Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2067(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0036/2018

Testi mressqa :

A8-0036/2018

Dibattiti :

PV 12/03/2018 - 19
CRE 12/03/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2018 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0063

Testi adottati
PDF 377kWORD 60k
It-Tlieta, 13 ta' Marzu 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Strateġija Ewropea dwar Sistemi Kooperattivi ta' Trasport Intelliġenti
P8_TA(2018)0063A8-0036/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2018 dwar Strateġija Ewropea dwar Sistemi Kooperattivi ta' Trasport Intelliġenti (2017/2067(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata" (COM(2016)0766),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-Varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport(1), u l-estensjoni tal-perjodu tal-mandat għall-adozzjoni ta' atti delegati,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar Sistemi Kooperattivi ta' Trasport Intelliġenti (CDR 2552/2017),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 dwar il-"Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata"(2),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Pjattaforma għall-varar tas-Sistemi Kooperattivi ta' Trasport Intelliġenti (C-ITS), b'mod partikolari dwar il-politika ta' sigurtà u ċ-ċertifikat fil-qasam tas-C-ITS,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Insalvaw il-ħajjiet: insaħħu s-sikurezza tal-karozzi fl-UE"(3),

–  wara li kkunsidra id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam tal-14 ta' April 2016 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G"(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0036/2018),

A.  billi l-Istrateġija Ewropea dwar Sistemi Kooperattivi ta' Trasport Intelliġenti (l-Istrateġija) hija marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Aġenda għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment tagħha, il-ħolqien ta' spazju uniku Ewropew tat-trasport, is-suq uniku diġitali, il-protezzjoni tal-klima u l-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija;

B.  billi l-awtoritajiet tal-Istati Membri u s-settur industrijali jeħtiġilhom jindirizzaw l-ħtieġa urġenti għal trasport aktar sikur, nadif, effiċjenti, sostenibbli, multimodali, u aċċessibbli għal kull min juża t-triq, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli u dawk b'mobbiltà mnaqqsa;

C.  billi t-tendenza pożittiva fl-ambitu tas-sikurezza tat-toroq osservata fl-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin naqset, billi 92 % tal-inċidenti fit-toroq huma dovuti għal żbalji umani u billi l-użu ta' teknoloġiji C-ITS huwa importanti għall-funzjonament effiċjenti ta' ċerti sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa; billi t-trasport bit-triq għadu responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-użu tal-ispazju fil-bliet, l-inċidenti u l-emissjonijiet tat-trasport għal dak li jikkonċerna l-ħoss, il-gassijiet serra u s-sustanzi li jniġġsu fl-arja;

D.  billi s-sistema tas-C-ITS se tippermetti lill-utenti tat-triq u lil dawk responsabbli mit-traffiku jikkondividu u jużaw l-informazzjoni u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom b'mod aktar effikaċi;

E.  billi ċ-ċibersigurtà tas-C-ITS tikkostitwixxi element ewlieni tal-implimentazzjoni tagħhom, billi soluzzjonijiet ta' sigurtà frammentati se jipperikolaw l-interoperabbiltà u s-sikurezza tal-utent finali, u billi, għalhekk, hemm ħtieġa ċara għal azzjoni fil-livell tal-UE;

F.  billi r-responsabbiltà u t-trasparenza fis-sistema algoritmika jinvolvu l-implimentazzjoni ta' miżuri tekniċi u operazzjonali li jiżguraw it-trasparenza u n-natura nondiskriminatorja tat-teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat u tal-proċess tal-ikkalkolar tal-probabbiltà ta' mġiba individwali; billi t-trasparenza għandha tagħti lill-individwi informazzjoni valida dwar il-loġika involuta u s-sinifikat tal-proċess u l-konsegwenzi tiegħu; billi dan għandu jinkludi informazzjoni dwar id-data użata għat-taħriġ tal-analitika u għandu jippermetti lill-individwi jifhmu u jimmonitorjaw id-deċiżjonijiet li jaffettwawhom;

G.  billi l-UE għandha tinkoraġġixxi u tiżviluppa aktar it-teknoloġiji diġitali mhux biss biex jitnaqqsu l-iżbalji umani u ineffiċjenzi oħra, iżda wkoll biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġi ottimizzat l-użu tal-infrastruttura permezz tat-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku, biex b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2;

H.  billi dan l-element kooperattiv, permess tal-konnettività diġitali u mobbli, se jtejjeb b'mod sinifikanti s-sikurezza tat-triq, l-effiċjenza tat-traffiku, is-sostenibbiltà u l-multimodalità; billi fl-istess ħin dan ser jiġġenera potenzjal ekonomiku enormi u se jnaqqas l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq u l-konsum tal-enerġija; billi s-C-ITS huma fundamentali għall-iżvilupp ta' vetturi u sistemi ta' sewqan awtonomi;

I.  billi s-sewqan konness u awtomatizzat huwa żvilupp diġitali importanti fis-settur u billi l-koordinazzjoni mat-teknoloġiji l-ġodda kollha użati f'dan is-settur, bħal pereżempju s-sistemi Ewropej globali ta' navigazzjoni bis-satellita GALILEO u EGNOS, issa laħqet livell għoli ta' kapaċità teknoloġika;

J.  billi l-UE hija obbligata tirrispetta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 dwar id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;

K.  billi bosta pajjiżi madwar id-dinja (pereżempju l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Ġappun, il-Korea u ċ-Ċina) qed jimxu b'mod rapidu lejn l-użu ta' teknoloġiji diġitali ġodda u billi l-vetturi u s-servizzi C-ITS diġà huma disponibbli fis-suq;

Qafas ġenerali

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija Ewropea dwar Sistemi Kooperattivi ta' Trasport Intelliġenti u l-ħidma intensiva li wettqet mal-esperti kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat, li qiegħdet il-pedamenti għall-komunikazzjoni; jappoġġa r-riżultati u jappella, għalhekk, għall-introduzzjoni ta' servizzi C-ITS interoperabbli madwar l-Ewropa kollha mingħajr dewmien;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa għal qafas ġuridiku ċar biex jappoġġa l-varar tas-C-ITS u jilqa' att delegat futur fil-qafas tad-Direttiva dwar l-ITS (id-Direttiva 2010/40/UE) biex jiġu żgurati l-kontinwità ta' servizzi u l-interoperabbiltà u tiġi appoġġata r-retrokompatibbiltà;

3.  Jinnota l-potenzjal tas-C-ITS biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, filwaqt li jnaqqsu l-kost tat-trasport individwali kif ukoll l-impatt negattiv tat-traffiku fuq l-ambjent;

4.  Jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali u tal-mudelli kummerċjali relatati fit-trasport bit-triq u jirrikonoxxi l-Istrateġija bħala stadju importanti fl-iżvilupp tas-C-ITS u, finalment, il-mobbiltà kompletament konnessa u awtomatizzata; jinnota li l-vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea, irendu t-trasport aktar fluwidu u sikur, inaqqsu l-konġestjoni, il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet, u jtejbu l-interkonnettività bejn il-modi differenti tat-trasport; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti infrastrutturali sabiex jiżguraw li s-sistemi kkonċernati jkunu jistgħu joperaw b'mod sikur u effettiv;

5.  Jinnota li l-industriji tal-UE għandhom jikkapitalizzaw fuq il-pożizzjoni vantaġġuża tagħhom fuq ix-xena globali fl-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġiji C-ITS; jissottolinja l-bżonn urġenti li tiġi stabbilita strateġija Ewropea ambizzjuża li tikkoordina l-isforzi nazzjonali u reġjonali, tevita l-frammentazzjoni, tħaffef il-varar tat-teknoloġiji C-ITS li jkunu wrew li għandhom benefiċċji ta' sikurezza, u timmassimizza l-kooperazzjoni bejn setturi differenti bħat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta skeda ta' żmien speċifiku b'miri ċari għal dak li jeħtieġ li l-UE tikseb bejn l-2019 u l-2029, biex tipprijoritizza l-varar sal-2019 ta' dawk is-servizzi C-ITS li għandhom l-ogħla potenzjal ta' sikurezza kif stabbiliti fil-lista ta' servizzi mħejjija mill-Pjattaforma C-ITS fir-Rapport tagħha tal-Fażi II, u biex tiżgura li dawn is-servizzi jkunu disponibbli fil-vetturi l-ġodda kollha madwar l-Ewropa;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi introdott qafas koerenti ta' regoli soċjali, ambjentali u ta' sikurezza sabiex jiġu infurzati d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi u tigi garantita kompetizzjoni ġusta fis-settur;

7.  Jilqa' r-riżultati tal-Fażi II tal-Pjattaforma C-ITS u jissottolinja l-importanza tar-riżultati(5);

8.  Jissottolinja li, filwaqt li l-komunikazzjoni tikkostitwixxi stadju importanti lejn strateġija tal-UE dwar vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati, ma għandu jkun hemm l-ebda konfużjoni bejn is-C-ITS u dawn il-kunċetti differenti;

9.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkun żgurat li l-iżvilupp u l-varar tal-vetturi konnessi u awtomatizzati u tas-C-ITS ser jirrispettaw u jappoġġaw l-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tat-trasport u l-viżjoni żero fis-sikurezza tat-triq;

10.  Ifakkar li s-C-ITS huma sistemi li jippermettu lill-istazzjonijiet tal-ITS differenti (vetturi, tagħmir mal-ġenb tat-triq, ċentri għall-kontroll tat-traffiku u apparat nomadiku) jikkomunikaw u jikkondividu l-informazzjoni bl-użu ta' arkitettura ta' komunikazzjoni standardizzata u li l-interoperabbiltà tas-sistemi individwali hija għalhekk essenzjali;

11.  Ifakkar li vetturi konnessi huma vetturi li jużaw teknoloġiji C-ITS li jippermettu lill-vetturi tat-triq kollha jikkomunikaw ma' vetturi oħra, permezz ta' sinjali tat-traffiku u ta' infrastruttura permanenti li tkun mal-ġenb tat-triq kif ukoll dik orizzontali – li jeħtieġ li jissaħħu u jiġu adattati, iżda li jistgħu wkoll jipprovdu sistemi ta' ċċarġjar innovattivi matul it-tħaddim u jikkomunikaw b'mod sikur ma' vetturi – u mal-utenti l-oħra tat-triq; ifakkar li 92 % tal-inċidenti fit-toroq huma dovuti għal żbalji umani u li l-użu ta' teknoloġiji C-ITS huwa importanti għall-funzjonament effiċjenti ta' ċerti sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa;

12.  Ifakkar li l-vetturi awtomatizzati huma vetturi li kapaċi joperaw u jimmanuvraw b'mod indipendenti f'sitwazzjonijiet reali ta' traffiku u fejn wieħed jew aktar mill-kontrolli primarji tas-sewqan (stering, aċċellerazzjoni, ibbrejkjar) huma awtomatizzati għal perjodu twil;

13.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu inkorporati sistemi ta' salvagwardja matul il-fażi ta' tranżizzjoni tal-koeżistenza bejn il-vetturi konnessi u awtomatizzati u l-vetturi tradizzjonali mhux konnessi, sabiex ma tiġix preġudikata s-sikurezza tat-triq; jirrimarka li ċerti sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa għandhom ikomplu jiġu żviluppati u installati fuq bażi obbligatorja;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif ser tindirizza l-koeżistenza fit-toroq ta' vetturi kooperattivi, konnessi u awtomatizzati u vetturi u sewwieqa mhux konnessi, meta wieħed iqis li l-età tal-flotta tal-vetturi u l-proporzjon residwu ta' nies mhux konnessi jfissru li jeħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà ta' numru dejjem kbir ta' vetturi li mhumiex parti mis-sistema;

15.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' skedar taż-żmien ċar għas-servizzi rakkomandati "Day 1.5" u lil hinn, kif ukoll għan-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt sħiħa u informazzjoni preċiża dwar l-inizjattivi tal-varar fl-iżvilupp ta' servizzi C-ITS u estensjonijiet potenzjali tas-servizz;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lis-servizzi C-ITS li jipprovdu l-ogħla potenzjal tas-sikurezza u lit-tfassil tad-definizzjonijiet u r-rekwiżiti li huma meħtieġa u biex taġġorna mingħajr aktar dewmien l-Istqarrija Ewropea dwar il-Prinċipji tal-Interfaċċa bejn il-Magni u l-Bniedem (HMI) għas-sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni fuq il-vetturi, peress li l-interazzjoni bejn is-sewwieq uman u l-magna hija importanti(6);

17.  Itenni r-rwol ewlieni ta' vetturi konnessi u awtomatizzati, tas-C-ITS u ta' teknoloġiji ġodda biex jintlaħqu l-miri b'rabta mal-klima, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-iżvilupp u l-użu tagħhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-għan ta' dekarbonizzazzjoni tas-sistema tat-trasport u jappoġġawh; jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tas-C-ITS bħala mezz biex titjieb l-effiċjenza, jitnaqqsu l-konsum tal-fjuwil u l-impatt tat-trasport bit-triq fuq l-ambjent (pereżempju, f'termini ta' emissjonijiet CO2) u jiġi ottimizzat l-użu tal-infrastruttura urbana;

18.  Jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġiji innovattivi bħas-sewqan awtomatizzat u l-"platooning" (raggruppament ta' vetturi tas-sewwieqa) fit-trasport tal-merkanzija bit-triq, li jippermettu użu aħjar tal-islipstream bir-riżultat li jitnaqqsu l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet; jappella għal appoġġ ulterjuri għar-riċerka u l-iżvilupp f'dak il-qasam, b'mod partikolari b'rabta mal-infrastruttura diġitali meħtieġa;

19.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-utenti tat-toroq jingħataw aktar għażla, aktar prodotti personalizzati, għal but ta' kulħadd u faċli biex jintużaw, u aktar informazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki mmirati, fost oħrajn, lejn il-kisba ta' effiċjenza ekonomika; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jingħaqdu mal-Pjattaforma C-Roads, għaliex hija maħsuba biex ikollha rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, dejjem jekk tosserva n-newtralità teknoloġika li hija meħtieġa biex jiġu inkoraġġuti l-innovazzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li għodod diġitali avvanzati jintużaw b'mod wiesa' u b'mod ikkoordinat fl-Istati Membri, u li jkopru wkoll it-trasport pubbliku; jistieden lill-produtturi tal-karozzi biex jibdew bl-użu tas-C-ITS biex tiġi implimentata l-Istrateġija;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa statistika li tikkomplementa dawk eżistenti, sabiex jiġi evalwat aħjar il-progress ta' diġitalizzazzjoni f'oqsma differenti tas-settur tat-trasport bit-triq; jenfasizza l-importanza ta' aktar investiment f'riċerka dwar sistemi ta' sensers u jenfasizza li fl-iżvilupp tas-C-ITS għandha tingħata attenzjoni speċjali għas-sewqan urban, li huwa differenti ħafna mis-sewqan barra mill-ibliet; jinnota li s-sewqan urban b'mod partikolari jinvolvi aktar interazzjoni ma' motoċiklisti, ċiklisti u persuni mexjin fit-triq u utenti vulnerabbli oħra tat-triq, inklużi persuni b'diżabbiltà;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li t-taħriġ vokazzjonali u l-korsijiet universitarji jissodisfaw l-ħtiġijiet ta' għarfien tal-industrija li qed tiżviluppa s-sistemi ITS; Jappella għal analiżi prospettiva tal-karrieri u l-impjiegi l-ġodda relatati ma' dan l-approċċ il-ġdid għall-mobbiltà, u għall-iskambju tal-aħjar prattiki fl-iżvilupp ta' mudelli għal kooperazzjoni bejn in-negozji u s-sistema edukattiva, mmirat lejn il-ħolqien ta' żoni integrati għat-taħriġ, l-innovazzjoni u l-produzzjoni;

22.  Jemmen li servizzi C-ITS għandhom li jiġu integrati fl-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa peress li l-varar tas-C-ITS għandu jiġi bbażat fuq it-teknoloġiji ta' ġeolokalizzazzjoni bħall-pożizzjonament tas-satellita;

23.  Jirrimarka li l-Istati Membri għandhom iqisu l-varar tas-servizzi C-ITS minn perspettiva usa' ta' mobbiltà bħala servizz (MaaS) u l-integrazzjoni ma' mezzi oħra ta' trasport, b'mod partikolari sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett konsegwenzjali bħal żieda fil-kwota modali tat-trasport bit-triq;

Il-privatezza u l-protezzjoni tad-data

24.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li tiġi applikata l-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-privatezza u mal-protezzjoni tad-data fir-rigward tad-data tas-C-ITS u d-data tal-ekosistemi konnessi, li minħabba f'hekk għandhom, bħala prijorità, jintużaw għall-finijiet tas-C-ITS biss u ma jinżammux jew ma jintużawx għal finijiet oħra; jenfasizza li l-vetturi intelliġenti għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u r-regoli relatati, u l-fornituri ta' servizz tas-C-ITS jeħtiġilhom joffru informazzjoni faċilment aċċessibbli u termini u kundizzjonijiet ċari lis-sewwieqa, biex ikunu jistgħu jagħtu l-kunsens infurmat liberu tagħhom, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet u r-restrizzjonijiet stabbiliti fl-GDPR;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa għal trasparenza ħafna akbar u għal responsabbiltà algoritmika fir-rigward tal-ipproċessar tad-data u l-analitika min-naħa tan-negozji; ifakkar li l-GDPR diġà jipprevedi d-dritt li wieħed jiġi infurmat dwar il-loġika involuta fl-ipproċessar tad-data; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu evitati "driving walls", li jkun ifisser li l-utenti ma jkunux jistgħu jsuqu l-karozzi intelliġenti tagħhom stess jekk ikunu rrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom; jitlob li jkun hemm l-opzjoni ta' "offline mode" li tkun magħmula disponibbli fil-karozzi intelliġenti, li tippermetti lill-utent jitfi t-trasferimenti ta' data personali lil apparati oħra mingħajr ma tiġi ostakolata l-kapaċità tiegħu li jsuq il-vettura;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità jridu jiġu kkunsidrati matul l-ipproċessar tad-data; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-"protezzjoni tal-privatezza u tad-data b'mod integrat u awtomatiku" għandha tkun il-punt tat-tluq waqt it-tfassil tal-applikazzjonijiet u s-sistemi tal-ITS; ifakkar li t-tekniki ta' anonimizzazzjoni jistgħu jżidu l-fiduċja tal-utenti fis-servizzi li jkunu qed jużaw.

Iċ-ċibersigurtà

27.  Jindika l-importanza tal-applikazzjoni ta' standards għolja taċ-ċibersigurtà fil-prevenzjoni tal-hacking u tal-attakki ċibernetiċi fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari fid-dawl tan-natura kritika tas-sigurtà tal-komunikazzjonijiet C-ITS; jinnota li ċ-ċibersigurtà hija sfida essenzjali li trid tiġi trattata hekk kif is-sistema tat-trasport issir aktar diġitalizzata u konnessa; jenfasizza l-fatt li vetturi awtomatizzati u konnessi u l-bażijiet tad-data fejn id-data tiġi pproċessata u/jew maħżuna jinsabu f'riskju ta' attakk ċibernetiku, u għalhekk li n-nuqqasijiet u r-riskji kollha, li huma identifikabbli u konċepibbli fid-dawl tal-istadju tal-iżvilupp milħuq, għandhom jiġu esklużi permezz tal-iżvilupp ta' politika ta' sigurtà komuni, inkluż standards stretti tas-sigurtà, u politika ta' ċertifikazzjoni għall-varar tas-C-ITS;

28.  Jissottolinja li standards daqstant ieħor għolja u armonizzati ta' sigurtà għandhom jiġu applikati fl-UE u fl-Istati Membri kollha u fi kwalunkwe arranġament ta' kooperazzjoni possibbli ma' pajjiżi terzi; jirrimarka li dawk l-istandards ma għandhomx, madankollu, jimpedixxu l-aċċess ta' garaxxijiet tat-tiswija ta' partijiet terzi għal sistemi abbord, sabiex jiġi żgurat li s-sidien tal-vetturi ma jkunux jiddependu fuq il-manifatturi tal-karozzi biex iwettqu kull kontroll meħtieġ fuq is-softwer abbord u/jew tiswijiet fuqu;

It-teknoloġiji u l-frekwenzi tal-komunikazzjoni

29.  Jemmen li l-approċċ tal-komunikazzjoni ibridu u newtrali fuq il-livell teknoloġiku, li jiżgura interoperabbiltà u r-retrokompatibbiltà u jgħaqqad it-teknoloġiji tal-komunikazzjoni komplementarji, huwa l-approċċ it-tajjeb u li t-taħlita tal-komunikazzjoni ibrida l-aktar promettenti tidher li hija kombinazzjoni ta' kommunikazzjoni wireless fuq firxa qasira u t-teknoloġiji ċellulari u sattelitari, li se jiżguraw l-aqwa appoġġ possibbli għall-varar tas-servizzi C-ITS bażiċi;

30.  Jieħu nota tar-referenza tal-konnessjoni bejn il-karozzi konnessi u s-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita, EGNOS u GALILEO; jissuġġerixxi, għalhekk, li jiġu inklużi strateġiji ffukati fuq karozzi konnessi fit-teknoloġiji spazjali; iqis li l-interoperabbiltà hija essenzjali kemm għas-sikurezza kif ukoll għall-għażla tal-konsumatur u jissottolinja li l-kapaċità tal-vetturi li jikkomunikaw mas-sistemi 5G u mas-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita trid tiġi inkluża fit-taħlita ta' komunikazzjoni ibrida fil-futur, kif issemma fil-Pjan ta' Azzjoni 5G tal-Kummissjoni;

31.  Iħeġġeġ lill-manifatturi tal-karozzi u lill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet li jappoġġaw servizzi C-ITS biex jikkooperaw, fost oħrajn, għall-varar bla xkiel ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni C-ITS, is-servizzi għall-ħlas tat-tariffi stradali u tat-takografu diġitali intelliġenti mingħajr interferenza bejn dawn is-servizzi;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont 2020), b'mod partikolari biex titħejja t-triq għall-iżvilupp, f'terminu twil ta' żmien, ta' infrastruttura li hija adegwata għall-varar tas-C-ITS;

33.  Jenfasizza l-importanza ta' sistema ta' sensuri fil-provvediment ta' data dwar id-dinamiki tal-vetturi, il-konġestjoni u l-kwalità tal-arja, pereżempju; Jappella għal aktar investiment ikkoordinat b'mod xieraq fl-Istati Membri biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà sħiħa tas-sensuri użati u l-użu possibbli tagħhom għal applikazzjonijiet oħra minbarra s-sikurezza, pereżempju t-telerilevament tal-emissjonijiet;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tiżgura li l-informazzjoni dwar emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu, disponibbli permezz ta' sensuri installati fil-vetturi, tkun miġbura u magħmula disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti;

L-approċċ komuni Ewropew

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali, il-manifatturi tal-vetturi, l-operaturi tat-triq u l-industrija tal-ITS biex jimplimentaw is-C-ITS sal-2019, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni, l-awtoritajiet lokali u l-Istati Membri jallokaw finanzjament xieraq fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi għall-aġġornamant u ż-żamma ta' infrastruttura stradali futura permezz ta' approċċ tematiku trasversali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont 2020) b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' trasparenza filwaqt li jagħtu informazzjoni regolari dwar il-kofinanzjament tal-UE;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw inizjattivi u azzjonijiet li jippromwovu aktar riċerka u ġbir ta' informazzjoni dwar l-iżvilupp u l-impatt tas-C-ITS fil-politika tat-trasport tal-UE; huwa tal-fehma li jekk ma jsirx progress sinifikanti sal-2022, jista' jkun hemm bżonn li tittieħed azzjoni leġiżlattiva għall-introduzzjoni ta' "regoli minimi" u tiġi sfurzata l-integrazzjoni f'dan ir-rigward;

37.  Jenfasizza l-importanza tal-kwalità tal-infrastruttura stradali fiżika li għandha gradwalment tkun ikkomplementata minn infrastruttura diġitali; jitlob it-titjib u l-manutenzjoni tal-infrastruttura stradali futura;

38.  Jenfasizza li għandha tinħoloq sistema tat-trasport verament multimodali, li tintegra l-modi kollha tat-trasport f'servizz uniku ta' mobbiltà, li tuża infomazzjoni fi żmien reali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni tikkettjar integrat u servizzi ta' mobbiltà kondiviżi kif ukoll il-mixi u ċ-ċikliżmu, li tippermetti lin-nies u lill-merkanzija jivvjaġġaw mingħajr intoppi mill-punt tat-tluq sal punt tal-wasla u li ttejjeb b'mod ġenerali l-effiċjenza, is-sostenibbiltà u l-istabbiltà tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura u tippromwovi l-kooperazzjoni u l-investimenti fil-livell tal-UE fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tat-trasport permezz ta' fondi eżistenti u ġodda, sabiex jiġu integrati sistemi ta' trasport intelliġenti fil-modi differenti tat-trasport (C-ITS, ERTMS, SESAR, RIS(7)); jenfasizza l-importanza ta' approċċ integrat għal għodod ta' informazzjoni, ta' bbukkjar u ta' ħruġ ta' biljetti sabiex jinħalqu ktajjen ta' mobbiltà attraenti mill-punt tat-tluq sal-punt ta' wasla;

39.  Jitlob li f'dan il-proċess ta' ppjanar tiġi integrata l-viżjoni tal-utenti tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bħala sors bażiku ta' informazzjoni, bil-għan li jitwessa' l-ambitu tal-applikazzjoni tas-C-ITS u jinħolqu mudelli kummerċjali marbuta ma' dan il-kunċett il-ġdid ta' mobbiltà sostenibbli u integrata;

40.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri biex japplikaw b'mod xieraq il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (CRPD) u d-direttiva li jmiss dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi, sabiex tinkiseb l-aċċessibbiltà mingħajr ostakoli tas-C-ITS għaċ-ċittadini kollha;

41.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi malajr qafas ġuridiku adegwat biex tikseb l-interoperabbiltà transfruntiera madwar l-UE kollha kif ukoll qafas li jistabbilixxi regoli dwar ir-responsabbiltà għall-użu tad-diversi forom ta' trasport konness; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika proposta leġiżlattiva dwar l-aċċess għad-data u għar-riżorsi fil-vetturi sal-aħħar ta' din is-sena; jirrakkomanda li din il-proposta għandha tippermetti lill-katina tal-valur tas-settur tal-karozzi fit-totalità tagħha u lill-utenti finali jibbenefikaw mid-diġitalizzazzjoni u tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi u sigurtà massima fir-rigward tal-ħażna għad-data abbord il-vettura u l-aċċess għaliha mill-partijiet terzi kollha, li għandu jkun ekwu, fi żmien utli, u mhux ristrett sabiex ikunu protetti d-drittijiet tal-konsumatur, tiġi promossa l-innovazzjoni u żgurata l-kompetizzjoni ġusta u nondiskriminatorja f'dan is-suq f'konformità mal-prinċipju ta' newtralità teknoloġika; jisħaq fuq il-bżonn li jingħata kontribut għall-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi urbani u rurali kollha marbuta ma' servizzi tat-trasport pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li se tiżgura, fil-każijiet kollha, il-konformità sħiħa mal-GDPR, filwaqt li tirrapporta lill-Parlament dwar il-monitoraġġ tagħha fuq bażi annwali;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ globali fir-rigward tal-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni teknika tad-data, sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà tas-C-ITS u l-ekonomiji ta' skala għall-manifatturi u tiżdied il-kumdità tal-konsumaturi;

43.  Jissottolinja l-importanza tal-ftuħ ta' djalogu mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tal-konsumaturi fi stadju bikri sabiex tiġi stabbilita atmosfera ta' trasparenza u fiduċja, bil-għan li jinstab bilanċ xieraq bejn l-effetti pożittivi u negattivi fuq il-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol u fuq id-drittijiet tal-konsumatur; jinnota li pjan direzzjonali għall-varar tas-C-ITS għandu jkun stabbilit mill-Forum dwar E-sikurezza bl-istess mod bħas-sistema eCall;

44.  Jenfasizza li sabiex jiġu ssodisfati l-impenji internazzjonali dwar il-klima u jintlaħqu l-miri interni tal-UE, hija meħtieġa bidla komprensiva fid-direzzjoni ta' ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jenfasizza għalhekk, il-ħtieġa għal tiġdid tal-kriterji ta' allokazzjoni ta' fondi differenti tal-UE sabiex jitrawmu d-dekarbonizzazzjoni u l-miżuri ta' effiċjenza enerġetika, inkluż fis-C-ITS; iqis li l-finanzjament tal-UE taħt l-ebda ċirkostanza ma għandu jkun allokat lil proġetti li mhumiex konformi mal-miri u mal-politiki li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2;

45.  Jistieden lill-manifatturi tal-karozzi jipprovdu lill-konsumaturi b'informazzjoni cara u suffiċjenti dwar id-drittijiet tagħhom u l-benefiċċji u l-limiti tat-teknoloġiji C-ITS l-ġodda f'termini ta' sikurezza; iħeġġeġ l-użu ta' kampanji ta' tagħrif biex jiffamiljarizzaw is-sewwieqa kurrenti mat-teknoloġiji C-ITS ġodda, biex tinħoloq il-fiduċja meħtieġa fost l-utenti finali u li tinkiseb l-aċċettazzjoni pubblika; iqis li l-użu ta' C-ITS jista' jtejjeb is-sikurezza u l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza;

o
o   o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.
(2) ĠU C 288, 31.8.2017, p. 85.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0423.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0234.
(5) Rapport Finali tal-Frażi II tal-Pjattaforma C-ITS: https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/2017-09-c-its-platform-final-report.pdf.
(6) Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/653/KE tat-26 ta' Mejju 2008 dwar Sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni siguri u effiċjenti fuq il-vetturi: Aġġornament tal-Istqarrija Ewropea tal-Prinċipji dwar l-Interfaċċja bejn il-Bniedem u l-Magni (ĠU L 216, 12.8.2008, p. 1).
(7) Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS); Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR); Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS).

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Ottubru 2018Avviż legali