Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2260(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0052/2018

Testi mressqa :

A8-0052/2018

Dibattiti :

PV 13/03/2018 - 20
CRE 13/03/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2018 - 8.12
CRE 14/03/2018 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0078

Testi adottati
PDF 389kWORD 77k
L-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018
P8_TA(2018)0078A8-0052/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (2017/2260(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 145, 148, 152, 153, 174 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari n-Nru 1, 3, 4, 5, 8 u 10,

–  wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tas-17 ta' Novembru 2017 f'Gothenburg,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018" (COM(2017)0690),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tat-22 ta' Novembru 2017 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (COM(2017)0674),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2017)0677),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2017)0770),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2018" (COM(2017)0771),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji għall-2018: Valutazzjoni Globali" (COM(2017)0800),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2017)0250),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Inizjattiva ta' appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Taking stock of the 2013 Recommendation on "Investing in children: breaking the cycle of disadvantage"" (Rendikont tar-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ") (SWD(2017)0258),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tas-seba' edizzjoni tal-"Employment and Social Developments in Europe annual review (2017)" (Rieżami Annwali tal-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa (2017)) iffukata fuq il-ġustizzja u s-solidarjetà interġenerazzjonali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara" (COM(2016)0646),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieg u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa" (COM(2016)0581),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid – Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2016 dwar it-tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127) u l-annessi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2016 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2016)0071), u l-pożizzjoni dwarha tal-Parlament tal-15 ta' Settembru 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013, inkluża r-Rakkomandazzjoni 2013/112/UE bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar "Completing Europe’s Economic and Monetary Union" (Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Impjieg u Aspetti Soċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol(13),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-Impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(18),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (Settembru 2015),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-Qorti tal-Awdituri ta' Marzu 2017 bit-titolu: "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-25 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Developments in working life in Europe: EurWORK annual review 2016" (L-Iżviluppi fil-ħajja tax-xogħol fl-Ewropa: rieżami annwali tal-EurWORK 2016), u b'mod speċifiku l-kapitolu dwar "Pay inequalities: Evidence, debate and policies" (L-inugwaljanzi fil-pagi: Evidenza, dibattitu u politiki),

–  wara li kkunsidra l-aġġornament topiku tal-Eurofound tat-18 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Pay inequalities experienced by posted workers: Challenges to the "equal treatment" principle" (Inugwaljanzi fil-pagi tal-ħaddiema stazzjonati: Sfidi għall-prinċipju ta' "trattament ugwali") li jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata tal-pożizzjonijiet tal-gvernijiet u tas-sħab soċjali madwar l-Ewropa fir-rigward tal-prinċipju ta' remunerazzjoni ugwali għal xogħol ugwali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tas-26 ta' Ġunju 2017 "Occupational change and wage inequality: European Jobs Monitor 2017" (Il-bidliet fuq il-post tax-xogħol u l-inugwaljanza fil-pagi: Monitoraġġ tal-Impjiegi Ewropej 2017),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tad-19 ta' April 2017 bit-titolu "Social mobility in the EU" (Il-mobilità soċjali fl-UE),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-13 ta' Marzu 2017 bit-titolu "Income inequalities and employment patterns in Europe before and after the great Recession" (L-inugwaljanzi fl-introjtu u xejriet tal-impjiegi fl-Ewropa qabel u wara r-Reċessjoni l-Kbira),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Eurofound tal-24 ta' Frar 2017 dwar l-Involviment tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew: aġġornament tal-2016, u tas-16 ta' Frar 2016 dwar ir-Rwol tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew li jeżamina l-perjodu 2011-2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport ġenerali tal-Eurofound tas-17 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Sixth European Working Conditions Survey" (Is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-12 ta' Marzu 2015 bit-titolu "New forms of employment" (Forom ġodda ta' impjieg),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tad-29 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Women, men and working conditions in Europe" (In-nisa, l-irġiel u l-kundizzjonijet tax-xogħol fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0052/2018),

A.  billi r-rata tal-qgħad fl-UE qiegħda tiżdied u laħqet 72,3 % fit-tieni kwart tal-2017, li jikkorrispondi għal 235,4 miljun persuna impjegata, u li jikkostitwixxi progress lejn il-kisba tal-mira ta' 75 % ta' rata tal-qgħad speċifikata fl-istrateġija Ewropa 2020; billi għad hemm differenzi sostanzjali ħafna bejn ir-rati ta' impjieg f'bosta Stati Membri, li jvarjaw minn ferm inqas mill-medja tal-UE ta' 65 % fil-Greċja, fil-Kroazja, fl-Italja u fi Spanja, għal aktar minn 75 % fin-Netherlands, fid-Danimarka, fir-Renju Unit, fil-Ġermanja u fl-Iżvezja, u għad fadal xi jsir għal irkupru mill-kriżi u, b'mod partikolari, biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-istrateġija Ewropa 2020; billi t-tkabbir fl-impjiegi kien aktar b'saħħtu fost il-ħaddiema akbar fl-età, l-impjegati b'livell għoli ta' ħiliet u l-irġiel, u aktar dgħajjef fost iż-żgħażagħ, il-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u n-nisa; billi l-impjieg imkejjel f'termini ta' sigħat maħduma minn kull impjegat għadu 3 % taħt il-livell ta' qabel il-kriżi fl-UE u 4 % taħt il-livell ta' qabel il-kriżi fiż-żona tal-euro, minħabba aktar xogħol part-time u inqas sigħat maħduma minn impjegati full-time; billi bħalissa fl-UE 18,9 miljun ruħ għadhom mingħajr impjieg, l-investiment għadu baxx wisq, iż-żieda fil-pagi hija baxxa u l-faqar fost dawk li jaħdmu għadu qiegħed jiżdied; ifakkar li l-Artikolu 3 tat-TUE jistipula li l-Unjoni għandha timmira għal okkupazzjoni sħiħa;

B.  Billi 18.9 miljun ruħ fl-UE għadhom mingħajr impjieg, minkejja l-fatt li r-rati tal-qgħad fl-UE u fiż-żona tal-euro jinsabu fl-aktar livelli baxxi għal dawn l-aħħar disa' snin, b'7,5 % u 8,9 % rispettivament; billi, barra minn hekk, dan l-irkupru għadu ferm inkonsistenti fost l-Istati Membri, bir-rati tal-qgħad ivarjaw minn madwar 4 % fil-Ġermanja sa kważi 20 % fi Spanja u 23,6 % fil-Greċja; billi l-qgħad moħbi – nies diżokkupati li lesti jaħdmu iżda mhux qegħdin ifittxu impjieg b'mod attiv – kien ta' 20 % fl-2016, filwaqt li s-sehem tal-qgħad fit-tul fl-UE għadu għoli b'mod allarmanti b'aktar minn 46,4 % (iċ-ċifra korrispondenti għaż-żona tal-euro hija ta' 49,7 %); billi f'xi Stati Membri, il-qgħad għadu għoli minħabba nuqqas ta' tkabbir u dgħufijiet strutturali; billi r-riformi inadegwati tas-suq tax-xogħol huma waħda mir-raġunijiet għal-livell għoli ta' qgħad; billi l-appoġġ għall-persuni qiegħda fit-tul huwa essenzjali, inkella din is-sitwazzjoni tibda taffettwa l-kunfidenza fihom infushom, u l-benessri u l-iżvilupp futur tagħhom, filwaqt li tpoġġihom f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, u timmina kemm is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali kif ukoll id-dimensjoni soċjali Ewropea;

C.  billi x-xogħol part-time żdied bi 11 % mill-2008 u x-xogħol full-time naqas bi 2 % matul l-istess perjodu, filwaqt li x-xogħol part-time involontarju niżel minn 29,3 % fl-2013 għal 27,7 % fl-2016, iżda xorta għadu jirrappreżenta kwart ta' dawn it-tipi ta' kuntratti;

D.  billi s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol bejn xogħlijiet permanenti u xogħlijiet atipiċi għadha inkwetanti, fejn f'xi Stati Membri l-kuntratti temporanji jammontaw għal bejn 10 % u 20 % tal-impjiegi, b'rati ta' tranżizzjoni partikolarment baxxi lejn kuntratti permanenti u xogħlijiet temporanji li jirrappreżentaw truf li ma jwasslu mkien aktar milli mezzi ta' passaġġ lejn xogħlijiet permanenti; billi dan il-fenomenu qiegħed jipprevjeni numri kbar ta' ħaddiema milli jibbenefikaw minn impjieg sigur u mħallas relattivament tajjeb u prospetti tajbin, u qiegħed joħloq differenzi fil-pagi bejn ħaddiema permanenti u ħaddiema temporanji;

E.  billi għalkemm jista' jiġi osservat titjib żgħir fir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, din xorta waħda għadha għolja b'mod preokkupanti b'16,6 % (18,7 % fiż-żona tal-euro); billi, skont l-abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, iż-żgħażagħ huma aktar ta' spiss impjegati f'forom mhux standard u atipiċi ta' impjieg, inklużi xogħlijiet temporanji, xogħol part-time involontarju u xogħlijiet b'inqas paga; billi fl-2016 kien għad hemm 6,3 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bejn il-15 u l-24 sena barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs); billi l-Istati Membri jistgħu jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jiżviluppaw u jimplimentaw oqfsa regolatorji tas-suq tax-xogħol, sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u politiki attivi tas-suq tax-xogħol, abbażi tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni dwar l-età fir-rigward tal-Artikolu 19 tat-TFUE u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fl-impjiegi;

F.  billi għalkemm id-differenzi fir-rati tal-qgħad fost l-Istati Membri huma iżgħar, dawn xorta waħda għadhom ogħla mil-livell ta' qabel il-kriżi; billi l-qgħad fit-tul għadu 'l fuq minn 50 % tal-qgħad totali f'ċerti Stati Membri u, bħala medja, 46,6 % fl-UE u 49,7 % fiż-żona tal-euro; billi r-rata tal-qgħad issegwi biss nies li m'għandhomx xogħol u li jkunu fittxew b'mod attiv xogħol fl-aħħar erba' ġimgħat, filwaqt li r-rata tal-qgħad fit-tul tkejjel biss is-sehem tan-nies fil-popolazzjoni ekonomikament attiva li għandhom bejn 15 u 74 sena u li kienu diżokkupati għal 12-il xahar jew aktar;

G.  billi d-diskrepanza bejn il-ġeneri fl-impjieg għadha tippersisti, u issa hija ta' 11,6 % fl-UE, b'rati tal-impjieg speċifiċi għall-ġeneru ta' 76,9 % għall-irġiel u 65,3 % għan-nisa, filwaqt li hemm diskrepanzi saħansitra akbar fost nisa li ma twieldux fl-UE u nisa Rom; billi d-diskrepanza bejn il-ġeneri hija saħansitra akbar fl-impjieg part-time, fejn fl-2016, kienet tammonta għal differenza ta' 23 punti perċentwali (pp) u saħansitra kienet ogħla minn 30 pp f'erba' Stati Membri, filwaqt li l-impjieg part-time involontarju tan-nisa kien ta' 23,5 %; billi r-rata tal-impjieg tan-nisa b'tal-inqas wild wieħed taħt l-eta' ta' sitt snin hija 9 pp inqas mir-rata korrispondenti tan-nisa mingħajr ulied, filwaqt li 19 % tal-forza tax-xogħol potenzjali tan-nisa fl-2016 kienet inattiva minħabba li dawn kienu qegħdin jieħdu ħsieb tfal jew adulti inabilitati; billi, minħabba rati inqas ta' impjieg ekwivalenti għall-full-time, in-nisa sofrew diskrepanza sinifikanti fil-pagi ta' 16,3 % fl-2015 fl-UE bħala medja, li tvarja minn 26,9 % fl-Estonja għal 5,5 % fl-Italja u fil-Lussemburgu;

H.  billi xi Stati Membri oħrajn jiffaċċjaw sfidi strutturali fis-suq tax-xogħol bħall-parteċipazzjoni baxxa u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tal-kwalifiki; billi hemm ħtieġa li dejjem qiegħda tiżdied li l-forza tax-xogħol inattiva tiġi integrata jew riintegrata sabiex jintlaħqu d-domandi tas-suq tax-xogħol;

I.  billi s-soċjetajiet fl-Unjoni Ewropea qegħdin jixjieħu (kważi 20 % tal-popolazzjoni Ewropea għandha aktar minn 65 sena u l-estimi jissuġġerixxu li din ir-rata ser tilħaq 25 % sal-2050), u li l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-anzjani ser jiżdied, fatt li jippreżenta sfidi addizzjonali għall-Istati Membri u jista' jirrikjedi li jagħmlu aġġustamenti biex ikomplu jiżguraw sigurtà soċjali, kura tas-saħħa u sistemi ta' kura tas-saħħa fit-tul li jkunu ffinanzjati sew u robusti, u biex jissodisfaw il-ħtieġa għal forniment ta' kura formali u informali; billi l-persuni li jindukraw jikkostitwixxu vantaġġ vitali għas-soċjetà; billi l-istennija tat-tul tal-ħajja fit-twelid fl-UE-28 naqset ftit fl-2015, b'estimu ta' total ta' 80,6 sena (0,3 sena inqas mill-2014), 83,3 sena għan-nisa (0,3 sena inqas mill-2014) u 77,9 sena għall-irġiel (0,2 sena inqas mill-2014); billi dan kien l-ewwel tnaqqis fl-istennija tat-tul tal-ħajja tal-UE-28 sa mill-2002, fejn id-data dwar l-istennija tat-tul tal-ħajja saret disponibbli għall-Istati Membri kollha, u tista' tiġi osservata fil-maġġoranza tal-Istati Membri; billi skont il-Eurostat għadu mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk it-tnaqqis fl-istennija tat-tul tal-ħajja bejn l-2014 u l-2015 kienx biss temporanju jew hux ser ikompli fis-snin li ġejjin;

J.  billi l-isfidi demografiċi jinkludu fatturi bħad-depopolazzjoni u d-dispersjoni tal-popolazzjoni li jfixklu t-tkabbir tar-reġjuni affettwati u jheddu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE;

K.  billi r-rata tat-tluq bikri mill-iskola hija ta' madwar 20 % f'diversi Stati Membri bħal Malta, Spanja u r-Rumanija, u għadha 'l fuq mir-rata tal-mira tal-UE ta' 10 % fil-Portugall, il-Bulgarija, l-Italja, l-Ungerija, ir-Renju Unit u l-Greċja; billi t-tluq bikri mill-iskola jirrappreżenta sfida kumplessa fil-livelli individwali, nazzjonali u Ewropej; billi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat, oriġini migranti u bżonnijiet speċjali huma l-aktar fatturi sinifikanti assoċjati ma' suċċess edukattiv baxx u tluq bikri mill-iskola, filwaqt li jitqies li l-proporzjon medja tal-UE ta' dawk li huma batuti fix-xjenza fi ħdan il-kwartil soċjoekonomiku tal-qiegħ tal-popolazzjoni tal-istudenti  fl-UE skont l-istaħrriġ PISA 2015 huwa ta' madwar 34 %, 26pp aktar mill-ogħla kwartil soċjoekonomiku;

L.  billi s-settur tal-ekonomija soċjali jinkludi 2 miljun negozju (bejn wieħed u ieħor 10 % tat-total tal-UE) u jimpjega aktar minn 14-il miljun persuna (madwar 6,5 % tal-ħaddiema tal-UE); billi dan is-settur għandu rwol importanti biex jilħaq l-isfidi innumerabbli li s-soċjetajiet tal-lum qegħdin jiffaċċjaw, mhux l-inqas it-tixjieħ tal-popolazzjonijiet tagħhom;

M.  billi 80 miljun Ewropew għandhom diżabilità; billi l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-aċċessibbiltà għalihom għadha lura;

N.  billi minkejja li jista' jiġi osservat xi progress fit-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, għad hemm gruppi żvantaġġati fis-soċjetà, u huwa inaċċettabbli li 119-il miljun Ewropew jinsabu fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, li minnhom aktar minn 25 miljun huma tfal (aktar minn wieħed minn kull erba' tifel u tifla fl-UE), filwaqt li għadhom jeżistu diverġenzi reġjonali fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha, u dan ifisser li l-UE tinsab ferm lura milli tikseb il-mira tal-UE 2020; billi l-inugwaljanza fl-introjtu qiegħda tkompli tikber f'żewġ terzi tal-pajjiżi kollha tal-UE; billi fl-UE kollha, 20 % tal-unitajiet domestiċi l-aktar sinjuri rċevew sehem ta' dħul li kien 5,1-il darba aktar mill-20 % l-aktar fqar, b'differenza għolja ta' 6,5 jew ogħla f'xi pajjiżi Ewropej tal-Lvant u tan-Nofsinhar – kważi d-doppju tal-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-pajjiżi Nordiċi bl-aħjar prestazzjonijiet; billi l-livelli għoljin ta' inugwaljanza għadhom ostaklu għal opportunitajiet indaqs fl-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-protezzjoni soċjali, u għaldaqstant huma ta' detriment għall-ġustizzja soċjali, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli;

O.  billi, skont il-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni "Employment and Social Developments in Europe 2017" (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa 2017), fl-2015 kien hemm 118,8 miljun persuna f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali (AROPE), 1,7 miljun aktar miċ-ċifra tal-2008 u 'l bogħod mill-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 li jitnaqqsu l-AROPE b'20 miljun, b'disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn 5 % jew anqas fir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja għal madwar 20 % fil-Greċja u fi Spanja; billi r-rata tal-AROPE għat-tfal (0-17) kienet ta' 26,4 % fl-2016, jiġifieri kienet ogħla mir-rati ekwivalenti għall-adulti (16-64, 24,2 %) u, bi kważi 10 pp, ir-rata tal-anzjani (65+, 18,3 %); billi n-numru ta' tfal li qegħdin jesperjenzaw il-faqar għadu għoli b'mod allarmanti fl-Ewropa attwalment b'aktar minn 25 miljun, u l-impatt tal-faqar fuq it-tfal jista' jdum tul ħajjithom u jipperpetwa t-trażmissjoni ta' żvantaġġ minn ġenerazzjoni għall-oħra; billi l-politiki soċjali huma importanti biex tinkiseb il-koeżjoni u l-UE tkun eqreb għaċ-ċittadini tagħha;

P.  billi fl-Ewropa kollha hemm żieda fil-faqar fost dawk li jaħdmu, bl-ogħla livelli rreġistrati fi Spanja (13,1 %), fil-Greċja (14 %) u fir-Rumanija (18,6 %), fatt li juri li l-impjieg biss mhuwiex dejjem biżżejjed biex ineħħi lill-persuni mill-faqar u jirrifletti tendenzi differenti tas-suq tax-xogħol, fosthom xogħlijiet part-time u/jew temporanji, livelli tal-pagi u intensità tax-xogħol fl-unitajiet domestiċi u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena; billi ż-żieda fil-pagi għadha mrażżna fl-UE, wara żieda b'inqas minn 1 % f'dawn l-aħħar sentejn u d-dispersjoni tal-kumpens lill-impjegati hija pjuttost mifruxa fl-UE, li tvarja minn EUR 4,6 għal kull siegħa maħduma fil-Bulgarija għal EUR 43,3 għal kull siegħa maħduma fil-Lussemburgu; billi ż-żieda fil-pagi reali kienet inqas mill-medja tat-tkabbir tal-produttività fi 18 mit-28 Stat Membru u kienet ukoll inqas mit-tnaqqis fil-qgħad; billi l-istabbiliment tal-pagi huwa kwistjoni ta' kompetenza nazzjonali;

Q.  billi l-edukazzjoni hija fattur kruċjali għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, minkejja li appoġġata mill-Kummissjoni; billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jitqies il-fatt li r-rata tal-impjieg taż-żgħażagħ (dawk bejn l-20 u l-34 sena) b'edukazzjoni għolja hija ta' 82,8 % fl-UE, 10 pp ogħla minn dawk b'edukazzjoni sekondarja għolja; billi t-taħriġ vokazzjonali qiegħed jibda jsir aktar kredibbli, kemm f'għajnejn iż-żgħażagħ Ewropej kif ukoll f'għajnejn in-negozji li qegħdin jirrikonoxxu l-abbiltajiet tagħhom; billi t-taħriġ miksub f'kuntest informali jipprovdi wkoll lill-Ewropej b'għodod essenzjali għas-suq tax-xogħol;

R.  billi għalkemm it-trasformazzjoni diġitali tirrikjedi li tal-inqas il-ħaddiema jkollhom ħiliet bażiċi diġitali, huwa stmat li 44 % tal-popolazzjoni tal-UE m'għandhiex dawn il-ħiliet(19);

S.  billi, f'konformità mal-Artikolu 168 tat-TFUE, għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet rilevanti tal-Unjoni; billi dan ikun jikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali, il-ġustizzja u l-ugwaljanza soċjali; billi l-avvanzi teknoloġiċi u xjentifiċi, li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) tal-2018 jilqa', qegħdin jagħmluha possibbli biex jinstabu trattamenti u mediċini aħjar, aktar effikaċi u aktar affordabbli; billi dan il-progress qiegħed jgħin jiżgura li l-persuni li jsofru minn kundizzjonijiet kroniċi partikolari, ser ikunu kapaċi jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jibqgħu jaħdmu għal aktar żmien; billi din il-mira attwalment qiegħda tiġi kkontestata mill-ispiża għolja ta' xi mediċini;

T.  billi l-politika fiskali fl-Istati Membri għandha rwol fl-istabbilizzazzjoni tal-ambjent makroekonomiku, filwaqt li tfittex ukoll objettivi oħra bħas-sostenibbiltà fiskali jew ir-ridistribuzzjoni;

U.  billi l-provvista u l-ġestjoni ta' sistemi tas-sigurtà soċjali huma l-kompetenza tal-Istat Membri li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;

V.  billi d-dħul gross reali disponibbli tal-unitajiet domestiċi (GDHI) per capita għadu ma rkuprax mil-livelli tiegħu ta' qabel il-kriżi f'diversi Stati Membri, b'għadd ta' ċifri bejn l-20 u t-30 pp inqas mill-2008;

W.  billi l-kapaċità tal-ekonomija tal-UE li tmexxi tkabbir fit-tul hija anqas mill-kapaċità tal-kompetituri maġġuri tagħna; billi l-Kummissjoni stmat li t-tkabbir potenzjali huwa madwar 1,4 % fl-UE b'paragun ma' 2 % fl-Istati Uniti;

X.  billi x-xogħol mhux iddikjarat iċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet tagħhom u jħeġġeġ id-dumping soċjali, jinvolvi implikazzjonijiet baġitarji serji, u jaffettwa b'mod negattiv l-impjieg, il-produttività, il-kwalità tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema tal-intitolamenti tal-pensjoni; billi hemm bżonn ta' sforzi kontinwi biex ix-xogħol mhux iddikjarat jinbidel f'xogħol iddikjarat;

Y.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi jridu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet enormi relatati mal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom li jillimitaw il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir; billi f'dawn ir-reġjuni r-rati tal-qgħad ivarjaw bejn 11,2 % u 27,1 % u r-rati tal-qgħad fit-tul ivarjaw bejn 54,5 % u 80,9 %; billi f'dawk ir-reġjuni l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa ogħla minn 40 %;

Z.  billi skont ir-riċerka tal-Eurofound, l-involviment tas-sħab soċjali fl-elaborazzjoni tal-programmi ta' riforma nazzjonali qiegħed jitjieb gradwalment fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, minkejja li għad hemm differenzi u eżiti sinifikanti fir-rigward tal-kwalità u l-effikaċja tal-impenn globali tas-sħab soċjali nazzjonali fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

AA.  billi l-istudju li jmiss tal-Eurofound dwar l-involviment tas-sħab soċjali fis-Semestru Ewropew ser jirrapporta proċess ta' konsolidazzjoni u sensibilizzazzjoni li qiegħda tiżdied, skont il-Linja Gwida dwar l-Impjiegi Nru 7 dwar it-tisħiħ tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol; billi, madankollu, is-sħab soċjali jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat impenn xieraq bil-faċilitazzjoni tal-konsultazzjoni sinifikanti u f'waqtha, skambju ta' kontribuzzjonijiet u feedback, u bl-għotja ta' viżibilità tal-fehmiet tagħhom;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018, flimkien mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali integrat bħala parti importanti tal-politiki globali għal impjiegi ta' kwalità, it-tkabbir sostenibbli u l-investiment, bil-għan li jiżdiedu l-produttività u l-pagi, il-ħolqien ta' impjiegi, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-faqar u t-titjib tal-protezzjoni soċjali u l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi; jagħraf li s-SAT huwa bbażat fuq strateġija ta' investiment, riformi strutturali u finanzi pubbliċi responsabbli li jridu jiġu akkumpanjati minn politiki u miżuri għat-twettiq tal-prinċipji u l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jisħaq li l-Kummissjoni għandha, fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew, ittejjeb il-proċess tal-koordinazzjoni tal-politika sabiex tissorvelja, tevita u tikkoreġi t-tendenzi negattivi li jistgħu jżidu l-inugwaljanzi u jdgħajfu l-progress soċjali, bħala mezz biex il-koordinazzjoni ekonomika tintrabat mal-prestazzjoni tal-impjiegi u dik soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex isegwu l-prijoritajiet identifikati fl-istħarriġ u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jakkumpanjah, bil-ħsieb li l-politiki u l-istrateġiji nazzjonali tagħhom jippromwovu t-tkabbir, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi ta' kwalità, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni; jinnota l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trawwim tas-saħħa ta' negozjar tal-ħaddiema;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa għal riformi strutturali soċjalment u ekonomikament ibbilanċjati bl-għan li jitwettaq is-"Social Triple A" billi jittejbu s-suq tax-xogħol u l- politiki soċjali li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema u l-gruppi individwali, sabiex jissaħħaħ l-investiment, jinħolqu impjiegi ta' kwalità, il-forza tax-xogħol tkun megħjuna fil-ksib tal-ħiliet li teħtieġ, jiġu promossi opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, tiżdied il-produttività tax-xogħol, tiġi appoġġata ż-żieda fis-salarji u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali li jkunu sostenibbli u adegwati, u biex jittejbu l-istandards tal-ħajja għaċ-ċittadini kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ambjent favorevoli kemm għan-negozji kif ukoll għall-ħaddiema bl-għan li joħolqu aktar impjiegi stabbli, filwaqt li jibbilanċjaw id-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi u t-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod konġunt u b'mod komplementari; jistieden lill-Istati Membri biex gradwalment iċaqalqu t-taxxi mix-xogħol għal sorsi oħra mingħajr ma jipperikolaw is-sigurtà soċjali; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex itejbu l-istandards soċjali u jnaqqsu l-inugwaljanzi;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma strumenti ewlenin għal min iħaddem u għat-trade unions sabiex jiġu stabbiliti pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u li sistemi ta' negozjar kollettiv b'saħħithom iżidu r-reżiljenza tal-Istati Membri fi żminijiet ta' kriżi ekonomika; ifakkar li d-dritt għal negozjar kollettiv huwa kwistjoni li tikkonċerna l-ħaddiema Ewropej kollha, b'implikazzjonijiet kruċjali għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett għad-drittijiet soċjali fundamentali, u li n-negozjar kollettiv huwa dritt fundamentali Ewropew li l-istituzzjonijiet Ewropej huma obbligati li jirrispettaw skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-politiki jkunu jirrispettaw, jippromwovu u jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi tal-iffissar tal-pagi, li jiżvolġu rwol kritiku fil-kisba ta' standard għoli ta' kundizzjonijiet tax-xogħol; jemmen li dan kollu għandu jsir bil-għan li tiġi appoġġata d-domanda aggregata u l-irkupru ekonomiku, billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-pagi u jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu;

4.  Jitlob impenn akbar biex jiġu miġġielda l-faqar u l-inugwaljanza li qiegħda tiżdied u biex l-investimenti soċjali jingħataw spinta, fid-dawl tar-rendimenti ekonomiċi u l-benefiċċji soċjali tagħhom; ifakkar li ekonomiji b'livell għoli ta' investiment soċjali huma aktar reżiljenti għax-xokkijiet; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, sabiex jippermettu investiment pubbliku soċjali u, fejn meħtieġ, investiment akbar fl-infrastruttura soċjali u appoġġ għal dawk l-aktar milquta sabiex jiġu indirizzati kif jixraq l-inugwaljanzi, b'mod partikolari permezz tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali li jipprovdu appoġġ adegwat u dedikat għall-introjtu; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, fejn rilevanti, valutazzjoni aktar profonda ta' liema tipi ta' nfiq jistgħu jitqiesu definittivament bħala investiment soċjali;

5.  Jemmen li huwa importanti li jitrawwem djalogu interkulturali sabiex ikun aktar faċli li l-migranti, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu l-asil jidħlu fis-suq tax-xogħol u jintegraw fis-soċjetà; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li għad hemm parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol tal-minoranzi etniċi; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jimplimentaw b'mod korrett id-Direttivi 2000/78/KE u 2000/43/KE; ifakkar li dawk li għadhom jibdew iġibu magħhom għarfien u ħiliet ġodda, u jitlob l-iżvilupp ulterjuri u l-promozzjoni ta' għodod li jipprovdu informazzjoni multilingwi dwar l-opportunitajiet eżistenti ta' tagħlim formali u informali, taħriġ professjonali, traineeships u ħidma volontarja;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tara li l-isforzi tagħha jkunu effettivi bil-ħsieb li tgħin lil persuni li jbatu minn kundizzjonijiet partikolari, pereżempju uġigħ kroniku, biex jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol; jafferma li s-suq tax-xogħol jeħtieġ li jkun adattat għal sitwazzjonijiet bħal dawn, u jsir aktar flessibbli u mhux diskriminatorju, sabiex jiżgura li l-persuni kkonċernati jistgħu bl-istess mod jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE, b'hekk titnaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali;

7.  Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni favur l-investiment li jsaħħaħ is-sostenibbiltà ambjentali u r-rikonoxximent tal-potenzjal tiegħu fl-ekonomija kollha; jaqbel li l-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari u ekoloġika għandu potenzjal għoli għall-ħolqien nett ta' impjiegi;

8.  Jilqa' l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) u jemmen li s-Semestru Ewropew għandu jappoġġa l-iżvilupp tal-20 prinċipju ewlieni tiegħu dwar l-opportunitajiet indaqs, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, li għandhom iservu bħala punt ta' referenza u ta' rakkomandazzjoni fl-implimentazzjoni taċ-ċiklu tal-koordinazzjoni tal-politika tas-Semestru Ewropew sabiex tinħoloq "Social Triple A" ġenwina għall-Ewropa, u biex jinħoloq tkabbir ekonomiku u prevedibbli, sitwazzjoni finanzjarja sostenibbli subordinata għall-miri tal-politika ekonomika u tal-impjieg, b'hekk jiġu ssodisfati l-għanijiet ewlenin prijoritizzati tal-istrateġija UE2020; jirrimarka li l-proċess ta' koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew huwa mezz essenzjali ta' konsolidament tad-dimensjoni soċjali Ewropea, li minnha tnissel il-Pilastru Soċjali; jenfasizza li l-EPSR huwa l-ewwel pass permezz tal-ħolqien ta' approċċ komuni għall-protezzjoni u l-iżvilupp tad-drittijiet soċjali fl-UE, li għandu jiġi rifless f'miżuri meħuda mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tressaq proposti konkreti biex jissaħħu d-drittijiet soċjali permezz ta' għodod konkreti u speċifiċi (leġiżlazzjoni, mekkaniżmi għat-tfassil tal-politiki u strumenti finanzjarji) u biex jinkisbu riżultati konkreti; jisħaq fuq is-supremazija tad-drittijiet fundamentali;

9.  Jagħraf l-isforzi meħuda biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-Semestru; jappella għal aktar azzjoni li tibbilanċja l-prijoritajiet soċjali u ekonomiċi u li ttejjeb il-kwalità ta' monitoraġġ u r-rakkomandazzjonijiet fil-qasam soċjali;

10.  Jilqa' t-tabella ta' valutazzjoni l-ġdida, li tipprovdi 14-il indikatur ewlieni għall-monitoraġġ tal-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali tal-Istati Membri fir-rigward ta' tliet dimensjonijiet wiesgħa, identifikati fil-kuntest tal-Pilastru Soċjali;

11.  Jissottolinja l-fatt li għall-UE, bħala medja, 11 minn 14-il indikatur ewlieni rreġistraw titjib matul l-aħħar sena disponibbli, u dan ikkonferma t-titjib kostanti fis-suq tax-xogħol u s-sitwazzjoni soċjali li akkumpanjat l-irkupru ekonomiku; jinnota, madankollu, li hija meħtieġa azzjoni biex tinkiseb konverġenza soċjali 'l fuq tul id-dimensjonijiet identifikati permezz tal-Pilastru Soċjali, kif iddikjarat mill-Kummissjoni, u li l-analiżi tal-indikaturi ewlenin turi mill-inqas "sitwazzjoni kritika" waħda għal 17 mit-28 Stat Membru;

12.  Jirrikonoxxi li, minkejja titjib fis-sitwazzjoni ekonomika u tal-impjiegi fis-snin reċenti fl-UE kollha, il-qligħ iġġenerat mhux dejjem tqassam b'mod ugwali, hekk kif in-numru ta' persuni f'sitwazzjoni ta' faqar u esklużjoni soċjali għadu għoli wisq; huwa mħasseb bl-inugwaljanzi li qegħdin jiżdiedu fl-UE u fl-Istati Membri tagħha u biż-żieda fis-sehem ta' ħaddiema f'riskju ta' faqar, mhux biss għal ħaddiema part-time, iżda wkoll għal ħaddiema full-time; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet għal dawk in-nies u jagħtu rikonoxximent akbar lill-ħidma u l-għarfien espert tal-NGOs, l-organizzazzjonijiet ta' kontra l-faqar u l-persuni li qegħdin jesperjenzaw huma stess il-faqar u jħeġġu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskambju tal-prattiki tajba; jinnota li l-livelli għoljin ta' inugwaljanza jnaqqsu l-output tal-ekonomija u l-potenzjal għal tkabbir sostenibbli; jissottolinja l-fatt li l-integrazzjoni ta' individwi qiegħda fuq terminu twil permezz ta' miżuri mfasslin individwalment hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; jistieden biex jiġu stabbiliti u żviluppati sħubijiet li jinkludu l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha sabiex jiġu provduti l-għodod meħtieġa għal reazzjoni aktar effikaċi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jingħataw soluzzjonijiet effettivi u jiġi evitat il-qgħad fit-tul; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati politiki tas-suq tax-xogħol effettivi sabiex jitnaqqas il-qgħad fit-tul; iqis li l-Istati Membri għandhom ikomplu jgħinu lil dawk bla xogħol bl-għoti ta' servizzi ta' appoġġ ta' kwalità, bi prezzijiet raġonevoli u aċċessibbli għal tfittxija ta' impjieg, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid, filwaqt li jipproteġu lil dawk li ma jistgħux jipparteċipaw;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-Għanijiet ta' Żvilupp Soċjali meta tipproponi rakkomandazzjonijiet ta' politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;

14.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-varjabilità fir-rati ta' impjieg u qgħad fi Stati Membri differenti u jwissi, b'mod partikolari, dwar il-livell allarmanti ta' sottoimpjieg u l-qgħad moħbi; huwa partikolarment imħasseb dwar il-livell għoli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, b'aktar minn 11 % fl-UE, bl-eċċezzjoni ta' uħud mill-Istati Membri – l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, in-Netherlands, l-Ungerija, Malta u l-Ġermanja; iqis li l-livell għoli ta' NEET u persuni li jitilqu kmieni mill-iskola li għadu persistenti f'diversi pajjiżi huwa partikolarment inkwetanti; jilqa', f'dan ir-rigward, żieda fil-finanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ b'EUR 2,4 biljun għall-perjodu ta' bejn l-2017 u l-2020; jevidenzja li, jekk meħtieġ, għandu jitqies li jingħataw fondi addizzjonali fil-livell tal-UE għall-inizjattiva u li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun kompletament miftuħa għall-gruppi kollha, inklużi l-persuni vulnerabbli; ifakkar fir-Rapport Speċjali Nru 5 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza?";

15.  Huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li s-"sistemi ta' protezzjoni soċjali għandhom jiżguraw id-dritt għal benefiċċji ta' introjtu minimu"; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu dħul minimu adegwat 'il fuq mis-soll tal-faqar, skont il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali u bl-involviment tas-sħab soċjali, u biex jiżguraw ikun aċċessibbli għall-persuni kollha u jindirizza lil dawk l-aktar fil-bżonn; iqis li sabiex l-iskemi ta' introjtu minimu jkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-faqar, dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn aċċess għal beni u servizzi pubbliċi u miżuri ta' kwalità u affordabbli li jippromwovu opportunitajiet indaqs u jiffaċilitaw id-dħul jew id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol għal persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, jekk dawn ikunu jistgħu jaħdmu;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq numru Ewropew tas-sigurtà soċjali sabiex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, biex tipprovdi lin-nies b'rekord tal-intitolamenti attwali u passati tagħhom u biex tevita l-abbuż;

17.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-aċċess għall-protezzjoni soċjali huwa fundamentali sabiex jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u li b'segwitu għall-konsultazzjoni mas-sħab soċjali, huwa meħtieġ li jitfasslu proposti konkreti li jiżguraw li l-persuni kollha fil-forom kollha ta' xogħol iġemmgħu intitolamenti tas-sigurtà soċjali, inkluż għall-pensjonijiet adegwati;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u tas-Semestru Ewropew, issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tappoġġa politiki pubbliċi komprensivi fl-Istati Membri, billi tiffoka fuq li t-tranżizzjonijiet fix-xogħol mill-edukazzjoni u l-qgħad (fit-tul) ikunu mingħajr intoppi, u jappella, b'mod aktar speċifiku, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri nazzjonali li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni li ilhom qiegħda(20); jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għall-ħaddiema aktar avvanzati fl-età, biex jgħinuhom jadattaw il-ħiliet tagħhom u jiffaċilitaw l-impjegabbiltà tagħhom;

19.  Huwa mħasseb dwar il-livelli għoljin ta' faqar fl-Ewropa kważi għaxar snin wara l-bidu tal-kriżi, u d-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet li sussegwentement inħoloq, inkluż f'dawk l-Istati Membri bi proporzjon ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali; huwa mħasseb b'mod speċjali dwar iż-żieda fir-rati ta' faqar fost it-tfal u l-faqar fost dawk li jaħdmu f'diversi Stati Membri minkejja l-irkupru makroekonomiku f'dawn l-aħħar snin; jinnota li s-sitwazzjoni dwar il-proporzjon ta' tfal li jipparteċipaw fl-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal hija kritika f'aktar minn terz tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali, u tivvaluta l-impatt soċjali u ta' distribuzzjoni tagħhom;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jitnaqqas b'mod drastiku l-faqar fl-Ewropa, b'mod partikolari l-faqar fost it-tfal, u, b'mod aktar speċifiku, biex iressqu proposti konkreti li jpoġġu lit-tfal fil-qalba tal-politiki eżistenti għat-taffija tal-faqar, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal u b'konsiderazzjoni dovuta għall-azzjonijiet preparatorji stabbiliti minn il-baġits tal-UE tal-2017 u tal-2018 u għar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament, billi jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ miżuri li jippermettu li t-tfal f'riskju ta' faqar jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa, edukazzjoni u kura tat-tfal bla ħlas u akkomodazzjoni diċenti u nutrizzjoni adegwata; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jadottaw pjanijiet nazzjonali biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal li jindirizzaw speċifikament l-impatt limitat tat-trasferimenti soċjali fit-tnaqqis tar-riskju tal-faqar;

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tas-SAT dwar it-Tkabbir 2018, dwar l-akkomodazzjoni soċjali adegwata u assistenza oħra ta' akkomodazzjoni bħala servizzi essenzjali, inklużi l-ħarsien ta' persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli minn tkeċċija sfurzata u esklużjonijiet mhux ġustifikati, u l-indirizzar tal-problema ta' persuni mingħajr dar; jitlob sorveljanza msaħħa tal-kundizzjoni ta' persuna mingħajr dar u l-esklużjoni tal-akkomodazzjoni fis-Semestru u r-rakkomandazzjonijiet kif meħtieġ;

22.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxu d-Direttiva attwali dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub;

23.  Jenfasizza r-rati ogħla ta' qgħad taż-żgħażagħ u ħaddiema b'ħiliet baxxi meta mqabbla ma' adulti b'ħiliet speċjalizzati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, li hija mfassla għat-titjib tal-ħiliet tan-nies bi problemi speċifiċi ta' ħiliet sabiex dawn jiġu megħjuna jirrintegraw fis-suq tax-xogħol;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom fl-investiment f'edukazzjoni u taħriġ affordabbli, aċċessibbli u ta' kwalità għolja, fl-innovazzjoni li tappoġġa t-tkabbir fil-produttività tax-xogħol, fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u f'servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi li jkunu effikaċi u mfassla apposta – b'kont meħud tad-diskrepanzi ġeografiċi, demografiċi u fid-dħul fir-reġjuni u l-pajjiżi individwali – sabiex jiġi garantit li l-ħiliet miksuba jaqblu mad-domanda tas-suq tax-xogħol, biex tingħata s-setgħa lin-nies u jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, u biex jitnaqqas l-għadd ta' persuni li jitilqu kmieni mill-iskola; jissottolinja, f'dan ir-rigward, id-domanda li dejjem qiegħda tikber għal ħiliet diġitali u trasferibbli oħra u jinsisti li l-iżvilupp tagħhom huwa urġenti u meħtieġ b'mod partikolari u għandu jkopri l-gruppi kollha tas-soċjetà, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-ħaddiema u ż-żgħażagħ b'livell baxx ta' ħiliet; jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi li jappoġġjaw il-mobilità fit-tul ta' studenti u gradwati żgħażagħ mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li jippermettu li tiġi żviluppata forza tax-xogħol b'ħiliet u mobbli f'setturi b'potenzjal;

25.  Huwa tal-fehma li r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki ser ikun ta' benefiċċju biex jingħeleb id-distakk bejn in-nuqqas ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol Ewropew u l-persuni li jfittxu x-xogħol, b'mod partikolari ż-żgħażagħ; jirrimarka li l-kwalifiki u l-ħiliet miksuba f'kuntesti ta' tagħlim mhux formali u informali huma importanti sal-punt li dawn itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u ta' dawk li jinsabu barra mis-suq tax-xogħol minħabba li huma kellhom jaġixxu bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-istabbiliment ta' sistema ta' validazzjoni għal forom tal-għarfien u l-esperjenza mhux formali u informali, speċjalment dawk miksuba permezz tal-volontarjat; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-SAT qieset l-importanza tar-rikonoxximent ta' dawk il-ħiliet li jissodisfaw l-għanijiet tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu t-taħriġ vokazzjonali u jsaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, inklużi l-apprendistati ta' kwalità;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-programmi ta' apprendistati u jagħmlu użu sħiħ minn finanzjament tal-Erasmus+ disponibbli għat-trainees sabiex tiġi garantita l-kwalità tat-taħriġ ta' dan it-tip u jsir aktar attraenti; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tingħata spinta lill-użu ta' dan il-programm miż-żgħażagħ fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE";

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ u jrawmu l-iskambju tal-aħjar prattiki;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu l-inizjattivi maħsuba biex jiżdied l-aċċess għal edukazzjoni aħjar, il-ħiliet u l-impjiegi, u sabiex jiġi żgurat fokus aktar qawwi fuq l-ekonomija ekoloġika u ċirkolari kollha tax-xogħol tagħhom fuq il-ħiliet;

29.  Huwa tal-fehma li jkun xieraq li Aġenda għall-Ħiliet li tibqa' valida fil-futur tinkludi t-tagħlim għas-sostenibbiltà u tkun parti minn riflessjoni usa' dwar il-litteriżmu okkupazzjonali fil-kuntest ta' diġitizzazzjoni u robotizzazzjoni dejjem akbar tas-soċjetajiet Ewropej, filwaqt li tikkonċentra mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq l-iżvilupp personali, is-saħħa u l-benessri aħjar tal-istudenti;

30.  Jilqa' favorevolment il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura (COM(2017)0673), li tinkludi objettivi ambizzjużi fil-qasam tal-edukazzjoni, b'mod partikolari dwar il-ħolqien ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u t-titjib tat-tagħlim tal-lingwi fl-Ewropa;

31.  Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-aktar setturi imprenditorjali, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, is-sens ta' kollaborazzjoni f'tim u l-inġenjożità; jitlob li l-arti u t-tagħlim kreattiv ikunu inkorporati fl-edukazzjoni STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) minħabba r-rabta stretta bejn il-kreattività u l-innovazzjoni; jevidenzja, barra minn hekk, il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv (SKK) għall-preservazzjoni u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u għat-tkabbir ekonomiku, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi, speċjalment għall-impjiegi taż-żgħażagħ; jisħaq fuq il-fatt li aktar promozzjoni tas-SKK u investimenti f'dan tal-aħħar jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għall-investimenti, għat-tkabbir, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tqis l-opportunitajiet offruti mis-SKK kollu, inklużi b'mod partikolari l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet iż-żgħar, pereżempju fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

32.  Ifakkar fil-bżonn li l-bniet u t-tfajliet jitħeġġew isegwu studji fil-qasam tal-ICTs u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-bniet u lit-tfajliet jistudjaw is-suġġetti STEM, filwaqt li jkopru wkoll l-arti u l-istudji umanistiċi, u jżidu r-rappreżentanza tan-nisa fil-qasam STEM;

33.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex itejbu s-servizzi u l-leġiżlazzjoni li huma importanti biex jinstab bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li jiġu żviluppati servizzi aċċessibbli, ta' kwalità u affordabbli għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni bikrija, kif ukoll servizzi tal-indukrar għal dawk dipendenti fuq l-indukrar, u li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw billi jiġi permess it-teħid ta' liv vantaġġuż għall-familja u jiġu permessi arranġamenti flessibbli tax-xogħol li jisfruttaw il-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda, jiggarantixxu l-protezzjoni soċjali u fejn meħtieġ jipprovdu taħriġ adegwat; jisħaq, madankollu, l-ħtieġa għaldaqstant li jittaffa l-piż ta' kura obbligatorja minn fuq il-membri tal-familja u jappella għall-ħolqien ta' qasam regolat ta' ħaddiema domestiċi u carers li jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata filwaqt li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjali tas-sħubiji pubbliċi-privati u r-rwol importanti tal-fornituri tas-servizzi soċjali u tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali; jenfasizza bis-sħiħ il-ħtieġa għall-monitoraġġ tal-progress soċjali u dwar il-ġeneru, biex tiġi inkluża l-perspettiva dwar il-ġeneru u jitqies l-impatt tar-riformi maż-żmien;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miri dwar l-indukrar ta' persuni anzjani, persuni b'diżabilità u dipendenti oħra, simili għall-miri ta' Barċellona, b'għodod ta' monitoraġġ biex jiġi żgurat li dawn jiġu ssodisfati; jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkunsidraw standards kwalitattivi għas-servizzi kollha tal-indukrar, inkluż fir-rigward tad-disponibbiltà, tal-aċċessibbiltà u tal-affordabbiltà tagħhom; jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jilqgħu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) dwar it-tisħiħ ta' appoġġ u ta' indukrar ibbażati fil-komunità għal għajxien indipendenti, u jiżviluppaw strateġija ċara u qawwija ta' investiment biex jiġu żviluppati servizzi komunitarji ta' kwalità għolja u biex jiżdied l-appoġġ għal dawk li jipprovdu l-indukrar, speċjalment dawk li jieħdu ħsieb il-familja;

35.  Jappella lill Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tax-xogħol, kemm f'termini tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll f'termini ta' pagi li jippermettu għajxien deċenti u ppjanar tal-familja; jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda effikaċi kontra x-xogħol mhux iddikjarat, bl-involviment tas-sħab soċjali u bl-impożizzjoni ta' multi xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirdoppjaw l-isforzi tagħhom biex jittrasformaw ix-xogħol mhux dikjarat f'xogħol dikjarat billi jsaħħu l-mekkaniżmi tal-ispezzjoni tax-xogħol tagħhom u jistabbilixxu miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jimxu mill-ekonomija informali għall-ekonomija formali; ifakkar lill-Istati Membri dwar l-eżistenza tal-Pjattaforma ta' Xogħol Mhux Iddikjarat, li fiha għandhom jieħdu sehem b'mod attiv billi jużawha għall-iskambju tal-aħjar prattiki u bil-għan li jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat, il-kumpaniji tal-isem u l-impjiegi indipendenti fittizji, li kollha kemm huma jipperikolaw kemm il-kwalità tax-xogħol kif ukoll l-aċċess tal-ħaddiema għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali u għall-finanzi pubbliċi nazzjonali, li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn in-negozji Ewropej; jilqa' l-inizjattivi l-ġodda proposti mill-Kummissjoni, bħalma huma t-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar Awtorità Ewropea tax-Xogħol u n-Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew; jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-ispettorati tax-xogħol jew lill-korpi pubbliċi rilevanti riżorsi adegwati biex jindirizzaw il-kwistjoni ta' xogħol mhux iddikjarat, biex ifasslu miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jgħaddu mill-ekonomija informali għal dik formali u biex itejbu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn is-servizzi ta' spezzjoni u l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-data, sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-kontrolli mfassla biex jiġġieldu u jipprevjenu l-frodi soċjali u x-xogħol mhux iddikjarat u jitnaqqas il-piż amministrattiv;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol ikunu effiċjenti u effettivi u jkunu mfassla b'tali mod li jappoġġaw il-mobilità bejn is-setturi u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, kwistjonijiet li ser isiru aktar importanti hekk kif is-swieq tax-xogħol tagħna jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji tagħna;

37.  Jissottolinja l-potenzjal tal-SMEs u tal-impriżi soċjali fil-ħolqien tal-impjiegi u l-ekonomija kollha; iqis li huwa fundamentali li tiġi vvalutata r-rata għolja tan-negozji ġodda sabiex jittieħdu t-tagħlimiet għall-futur, u biex jingħata appoġġ lill-intraprenditorija, inkluż permezz tal-iżvilupp u l-appoġġ tal-mudelli soċjali u tal-ekonomija ċirkolari; iqis li huwa essenzjali, barra minn hekk, li jittejjeb l-ambjent tan-negozju billi jitneħħew il-piżijiet amministrattivi u jiġu aġġustati r-rekwiżiti, jittejjeb l-aċċess għall-finanzi u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' mudelli tat-taxxa u proċeduri simplifikati tal-konformità tat-taxxa li jiffavorixxu lill-SMEs, lill-intraprendituri, il-ħaddiema għal rashom, il-mikroentitajiet, in-negozji ġodda u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, u biex jiġi evitat li jkun hemm evażjoni tat-taxxa u nuqqas ta' informazzjoni affidabbli għall-identifikazzjoni tal-bażijiet tat-taxxa u s-sidien reali tagħhom; jappella lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li jrawmu kultura ta' intraprenditorija responsabbli u effikaċi fost iż-żgħażagħ minn età bikrija, jipprovdulhom opportunitajiet ta' internships u ta' żjarat lill-kumpaniji u l-għarfien korrett biex jiġi evitat il-falliment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tkompli l-programmi Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-assoċjazzjonijiet u l-inizjattivi li jgħinu lill-intraprendituri żgħażagħ biex jiżviluppaw proġetti innovattivi;

38.  Jenfasizza li l-imprenditorija soċjali hija qasam li qiegħed jikber li jista' jagħti spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin itaffi l-privazzjoni, l-esklużjoni soċjali u problemi soċjetali oħra; iqis, għalhekk, li l-edukazzjoni imprenditorjali għandha tinkludi dimensjoni soċjali u tindirizza suġġetti bħall-kummerċ ġust, l-impriżi soċjali u mudelli ta' negozju alternattivi, fosthom il-kooperattivi, sabiex isir sforz biex tinkiseb ekonomija aktar soċjali, inklużiva u sostenibbli;

39.  Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kienu kruċjali sabiex jimminimizzaw l-impatt tal-kriżi; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li dawk l-intrapriżi jingħataw aktar appoġġ, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-forom differenti ta' finanzjament, inklużi l-fondi Ewropej, u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw qafas ġuridiku li jirrikonoxxi l-attivitajiet tagħhom fl-UE u li jipprevjeni kompetizzjoni inġusta; jiddeplora l-fatt li l-valutazzjoni tal-attivitajiet tagħhom mhijiex riflessa fis-SAT, kif mitlub mill-Parlament;

40.  Jirrikonoxxi li n-nisa għadhom sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol; jemmen, f'dan ir-rigward, li kuntratti ta' impjieg flessibbli inklużi kuntratti volontarji u part-time jista' jkollhom rwol importanti fiż-żieda tal-livelli ta' parteċipazzjoni tal-gruppi li kieku mhux hekk setgħu ġew esklużi mis-suq tax-xogħol, inklużi n-nisa;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fir-riċerka u jippromwovu l-iżvilupp ta' teknoloġiji u servizzi ġodda tal-produzzjoni fil-qafas ta' tranżizzjoni ġusta; jissottolinja l-potenzjal tagħhom li jżidu l-produttività u s-sostenibbiltà, joħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità u jistimulaw l-iżvilupp fit-tul;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-investiment fis-settur tar-R&Ż f'konformità mal-Istrateġija 2020; isostni li l-investimenti f'dan is-settur jgħinu jżidu l-kompetittività u l-produttività tal-ekonomija u b'hekk jippromwovu l-ħolqien ta' impjiegi stabbli u pagi ogħla;

43.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għall-broadband fir-reġjuni kollha, inklużi ż-żoni rurali u r-reġjuni bi problemi naturali jew demografiċi serji u permanenti, b'tali mod li jiġi promoss l-iżvilupp armonjuż madwar l-UE;

44.  Iqis li t-tnaqqis demografiku, li jaffettwa r-reġjuni tal-UE fi gradi differenti, huwa fost l-ostakli serji li jxekklu l-iżvilupp tal-UE, li jeħtieġu approċċi u impenji differenzjati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri mfassla biex jindirizzaw din l-isfida; jissottolinja l-fatt li t-tnaqqis demografiku jirrikjedi approċċ olistiku, li għandu jinkludi l-adattament tal-infrastruttura meħtieġa, impjiegi ta' kwalità b'pagi deċenti u t-titjib fis-servizzi pubbliċi u l-arranġamenti volontarji ta' xogħol flessibbli, li għandhom ikunu relatati ma' sigurtà tal-impjieg adegwata u protezzjoni soċjali aċċessibbli;

45.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni inkludiet il-ħtieġa li tiġi provduta statistika dwar l-isfidi demografiċi bħad-depopolazzjoni u t-tixrid tal-popolazzjoni fil-Programm Statistiku Ewropew tagħha; iqis li din id-data ser tipprovdi stampa preċiża tal-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn ir-reġjuni, u b'hekk tippermetti li jinstabu soluzzjonijiet aħjar; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra dawn l-istatistiċi fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) futur;

46.  Ifakkar li żieda fl-istennija tal-għomor tirrikjedi l-adattament tas-sistemi tal-pensjonijiet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom u kwalità tajba ta' ħajja għall-anzjani; jisħaq li dan jista' jinkiseb billi jitnaqqas il-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija, inkluż billi jiġu offruti kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati li jipprovdu opportunitajiet għal dawk li jixtiequ jaħdmu aktar fit-tul u bl-evalwazzjoni – fil-livell tal-Istati Membri u flimkien mas-sħab soċjali – tal-ħtieġa li kemm l-età tal-irtirar statutorja kif ukoll dik effettiva jkunu f'livell sostenibbli b'żidiet fl-istennija tal-għomor u bl-ammont ta' snin li jikkontribwixxu għall-assigurazzjoni, u permezz tal-prevenzjoni tal-ħruġ kmieni mis-suq tax-xogħol kif ukoll bl-akkomodazzjoni taż-żgħażagħ u tar-rifuġjati u tal-migranti fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-tisħiħ tas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi u okkupazzjonali u fil-ħolqien ta' krediti tal-kura, bħala kumpens għall-kontribuzzjonijiet li n-nisa u l-irġiel tilfu minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom għat-tfal u kura fit-tul, bħala għodda biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri u biex jingħata dħul tal-irtirar adegwat li jkun ogħla mis-soll tal-faqar u b'hekk jgħixu b'mod dinjituż u indipendenti;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu l-politika tat-tixjiħ attiv, l-inklużjoni soċjali tal-anzjani u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; ifakkar li sistemi tas-saħħa aktar kosteffettivi u l-indukrar fit-tul li jiżguraw aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva affordabbli ta' kwalità tajba huma wkoll fundamentali għall-produttività;

48.  Huwa tal-fehma li l-Politika ta' Koeżjoni, bħala l-politika ewlenija tal-investiment pubbliku tal-Unjoni Ewropea, uriet l-effettività tagħha fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi u t-tisħiħ tal-inklużjoni u t-tnaqqis tal-faqar u għaldaqstant għandha tirċievi aktar finanzjament fil-QFP futur; iqis li l-FSE għandu jinżamm bħala l-istrument ewlieni tal-UE għall-integrazzjoni u riintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol, kif ukoll biex jappoġġa miżuri għall-inklużjoni soċjali, jiġġieled il-faqar u l-inugwaljanzi, u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jappella lill-Kummissjoni żżid il-FSE biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-QFP li jmiss;

49.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-FEIS jappoġġa t-tkabbir u l-impjiegi fi proġetti ta' investiment b'riskju għoli, u li jindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul; jinsab imħasseb, madankollu, dwar l-iżbilanċ enormi fl-użu tal-fond bejn l-UE-15 u l-UE-13; jisħaq fuq, barra minn hekk, ir-rwol tal-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) għall-promozzjoni ta' livelli għolja ta' kwalità u ta' sostenibbiltà tal-impjiegi, biex tiġi garantita protezzjoni soċjali adegwata u deċenti u għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar;

50.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jivvalutaw dwar jekk jistgħux inaqqsu t-taxxi fuq oġġetti essenzjali, partikolarment l-ikel, pass li jikkostitwixxi waħda mill-aktar miżuri bażiċi tal-ġustizzja soċjali;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex il-persuni b'diżabilità jiġu inklużi aktar fis-suq tax-xogħol billi jitneħħew l-ostakli leġiżlattivi, tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u l-adozzjoni tal-postijiet tax-xogħol kif ukoll billi jinħolqu inċentivi għall-impjieg tagħhom; ifakkar li ambjent tax-xogħol adattat għal persuni b'diżabilità, l-integrazzjoni tagħhom fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll appoġġ finanzjarju mmirat huma miżuri essenzjali li jgħinuhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali tinkludi indikaturi dwar ix-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-linji gwida proposti l-ġodda għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri annessi mas-SAT tal-2018; jitlob, madankollu, li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu miżuri konkreti biex jintlaħqu l-għanijiet dikjarati, bi qbil mal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD);

53.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa għall-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati u tal-persuni ta' minoranza etnika jew ta' oriġini immigranti;

54.  Jissottolinja l-fatt li n-nuqqas ta' konformità tad-domanda tax-xogħol mal-provvista tax-xogħol hija problema li l-impjegaturi fir-reġjuni kollha tal-UE, anke f'dawk l-aktar żviluppati, qegħdin jiffaċċjaw u din ma tistax tissolva b'impjiegi li mhumiex siguri jew stabbli; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuri li jiffaċilitaw il-mobilità tal-ħaddiema bejn impjiegi, setturi u postijiet sabiex jissodisfaw id-domanda għall-ħaddiema kemm f'reġjuni anqas żviluppati kif ukoll f'dawk żviluppati aktar filwaqt li dawn jiżguraw l-istabilità u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u jippermettu progress u promozzjoni professjonali; jirrikonoxxi li l-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE madwar l-Istati Membri tgħin biex tintlaħaq il-provvista u d-domanda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu wkoll attenzjoni partikolari liċ-ċirkostanzi uniċi tal-ħaddiema transkonfinali u tal-ħaddiema f'reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi;

55.  Jiddeplora l-fatt li, wara bosta talbiet mill-Parlament, ir-reġjuni ultraperiferiċi għadhom ma ġewx inklużi fis-SAT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-għan li tiġi garantita l-ekwità bejn ir-reġjuni u tiġi promossa l-konverġenza 'l fuq, li ġiet diskussa diversi drabi, biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE fi sforz biex tingħata spinta l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-UE; jenfasizza li l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata lir-reġjuni ultraperiferiċi trid tinżamm, mhux biss fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi iżda wkoll fid-dawl tal-impatt li l-politiki Ewropej jista' jkollhom fuq is-sitwazzjoni soċjali u l-livelli ta' impjieg tagħhom;

56.  Jevidenzja l-fatt li fil-perjodu 2014-2016, it-tkabbir fil-pagi reali waqa' lura wara t-tkabbir tal-produttività, minkejja t-titjib fis-suq tax-xogħol; ifakkar li t-tkabbir fil-pagi reali, b'riżultat ta' żieda fil-produttività huwa kruċjali għall-indirizzar tal-inugwaljanzi;

57.  Jissottolinja r-rwol tas-sħab soċjali fil-proċess ta' riforma bħala partijiet ikkonċernati essenzjali, tal-prattiki tad-djalogu soċjali nazzjonali u tas-soċjetà ċivili u l-valur miżjud tal-involviment attiv tagħhom fl-abbozzar, is-sekwenzjar u l-implimentazzjoni tar-riformi; jisħaq li l-involviment effettiv fit-tfassil tal-politika ser jippermetti li s-sħab soċjali jħossuhom aktar involuti fir-riformi nazzjonali adottati bħala riżultat tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru u għalhekk is-sjieda tagħhom tar-riżultati ser tkun imsaħħa; jappella lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tipproponi linji gwida għal dan l-involviment adegwat għall-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti; jappoġġa l-fehma li l-forom ġodda ta' impjiegi fis-suq globalizzat jeħtieġu forom ġodda ta' djalogu soċjali u ċivili, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta' dawn il-forom ġodda ta' djalogu soċjali u l-protezzjoni ta' dawn il-forom ġodda ta' impjieg; jisħaq li l-ħaddiema kollha jridu jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom u jkunu protetti fl-eventwalità li jintuża l-żvelar ta' informazzjoni protetta għar-rapportar ta' prattiki abbużivi; jemmen li, jekk irridu nimxu lejn konverġenza 'l fuq, id-djalogu soċjali għandu jiġi segwit matul il-fażi tal-proċess tas-Semestru Ewropew; jafferma li l-Istati Membri jeħtieġ li jgħinu lin-nies jifformaw il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol;

58.  Jevidenzja l-fatt li, skont it-tabella ta' valutazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) u tal-UE2020, id-distribuzzjoni tal-ħiliet fil-forza tax-xogħol, fil-biċċa l-kbira, taqbel mar-rekwiżiti tal-kwalifiki tas-suq tax-xogħol fl-2016, u li l-provvista tax-xogħol qabżet id-domanda għat-tipi kollha ta' kwalifiki, u li hija partikolarment għolja għal kwalifiki ta' livell baxx u medju; jenfasizza li l-previżjonijiet tas-CEDEFOP juru żieda parallela fil-ħiliet, kemm mid-domanda kif ukoll mill-provvista sal-2025 u li l-livelli tal-ħiliet huma mistennija li jinbidlu aktar malajr għall-forza tax-xogħol minn dawk meħtieġa għas-suq tax-xogħol; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrivalutaw bir-reqqa d-diffikultajiet biex jiġi aċċessat is-suq tax-xogħol; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fir-rata ta' kwalifikazzjoni żejda (25 % fl-2014);

59.  Jevidenzja li d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru jew id-differenza fir-rata tal-impjieg bejn l-irġiel u n-nisa għadha għolja, bil-qligħ gross medju fis-siegħa tal-impjegati rġiel madwar 16 % ogħla minn dak tal-impjegati nisa; jenfasizza li dawn id-differenzi huma dovuti għas-sottorappreżentanza tan-nisa fis-setturi mħallsa tajjeb, id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u n-numru kbir ta' nisa li jaħdmu part-time; iħeġġeġ li jeħtieġ isir aktar progress biex jitnaqqsu dawn id-differenzi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex fl-istrateġija Ewropa 2020 tintroduċi pilastru ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u objettiv globali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

60.  Jappella lill-Istati Membri biex jinkorporaw id-dimensjoni tal-ġeneru u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-mara u r-raġel fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza tagħhom, billi jistabbilixxu miri kwalitattivi u miżuri li jfittxu li jindirizzaw id-disparitajiet persistenti bejn il-ġeneri;

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0355.
(3) ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.
(4) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0451.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0418.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0403.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0360.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0260.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0073.
(11) Testi adottati, P8_TA(2017)0039.
(12) Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0338.
(14) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 157.
(15) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 19.
(16) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 48.
(17) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 130.
(18) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 40.
(19) L-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali, il-Kummissjoni Ewropea.
(20) ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Novembru 2018Avviż legali