan-nisa fil-qasam agrikolu;

S.  billi d-diskriminazzjoni taffettwa wkoll lin-nisa fis-settur tal-midja; billi l-midja taqdi rwol kruċjali għas-soċjetà kollha u huwa mixtieq, għalhekk, li n-nisa – li jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tas-soċjetà – jkunu involuti b'mod ġust fil-ħolqien tal-kontenut tal-midja u fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-organizzazzjonijiet tal-midja;

T.  billi r-rwol tas-settur tal-midja huwa kruċjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, peress li l-midja mhux biss tirrifletti iżda wkoll toħloq mudelli ta' rwol u standards ta’ mġiba, u b’hekk issawwar l-opinjoni pubblika u l-kultura b’mod sinifikanti;

U.  billi l-kopertura tal-midja tikkontribwixxi għal fehim wiesa’ fost is-saffi kollha tas-soċjetà tal-kumplessità tas-sitwazzjonijiet tan-nisa u tal-irġiel;

V.  billi n-nisa u t-tfal huma sproporzjonalment milquta mill-kunflitti, u jiffurmaw l-ogħla proporzjon ta’ refuġjati kemm fil-kampijiet u kemm li jiċċaqilqu minn post għall-ieħor biex ifittxu s-sikurezza;

W.  billi f’bosta soċjetajiet in-nisa m’għandhomx l-istess dritt għal art u proprjetà permezz ta’ mezzi legali, sitwazzjoni li taggrava l-faqar u tillimita l-iżvilupp ekonomiku tagħhom;

X.  billi n-nisa trans qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni sproporzjonata abbażi tal-identità sesswali tagħhom;

Y.  billi appoġġ aktar robust għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huwa prekundizzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-emanċipazzjoni tan-nisa;

Z.  billi n-normi soċjali fir-rigward tar-rwoli tan-nisa u tal-irġiel ipoġġu lin-nisa f'sitwazzjoni ta' vulnerabilità akbar, partikolarment fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom, u fid-dawl ta' prattiki dannużi bħalma huma l-MĠF, jew iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill:

Il-kundizzjonijiet ġenerali għall-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet

L-emanċipazzjoni tan-nisa rurali

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-midja, u fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u l-aċċess tagħhom għalihom, u l-impatt tagħhom fuq l-avvanz u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-użu ta' dawn it-teknoloġiji għal dan il-għan

   (a) li jikkonferma mill-ġdid l-impenn sod tiegħu lejn il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing;
   (b) li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-ommijiet li huma intraprendituri fiż-żoni rurali peress li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi speċifiċi; jenfasizza li t-trawwim tal-intraprenditorija fost dawn in-nisa mhux biss jista' jwassal għal suċċess fir-rikonċiljazzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, iżda jista' jservi wkoll biex jistimula opportunitajiet ġodda ta' xogħol u kwalità tal-ħajja aħjar fiż-żoni rurali, kif ukoll biex iħeġġeġ lil nisa oħra jqegħdu fil-prattika l-proġetti tagħhom ukoll;
   (c) li jtemm kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet kollha f'kull parti tad-dinja li jiġġieled lill-forom kollha ta' vjolenza, li jirrappreżentaw ksur serju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, ksur li min-naħa tiegħu huwa konsegwenza diretta ta' dik id-diskriminazzjoni;
   (d) li jinvolvi lill-gvernijiet kollha u jeżiġi mingħandhom li jfasslu programmi mmirati lejn l-eradikazzjoni tal-vjolenza sesswali u sessista u tal-prattiki ta' ħsara, bħalma huma ż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u furzat kif ukoll il-mutilazzjoni ġenitali femminili t-traffikar tal-bnedmin;
   (e) li jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu lill-isterjotipi tas-sessi u jinvestu fl-aċċess tan-nisa u l-bniet għal edukazzjoni, għal tagħlim tul il-ħajja u għal taħriġ vokazzjonali li jiġu mfassla apposta, speċjalment fiż-żoni rurali, b’mod partikolari fl-oqsma tal-iSTEM, kif ukoll fl-intraprenditorija u l-innovazzjoni, peress li dawn l-oqsma huma għodod importanti biex jintlaħqu l-SDGs, kif ukoll li jippromwovi l-ugwaljanza fis-setturi tal-agrikolutra u tal-ikel, kif ukoll fit-turiżmu u industriji oħra fiż-żoni rurali;
   (f) li jfassal politiki mmirati biex jeqirdu l-faqar u jiggarantixxu standard tal-għajxien adegwat għall-gruppi partikolarment vulnerabbli, inklużi n-nisa u l-bniet, b'mod speċjali permezz tas-sistemi ta' ħarsien soċjali;
   (g) li jippromwovi informazzjoni, miżuri ta' assistenza teknika u l-iskambju ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta' status professjonali għall-konjuġi li jassistu fil-biedja, biex b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet individwali, inkluż, b'mod partikolari, il-liv tal-maternità, l-assigurazzjoni soċjali kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, l-aċċess għat-taħriġ u d-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar;
   (h) li jelimina d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, id-differenza fir-remunerazzjoni (dħul) ta' tul il-ħajja kollha u d-differenza fil-pensjonijiet;
   (i) li jistieden lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jiggarantixxu l-aċċess universali għall-kura adegwata tat-tfal u tal-anzjani fiż-żoni rurali;
   (j) li jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jipprovdu faċilitajiet u servizzi pubbliċi u privati ta’ kwalità għolja bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd għall-ħajja ta’ kuljum, speċjalment fiż-żoni rurali u b’attenzjoni partikolari fir-rigward tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-kura; jinnota li dan ikun jeħtieġ l-inklużjoni ta’ infrastruttura rurali għall-kura tat-tfal, servizzi tal-kura tas-saħħa, faċilitajiet edukattivi, djar ta’ kura għall-anzjani u għall-persuni dipendenti, servizzi ta’ sostituzzjoni f’każ ta’ mard u ta’ maternità u servizzi kulturali;
   (k) li jiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, bħala għodda tal-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni, fil-politiki u l-programmi kollha permezz ta’ riżorsi finanzjarji u umani adegwati;
   (l) li jimmobilizza r-riżorsi meħtieġa biex tinkiseb l-ugwaljanza permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki u l-azzjonijiet kollha, inkluż permezz ta' bbaġitjar li jqis l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala għodda tal-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;
   (m) li jiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kumitat tiegħu għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-pożizzjoni tal-UE fit-62 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa;
   (n) li jfakkar li l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tintroduċi l-obbligu li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra n-nisa permezz ta' miżuri legali, politiċi u programmatiċi f'kull sfera tal-ħajja u li l-Artikolu 14 tagħha huwa l-uniku obbligu internazzjonali li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa fiż-żoni rurali;
   (o) li jiżguraw li n-nisa u l-bniet rurali jkollhom edukazzjoni formali u informali, inkluż taħriġ, aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għolja li għandhom jippermettulhom jiksbu ħiliet ġodda, jew jiżviluppaw dawk li diġa' għandhom, f'dawk li huma ġestjoni, litteriżmu finanzjarju, ekonomija, kummerċjalizzazzjoni, u ħiliet tan-negozju, kif ukoll edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, edukazzjoni ċivika u politika, kif ukoll taħriġ teknoloġiku u fl-agrikoltura sostenibbli; li jiżgura li n-nisa jkollhom l-istess opportunitajiet u libertà tal-għażla fir-rigward tal-karriera li jkunu jixtiequ jilħqu;
   (p) li jiżgura li n-nisa u l-bniet rurali jkollhom aċċess faċli għall-kreditu u għal riżorsi produttivi, u li huma jirċievu l-appoġġ fuq l-inizjattivi intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni tagħhom;
   (q) li jħares id-dritt għal kura tas-saħħa universali ta' kwalità għolja li tqis id-differenzi fiżjoloġiċi ta' bejn in-nisa u l-irġiel, u li tkun imfassla apposta għall-ħtiġijiet tan-nisa u l-bniet rurali, b'mod partikolari fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u li jħares ukoll l-aċċess għal tali kura tas-saħħa;
   (r) li jikkundanna l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u li jiżgura li l-vittmi li jgħixu f’żoni rurali u remoti ma jiġux imċaħħda minn aċċess indaqs għall-assistenza;
   (s) li jtejjeb l-effettività, it-trasparenza u n-natura demokratika tal-istituzzjonijiet internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali li jappoġġjaw u jsaħħu r-rwoli tan-nisa rurali, sabiex tiġi żgurata l-preżenza tagħhom permezz ta' parteċipazzjoni ugwali;
   (t) li jiffaċilita t-tranżizzjoni tan-nisa rurali mill-ekonomija informali għal dik formali, u li jirrikonoxxi li n-nisa fiż-żoni rurali jaħdmu f'varjetà ta' oqsma u spiss huma aġenti tal-bidla lejn agrikultura sostenibbli u ekoloġikament soda, is-sigurtà alimentari u l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;
   (u) li jippjana u jimplimenta politiki agrikoli reżiljenti għat-tibdil fil-klima li jqisu kif jixraq it-theddidiet speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa rurali bħala konsegwenza ta' diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem;
   (v) li jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet rurali fit-teħid tad-deċiżjonijiet rigward l-ippjanar ta' kull stadju f'każ tad-diżastri u ta' kriżijiet oħra, u tar-rispons għalihom, mit-twissija bikrija sas-sokkors ta' emerġenza, l-irkupru, ir-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni, u li jiggarantixxi l-protezzjoni u s-sikurezza tagħhom f’każ ta’ diżastri u kriżijiet oħra;
   (w) li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura li n-nisa rurali jgawdu ambjent sikur, nadif u tajjeb għas-saħħa;
   (x) li jipprovdi infrastruttura u servizzi pubbliċi aċċessibbli u ta' kwalità għolja għan-nisa u l-komunitajiet rurali u li jinvesti fl-iżvilupp u l-manutenzjoni tagħhom;
   (y) li jiffaċilita l-iżvilupp diġitali, peress li dan jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, billi jissimplifika d-dħul fl-impjieg għal min jixtieq jaħdem għal rasu, jagħti spinta lill-kompetittività u lill-iżvilupp tat-turiżmu u joħloq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;
   (z) li jappoġġja l-istabbiliment u l-attivitajiet li għaddejjin tal-gruppi komunitarji lokali, li jenħtieġ li jiltaqgħu perjodikament biex jiddiskutu l-kwistjonijiet u l-isfidi marbuta mal-iżvilupp u biex jieħdu azzjoni kostruttiva;
   (aa) li jistieden lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili jappoġġjaw u jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-korpi ta' tmexxija ta' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet professjonali, imprenditorjali, u tat-trade union fl-oqsma tal-politiki rurali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-agrikoltura, kif ukoll fil-korpi ta' ġestjoni u ta' rappreżentanza permezz ta' preżenza indaqs;
   (ab) li jirrikonoxxi u jappoġġja r-rwol attiv li għandhom in-nisa fiż-żoni rurali u l-kontribut tagħhom lill-ekonomija bħala intraprendituri, kapijiet tan-negozju tal-familja u promoturi tal-iżvilupp sostenibbli;
   (ac) li jiżgura d-drittijiet tan-nisa rurali għall-proprjetà, b’mod partikolari ta’ azjendi tal-biedja tal-familja u wirt ta’ art, li hija għodda importanti għall-emanċipazzjoni ekonomika tagħhom u biex ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fl-iżvilupp rurali u jibbenefikaw minnu;
   (ad) li jiżgura l-aċċess tan-nisa rurali għar-riżorsi produttivi, għall-pjattaformi elettroniċi, għas-swieq, għall-istallazzjonijiet kummerċjali u għas-servizzi finanzjarji; li jippromwovi s-swieq lokali, reġjonali u tradizzjonalili, inklużi s-swieq tal-ikel, li huma l-postijiet fejn in-nisa ġeneralment għandhom aktar opportunitajiet li jbiegħu il-prodotti tagħhom direttament, ħaġa li tirriżulta f'emanċipazzjoni ekonomika akbar;
   (ae) li jippromwovi l-impjieg tan-nisa fis-settur tal-iSTEM, partikolarment f’pożizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
   (af) li jiżviluppa politiki, servizzi u programmi tax-xogħol biex jindirizza s-sitwazzjoni prekarja tan-nisa rurali, li spiss jaħdmu fis-settur informali u li jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ bosta forom ta’ diskriminazzjoni intersezzjonali abbażi tas-sess, l-età, il-klassi, ir-reliġjon, l-etniċità, id-diżabilità, jew l-identità tal-ġeneru; li jipprovdi assistenza u appoġġ imfasslin apposta għall-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom;
   (ag) li jistabbilixxi programmi biex jiżgura li n-nisa u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għal sistemi ta' protezzjoni soċjali universali li jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni futura tagħhom bħala pensjonanti sabiex b'hekk titnaqqas id-differenza fil-pensjonijiet, li hija ta' natura multidimensjonali;
   (ah) li jiġbor data data disaggregata skond is-sess u jiżviluppa statistika dwar il-valuri, is-sitwazzjonijiet, il-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet tan-nisa rurali bl-għan li jkunu jistgħu jiġu fformulati politiki adegwati; li jissorvelja s-sitwazzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali fuq bażi regolari;
   (ai) li jħeġġeġ ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, inkluż l-Artikolu 6 tagħha bit-titolu "In-nisa b'diżabilità"; li jiggarantixxi l-aċċessibilità tal-prodotti, l-infrastrutturi u s-servizzi;
   (aj) li jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali jipprovdu faċilitajiet u servizzi pubbliċi u privati ta’ kwalità għolja u bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd orjentati lejn il-ħajja ta’ kuljum fiż-żoni rurali, u li joħloq l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għan-nisa fiż-żoni rurali, b’mod partikolari billi jiggarantixxi faċilitajiet xierqa ta' kura għall-persuni dipendenti, kura tas-saħħa aċċessibbli u trasport pubbliku;
   (ak) li jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi salvagwardji fil-politiki tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tan-nisa impjegati bħala ħaddiema agrikoli staġjonali, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa li jingħataw protezzjoni soċjali, assigurazzjoni tas-saħħa u kura tas-saħħa; li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet reġjonali, lokali u nazzjonali u istituzzjonijiet oħra jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-ħaddiema migranti u staġjonali u tal-familji tagħhom, speċjalment tan-nisa u tal-persuni vulnerabbli, u jinkoraġġixxu l-integrazzjoni tagħhom fil-komunità lokali;
   (al) li jiżgura l-aċċess għal infrastruttura u servizzi affidabbli tal-internet bil-broadband b’veloċità għolja; li jinvesti fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda fiż-żoni rurali u fl-agrikoltura u jippromwovi dan l-użu; li jirrikonoxxi l-benefiċċji soċjali, psikoloġiċi u ekonomiċi tagħhom; li jinsisti fuq l-iżvilupp ta’ approċċ olistiku (ir-“raħal diġitali”); li jippromwovi opportunitajiet indaqs fl-aċċess għall-użu ta’ dawn it-teknoloġiji fit-taħriġ fl-użu tagħhom;
   (am) li jiddedika attenzjoni lill-preżenza tan-nisa u l-avvanz tagħhom fis-settur tal-midja u lill-kontenut tal-midja li mhux sterjotipiku;
   (an) li jinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet tal-midja pubblika jistabbilixxu l-politiki tal-ugwaljanza tagħhom stess għal rappreżentanza bbilanċjata ta’ rġiel u nisa fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
   (ao) li jiżgura li s-sesswalizzazzjoni tal-immaġni tan-nisa u l-bniet li kulma jmur qed tiżdied fil-midja tiġi miġġielda b’mod effettiv, bir-rispett dovut għal-libertà tal-espressjoni;
   (ap) li jħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-midja jipprevjenu l-proċeduri ta’ kultura organizzattiva li spiss hija ostili għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;
   (aq) li jindirizza b'determinazzjoni d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fis-settur tal-midja permezz ta’ miżuri antidiskriminatorji, li jiżguraw paga ugwali għal xogħol ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;
   (ar) li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa kontra l-atti ta’ vjolenza kontra l-ġurnalisti investigattivi, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lill-ġurnalisti nisa, li spiss huma aktar vulnerabbli;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-president tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 182.
(2) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 25.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0028.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0099.
(5) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0329.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Ottubru 2018Avviż legali