Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2208(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0046/2018

Testi mressqa :

A8-0046/2018

Dibattiti :

PV 12/03/2018 - 20
CRE 12/03/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2018 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0067

Testi adottati
PDF 371kWORD 59k
It-Tlieta, 13 ta' Marzu 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE
P8_TA(2018)0067A8-0046/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE (2017/2208(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175 u 176 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(2),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (COM(2015)0639),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri(3),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment fl-impjiegi u fit-tkabbir – il-massimizzazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR(5),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-viżibilità fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-10 ta' April 2017 bit-titolu "Competitiveness in low-income and low-growth regions: the lagging regions report" (Il-Kompetittività fir-reġjuni b'introjtu baxx u bi tkabbir baxx: ir-rapport dwar ir-reġjuni li għadhom lura (SWD(2017)0132),

–  wara li kkunsidra l-kundizzjonalitajiet ex ante għal strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti,

–  wara li kkunsidra s-seba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Ottubru 2017,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0046/2018),

A.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja li ilha tippersisti fl-UE kellha impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku fil-livell reġjonali, għalkemm il-politika ta' koeżjoni kkontribwiet għal madwar terz tal-baġit tal-UE għat-tkabbir u għall-impjiegi u din tnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, u fil-qafas tas-Semestru Ewropew, tagħti ħarsa lejn il-kofinanzjament reġjonali u nazzjonali taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) u l-impatt tiegħu fuq id-defiċits nazzjonali;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni – implimentata permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK) – hija l-politika ewlenija tal-UE dwar l-investiment, it-tkabbir u l-iżvilupp, hija allinjata mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali bejn ir-reġjuni, tippromwovi l-konverġenza u fl-aħħar mill-aħħar itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej;

C.  billi l-FEŻR, il-FSE u l-FK għandhom bħala objettiv prinċipali għall-perjodu 2014-2020 l-investimenti favur it-tkabbir u l-impjiegi bil-ħsieb li jsaħħu s-suq tax-xogħol, l-ekonomiji reġjonali u l-kooperazzjoni reġjonali Ewropea, itejbu l-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali fi ħdan l-Unjoni u fl-aħħar mill-aħħar inaqqsu d-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni individwali tal-Ewropa;

D.  billi, skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-reġjuni li għadhom lura, 47 reġjun fi tmien Stati Membri għadhom lura; billi r-rapport jista' jwassal għal fehim aħjar tal-kumplessità tal-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni li għadhom lura, u għalhekk għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

E.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha rwol importanti fir-reġjuni li għadhom lura u fil-maġġoranza tagħhom tirrappreżenta sehem għoli ħafna ta' investiment pubbliku;

F.  billi r-reġjuni li għadhom lura għandhom rati ta' produttività, impjieg u attendenza skolastika aktar baxxi meta mqabbla ma' reġjuni oħrajn fl-istess Stat Membru;

G.  billi r-rapport tal-Kummissjoni jiddistingwi bejn żewġ tipi ta' reġjuni li għadhom lura: "reġjuni bi tkabbir baxx" – reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni li ma laħqux il-medja tal-UE bejn l-2000 u l-2013 fi Stati Membri bi PDG per capita skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS) inqas mill-medja tal-UE fl-2013, li jinkludu kważi r-reġjuni kollha inqas żviluppati u fi tranżizzjoni fil-Greċja, Spanja, l-Italja u l-Portugal; u "reġjuni b'introjtu baxx" – ir-reġjuni kollha bi PDG per capita f'PPS inqas minn 50 % tal-medja tal-UE fl-2013, li jinkludu diversi reġjuni inqas żviluppati fil-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija;

H.  billi r-reġjuni bi tkabbir baxx isofru minn staġnar ekonomiku, li ġej, b'mod partikolari, minn tnaqqis f'investimenti pubbliċi u privati, mhux bħal fil-każ tar-reġjuni b'introjtu baxx li ġeneralment iżommu l-potenzjal tagħhom ta' żvilupp;

I.  billi r-reġjuni li għadhom lura jsofru aktar mill-oħrajn mill-iskarsità ta' investimenti pubbliċi u privati u dan huwa anki minħabba n-neċessità li jiġu rispettati l-obbligi ta' tnaqqis tad-dejn pubbliku imposti mill-Patt ta' Stabbiltà;

J.  billi r-reġjuni li għadhom lura ta' spiss huma kkaratterizzati minn nuqqas ta' riformi strutturali, li jnaqqas l-impatt ta' investimenti pubbliċi li diġà huma limitati;

K.  billi r-reġjuni li għadhom lura jsofru minn żvantaġġi serji f'termini ta' trasport pubbliku, infrastrutturi ekonomiċi u tal-enerġija, u jeħtieġu investimenti aktar effiċjenti u effikaċi;

L.  billi l-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm bżonn relazzjoni aktar stretta bejn il-politika ta' koeżjoni u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew;

M.  billi r-reġjuni li għadhom lura, u b'mod partikolari r-reġjuni b'introjtu baxx, spiss iħabbtu wiċċhom mal-emigrazzjoni ta' żgħażagħ u ta' ħaddiema tas-sengħa, li t-tnejn huma riżorsi meħtieġa għar-rivitalizzazzjoni ekonomika u soċjali taż-żoni kkonċernati, u b'hekk dawn ir-reġjuni jsiru inqas attraenti f'termini ta' impjiegi u investimenti;

N.  billi għandha tiġi rfinata d-definizzjoni ta' reġjuni b'introjtu baxx u dawk bi tkabbir baxx;

O.  billi huwa importanti li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-utenti finali rigward il-programmi lokali u reġjonali ffinanzjati mill-UE u r-riżultati miksuba, indipendentement mil-livell ta' finanzjament ta' reġjun speċifiku;

P.  billi governanza tajba u amministrazzjoni pubblika effiċjenti huma meħtieġa f'reġjuni li għadhom lura, peress li dawn jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku; billi t-tnaqqis tal-eċċess ta' regoli u kontrolli, u t-tul u l-kumplessità tal-proċeduri, u l-użu aħjar ta' għodod tal-ICT, jistgħu jikkontribwixxu biex titjieb l-effiċjenza u l-governanza tajba fir-reġjuni li għadhom lura;

Q.  billi skont is-seba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, ir-reġjuni li għadhom lura kklassifikaw fl-iktar pożizzjonijiet baxxi fl-Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Gvern, li jfisser li jonqos l-impatt fuq l-investiment pubbliku;

R.  billi ċifri u statistika affidabbli, aġġornati u diżaggregati huma importanti għal deċiżjonijiet politiċi li jkunu infurmati sewwa, aktar trasparenti, imparzjali u aktar ġusti;

S.  billi l-ostakli għat-tkabbir għandhom jitneħħew kif ukoll jitnaqqsu l-lakuni fl-infrastruttura fir-reġjuni li għadhom lura;

T.  billi l-SMEs fir-reġjuni li għadhom lura huma ffinanzjati b'rati tal-imgħax ferm ogħla u jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet biex jingħataw self mis-settur bankarju sabiex jikkofinanzjaw proġetti tal-Fondi SIE;

U.  billi erbgħa minn kull ħames reġjuni li għadhom lura għandhom mill-inqas 25 % tal-popolazzjoni tagħhom f'belt jew f'żoni aċċessibbli bit-trasport tiegħu, magħrufa bħala żona urbana funzjonali (FUA), u wieħed minn kull ħames reġjuni li għadhom lura għandu aktar minn 50 % tal-popolazzjoni tiegħu f'FUA;

V.  billi l-attivitajiet tradizzjonali, bħalma huma s-sajd jew il-biedja artiġjanali fuq skala żgħira, jiddefinixxu l-identitajiet u l-istili ta' ħajja fil-biċċa l-kbira taż-żoni kostali u rurali ta' reġjuni li għadhom lura, u huma ta' importanza ekonomika, territorjali, soċjali u kulturali; billi l-istrateġiji ta' żvilupp huma meħtieġa sabiex tittejjeb il-kapaċità li jżommu u jattiraw it-talent, jadottaw teknoloġiji ġodda, u jistimolaw investimenti ġodda;

1.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat dokument ta' ħidma tal-persunal dwar il-kompetittività fir-reġjuni b'introjtu baxx u bi tkabbir baxx: ir-rapport dwar ir-reġjuni li għadhom lura; jinnota li r-rapport jipproponi għadd ta' soluzzjonijiet pożittivi biex jiġu appoġġati t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi f'dawn ir-reġjuni; jenfasizza, barra minn hekk, li l-analiżi dwar il-kompetittività tagħhom tagħti kontribut importanti għad-dibattitu futur dwar il-politika ta' koeżjoni;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-implimentazzjoni tal-inizjattivi pilota għar-reġjuni li għadhom lura f'żewġ reġjuni fir-Rumanija u, bl-appoġġ tal-Bank Dinji, f'żewġ reġjuni fil-Polonja, b'mod partikolari d-definizzjoni ta' prijoritajiet strateġiċi u azzjonijiet konkreti li jistgħu jiġu implimentati malajr; jistenna b'interess il-pubblikazzjoni tar-riżultati ta' dawn l-inizjattivi;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-politika ta' koeżjoni għandha rwol ewlieni biex tiżgura u tippromwovi l-investiment pubbliku u privat fir-reġjuni kollha tal-UE, kemm b'mod dirett kif ukoll billi tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent li jiffavorixxi l-investiment; iqis li sabiex l-UE, kollha hemm hi, tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha inġenerali, għandha twettaq azzjonijiet li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha u tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u r-ritard tar-reġjuni li għadhom lura;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi r-reġjuni li għadhom lura fil-livell NUTS III, fuq il-bażi ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali ġenerali, u tindirizza aħjar il-finanzjament ta' dawn iż-żoni f'konformità maċ-ċikli ta' programmazzjoni tal-Fondi SIE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu strateġiji, programmi u azzjonijiet imfassla apposta għad-diversi reġjuni li għadhom lura, b'kont meħud tax-xejriet u d-disparitajiet subreġjonali, peress li d-direzzjoni meħuda u l-isfidi li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni b'introjtu baxx u bi tkabbir baxx ivarjaw ħafna, skont l-ispeċifiċitajiet tagħhom, bl-użu ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, biex titħaffef il-konverġenza tagħhom u tiġi żgurata l-aħjar soluzzjoni għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli; iqis li dawn l-istrateġiji, il-programmi jew l-azzjonijiet għandhom ikunu kkoordinati mal-Aġenda Urbana, peress li r-reġjuni li għadhom lura mhumiex strettament rurali;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li, apparti l-iżvilupp baxx tal-SMEs u l-investiment baxx fihom, ir-rata tal-qgħad tibqa' drastikament għolja, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u tirrappreżenta waħda mill-aktar problemi serji u urġenti fil-parti l-kbira tar-reġjuni li għadhom lura; jissottolinja r-rwol fundamentali tal-edukazzjoni sekondarja u l-edukazzjoni għolja, it-taħriġ professjonali fuq il-post tax-xogħol u t-trasferiment ta' għarfien fil-ġlieda kontra l-livelli allarmanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u l-għadd kbir ta' żgħażagħ li qed jitilqu minn dawn ir-reġjuni; jindika l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ta' investimenti akbar fir-rigward tal-ħtiġijiet u l-iżvilupp tal-SMEs u n-negozji tal-familja; huwa tal-fehma li l-involviment taż-żgħażagħ iwassal għal prestazzjoni mtejba, peress li spiss jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi;

7.  Jinnota li l-preżenza ta' forza tax-xogħol edukata u mħarrġa li taqbel mal-ħtiġijiet tal-ekonomija reġjonali għandha impatt qawwi fuq il-kompetittività, il-produttività u l-attraenza tas-suq tax-xogħol, li mbagħad jista' jiffjorixxi f'ambjent ta' tkabbir u ftuħ għal investiment pubbliku u privat; huwa tal-fehma li, f'dan il-kuntest, għandha titqies is-sitwazzjoni attwali tar-reġjuni li għadhom lura, b'mod partikolari r-rata tal-migrazzjoni negattiva u l-impatt negattiv tagħha fuq l-impjiegi; jenfasizza r-rwol li l-agrikoltura u s-sajd għandhom fir-reġjuni li għadhom lura billi, permezz tal-promozzjoni tan-negozji tal-familja u l-ħolqien tal-impjiegi u l-iffaċilitar tal-inklużjoni soċjali, jipprovdu l-ikel u jiżguraw is-sigurtà tal-ikel;

8.  Jinnota li d-diversifikazzjoni saret neċessità għall-bdiewa u għas-sajjieda, b'mod partikolari fir-reġjuni li għadhom lura, bħala mezz biex jipprovdu sorsi addizzjonali ta' introjtu u jistimulaw l-attivitajiet sostenibbli mil-lat ekonomiku u ekoloġiku; jinnota, madankollu, li din id-diversifikazzjoni ma trid bl-ebda mod tissostitwixxi attivitajiet aktar tradizzjonali, bħas-sajd sostenibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jappoġġaw proġetti tal-ekonomija blu jew dawk simili bil-għan li jgħinu lin-nies fir-reġjuni li għadhom lura jiżviluppaw sorsi ta' introjtu sostenibbli mil-lat ambjentali;

9.  Jittama li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 fil-qasam tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-istrateġija fit-tul tal-UE li jmiss u l-objettivi tagħha, se jkomplu jikkunsidraw il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni li għadhom lura, u b'mod partikolari d-diverġenzi persistenti fl-infrastruttura u l-iżvilupp tal-kapital uman, b'enfasi partikolari fuq ir-rata tal-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola u l-impatt negattiv tagħhom fuq l-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, teżamina l-impatt ta' żieda possibbli fir-rata ta' kofinanzjament tal-FSE għall-perjodu ta' finanzjament li jmiss;

10.  Iqis bħala neċessarju li jinsab il-bilanċ ġust bejn l-interventi strutturali, il-politiki soċjali u l-politiki industrijali fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, sabiex jiġu stimulati t-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi billi jiġu abbinati għotjiet ma' strumenti finanzjarji u jiġi attirat aktar appoġġ finanzjarju, biex b'hekk jgħin sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li fadal; jisħaq fuq il-fatt li, f'dan ir-rigward, l-istrumenti finanzjarji b'riskju baxx jistgħu jkunu preferibbli minn dawk b'riskju għoli kull fejn il-perspettiva ekonomika tippermetti dan;

11.  Jinnota li l-politika ta' koeżjoni tista' sservi bħala għodda biex jitranġaw il-lakuni u l-iżbilanċi fuq il-kompetittività, kif ukoll l-assimetriji makroekonomiċi bejn ir-reġjuni, billi tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ambjent attraenti u sostenibbli għan-negozji u ċ-ċittadini; jissottolinja l-fatt li, fir-reġjuni bi tkabbir baxx, l-aċċess għall-kreditu, l-infurzar tal-kuntratti u l-ħarsien ta' investimenti minuri huma l-problemi prinċipali identifikati, filwaqt li fir-reġjuni b'introjtu baxx, l-akbar kwistjonijiet huma li jissolvew l-insolvenza, il-provvista tal-elettriku u l-infurzar tal-kuntratti;

12.  Jinnota li r-reġjuni li għadhom lura jinsabu taħt pressjoni migratorja konsiderevoli; jemmen li, biex tiġi indirizzata din l-isfida, il-kontribut tal-Fondi SIE jista' jkun biss ta' suċċess jekk il-prinċipju ta' solidarjetà jiġi applikat ukoll b'mod effikaċi; iqis li r-rifuġjati u l-migranti taħt protezzjoni internazzjonali jeħtieġ li jirċievu taħriġ u edukazzjoni xierqa bil-ħsieb li jiġu integrati fis-suq tax-xogħol;

13.  Jinnota li ħafna mill-problemi ta' reġjuni li għadhom lura huma simili għal dawk esperjenzati fir-reġjuni ultraperiferiċi; jilqa', għalhekk, l-istrateġija proposta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha: "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE"(9);

14.  Iqis li l-kriterji demografiċi u ta' żvilupp soċjali, bħall-Indiċi ta' Progress Soċjali Reġjonali, u indikaturi ambjentali jew oħrajn, flimkien mal-PDG, jistgħu jitqiesu fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni u jiġu inklużi f'rapporti futuri tal-Kummissjoni dwar ir-reġjuni li għadhom lura, sabiex ikun żgurat li jintlaħaq il-potenzjal tar-reġjuni li għadhom lura;

15.  Jenfasizza l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, speċjalment fir-reġjuni bi tkabbir baxx, li naqqsu l-marġni tal-politiki baġitarji u li b'hekk irriżultaw fi tnaqqis fl-investiment pubbliku; jisħaq fuq l-importanza, min-naħa l-oħra, tat-tnaqqis tad-dejn bil-għan li jiġi eliminat l-iżbilanċ baġitarju u jiġu adattati l-investimenti pubbliċi għar-rekwiżiti tat-tkabbir;

16.  Iqis li l-politika ta' koeżjoni għandha impatt pożittiv fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi applikata l-pożizzjoni maqbula dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir rigward il-flessibbiltà fil-kundizzjonijiet ċikliċi, ir-riformi strutturali u l-investimenti tal-gvern bil-għan li jiġu implimentati riformi strutturali kbar u proġetti simili, ħalli jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; jirrikonoxxi n-neċessità li jiġi ċċarat il-kuntest u l-kamp ta' applikazzjoni tar-riformi strutturali fil-politika ta' koeżjoni; jinnota, madankollu, li riformi strutturali bħal dawn fl-Istati Membri u r-reġjuni taħt programmi ta' appoġġ jistgħu jgħinu biex jinkiseb riżultat aħjar għall-investimenti taħt il-politika ta' koeżjoni;

17.  Jitlob li tittieħed azzjoni aktar b'saħħitha biex tiżdied il-konverġenza bejn ir-reġjuni kollha, inkluża azzjoni biex tiġi żgurata r-reżiljenza tagħhom għal xokkijiet għall-għarrieda;

18.  Jinnota li l-aċċess għall-kreditu huwa aktar diffiċli fir-reġjuni li għadhom lura, speċjalment fir-reġjuni b'introjtu baxx, minħabba rati tal-imgħax ogħla u, sa ċertu punt, l-averżjoni għar-riskju tas-sistema tal-kreditu; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat aċċess aġevolat għall-kreditu biex ikunu assistiti l-SMEs, jiġu mħeġġa mudelli ġodda ta' negozji u jkun promoss it-tkabbir fir-reġjuni li għadhom lura;

19.  Jisħaq fuq l-importanza li l-fondi tal-UE jagħtu spinta lir-reżiljenza ekonomika u l-koeżjoni ta' dawn ir-reġjuni, kif ukoll il-kompetittività, l-investimenti u l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni; jirrikonoxxi, għalhekk, il-kontribut tal-gruppi ta' azzjoni lokali fl-iżvilupp ta' strateġiji lokali; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltà li tipproponi l-allokazzjoni ta' sehem akbar ta' appoġġ għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD), li b'hekk tgħin kemm biex jiġu indirizzati l-isfidi kif ukoll jinbnew il-kapaċitajiet; ifakkar li r-reġjuni li għadhom lura ħafna drabi jesperjenzaw diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament, kif ukoll dewmien burokratiku u amministrattiv li jxekkel l-operazzjonijiet tal-fondi tal-UE;

20.  Huwa tal-fehma li inċentivi pożittivi jistgħu jiġu mfittxija għar-reġjuni fil-qafas eżistenti tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi imposti mis-Semestru Ewropew;

21.  Jikkunsidra l-importanza ta' governanza ekonomika soda għal prestazzjoni ġenerali effiċjenti tal-fondi SIE, bl-għan aħħari li jitranġaw in-nuqqasijiet u jiġi evitat dewmien; jappoġġa, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi analizzata u sussegwentement rieżaminata r-raġuni nnifisha wara r-rabta bejn is-Semestru Ewropew u l-politika ta' koeżjoni;

22.  Jemmen li s-solidarjetà, il-kapaċità istituzzjonali aktar b'saħħitha, ir-rispett tal-prinċipju ta' governanza tajba, il-konnettività u d-diġitalizzazzjoni mtejba f'dawn ir-reġjuni għandhom impatt sinifikanti fuq it-tkabbir ekonomiku tagħhom u fuq l-użu aktar effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi eżistenti; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, għall-kwistjoni tal-appoġġ u t-titjib tal-kwalità tal-amministrazzjoni u l-istituzzjonijiet fir-reġjuni affettwati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jxerrdu eżempji tal-aħjar prattika dwar iż-żieda fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika, billi l-governanza effettiva għandha tkun ir-rakkomandazzjoni bażika għar-reġjuni li għadhom lura;

23.  Jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-prinċipju ta' sħubija u tal-governanza f'diversi livelli li għandhom jissaħħu mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; jemmen li l-involviment tal-livelli kollha tal-gvern u tal-partijiet ikkonċernati fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġiji u programmi u azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn dawn ir-reġjuni huwa fundamentali sabiex jinħoloq tassew valur miżjud Ewropew għaċ-ċittadini;

24.  Itenni l-importanza tal-innovazzjoni, tad-diġitalizzazzjoni, u tat-titjib tas-servizzi lokali (saħħa, soċjali u postali) u tal-infrastruttura għall-ħolqien ta' ambjent pożittiv u bażi soda biex tingħata spinta lit-tkabbir u tissaħħaħ il-koeżjoni fir-reġjuni li għadhom lura; iqis li l-forniment ta' konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja huwa prekondizzjoni għall-vijabilità taż-żoni rurali u fil-muntanji; jenfasizza l-potenzjal ta' proġetti multisettorjali li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali billi jikkapitalizzaw fuq sinerġiji bejn il-fondi Ewropej;

25.  Jissuġġerixxi li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew għandhom isiru fuq bażi pluriennali, b'monitoraġġ u rieżamijiet fuq żmien medju, u jitqiesu bħala inċentivi pożittivi għat-tnedija ta' riformi strutturali aktar milli bħala strumenti li jistgħu jeskludu l-aċċess għal investimenti taħt il-politika ta' koeżjoni, bil-għan li jingħata kontribut għall-għanijiet komuni tal-Unjoni;

26.  Jemmen li l-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika soda, kif spjegat fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, għandhom jiġu analizzati bir-reqqa, inkluż bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha; jemmen, barra minn hekk, li l-bażi loġika tar-rabta bejn il-Fondi SIE u governanza ekonomika soda għandha tiġi rieżaminata, fid-dawl tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss u li titqies l-implimentazzjoni tagħha matul il-perjodu 2014-2020; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra aġġustamenti dwar kif is-Semestru Ewropew u l-politika ta' koeżjoni huma marbuta ma' xulxin; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, sistema ta' inċentivi pożittivi, b'marġnijiet li għandhom jinħolqu fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid, li tista' sservi bħala pakkett li għandu jintuża meta l-Istati Membri jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u ma' rekwiżiti oħra fl-ambitu tas-Semestru Ewropew;

27.  Iqis li huwa meħtieġ b'mod partikolari li jiġu appoġġati attivitajiet kummerċjali produttivi u indiġeni speċifiċi għar-reġjuni li għadhom lura, inklużi t-turiżmu sostenibbli, l-ekonomija ċirkolari, it-tranżizzjoni tal-enerġija lokali, il-prodotti manifatturati, u l-innovazzjoni ffokati fuq l-SMEs; iqis li s-sinerġiji li jirriżultaw minn kombinazzjoni effikaċi ta' finanzjament minn korpi nazzjonali u reġjonali u minn strumenti tal-UE, bl-użu ta' investimenti territorjali integrati, għandhom jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;

28.  Jissottolinja l-importanza li jiġu sfruttati l-opportunitajiet kollha offruti mill-UE għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir f'dawn ir-reġjuni; iqis li l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-reġjuni li għadhom lura fit-tħejjija ta' programmi operazzjonali u dawk ta' kooperazzjoni transfruntiera; ifakkar, għalhekk, li huwa importanti li jitħeġġeġ l-użu tal-fondi taħt ġestjoni diretta u tal-FEIS, flimkien u f'koordinazzjoni mal-opportunitajiet offruti mill-politika ta' koeżjoni;

29.  Jisħaq fuq l-importanza ta' statistika affidabbli, aġġornata u diżaggregata; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni u l-Eurostat jipprovdu statistika bl-aktar dettall u diżaggregazzjoni ġeografika possibbli, sabiex dawn ikunu jistgħu jintużaw biex jiġu definiti politiki ta' koeżjoni xierqa, inkluż fir-reġjuni li għadhom lura; jilqa', f'dan il-kuntest, l-informazzjoni pprovduta fir-rapport tal-Kummissjoni;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrieżamina r-relazzjoni eżistenti bejn il-politika ta' koeżjoni u l-governanza makroekonomika, filwaqt li jfakkar li l-politika għandha l-leġittimità li tirriżulta direttament mit-Trattati, u hija waħda mill-politiki Ewropej l-aktar viżibbli u l-aktar espressjoni importanti ta' solidarjetà Ewropea u valur miżjud fir-reġjuni kollha Ewropej; jemmen li r-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-proċessi ta' governanza ekonomika fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew trid tkun waħda bbilanċjata, reċiproka u ffukata fuq sistema ta' inċentivi pożittivi; jappoġġa rikonoxximent ulterjuri tad-dimensjoni territorjali, li tista' tkun ta' benefiċċju għas-Semestru Ewropew; iqis, għaldaqstant, li l-governanza ekonomika u l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni f'termini ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll tat-tkabbir sostenibbli, tal-impjiegi u tal-ħarsien tal-ambjent, għandhom jitqiesu fl-ambitu ta' approċċ ibbilanċjat;

31.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-atturi politiċi kollha jirrikonoxxu r-rwol li tiżvolġi l-politika ta' koeżjoni bħala l-istrument ewlieni tal-politika ekonomika Ewropea favur l-investimenti pubbliċi u privati li jqisu l-ispeċifiċitajiet territorjali, soċjali u ekonomiċi tar-reġjuni;

32.  Jappella lill-Istati Membri, kif propost fir-rapport tal-Kummissjoni, biex jadottaw strateġiji u programmi ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali mmirati biex jappoġġaw lir-reġjuni li għadhom lura u jtejbu l-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom, il-governanza u fatturi oħra ewlenin ta' tkabbir; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi assistenza teknika, professjonali u prattika lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-muniċipalitajiet sabiex jintużaw l-aħjar prattiki u tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi;

33.  Jitlob li l-politika ta' koeżjoni tkompli tkun prijorità għall-Unjoni u li tkun appoġġata minn finanzjament ambizzjuż xieraq, anke fid-dawl ta' pressjonijiet fuq il-baġit tal-UE, u li jiżdiedu s-sinerġiji ma' fondi oħra tal-UE u li jiġi attirat appoġġ finanzjarju komplementari permezz ta' strumenti finanzjarji fil-qafas ta' programmazzjoni pluriennali ta' wara l-2020; jisħaq fuq il-fatt li l-valuri bħas-solidarjetà Ewropea, li l-politika ta' koeżjoni tinkorpora, m'għandhomx jiddgħajfu;

34.  Ifakkar fir-responsabbiltà tal-Parlament fit-tfassil u l-approvazzjoni tal-qafas leġiżlattiv xieraq għall-politika ta' koeżjoni futura; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ppreservat ir-rwol fundamentali u l-objettiv bażiku tal-politika ta' koeżjoni f'konformità mal-Artikolu 174 tat-TFUE, mhux biss biex tinkiseb konverġenza, iżda wkoll biex jiġi evitat li t-territorji jaqgħu lura; jindika l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati r-regoli, u li jkun żgurat bilanċ tajjeb bejn is-simplifikazzjoni tal-politika u l-kontrolli adegwati, filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi eċċessivi; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw estensjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 dwar il-FEŻR, permezz ta' finanzjament tal-konnessjonijiet tal-ibliet maż-żoni madwarhom fir-reġjuni li għadhom lura;

35.  Jappella lill-Kummissjoni tappoġġa aħjar l-iżvilupp ta' sistemi ta' innovazzjoni, bħall-istrateġiji ta' innovazzjoni għal speċjalizzazzjoni intelliġenti, u ssaħħaħ l-interazzjoni bejn in-negozji, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka fir-reġjuni li għadhom lura; jisħaq fuq l-importanza, barra minn hekk, li territorji konnessi tajjeb ħafna huma essenzjali għall-ħidma ta' sħubijiet ta' riċerka, inkluż inizjattivi tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni, b'tali mod li prattiki innovattivi jkunu jistgħu jsaħħu aktar l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura u tal-impriżi assoċjati fir-reġjuni li għadhom lura;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(3) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 29.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0309.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0053.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0245.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0254.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0401.
(9) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 (COM(2017)0623).

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Novembru 2018Avviż legali