Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2226(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0047/2018

Testi mressqa :

A8-0047/2018

Dibattiti :

PV 13/03/2018 - 20
CRE 13/03/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2018 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0077

Testi adottati
PDF 450kWORD 58k
L-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018
P8_TA(2018)0077A8-0047/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (2017/2226(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2), 136 u 148 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni taliżbilanċi makroekonomiċi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(8),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Bord Fiskali Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2017 dwar il-pożizzjoni fiskali prospettiva xierqa għaż-żona tal-euro,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta' Marzu 2010 u tas-17 ta' Ġunju 2010, kif ukoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 dwar l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi(11),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-ikkompletar tal-unjoni ekonomika u monetarja tal-Ewropa" ("Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti"),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015)0600),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2017 dwar aktar passi lejn it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2017) 0821,

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2017,

–  wara li kkunsidra l-istudji u l-analiżijiet fil-fond dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro taħt is-Semestru Ewropew ippreparati għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (Novembru 2015),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 (COM(2015)0690), ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016 (COM(2015)0691), u l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (COM(2015)0700),

–  wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ffirmata u pproklamata fis-17 ta' Novembru 2017 f'Gothenburg,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa(12),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar rakkomandazzjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(13),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2017 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2017)0770),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew 2018,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mal-Kummissjoni fil-Parlament Ewropew dwar il-pakkett tas-Semestru Ewropew – Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0047/2018),

A.  billi, skont il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, filwaqt li l-espansjoni tal-ekonomija Ewropea hija mistennija li tkompli, il-pass tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tal-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi jimplika telf żgħir fil-momentum fis-sentejn li ġejjin, bit-tkabbir jilħaq it-2,4 % fl-2017 fl-UE u mbagħad jonqos marġinalment għal 2,2 % fl-2018 u għal 2,0 % fl-2019; billi minkejja dan, xorta ser ikun hemm bżonn aktar azzjoni ta' politika biex tindirizza l-legati mhux riżolti tal-kriżi ekonomika globali;

B.  billi s-sitwazzjoni attwali tal-ekonomija tal-UE titlob li jkun hemm riformi strutturali u investiment ambizzjużi u bbilanċjati mil-lat soċjali fl-Istati membri sabiex ikun hemm tkabbir, impjiegi u kompetittività, u tinkiseb konverġenza 'l fuq;

C.  billi t-tkabbir fil-konsum privat huwa mistenni li jonqos ftit din is-sena qabel ma jtaffi fl-2019, bħala riżultat ta' inflazzjoni ogħla meta mqabbla mal-2017, għalkemm dan hu inqas mill-mira tal-BĊE ta' inqas iżda qrib it-2 %;

D.  billi l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), minbarra l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, ipprovdew appoġġ importanti għal investiment fl-UE; billi, madankollu, l-investiment privat jibqa' inqas mil-livelli tal-2008, b'implikazzjonijiet negattivi għal tkabbir, ħolqien tal-impjiegi u produttività potenzjali;

E.  billi l-impjiegi huma mistennija li jkomplu jespandu, b'rekord ta' 235,4 miljun persuna f'impjieg fit-tieni kwart tal-2017; filwaqt li xi indikaturi tas-suq tax-xogħol jissuġġerixxu diffikultajiet persistenti, bħal segmentazzjoni dejjem tiżdied tas-suq tax-xogħol, inugwaljanzi li jkomplu jaggravaw, speċjalment fir-rigward taż-żgħażagħ u dawk b'livell baxx ta' edukazzjoni; billi l-qgħad issa jammonta għal 7,5 % fl-UE u 8,9 % fiż-żona tal-euro, li, filwaqt li dawn huma l-aktar livelli baxxi f'dal-aħħar disa' u tmien snin rispettivament, għadu għoli wisq, partikolarment fost iż-żgħażagħ; billi għadhom jippersistu differenzi ferm sostanzjali f'ħafna Stati Membri, u billi r-rati tal-qgħad għad għandhom triq twila sakemm jirkupraw mill-kriżi u, mhux l-inqas, biex jilħqu l-miri nazzjonali ta' Ewropa 2020; billi l-qgħad moħbi (ta' persuni qiegħda, lesti li jaħdmu iżda mhux qed ifittxu impjieg b'mod attiv) kien ta' 20 % fl-2016;

F.  billi, bħala riżultat tal-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa li minnhom qed jibbenefikaw ċerti korporazzjonijiet kbar u individwi, diversi Stati Membri tilfu biljuni ta' euro fi dħul għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, għad-detriment tal-SMEs u ta' kontribwenti oħrajn;

G.  billi t-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika tipprovdi opportunitajiet għall-implimentazzjoni ta' riformi strutturali ambizzjużi u soċjalment ibbilanċjati, b'mod partikolari miżuri biex jinkoraġġixxu l-investiment, peress li l-livell ta' investiment bħala proporzjon tal-PDG illum għadu aktar baxx milli fil-perjodu immedjatament qabel il-kriżi finanzjarja, u biex tittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li jitqies il-piż li l-iżviluppi demografiċi jpoġġu fuq is-sostenibbiltà tad-dejn tagħhom;

1.  Jieħu nota tal-pubblikazzjoni tal-pakkett tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (SAT) u t-taħlita ta' politika proposta ta' investimenti, riformi strutturali ambizzjużi u soċjalment ibbilanċjati u finanzi pubbliċi responsabbli, ippreżentata bħala mod biex jiġu mħeġġa aktar livelli ogħla ta' tkabbir u biex jissaħħaħ l-irkupru Ewropew, il-konverġenza 'l fuq u l-kompetittività; jaqbel li huwa meħtieġ progress ulterjuri f'dak li jirrigwardja l-implimentazzjoni tar-riforma strutturali sabiex jinkisbu riżultati fit-tkabbir u l-impjiegi, u titkompla l-ġlieda kontra dawk l-inugwaljanzi li jxekklu t-tkabbir ekonomiku;

Kapitolu 1 – Investimenti u tkabbir

2.  Jenfasizza l-problema stutturali persistenti tat-tkabbir insuffiċjenti tal-output potenzjali, tal-produttività u tal-kompetittività, assoċjati ma' livell baxx wisq ta' investiment pubbliku u privat u nuqqas ta' riformi strutturali ambizzjużi u soċjalment ibbilanċjati f'xi Stati Membri;

3.  Ifakkar li xi Stati Membri għad għandhom bilanċi favorevoli kbar fil-kontijiet li jistgħu jintużaw biex isostnu l-investimenti pubbliċi u privati u jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku;

4.  Ifakkar fl-importanza li jiġi kkombinat l-investiment pubbliku u dak privat b'riformi stutturali li jagħtu spinta u jservu ta' lieva għat-tkabbir ekonomiku;

5.  Jissottolinja l-importanza li tingħata spinta lill-investiment pubbliku fl-UE sabiex it-tnaqqis attwali fl-investiment pubbliku fl-UE jiġi rrimedjat; iħeġġeġ, barra minn hekk, l-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali bil-għan li tingħata spinta lill-investimenti privati fis-suq uniku; iqis li l-qafas regolatorju għall-investiment privat għandu jkompli jiġi mtejjeb;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, kif ukoll fil-modernizzazzjoni teknoloġika, sabiex tingħata spinta l-produttività; ifakkar li l-investimenti f'oqsma bħalma huma l-infrastrutturi, il-kura tat-tfal, l-akkomodazzjoni soċjali, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa, ir-riċerka, l-innovazzjoni diġitali u l-ekonomija ċirkolari jistgħu jżidu l-produttività u/jew l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u l-konsum tar-riżorsi, u tiżgura li s-CSRs ikunu konsistenti bis-sħiħ mal-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ostakli attwali għal proġetti infrastrutturali sinifikanti li jsaħħu t-tkabbir tul il-ħajja ta' dawn l-investimenti, u biex tiddiskuti mal-Parlament u mal-Kunsill modi li bihom tindirizza dawn l-ostakli fi ħdan il-qafas legali eżistenti;

Kapitolu 2 – Finanzi pubbliċi responsabbli

8.  Jieħu nota tal-pożizzjoni fiskali ġenerali u newtrali proposta fir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro, fejn jinnota li l-pożizzjoni fiskali hi mistennija li tkun xi ftit espansiva f'għadd ta' Stati Membri fl-2018; ifakkar li implimentazzjoni konsistenti u konformità mar-regoli fiskali tal-Unjoni, inkluż ir-rispett sħiħ tal-klawsoli ta' flessibbiltà eżistenti, huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-UEM;

9.  Jissottolinja l-fatt li l-pożizzjonijiet fiskali fil-livell nazzjonali u taż-żona tal-euro jridu jibbilanċjaw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u l-investiment f'konformità sħiħa mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir bi stabbilizzazzjoni makroekonomika fuq terminu ta' żmien qasir;

10.  Jilqa' t-titjib li sar fil-finanzi pubbliċi, li huwa essenzjali biex jintlaħaq tkabbir aktar sod, sostenibbli u effiċjenti, b'mod partikolari l-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG li qed jonqsu gradwalment għall-UE u ż-żona tal-euro, u t-tnaqqis tad-defiċit tal-baġit nominali, filwaqt li jenfasizza li l-proporzjon tad-dejn gross mal-PDG fiż-żona tal-euro xorta għadu jammonta għal madwar 90 %, b'diversi Stati Membri li jinsabu 'l fuq sew minn dan il-livell; jenfasizza li dawn l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-proporzjonijiet għolja tad-dejn mal-PDG tagħhom bħala kwistjoni ta' urġenza, peress li dan huwa ferm aktar faċli li jsir fi żminijiet ta' rkupru ekonomiku; ifakkar li soċjetajiet li qed jixjieħu u żviluppi demografiċi oħra jqiegħdu piż enormi fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jieħdu responsabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa għal enfasi aktar qawwija fuq il-kompożizzjoni u l-ġestjoni tal-baġits nazzjonali; jilqa', għalhekk, il-prattika dejjem tikber ta' rieżamijiet tal-infiq, u jkompli jħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw il-kwalità tal-baġits tagħhom;

Kapitolu 3 – Riformi strutturali

12.  Ifakkar li xi Stati Membri jeħtieġ li jkomplu jimplimentaw riformi strutturali soċjalment u ambjentalment sostenibbli, favorevoli għat-tkabbir, b'mod partikolari fil-kuntest ta' sitwazzjoni ekonomika mtejba fl-UE, bi tkabbir tal-PDG fi kważi l-Istati Membri kollha, bil-għan li tingħata spinta lill-kompetittività, lill-ħolqien tal-impjiegi, lit-tkabbir u lill-konverġenza 'l fuq;

13.  Jinsisti biex l-infiq fuq ir-R&Ż jinġieb eqreb lejn il-miri tal-UE 2020; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki xierqa, u jipprovdu investiment, biex jiżguraw jew iżommu aċċess ugwali għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, filwaqt li jqisu l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol, inkluż l-emerġenza ta' professjonijiet ġodda;

14.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni, il-globalizzazzjoni u t-tibdil teknoloġiku qed jittrasformaw b'mod radikali s-swieq tax-xogħol tagħna, billi pereżempju jinvolvu tibdil kbir fil-forom ta' impjieg u statuses professjonali li jeħtieġu tranżizzjoni adattata; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' swieq tax-xogħol dinamiċi b'sistemi ta' sigurtà aċċessibbli u ta' kwalità għolja, li jkunu kapaċi jirrispondu għal dawn ir-realitajiet ġodda tas-suq tax-xogħol;

15.  Iqis li r-riformi li jeliminaw il-konġestjonijiet tal-investiment jippermettu appoġġ immedjat għall-attività ekonomika u fl-istess ħin jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-tkabbir fit-tul;

16.  Jappella għall-rieżamijiet tat-tassazzjoni bil-għan li jinkiseb bilanċ ġust tat-tassazzjoni fuq il-kapital, ix-xogħol u l-konsum;

Kapitolu 4 – Konverġenza u inklużjoni

17.  Jissottolinja li s-Semestru Ewropew u s-CSRs għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020, inklużi dawk stabbiliti fil-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali, u għandhom iwasslu għal riżultati fit-tkabbir u l-impjiegi; jilqa', għalhekk, "it-tabella ta' valutazzjoni soċjali" bħala għodda għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Soċjali;

18.  Jenfasizza l-fatt li, dan l-aħħar, it-tkabbir fil-pagi reali waqa' lura wara t-tkabbir tal-produttività, filwaqt li kien hemm titjib fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li jista' jkun hemm lok għal żidiet fil-pagi f'ċerti setturi u oqsma, f'konformità mal-miri tal-produttivita biex jiġu żgurati standards tajbin ta' għajxien, b'kunsiderazzjoni tal-kompetittività u l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi;

19.  Jirrimarka li l-politiki fiskali jeħtieġ iqisu politika monetarja li tirrispetta l-indipendenza tal-BĊE;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva biex tappoġġa l-investiment li jtejjeb is-sostenibbiltà ambjentali, u li tiġi żgurata rabta xierqa bejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u s-Semestru Ewropew;

21.  Jilqa' l-fatt li s-SAT 2018 jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' sistemi fiskali effiċjenti u ġusti li jipprovdu l-inċentivi xierqa għall-attività ekonomika; jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex jinkisbu aktar trasparenza u sistema ta' VAT riformata, u jinnota l-ħidma li saret dwar il-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva; jilqa' l-isforzi fil-livell internazzjonali kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jinnota li jekk titjieb l-effikaċja tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali, id-dħul tal-gvern jista' jiżdied b'mod sinifikanti;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri adegwati biex jgħinu u jintegraw liż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u lir-rifuġjati, billi jantiċipaw fi stadju bikri r-rekwiżiti li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni bla xkiel tagħhom fis-suq tax-xogħol, b'tali mod li jipprevjenu li dawn jidħlu fl-ekonomija s-sewda u jiżguraw li s-servizzi pubbliċi jkunu mgħammra b'riżorsi suffiċjenti; jenfasizza li s-sħab soċjali għandu jkollhom rwol ewlieni fil-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tal-NEETs u r-rifuġjati, u f'li jiżguraw li dawn ma jsofrux diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol;

23.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li n-nuqqasijiet u d-diskriminazzjoni jibqgħu jiffurmaw is-swieq tax-xogħol f'xi Stati Membri, filwaqt li jikkontribwixxu għal differenzi bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tar-remunerazzjoni, l-irtirar u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

Kapitolu 5 – Il-qafas tas-Semestru Ewropew: sjieda u implimentazzjoni

24.  Jilqa' l-attenzjoni akbar li qed tingħata għall-pożizzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-obbligi tal-Istati Membri individwali biex jikkonformaw mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, inkluż ir-rispett sħiħ għall-klawżoli eżistenti tiegħu ta' flessibbiltà; jenfasizza li l-kunċett ta' pożizzjoni fiskali aggregata ma jimplikax li s-surpluses u d-defiċits fi Stati Membri differenti jpaċu lil xulxin;

25.  Jinsab imħasseb dwar ir-rata baxxa ta' konformità mas-CSRs, inklużi dawk maħsuba li jrawmu l-konverġenza, iżidu l-kompetittività u jnaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi; jemmen li sjieda nazzjonali akbar permezz ta' dibattiti pubbliċi ġenwini fil-livell nazzjonali twassal għal implimentazzjoni aħjar tas-CSRs; iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li l-parlamenti nazzjonali jiddibattu r-rapporti tal-pajjiżi u s-CSRs; jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu involuti aħjar fil-proċess tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-għodod eżistenti kollha biex tinforza dawk is-CSRs li huma maħsuba biex jindirizzaw dawn l-isfidi, li jirrappreżentaw theddida għas-sostenibbiltà tal-unjoni monetarja;

26.  Jenfasizza li kwalunkwe pass ulterjuri lejn approfondiment tal-UEM irid jimxi id f'id ma' kontrolli demokratiċi aktar b'saħħithom; jinsisti li, għal dan il-għan, irid jissaħħaħ kemm ir-rwol tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-parlamenti nazzjonali f'konformità mal-prinċipju tar-responsabbiltà; jitlob li s-sħab soċjali jiġu kkonsultati fil-proċess tan-negozjati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew;

27.  Jilqa' l-għarfien mill-Kummissjoni li l-korruzzjoni għadha ostaklu għall-investiment f'xi Stati Membri, u li r-rispett tal-istat tad-dritt u tal-ġudikatura indipendenti u tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi huwa meħtieġ biex jiġi żgurat żvilupp ekonomiku adegwat; jiddeplora madankollu li l-Kummissjoni temmet ir-rapport annwali dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jistieden lill-Kummissjoni terġa' tibda mill-ġdid din l-analiżi annwali tal-korruzzjoni fl-Istati Membri u tipprovdi mekkaniżmi biex tiġi miġġielda;

Il-kontribuzzjonijiet settorjali għar-Rapport tas-SAT 2018

Il-Baġits

28.  Iqis li l-baġits tal-UE jridu jipprovdu inċentiv għal tkabbir sostenibbli, konverġenza, investimenti u riformi, permezz ta' soluzzjonijiet u sinerġiji fir-rigward tal-baġits nazzjonali; jemmen, għalhekk, li s-SAT iservi bħala linja gwida għall-Istati Membri, u għat-tħejjija tal-baġits nazzjonali u tal-UE, b'mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-qafas finanzjarju pluriennali ta' wara l-2020;

29.  Itenni, f'dan ir-rigward, li għandu jkun hemm sinerġiji akbar bejn il-baġits nazzjonali u l-baġit tal-UE; jirrimarka li l-Kummissjoni, minħabba l-involviment tagħha fis-Semestru Ewropew kif ukoll fit-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE, għandha rwol ewlieni x'taqdi f'dan ir-rigward;

30.  Jilqa' l-proposta għal sinerġija akbar u n-nonframmentazzjoni tal-baġit tal-UE stabbilit fir-rakkomandazzjonijiet imressqa fil-"Future Financing of the EU" ("Il-Finanzjament Futur tal-UE"), ir-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji minn Diċembru 2016;

L-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza alimentari

31.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tvara l-portal tal-internet dwar il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, li jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar suġġetti relatati mal-promozzjoni tas-saħħa u l-benesseri, u li jkun jikkostitwixxi sors importanti ta' informazzjoni ċara u affidabbli għaċ-ċittadini; jenfasizza li dan il-portal għandu jkun totalment aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE, inklużi dawk li jbatu mid-dislessija u minn diffikultajiet oħra bħal dawn;

32.  Jappella għal koerenza akbar mal-politiki l-oħra tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri u l-istat ta' preparazzjoni għalihom, bħall-istrateġija tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Fond ta' Solidarjetà, il-leġiżlazzjoni ambjentali u l-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(7) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(8) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(9) ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27.
(10) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(11) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 86.
(12) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 149.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0491

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Novembru 2018Avviż legali