Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2053(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0041/2018

Testi mressqa :

A8-0041/2018

Dibattiti :

PV 13/03/2018 - 13
CRE 13/03/2018 - 13

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2018 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0076

Testi adottati
PDF 674kWORD 64k
L-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea
P8_TA(2018)0076A8-0041/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (2017/2053(INI))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 311 u 332(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 106a u 171 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

—  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),

—  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(2),

—  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti(3),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-21 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2017)0547),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(4),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 intitolata "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFP) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva"(5),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 intitolata "Negozjati dwar il-QFP 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem"(6),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(7),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014(8) dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016(9) dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020,

—  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Future financing of the EU – Final report and recommendations of the High Level Group on Own Resources (Il-finanzjament futur tal-UE - rapport u rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji), ta' Diċembru 2016,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0041/2018),

A.  billi, skont it-Trattat ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 1957, il-Komunità Ekonomika Ewropea kellha tkun iffinanzjata b'kontribuzzjonijiet nazzjonali għal perjodu tranżitorju biss li kellu jiġi segwit minn bidla għal sistema ta' riżorsi proprji;

B.  billi l-Kunsill Ewropew ta' Lussemburgu ta' April 1970 iddeċieda dwar sistema ta' riżorsi proprji, li kellha ġġib fi tmiem il-kontribuzzjonijiet nazzjonali u tintroduċi żewġ riżorsi proprji ġenwini, jiġifieri imposti agrikoli u dazji doganali, ikkomplementati b'tielet riżorsa bbażata fuq il-valur miżjud (VAT);

C.  billi f'Ġunju 1988, il-Kunsill Ewropew introduċa riżorsa proprja bbażata fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Istati Membri, peress li d-dħul iġġenerat mir-riżorsi proprji eżistenti ma kinux biżżejjed biex ikopru n-nefqa totali tal-baġit tal-UE;

D.  billi s-sehem tar-riżorsa bbażata fuq l-ING żdied b'mod sinifikanti, minn madwar 11 % fl-1988 għal 69 % fl-2014, hekk li din ir-riżorsa "residwa" u "ta' bilanċ" inbidlet de facto biex illum saret l-akbar sors ta' dħul għall-baġit tal-UE; billi r-riżorsa tal-VAT bħalissa tammonta għal madwar 12 % tal-baġit tal-UE, ir-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali, dazji agrikoli u imposti fuq iz-zokkor u l-isoglukożju ) għal madwar 13 %, u l-bqija tal-perċentwal huwa kopert minn dħul ieħor, inkluż it-taxxi li jitħallsu mill-persunal tal-UE jew multi li jitħallsu minn kumpaniji li jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni;

E.  billi, sa mill-introduzzjoni fl-1984 fil-Kunsill Ewropew ta' Fontainebleau, tar-rifużjoni tal-Gran Brittanja, fejn jiġi rimborżat 66 % tal-kontribuzzjoni netta tar-Renju Unit, diversi rifużjonijiet u mekkaniżmi ta' korrezzjoni oħra ġew introdotti b'mod progressiv sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-hekk imsejħa "bilanċi baġitarji operattivi" ta' ċerti Stati Membri; billi tali korrezzjonijiet bħalissa primarjament jikkonċernaw jew tnaqqis mill-finanzjament tal-korrezzjoni tar-Renju Unit, jew inkella tnaqqis gross mill-kontribuzzjoni annwali tal-VAT jew tal-ING;

F.  billi l-Parlament enfasizza, f'għadd ta' riżoluzzjonijiet matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-problemi u l-kumplessità tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, u talab ripetutament għal riforma approfondita sabiex is-sistema ssir aktar sempliċi, trasparenti u demokratika, inkluż bl-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda u ġenwini li għandhom, b'mod progressiv u safejn huwa possibbli, jissostitwixxu l-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING;

G.  billi fl-2011, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett leġiżlattiv ambizzjuż dwar ir-riżorsi proprji (COM(2011)0510), ippreżentat b'mod konġunt mal-proposti għall-QFP 2014-2020, bl-għan li tissimplifika l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda – VAT riformata u Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (TTF) – u r-riforma tal-mekkaniżmi ta' korrezzjoni; billi dawn il-proposti ġew injorati mill-Kunsill;

H.  billi, b'riżultat tan-negozjati dwar il-QFP 2014-2020, ġie stabbilit Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji (HLGOR), li jinkludi rappreżentanti mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u huwa ppresedut minn Mario Monti; billi f'Diċembru 2016, l-HLGOR ippreżenta r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li jirrappreżentaw il-bażi għall-elaborazzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament kif stabbilita f'dan ir-riżoluzzjoni; jenfasizza li dan ir-rapport ġie adottat b'mod unanimu mill-membri tiegħu kollha, inklużi l-membri maħtura mill-Kunsill;

1.  Jinnota li l-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta l-proposti tagħha għall-QFP ta' wara l-2020 sa Mejju 2018; jesiġi li l-QFP futur propost mill-Kummissjoni jkun jinkludi proposti ambizzjużi biex jiġu riveduti d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji u l-atti leġiżlattivi relatati kollha, kif ukoll biex jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda; jissottolinja li kemm in-naħa tan-nefqa kif ukoll tad-dħul tal-QFP li jmiss se jiġu ttrattati bħala pakkett uniku fin-negozjati li ġejjin bejn il-Kunsill u l-Parlament; jiddikjara li l-ebda ftehim mhu se jintlaħaq dwar il-QFP mingħajr ma jsiru passi korrispondenti 'l quddiem fir-rigward tar-riżorsi proprji;

2.  Jippreżenta dan ir-riżoluzzjoni sabiex jesprimi l-pożizzjoni tiegħu dwar l-elementi ewlenin tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluż il-kompożizzjoni tal-basket ta' riżorsi proprji ġodda, kif ukoll dwar l-elementi tas-sistema attwali li għandhom jibqgħu fis-seħħ; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont debitu tal-pożizzjoni tal-Parlament fit-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi dwar ir-riżorsi proprji tal-UE, li għandhom ikunu ambizzjużi fil-portata u ppreżentati flimkien mal-proposti dwar il-QFP ta' wara l-2020; jinsab konvint dwar il-ħtieġa urġenti li jsir progress sinifikanti fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE, sabiex jiġi ffaċilitat ftehim dwar il-QFP li jmiss;

I.QAFAS LEGALI U L-PROĊESS TAT-TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET

3.  Ifakkar li l-Artikolu 311 tat-TFUE jipprevedi li: "L-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b'suċċess il-politika tagħha. Salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji"; jenfasizza, għalhekk, li r-rekwiżit legali biex il-baġit tal-UE jiġi pprovdut b'riżorsi proprji ġenwini jirriżulta direttament mit-Trattat;

4.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 310 tat-TFUE, "id-dħul u l-ħruġ murija fl-estimi finanzjarji għandhom ikunu jaqblu"; jinnota, għaldaqstant, li d-dħul għandu jkopri t-totalità tal-infiq, kif adottat kull sena mill-awtorità baġitarja; jenfasizza li l-baġit tal-UE ma jistax iġarrab defiċit annwali jew jiġi ffinanzjat permezz ta' self mis-swieq finanzjarji;

5.  Jinnota li l-att leġiżlattiv ewlieni li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji, l-hekk imsejħa Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, huwa adottat mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta lill-Parlament, u li din id-deċiżjoni hija soġġetta għar-ratifika mill-Istati Membri kollha; jissottolinja li din hija waħda mill-aktar proċeduri leġiżlattivi inkrepattivi previsti fit-Trattat;

6.  Jinnota li, f'dan l-att leġiżlattiv, il-Kunsill jistabbilixxi inter alia l-limitu massimu tar-riżorsi proprji, u jista' jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti; jissottolinja li anke jekk id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji ma għandhiex data ta' skadenza, hija marbuta direttament mal-QFP rispettiv li jistabbilixxi l-livell massimu ta' infiq għall-istess perjodu li huwa jkopri;

7.  Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa dispożizzjonijiet ġodda rigward l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji, li jipprevedu l-possibbiltà li l-Kunsill jadotta regolament permezz ta' maġġoranza kwalifikata wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament; jiddispjaċih, madankollu, li bosta dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari dawk relatati mal-kalkolu tar-riżorsi bbażati fuq l-ING, xorta waħda għadhom jinsabu fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji; jappella, għalhekk, għal proċedura ta' adozzjoni b'inqas xkiel tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' reviżjoni futura tat-Trattat, biex jappoġġaw it-talba mill-Parlament biex b'hekk jimmodifikaw l-Artikolu 311 tat-TFUE, sabiex ir-rwol tal-Parlament jissaħħaħ fil-proċedura għall-adozzjoni tar-riżorsi proprji;

8.  Ifakkar li l-Istati Membri huma responsabbli għall-politiki fiskali tagħhom, u jissottolinja li s-setgħa li jimponu taxxi tinsab fil-qalba tas-sovranità tal-Istati Membri; jissottolinja li r-riforma tar-riżorsi proprji tal-UE ma tirrappreżentax trasferiment tas-sovranità nazzjonali f'dan il-qasam, iżda, tallinja s-sistema tal-lum mal-ispirtu u l-ittra tat-Trattati tal-UE;

II.RAĠUNIJIET GĦAR-RIFORMA TAS-SISTEMA ATTWALI TAR-RIŻORSI PROPJI

i.Il-ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sistema attwali

9.  Jenfasizza li s-sistema attwali tar-riżorsi proprji hija kumplessa ħafna, mhijiex ġusta u lanqas trasparenti, u hija totalment inkomprensibbli għaċ-ċittadini tal-UE; jirrimarka b'mod partikolari l-opaċità tal-kalkoli dwar ir-rifużjonijiet nazzjonali u l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni li japplikaw għas-sistema tar-riżorsi proprji jew għar-riżorsa statistika bbażata fuq il-VAT; jenfasizza, barra minn hekk, li s-sistema mhijiex soġġetta għall-ebda kontroll parlamentari effettiv fil-livell tal-UE, u essenzjalment hija nieqsa mil-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika;

10.  Jissottolinja li l-mod kif evolviet is-sistema tar-riżorsi proprji, li gradwalment issostitwiet ir-riżorsi proprji ġenwini bl-hekk imsejħa "kontribuzzjonijiet nazzjonali", tqiegħed enfasi sproporzjonata fuq il-bilanċi netti bejn l-Istati Membri, hekk li l-kontribut tal-baġit tal-UE fl-ilħiq tal-objettivi komuni Ewropej għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE b'mod ġenerali safa injorat ; jiddispjaċih, għalhekk, li s-sehem totali tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-baġit tal-UE, ikkalkulat jew abbażi tal-ING jew bħala perċentwal tar-riżorsa statistika bbażata fuq il-VAT, jirrappreżenta madwar 83 % tad-dħul totali tal-UE;

11.  Jinsab konvint li d-dominanza tar-riżorsa tal-ING saħħet il-loġika baġitarja ta' "juste retour" (redditu ġust), li mmonopolizzat id-dibattiti fil-Kunsill, kemm fir-rigward tad-dħul kif ukoll tal-infiq tal-baġit tal-UE; jirrimarka, f'dan il-kuntest, l-introduzzjoni tar-rifużjoni tal-Gran Brittanja u s-serje ta' rifużjonijiet u mekkanizmi ta' korrezzjoni oħrajn fir-rigward tad-dħul, min-naħa waħda, kif ukoll l-impossibbiltà li jintlaħaq ftehim fuq livell suffiċjenti dwar l-approprjazzjonijiet għall-baġit tal-UE fil-proċedura baġitarja annwali, min-naħa l-oħra; huwa tal-fehma li l-UE trid titbiegħed mill-kunċett ta' bilanċ operatorju nett, peress li fil-prattika l-Istati Membri kollha huma benefiċjarji tal-baġit tal-UE;

12.  Iqis, b'mod partikolari, li d-deċiżjoni dwar id-daqs tal-baġit annwali tal-UE hija affettwata minn kunsiderazzjonijiet politiċi u finanzjarji fil-livell nazzjonali, li jimponu restrizzjonijiet fuq in-negozjati baġitarji li ta' spiss jirriżultaw f'logħba fejn il-gwadann ta' naħa jissarraf f'telf għan-naħa l-oħra ('zero-sum game') bejn il-kontributuri netti u l-benefiċjarji netti fil-Kunsill; li jinjoraw l-impenji tal-Unjoni, inkluż dawk li saru mill-Kunsill; iqis li, b'riżultat ta' dan, għadd ta' politiki tal-UE li għandhom l-ogħla valur miżjud Ewropew ħafna drabi huma l-oqsma fejn jiġi propost l-iffrankar tal-ispejjeż, u li b'konsegwenza jiddgħajjef il-proġett Ewropew;

13.  Jinnota li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE huma identifikati b'mod ċar fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit nazzjonali, u li ta' spiss huma meqjusa bħala piż finanzjarju li jisboq il-benefiċċji li jirriżultaw minn oqsma tan-nefqa tal-UE li ħafna drabi huma inqas viżibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-baġit tal-UE;

14.  Jinsab konvint, għalhekk, li s-sistema attwali tar-riżorsi proprji tikser, fis-sustanza, l-ittra u l-ispirtu tat-Trattat; itenni l-pożizzjoni li ilu jħaddan, li riforma fil-fond tar-riżorsi tal-UE hija indispensabbli sabiex il-finanzjament tal-baġit tal-UE jiġi riallinjat mar-rekwiżiti tat-Trattat u mal-ħtiġijiet tal-Unjoni kollha;

ii. Il-ħtieġa li l-Unjoni tiffinanzja l-politiki tagħha u twieġeb għall-isfidi l-ġodda

15.  Jissottolinja li l-QFP ta' wara l-2020 jeħtieġ li jiżgura l-finanzjament adegwat tal-politiki u l-programmi tal-UE b'valur miżjud ċar Ewropew, iżda wkoll li jipprovdi mezzi addizzjonali biex jiġu indirizzati sfidi li diġà ġew identifikati f'oqsma bħalma huma t-tkabbir u l-impjiegi, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali, il-kompetittività, il-koeżjoni, l-innovazzjoni, il-migrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri esterni tal-UE, is-sigurtà u d-difiża;

16.  Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu evitati n-nuqqasijiet tal-QFP attwali, u li mill-bidu nett jiġi previst livell ta' riżorsi biex l-Unjoni tkun tista' ssegwi l-aġenda tal-politika tagħha b'finanzjament adegwat, u biex tirrispondi b'mod effettiv għall-avvenimenti jew kriżijiet mhux previsti li jistgħu jseħħu matul il-perjodu tal-qafas finanzjarju li jmiss; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi solvuta l-problema rikorrenti tan-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament suffiċjenti fil-proċedura baġitarja annwali; ifakkar fil-mobilizzazzjoni sostanzjali tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà tal-QFP li kienet meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati waħedha;

17.  Jistenna li, mingħajr preġudizzju għas-saldu finanzjarju, il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jirrappreżenta sfida importanti għall-QFP li jmiss u għad-deċiżjonijiet baġitarji kollha relatati; huwa konvint li, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-QFP ta' wara l-2020, "id-disktakk li jirriżulta mill-Brexit" għandu jitnaqqas sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-UE ma jitnaqqsux u li l-programmi tal-UE ma jiġux milquta b'mod negattiv;

18.  Jilqa' l-proposta li għamel il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, fid-diskors tiegħu fil-Parlament Ewropew dwar l-Istat tal-Unjoni, dwar il-ħolqien ta' intestatura baġitarja speċifika għaż-żona tal-euro fi ħdan il-baġit tal-UE, u li ġiet żviluppata aktar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2017 dwar strumenti baġitarji ġodda għal żona tal-euro stabbli fi ħdan il-qafas tal-Unjoni (COM(2017)0822); jappella, għal dan l-għan, li jkun hemm kapaċità baġitarja fi ħdan il-baġit tal-UE 'il fuq mil-limiti massimi attwali;

III.LEJN SISTEMA TA’ RIŻORSI PROPRJI LI TKUN AĊĊETTABBLI U BBILANĊJATA

i. Prinċipji u suppożizzjonijiet li jirregolaw l-istabbiliment ta' sistema ġdida ta' riżorsi proprji

19.  Huwa favur l-istabbiliment ta' sistema ġdida tar-riżorsi proprji li tkun trasparenti, aktar sempliċi u ekwa, li tibni fuq l-elementi tas-sistema attwali fejn dawn urew li kienu effettivi, sabiex ikun hemm finanzi stabbli fil-livell tal-UE; iqis li r-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji għandha tkun ibbażata fuq serje ta' prinċipji gwida;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-dħul ikun marbut mal-objettivi tal-politika, b'mod partikolari fir-rigward tas-suq uniku, l-unjoni tal-enerġija, u l-politiki dwar l-ambjent, il-klima u t-trasport; jinsab konvint, f'dan ir-rigward, li l-baġit tal-UE għandu jiffoka fuq politiki b'valur miżjud Ewropew kif definit fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE(10);

21.  Jissottolinja, mil-lat operattiv, li r-riżorsi proprji ġodda ma jistgħux jiġu introdotti kollha fl-istess żmien, u jirrimarka l-ħtieġa li jkun hemm implimentazzjoni progressiva; iqis għalhekk li r-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tista' tinkiseb permezz ta' approċċ f'żewġ stadji: fl-ewwel stadju jiġu introdotti r-riżorsi proprji li huma l-inqas kumplessi teknikament, li l-ġabra tagħhom tkun ġestita b'mod faċli u bi spiża raġonevoli, u fit-tieni stadju tiġi introdotta b'mod gradwali kull riżorsa proprja ġdida, abbażi ta' skeda ta' żmien fissa sakemm ir-riżorsi kollha jkunu qabdu pass kostanti;

22.  Iqis li l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda għandu jkollha għan doppju, jiġifieri, l-ewwel nett li twassal għal tnaqqis sostanzjali (bil-mira ta' 40 %) fil-perċentwal tal-kontribuzzjonijiet bbażati fuq l-ING, li b'hekk jirriżulta fi ffrankar għall-bagits tal-Istati Membri; u t-tieni, li tippermetti l-iffinanzjar ta' nfiq tal-UE ta' livell ogħla taħt il-QFP ta' wara l-2020, kif ukoll li tkopri d-diskrepanza li tirriżulta wara l-ħruġ tar-Renju Unit; ifakkar, f'dan il-kuntest, li r-riżorsi proprji ġodda ma għandux ikollhom l-għan li jżidu l-piż fiskali ġenerali għall-kontribwenti tal-UE, li ma għandhomx ikunu milquta bl-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda;

23.  Jappella għall-abolizzjoni tar-rifużjonijiet u l-korrezzjonijiet kollha, filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust fost l-Istati Membri; jissottolinja f'dan il-kuntest li l-Brexit se jfisser li r-rifużjoni tar-Renju Unit u "r-rifużjonijiet fuq ir-rifużjoni" relatati se jiġu obsoleti u ma jibqgħux fis-seħħ, filwaqt li riforma tar-riżorsi proprji statistiċi bbażati fuq il-VAT se tkun inevitabbli;

24.  Iqis li r-riżorsi proprji tradizzjonali, jiġifieri d-dazji doganali, id-dazji agrikoli u l-imposti fuq iz-zokkor u l-isoglukożju, jikkostitwixxu sors affidabbli u ġenwin ta' dħul tal-UE, peress li huma jirriżultaw mill-fatt li l-UE hija unjoni doganali u mill-kompetenzi legali u mill-politika kummerċjali komuni marbuta magħhom; huwa tal-fehma, għalhekk, li r-riżorsi proprji tradizzjonali għandhom jinżammu bħala sors ta' dħul għall-baġit tal-UE; iqis li jekk jitnaqqas il-perċentwal tal-ispejjeż tal-ġbir li jinżamm mill-Istati Membri, sehem akbar ta' dan id-dħul jista' jiġi ggarantit għall-baġit tal-UE;

25.  Jirrikonoxxi li l-kontribuzzjoni bbażata fuq l-ING tipprovdi sors ta' dħul affidabbli, stabbli u ekwu għall-baġit tal-UE, u li din għandha l-appoġġ qawwi tal-parti l-kbira tal-Istati Membri; jemmen, għalhekk, li hija għandha tinżamm biss bħala riżorsa ta' bilanċ u residwali għall-baġit tal-UE, li għandha ttemm il-loġika baġitarja ta' "redditu ġust"; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li jiġi żgurat li l-kontribuzzjoni tal-ING tiġi kklassifikata bl-istess mod fil-baġits nazzjonali kollha, jiġifieri bħala dħul attribwit lill-UE u mhux bħala nefqa tal-gvernijiet nazzjonali;

ii. Kriterji użati għall-identifikazzjoni ta' riżorsi proprji ġodda

26.  Jaqbel mar-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji (HLGOR), li jsostni li l-kriterji li ġejjin għandhom jitqiesu għall-identifikazzjoni tar-riżorsi proprji ġodda possibbli: ekwità/ġustizzja; effiċjenza; suffiċjenza u stabbiltà; trasparenza u sempliċità; responsabbiltà demokratika u dixxiplina baġitarja; enfasi fuq il-valur miżjud Ewropew; prinċipju tas-sussidjarjetà u s-sovranità fiskali tal-Istati Membri; u limitu fuq l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet politiċi;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni, abbażi ta' dak imsemmi hawn fuq, teżamina l-introduzzjoni tas-segwenti basket ta' riżorsi proprji ġodda;

iii. Basket ta' riżorsi proprji ġodda possibbli

a. Objettiv: Konsolidazzjoni tas-suq uniku, żieda fit-trasparenza tiegħu u titjib tal-kundizzjonijiet ekwi

– Taxxa fuq il-valur miżjud

28.  Ifakkar li, sa mill-bidu tagħha kważi 50 sena ilu, il-VAT kienet użata bħala l-bażi għall-kalkolu ta' waħda mir-riżorsi proprji tal-baġit tal-UE, u li din ir-riżorsa bħalissa tirrappreżenta madwar 12 % tad-dħul tal-UE;

29.  Jinnota, madankollu, li s-sistema attwali għandha nuqqasijiet serji: ir-riżorsa hija kkalkulata fuq bażi ta' statistika; hija kumplessa għalxejn u ma għandha l-ebda rabta diretta maċ-ċittadini; hija tirrappreżenta biss it-trasferiment ta' parti mid-dħul miġbur mill-Istati Membri, u b'hekk ma għandha l-ebda valur miżjud meta mqabbla mar-riżorsa tal-ING; u l-bażi tal-kontribuzzjoni mhijiex trasparenti u ma hemmx ugwaljanza fost il-kontribwenti;

30.  Jiddeplora l-fatt li l-OLAF ripetutament sab każijiet serji ta' frodi doganali fl-Istati Membri, li rriżultaw f'telf sinifikanti ta' dħul għall-baġit tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni għar-Rapport Speċjali 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE", u jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawk li jwettqu frodi se jkomplu jsibu l-"aktar ħolqa dgħajfa" fost l-Istati Membri bħala l-punt ta' dħul tagħhom fl-unjoni doganali, u li se jibqa' jkun hemm telf għall-baġit tal-Unjoni anke matul il-QFP li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex iwaqqfu dawn l-attivitajiet li huma ta' ħsara għall-baġit tal-Unjoni;

31.  Ifakkar fil-proposta leġiżlattiva tal-2011 dwar riżorsa ġdida tal-VAT, li kellha tirriżulta fl-applikazzjoni ta' rata fissa għall-UE kollha bbażata fuq il-valur nett ta' provvisti ta' prodotti u servizzi jew fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti li fuqhom kellha tiġi applikata rata ta' VAT standard u komuni; jinnota li għalkemm din il-proposta ma ġietx approvata, il-Kunsill Ewropew ta' Frar 2013 ħeġġeġ lill-Kunsill biex ikompli jaħdem fuq dan il-fajl; jemmen li l-kuntest attwali joffri opportunità biex jittieħed pass kbir 'il quddiem f'dan ir-rigward;

32.  Jilqa' l-proposta tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-viżjoni tiegħu tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT bl-għan li tkun iktar sempliċi, jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u tissaħħaħ ir-rabta mal-politika tal-VAT tal-UE u l-irċevuti reali tal-VAT;

33.  Jieħu nota tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-VAT ("Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu") ippubblikat fis-7 ta' April 2016 (COM(2016)0148), u l-proposta sussegwenti tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar sensiela ta' prinċipji fundamentali u riformi ewlenin għall-qasam tal-VAT tal-UE; jappoġġa riforma fil-fond tas-sistema tal-VAT fl-UE, li għandu jkollha l-għan li twessa' l-bażi tat-taxxa, tnaqqas l-ambitu għal frodi u l-ispejjeż tal-konformità, u li tiġġenera dħul ġdid; iqis li parti minn dan id-dħul il-ġdid għandu jiġi allokat għall-baġit tal-UE;

34.  Iqis li riżorsa tal-VAT semplifikata għandha tinbena fuq id-denominatur komuni ta' sistemi tal-VAT madwar l-UE, u jinnota li, b'konsegwenza ta' dan, ma jiġux eliminati l-ispeċifiċitajiet nazzjonali kollha li huma ġġustifikati għal diversi raġunijiet;

35.  Huwa favur l-istabbiliment ta' rata ta' taxxa uniformi (1 % għal 2 %) fuq id-dħul mill-VAT riformata li tinġabar kompletament mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri bħala riżorsa proprja tal-Unjoni; jemmen li tali sistema tista' tipprovdi riċevuti sinifikanti u stabbli għall-UE bi spejjeż amministrattivi limitati;

36.  Jissottolinja li l-Kummissjoni diġà ressqet proposti leġiżlattivi għal riforma maġġuri tar-regoli tal-UE dwar il-VAT, u li fl-2018 huma mistennija inizjattivi addizzjonali; jinsisti fuq il-ħtieġa li titlesta r-riforma tal-VAT mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-bidu tal-QFP li jmiss;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni, sakemm tiġi adottata l-leġiżlazzjoni tal-VAT rilevanti, tippreżenta proposta ta' riżorsa proprja riformata bbażata fuq il-VAT bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv li jmiss dwar ir-riżorsi proprji tal-UE; jemmen li tali proposta għandha tqis l-eżiti ewlenin tar-riforma tal-VAT, li bħalissa qiegħda tiġi diskussa;

– Taxxa korporattiva

38.  Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(11), il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta għal bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK), "li tkun akkumpanjata minn skema ta' distribuzzjoni xierqa u ġusta li tkun tista' toffri soluzzjoni komprensiva fir-rigward ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi fl-Unjoni, tipprovdi ċarezza u sempliċità għan-negozji, u tiffaċilita l-attivitajiet ekonomiċi transfruntiera fi ħdan l-Unjoni";

39.  Jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni dwar il-BKKTK, filwaqt li jfakkar l-appell tiegħu li din il-bażi konsolidata tiġi estiża għall-kumpaniji kollha wara l-perjodu ta' tranżizzjoni; jenfasizza li l-proposti attwali għall-BKKTK għandhom ikopru wkoll l-ekonomija diġitali; jissuġġerixxi, abbażi ta' dawn il-proposti, li l-preżenza diġitali ta' kumpanija għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-istabbiliment fiżiku, billi jiġi definit u identifikat stabbiliment diġitali permanenti;

40.  Jaqbel mal-valutazzjoni tal-HLGOR li jqis il-BKKTK bħala l-bażi għal riżorsa proprja ġdida, li tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti mill-Grupp; jissottolinja li l-BKKTK hija wkoll element ewlieni fl-iżvilupp tas-suq uniku, li huwa beni pubbliku Ewropew, peress li hija timpedixxi li jkun hemm kompetizzjoni fiskali mhux xierqa bejn l-Istati Membri u l-ottimizzazzjoni fiskali li hija ta' ħsara għal kundizzjonijiet ekwi;

41.  Ifakkar li l-evażjoni tat-taxxa fil-forom kollha tagħha twassal biex l-UE titlef ammont li l-Kummissjoni tistma li jlaħħaq it-EUR 1 triljun kull sena; jenfasizza l-ħtieġa li jinġabar lura d-dħul mit-taxxa mhux imħallas permezz ta' politika kkoordinata li tiġġieled l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa permezz ta' qafas ibbażat fuq it-trasparenza, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tal-konklużjonijiet tar-rieżami tad-Direttiva dwar il-BKKTK, tipproponi l-istabbiliment ta' riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-Unjoni, li tkun ikkalkulata abbażi tad-dħul tal-Istati Membri ġġenerat mill-BKKTK; huwa favur l-istabbiliment ta' rata ta' taxxa uniformi fuq id-dħul mill-BKKTK, li tinġabar bħala riżorsa proprja; jemmen li tali sistema tista' tipprovdi riċevuti sinifikanti u stabbli għall-UE bi spejjeż amministrattivi limitati;

– Sinjoraġġ

43.  Huwa tal-fehma li l-introjtu li ġej mill-profitti tal-Bank Ċentrali Ewropew (id-dħul tal-BĊE magħmul mill-ħruġ tal-munita), u b'hekk għandu rabta diretta mal-unjoni monetarja tal-UE, għandu jifforma l-bażi ta' riżorsa proprja ġdida minflok ma jingħata lit-teżori nazzjonali; iqis li tali riżorsa għandha tkun direttament marbuta mal-linja speċifika ddedikata għaż-żona tal-euro fil-baġit tal-UE;

b. Objettiv: Tnaqqis tal-ispekulazzjoni finanzjarja u tisħiħ tal-ġustizzja fiskali fis-setturi li jużaw strumenti ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa jew ottimizzazzjoni fiskali aggressiva

– Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (FTT) fil-livell Ewropew

44.  Jinkoraġġixxi l-isforzi li ttieħdu fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa minn grupp ta' 11-il Stat Membru bl-għan li tiġi stabbilita taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT), wara l-proposta tal-Kummissjoni tal-2011; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha l-oħra biex jingħaqdu mal-grupp imsemmi hawn fuq bl-għan li jimpedixxu t-tfixkil tas-swieq finanzjarji u jiżguraw l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku;

45.  Jaqbel mal-valutazzjoni tal-HLGOR li jikkunsidra l-FTT bħala bażi potenzjali għal riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-Unjoni, filwaqt li jitqies ukoll li għandhom jiġu esplorati mezzi oħra ta' tassazzjoni fuq l-attivitajiet finanzjarji;

46.  Jappella, għaldaqstant, għall-istabbiliment ta' riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-Unjoni, li tkun ikkalkulata abbażi ta' metodi magħżula ta' tassazzjoni fuq l-attivitajiet finanzjarji;

– Tassazzjoni ta' kumpaniji fis-settur diġitali

47.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-laqgħa infomali tal-Kunsill tal-ministri tal-finanzi, tas-16 ta' Settembru 2017, li jitolbu li jiġu żviluppati regoli ġodda ta' tassazzjoni diġitali, bi tweġiba għall-ittra tal-Erba' Ministri tal-Finanzi li talbu lill-Kummissjoni teżamina "soluzzjonijiet effettivi msejsa fuq il-kunċett tal-istabbiliment tal-hekk imsejħa taxxa ta' ugwalizzazzjoni" fuq il-fatturat iġġenerat fl-Ewropa mill-kumpaniji diġitali; jenfasizza li fil-komunikazzjoni tagħha tal-21 ta' Settembru 2017 intitolata "Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali", il-Kummissjoni ttenni li l-BKKTK tipprovdi qafas li jiffavorixxi reviżjoni tar-regoli favur ftehimiet moderni u stabbli dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji diġitali u li jindirizza l-isfidi mqajma mill-ekonomija diġitali fil-qasam tat-taxxa; jappella għal approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE, anke għal soluzzjonijiet fuq terminu qasir, li jipprevjeni distorsjonijiet fis-suq uniku kkawżati minn azzjoni unilaterali u jevita l-ħolqien ta' rifuġji tat-taxxa għall-kumpaniji diġitali;

48.  Jaqbel li l-ekonomija diġitali għandu jkollha qafas fiskali modern u stabbli, li jistimola l-innovazzjoni, jindirizza l-frammentazzjoni tas-suq u l-kompetizzjoni inġusta, u li jħalli li l-parteċipanti kollha jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-kundizzjonijiet ġodda, ekwi u bilanċjati, filwaqt li jiżgura li l-kumpaniji u l-pjattaformi diġitali jħallsu s-sehem dovut tagħhom tat-taxxa fejn jiġġeneraw il-profitti tagħhom; jirrimarka, barra minn hekk, li huwa fundamentali li tiġi żgurata ċ-ċertezza tat-taxxa għall-investiment kummerċjali sabiex jingħalqu d-diskrepanzi tal-lum u jiġi evitat il-ħolqien ta' lakuni fiskali ġodda fi ħdan is-suq uniku;

49.  Iqis li huwa kruċjali li jittieħdu miżuri fiskali għas-suq diġitali sabiex jillimitaw l-evażjoni u d-distorsjonijiet tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jew skemi għall-ottimizzazzjoni fiskali, u l-użu ħażin ta' mekkaniżmi Ewropej biex tiġi evitata t-taxxa; iqis li dawn il-prattiki jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq uniku u jċaħħdu lill-Istati Membri mid-dħul mit-taxxa dovut;

50.  Jitlob, fil-prinċipju, li tinħoloq riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-Unjoni li tiġi imposta fuq tranżazzjonijiet fl-ekonomija diġitali; iqis, madankollu, li fid-dawl tan-negozjati importanti li għaddejjin kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-OECD, huwa kmieni wisq biex wieħed jiddeċiedi dwar l-arranġamenti eżatti għall-istabbiliment ta' din ir-riżorsa;

51.  Jemmen, madankollu, li kwalunkwe arranġament li jsir mill-awtoritajiet tal-UE, bħal sistemi ta' reġistrazzjoni jew monitoraġġ, jew mekkaniżmi regolatorji, għandhom minnufih jippermettu l-ġbir ta' dazji jew imposti għall-benefiċċju tal-baġit tal-Unjoni abbażi tal-valur miżjud Ewropew tagħhom; iqis li dawn huma beni pubbliċi tal-UE li, kif iddikjara l-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji (HLGOR), jipprovdu bażi għall-istabbiliment ta' imposta li tikkostitwixxi "dħul ieħor" li jirriżulta mill-politiki tal-Unjoni;

c. Objettiv: Promozzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-ġlieda kontra t-tisħin globali

– Tassazzjoni u imposti ambjentali

52.  Jikkonferma li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija, maqbula b'mod komuni, huma objettiv maġġuri tal-politiki tal-UE;

53.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li biss taxxi komuni tal-enerġija jew ambjentali fil-livell tal-UE jistgħu jiżguraw kompetizzjoni ġusta fost in-negozji u l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, u b'hekk iservu ta' mutur biex nersqu lejn mudell ta' żvilupp aktar progressiv u sostenibbli;

54.  Jenfasizza l-importanza tat-tassazzjoni ekoloġika bħala mekkaniżmu partikolarment adattat biex jikkontribwixxi għar-riżorsi proprji Ewropej; jitlob li l-Kummissjoni tinkorpora aktar il-proposti għal riżorsi proprji ekoloġiċi addizzjonali, kif deskritt fir-Rapport tal-HLGOR u mill-Kummissarju għall-baġit Ewropew, li huma konformi ma' ċerti politiki tal-Unjoni bħal dawk tal-enerġija (taxxa fuq l-enerġija), tal-ambjent u tal-klima (mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, taxxa fuq il-plastik u l-Iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS)) u tat-trasport (taxxi fuq il-fjuwil għat-trasport bit-triq u fuq il-biljetti tal-ajru), biex jippromwovu riżorsi proprji futuri addizzjonali tal-Unjoni;

55.  Jitlob li proporzjon sinifikanti tad-dħul mill-irkantar tal-ETS mill-Fażi 4 (2021) 'il quddiem titqies bħala riżorsa proprja ġdida tal-UE; ifakkar li din l-għażla ġiet diskussa fl-HLGOR, u hija espliċitament issuġġerita mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-14 ta' Frar 2018 intitolata "Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għall-Unjoni Ewropea għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020" (COM(2018)0098); jitlob, b'mod parallel, li jiddaħħal mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, bħala riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-UE, li għandu wkoll ikollu l-effett li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fil-kummerċ internazzjonali u jnaqqas ir-rilokazzjoni tal-produzzjoni, filwaqt li jinternalizza l-ispejjeż tat-tibdil fil-klima fil-prezzijiet tal-prodotti importati;

56.  Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni fil-livell tal-UE ta' taxxa fuq il-plastik u fuq oġġetti li jintużaw darba, bil-għan li tinkoraġġixxi l-użu ta' alternattivi aktar sostenibbli;

57.  Jemmen li riżorsi proprji bbażati fuq taxxa fuq l-elettriku jitrikkbu fuq l-ambitu tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) u jqajmu tħassib dwar l-istabbiltà tal-kundizzjonijiet tal-investiment u dwar il-piż finanzjarju fuq l-unitajiet domestiċi;

58.  Iqis li, f'każ ta' piż eċċessiv fuq Stat Membru partikolari kkawżat minn xi riżorsa proprja, tali piż tkun jista' jitħaffef b'appoġġ addizzjonali permezz ta' programmi tal-UE, li jkollu limitu ta' żmien u ta' ammont, f'konformità mal-objettivi u mal-miri tal-Unjoni; jissottolinja li tali għajnuna ma tistax tingħata permezz tal-introduzzjoni ta' kwalunkwe rifużjoni ġdida jew korrezzjoni ġdida fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE;

59.  Jissottolinja li l-introduzzjoni ta' taxxi jew imposti relatati mal-ambjent ma għandhom jaffettwaw la d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom, la l-għażla tagħhom bejn riżorsi tal-enerġija differenti u lanqas l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tagħhom;

iv. Sorsi oħra ta' dħul

60.  Ifakkar li, għalkemm ir-riżorsi proprji għandhom ikunu l-komponent ewlieni tad-dħul għall-baġit tal-UE, huma madankollu ssupplimentati b'dak li l-Artikolu 311 tat-TFUE jiddefenixxi bħala "dħul ieħor", li jinkludi: taxxa mħallsa mill-persunal tal-UE fuq is-salarji tagħhom; dħul mill-funzjonament amministrattiv tal-istituzzjonijiet, bħal dħul minn bejgħ ta' oġġetti, kiri u lokazzjoni, il-provvista ta' servizzi u mgħax bankarju; kontribuzzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex fl-UE għal ċerti programmi tal-UE; imgħax fuq ħlasijiet tardivi; multi mħallsa minn kumpaniji, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jirriżulta li jkunu kisru d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE; u dħul minn operazzjonijiet ta' self mill-Unjoni u lill-Unjoni;

61.  Jinnota li l-bilanċ minn kull sena finanzjarja jiddaħħal fil-baġit għas-sena ta' wara bħala dħul fil-każ ta' bilanċ favorevoli, u li dħul ieħor, bilanċi u aġġustamenti tekniċi, inkluż il-bilanċ favorevoli tas-sena preċedenti, jammontaw għal madwar 6 % tad-dħul totali; jenfasizza li f'dawn l-aħħar snin id-"dħul ieħor" fil-parti l-kbira tiegħu kien jikkonsisti f'multi, li waħedhom jirrappreżentaw 2,5 % tad-dħul totali (minbarra d-dħul assenjat);

62.  Jiddispjaċih li l-potenzjal ta' tali dħul ieħor ġie injorat sal-lum fid-dibattitu dwar il-finanzjament tal-UE; jemmen li, anke jekk tali dħul ma jirrappreżentax alternattiva għal riżorsi proprji oħra minħabba l-livell, il-volatilità u l-imprevedibbiltà tiegħu, madankollu, xorta waħda jirrappreżenta mezz possibbli biex jiġu koperti l-ħtiġijiet finanzjarji akbar taħt il-QFP li jmiss;

63.  Ifakkar li l-proċeduri legali li jirregolaw dan id-dħul u emendi possibbli huma aktar flessibbli milli dawk għar-riżorsi proprji, peress li dawn mhumiex stabbiliti mid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, iżda minn leġiżlazzjoni sekondarja, u għalhekk mhumiex soġġetti għar-rekwiżit tal-unanimità;

64.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu, adottata minn żmien ilu, li kwalunkwe dħul li jirriżulta minn multi imposti fuq il-kumpaniji għax ikunu kisru r-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE, jew marbut ma' pagamenti tardivi tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-baġit tal-UE, għandhom jikkostitwixxu dħul supplimentari għall-baġit tal-UE, mingħajr tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING;

65.  Jitlob, għal dan il-għan, li tiġi stabbilita riżerva speċjali fil-baġit tal-UE, li ser timtela progressivament bit-tipi kollha ta' dħul imprevist u riportata kif xieraq sabiex tipprovdi possibilitajiet ta' nfiq addizzjonali meta jkun hemm il-bżonn; ieħor; iqis li din ir-riżerva għandha tkun riżervata għall-istrumenti speċjali tal-QFP u għandha tipprevedi żidiet addizzjonali, kemm fl-impenji kif ukoll fil-pagamenti, fuq deċiżjoni tal-awtorità baġitarja;;

66.  Jissottolinja l-potenzjal għall-baġit tal-UE ta' tariffi mitluba għall-implimentazzjoni ta' skemi Ewropej, bħas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivjaġġar (ETIAS) tal-ġejjieni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi; iqis li, f'ċerti każijiet, dan id-dħul jista' jkun allokat għall-istess politika jew għan; iqis li għall-ġenerazzjoni ta' programmi u politiki tal-UE ta' wara l-2020, dan it-tip ta' dħul prospettiv għandu jiġi kkunsidrat b'mod aktar sistematiku, bil-għan li jipprovdi lill-baġit tal-UE sors addizzjonali ta' dħul;

67.  Jenfasizza li fl-2016 id-dħul assenjat lill-aġenziji deċentralizzati tal-UE, bħat-tariffi u l-ħlasijiet mill-industriji u l-kontribuzzjonijiet mill-baġits nazzjonali, ammontaw għal madwar EUR 1 biljun; jitlob li l-Kummissjoni tipproponi approċċ konsistenti f'dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-aġenziji mit-tariffi fil-QFP li jmiss;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(2) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29.
(3) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39.
(4) ĠU C 27E, 31.1.2008, p. 214.
(5) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 89.
(6) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 11.
(7) ĠU C 443, 22.12.2017, p. 994.
(8) ĠU C 294, 12.8.2016, p. 82.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0309.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0401.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0310.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Novembru 2018Avviż legali