Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2116(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0121/2018

Testi mressqa :

A8-0121/2018

Dibattiti :

PV 16/04/2018 - 25
CRE 16/04/2018 - 25

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2018 - 6.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0095

Testi adottati
PDF 322kWORD 66k
It-Tlieta, 17 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini
P8_TA(2018)0095A8-0121/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2018 dwar strateġija Ewropea għall-promozzjoni tal-għelejjel li fihom il-proteini – Inħeġġu l-produzzjoni tal-pjanti leguminużi u li fihom il-proteini fis-settur agrikolu Ewropew (2017/2116(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar "Id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni hemm għal problema li ilha teżisti?"(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2016 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, magħruf bħala l-"Omnibus", dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (COM(2016)0605) u l-emenda tiegħu biex tiġi inkluża fih talba lill-Kummissjoni biex tippubblika "pjan dwar il-proteini" sa tmiem l-2018(2),

–  wara li kkunsidra d-"Dikjarazzjoni Ewropea dwar is-Sojja", ippreżentata fit-12 ta' Ġunju 2017 lill-Kunsill Agrikoltura mill-Ġermanja u mill-Ungerija, u mbagħad iffirmata minn 14-il Stat Membru(3),

–  wara li kkunsidr‏‏a d-deċiżjoni tal-Kunsill 93/355/KEE tat-8 ta' Ġunju 1993 dwar il-konklużjoni ta' Memorandum ta' Ftehim fuq ċerti żrieragħ taż-żejt bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika fl-isfond tal-GATT(4),

–  wara li kkunsidra d-dokument adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli") u b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) 2, 12 u 15 inklużi fiha,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-68 sessjoni tagħha li tipproklama b'mod uffiċjali l-2016 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Legumi, taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO)(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju ikkummissjonat mid-Dipartiment ta' Politika B tal-Parlament fuq it-talba tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, intitolat "The Environmental Role of Protein Crops in the new Common Agricultural Policy" ("Ir-rwol Ambjentali tal-Għelejjel tal-Proteini fil-Politika Agrikola Komuni l-Ġdida")(6),

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ li saret fil-Parlament dwar titjib fil-provvista Ewropea tal-għelejjel tal-proteina,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sojja tad-Danubju tad-19 ta' Jannar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0121/2018),

A.  billi l-Unjoni Ewropea qed tbati minn defiċit kbir fil-proteini veġetali minħabba l-ħtiġijiet tas-settur tat-trobbija tal-annimali, li jiddependi mill-importazzjonijiet tal-għalf minn pajjiżi terzi, sitwazzjoni li sfortunatament rat ftit titjib minkejja l-bosta avviżi ta' intenzjonijiet u inizjattivi dwar dan is-suġġett matul perjodu ta' aktar minn 15-il sena, u minkejja l-użu ta' prodotti sekondarji mill-bijofjuwils fl-għalf tal-annimali; billi s-sitwazzjoni attwali, ikkaratterizzata mill-importazzjoni ta' proteini veġetali (prinċipalment is-sojja) mill-Amerika t'Isfel, hija insostenibbli u turi li aħna għandna nieħdu azzjoni aktar enerġetika, partikolarment biex intejbu s-sostenibbiltà ta' dawn l-importazzjonijiet;

B.  billi huwa vitali li titnaqqas id-dipendenza qawwija tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-għelejjel tal-proteina, li prinċipalment jintużaw għall-għalf tal-annimali; billi minbarra l-impatt ambjentali fir-reġjuni li jipproduċu s-sojja, is-sitwazzjoni attwali ġġorr magħha riskji kbar ħafna speċjalment għas-settur tal-bhejjem tal-UE, peress li l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali żdiedet sostanzjalment;

C.  billi l-Parlament għal diversi drabi tkellem dwar il-proteini u l-ħtieġa għal pjan Ewropew tal-proteini, iżda billi l-inizjattivi tiegħu ma wasslux għal effetti reali li jistgħu jbiddlu d-dipendenza tal-Ewropa fuq oħrajn għall-provvista ta' proteini veġetali;

D.  billi minħabba li faqqgħet il-kriżi tal-BSE kienet ġustament ġiet imposta projbizzjoni Ewropea fuq l-użu ta' sustanzi mitħuna li ġejjin mill-annimali fl-għalf(7), iżda dan kellu l-effett li tiżdied drastikament l-importazzjoni tas-sojja mill-Amerika Latina;

E.  billi, konsegwentement, l-Unjoni tiddedika biss 3 % tar-raba' għall-għelejjel li fihom il-proteini u timporta aktar minn 75 % tal-provvista ta' proteini veġetali tagħha li ġejja prinċipalment mill-Brażil, l-Arġentina u l-Istati Uniti;

F.  billi s-setturi tal-bhejjem fl-Unjoni huma estremament sensittivi għall-volatilità tal-prezzijiet u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u huma dipendenti fuq l-importazzjonijiet ta' proteini veġetali bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja, li toffri sfida reali għall-azjendi agrikoli Ewropej;

G.  billi l-għelejjel tal-proteina Ewropej jiġġeneraw prodotti sekondarji żejtnin li jistgħu jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari u jkunu ta' valur għall-konsum mill-bniedem, l-enerġija rinnovabbli jew il-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi ekoloġiċi; billi l-koproduzzjoni ta' proteini u prodotti sekondarji fl-Ewropa tagħmilha possibbli li jitnaqqsu l-importazzjonijiet kemm ta' proteini OĠM u kif ukoll ta' bijofjuwils li jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni;

H.  billi l-kwistjoni tal-proteina veġetali użata fl-għalf tal-annimali spiss wisq ġiet analizzata mill-perspettiva ta' prodotti b'livell għoli ta' proteini, b'rabta mad-defiċit tagħna fil-proteini veġetali u mat-tfittxija ta' materja prima maħsuba biex tissupplimenta r-razzjonijiet tal-annimali tal-azjendi agrikoli;

I.  billi hemm il-ħtieġa li tiġi adottata analiżi aktar komprensiva tal-kwistjoni dwar il-proteina fl-Ewropa sabiex inkunu mogħnija bi strateġija fit-tul u nimmassimizzaw l-għadd ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħna biex nagħtu spinta lill-azzjonijiet tagħna sabiex innaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-proteini veġetali; billi din l-istrateġija hija għodda fit-tranżizzjoni lejn sistemi agroalimentari u sistemi tal-biedja aktar sostenibbli;

J.  billi l-proteini, bħall-enerġija, huma komponent essenzjali tal-ikel tagħna u jistgħu jiġu pprovduti mill-annimali jew mill-pjanti;

K.  billi l-proteini veġetali huma fil-qalba tal-isfidi tas-sikurezza u s-sovranità tal-ikel (l-ikel u l-għalf), il-protezzjoni ambjentali, it-tisħin globali u l-enerġija rinnovabbli; billi dawn huma essenzjali għall-ħajja u huma preżenti fl-ikel kollu kkonsmat, kemm mill-bnedmin u kif ukoll mill-annimali;

L.  billi l-produzzjoni totali Ewropea ta' materjal rikk fil-proteini telgħet minn 24,2 għal 36,3 miljun tunnellata (+50 %) bejn l-1994 u l-2014, iżda fl-istess ħin il-konsum totali tela' minn 39,7 għal 57,1 miljun tunnellata (+44 %); billi b'hekk id-defiċit globali tal-proteina tal-Unjoni qed jiżdied (20,8 tunnellata fl-2014); billi s-suq dinji tal-proteini veġetali, b'konnessjoni mas-suq tas-sojja u d-dqiq tas-sojja, żdied b'mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar 50 sena, u billi l-konsum ta' dawn il-materji primi żdied drastikament fl-Istati Membri kollha, fejn il-konsum tas-sojja żdied minn 2,42 miljun tunnellata fl-1960 għal kważi 36 miljun tunnellata llum; billi s-settur tal-bhejjem tal-UE huwa dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-fażola tas-sojja u d-dqiq tas-sojja minn pajjiżi terzi, b'mod speċjali mill-Amerika t'Isfel; billi d-domanda għas-sojja fi ħdan l-UE tuża erja ta' kważi 15-il miljun ettaru, li minnhom 13-il miljun ettaru huma fl-Amerika t'Isfel;

M.  billi l-kultivazzjoni tal-għelejjel tal-proteina tiġġenera valur miżjud sinifikanti għall-ambjent, li mhuwiex ipperikolat bl-użu relatat ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

N.  billi f'dawn l-aħħar snin iċ-Ċina saret l-akbar importatur fid-dinja tas-sojja u nediet l-istrateġija ġenwina u mhux trasparenti tas-sikurezza tal-provvista tagħha stess, li tinsab barra mill-mekkaniżmi tradizzjonali tas-suq u li hija bbażata fuq kuntratti ta' produzzjoni mal-akbar fornitur tas-sojja fid-dinja, il-Brażil, u b'investiment massiċċ hemmhekk, b'detriment għall-ambjent, il-produzzjoni, l-ipproċessar (tgħaffiġ) u l-infrastruttura tat-trasport portwali; billi din l-istrateġija ta' internazzjonalizzazzjoni min-naħa tal-industrija agroalimentari Ċiniża jista' jkollha impatt fuq il-provvisti attwali fis-suq tas-sojja u ta' żrieragħ taż-żejt fl-UE, li hija wkoll klijent ewlieni tal-Brażil, u tipperikola l-istabbiltà tas-swieq tal-Unjoni;

O.  billi l-maġġoranza tas-sojja importata, b'mod partikolari fl-Amerika, ġejja minn għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi, u billi l-konsumaturi Ewropej ma jafdawx din it-teknoloġija; billi hemm interess dejjem jikber fi prodotti mhux ġenetikament modifikati u tħassib dejjem jiżdied dwar il-marka tal-karbonju tal-importazzjonijiet; billi fl-UE ħafna produtturi u proċessuri tas-sojja, produtturi tal-għalf tal-annimali, u rappreżentanti tal-industrija tal-ikel (produtturi tal-laħam, il-ħalib u l-bajd u utenti oħra ta' fażola tas-sojja), il-ktajjen tal-kummerċ u istituzzjonijiet rilevanti oħra jappoġġaw sistemi ta' produzzjoni tas-sojja mhux ġenetikament modifikati li huma sostenibbli u ċċertifikati;

P.  billi sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ikel tal-Ewropa, il-biedja Ewropea għaddiet minn trasformazzjoni, fil-qafas tal-politika agrikola komuni (PAK); billi hija intensifikat ruħa u s-swieq tal-prodotti agrikoli u tal-materja prima agrikola nfetħu, li dan żied id-dipendenza tal-UE fuq importazzjonijiet ta' proteini veġetali mill-kontinenti Amerikani; billi l-globalizzazzjoni wasslet għal konverġenza tad-drawwiet fil-qasam tad-dieta u l-ispeċjalizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, li ta lok għal ċaqliq fuq skala kbira ta' inputs fuq distanzi twal għall-produzzjoni tal-proteini, kemm jekk huma fertilizzanti sintetiċi tan-nitroġenu kif ukoll materja prima rikka fil-proteini għall-għalf tal-bhejjem, b'impatt fuq l-ambjent u l-klima;

Q.  billi l-produzzjoni ta' għelejjel tal-proteina, b'mod partikolari tas-sojja, importati għall-produzzjoni ta' għalf tal-annimali hija waħda mill-muturi ewlenin ta' tibdil fl-użu tal-art u hija mutur ewlieni tad-deforestazzjoni globali f'ħafna reġjuni barra mill-Ewropa; billi ż-żieda fil-kultivazzjoni ta' għelejjel tal-proteina Ewropej tista' tipprovdi komplement importanti għall-miżuri għall-promozzjoni ta' ktajjen tal-provvista tal-prodotti bażiċi agrikoli mingħajr id-deforestazzjoni; billi l-indirizzar tal-isfida globali tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti saret anki aktar importanti fid-dawl tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima;

R.  billi n-nitroġenu meħtieġ għall-alimentazzjoni tal-pjanti u għall-produzzjoni ta' proteini veġetali, bl-eċċezzjoni ta' għelejjel leguminużi, illum fil-biċċa l-kbira jiġi pprovdut mill-fertilizzanti tan-nitroġenu sintetiċi, li jiswew il-flus u jinvolvu enerġija intensiva għall-produzzjoni tagħhom, jiġġeneraw tniġġis kemm fir-riżorsi tal-ilma u tal-arja u għandhom marka ekoloġika għolja minħabba l-ammont kbir ħafna ta' fjuwils fossili kkunsmati waqt il-proċess ta' produzzjoni; billi dan ma jikkontribwixxix għall-għan tal-ekonomija ċirkolari u sabiex isir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tagħna u l-flussi tal-iskart; billi f'dawn iċ-ċirkostanzi, il-kwistjoni ta' proteini għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid, mill-produzzjoni sal-konsum, f'termini ta' prestazzjoni produttiva u ambjentali, ibbażata fuq immaniġġjar aktar sodisfaċenti taċ-ċiklu tan-nitroġenu, inkluż l-użu u l-iżvilupp ta' fertilizzanti nitroġeni organiċi bħal nutrijenti riċiklati minn flussi ta' skart organiku bħal demel tal-annimali;

S.  billi sabiex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta' proteini veġetali, huwa neċessarju li niffokaw mhux biss fuq għelejjel b'kontenut għoli ta' proteini li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-annimali ruminanti u l-annimali mhux ruminanti, iżda wkoll fuq l-għelejjel l-oħra kollha (inkluż fiż-żoni tal-foraġġ u tal-bwar) li, għalkemm għandhom kontenut ta' proteini iktar baxx, huma kkultivati estensivament mal-Unjoni kollha; billi hemm ħafna benefiċċji fiż-żoni fejn ir-ruminanti jirgħu fil-mergħat, inkluż inqas spejjeż marbutin mar-riżorsi ta' produzzjoni tal-azjendi agrikoli;

T.  billi mhux se jkun hemm żieda fil-produzzjoni tal-proteini veġetali mingħajr titjib tal-profitabbiltà ta' dawn l-impjanti u llum hemm il-ħtieġa għall-implimentazzjoni ta' pjan ta' provvista ta' proteina strateġiku, effikaċi u ambizzjuż biex jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli tal-biedja Ewropea; billi pjan bħal dan jeħtieġ il-mobilizzazzjoni ta' bosta politiki tal-Unjoni, u l-ewwel u qabel kollox il-PAK;

U.  billi f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, l-Unjoni użat tliet metodi ta' azzjoni prinċipali sabiex tappoġġa l-objettiv tal-indipendenza Ewropea rigward il-proteini, jiġifieri l-għajnuna akkoppjata volontarja għall-għelejjel li fihom il-proteini u għaż-żrieragħ żejtnin, il-politika tal-UE dwar il-bijofjuwils u l-kundizzjonalità ta' 30 % tal-appoġġ dirett, introdotti mill-aħħar riforma tal-PAK b'relazzjoni mal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ekoloġizzazzjoni, fosthom l-obbligu li 5 % tar-raba' tintuża bħala Żona ta' Interess Ekoloġiku (EFA) u d-deċiżjoni li jitħallew jitkabbru għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu u għelejjel tat-titwiq;

V.  billi l-interess tal-bdiewa f'għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu u r-raba' b'kontenut għoli ta' proteini żdied b'mod sinifikanti għaliex minħabba li dawn jgħinu lill-bdiewa jissodisfaw ir-rekwiżiti skont il-politika ta' ekoloġizzazzjoni, u billi dan l-interess ser jinkoraġġixxi dawk li jnisslu l-pjanti biex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom relatati ma' dawn l-għelejjel jew iżiduhom;

W.  billi matul il-perjodu 2000-2013 il-miżuri introdotti mill-PAK ma rnexxilhomx waħedhom jeqilbu lura t-tendenza ta' tnaqqis jew staġnar tal-produzzjoni ta' proteini fl-Ewropa, iżda billi mill-2013 il-kombinazzjoni ta' din l-għajnuna flimkien mal-miżura ta' ekoloġizzazzjoni li ppermettiet il-kultivazzjoni tal-għelejjel tal-proteina f'EFAs wasslet għal żieda qawwija fil-produzzjoni ta' għelejjel tal-proteini fl-UE;

X.  billi l-ftehim politiku dwar il-PAK milħuq mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fl-2013 jipprevedi l-possibbiltà ta' tkabbir ta' għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu fl-EFAs;

Y.  billi r-riċerka wriet li l-manifatturi tal-għalf spiss iżidu aktar proteini lill-ikel milli huwa meqjus neċessarju u billi titjib fl-effiċjenza jista' jinkiseb permezz ta' determinazzjoni aktar preċiża tal-kontenut ta' proteina meħtieġa mill-ispeċijiet fil-mira;

Z.  billi, minħabba l-perċentwal baxx ta' kultivazzjoni ta' għelejjel li fihom il-proteini fl-UE, naqas l-għadd ta' programmi ta' riċerka dwar il-proteini veġetali, kif naqsu wkoll it-taħriġ, l-innovazzjoni u l-kisba ta' esperjenza prattika fl-UE; billi l-effikaċja tal-innovazzjoni għandha tissaħħaħ u l-politika ta' riċerka għandha tiġi intensifikata, iżda billi dan jista' jirnexxi biss jekk ikun sostnut minn impenji politiċi fuq perjodu medju sa twil; billi politika tar-riċerka dwar il-proteini għandha tinkludi wkoll għelejjel leguminużi mkabbra lokalment u adattati;

AA.  billi l-appoġġ ta' attivitajiet ta' tnissil tal-pjanti se jkun importanti biex jiġu żviluppati varjetajiet ġodda ta' għelejjel tal-proteina li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar produzzjoni ta' proteini fl-UE; billi attivitajiet effettivi ta' tnissil ta' pjanti jeħtieġu politika ta' riċerka ffinanzjata b'mod suffiċjenti u ambjent regolatorju xieraq li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni;

AB.  billi l-Kummissjoni diġà ffinanzjat, u qiegħda fil-proċess li tiffinanzja, għadd ta' proġetti rilevanti, inklużi dawk taħt l-intestatura "SFS-44-2016 - A joint plant breeding programme to decrease the EU's and China's dependency on protein imports" ("Programm konġunt ta' tnissil ta' pjanti li jnaqqas id-dipendenza tal-UE u taċ-Ċina fuq l-importazzjonijiet ta' proteini"); billi komunikazzjoni, tixrid u sfruttament xierqa tar-riżultati ta' dawn il-proġetti għandhom ikunu żgurati sabiex deċiżjonijiet politiċi futuri f'dan il-qasam ikunu bbażati fuq l-evidenza;

AC.  billi l-ispiża ta' sojja bejn wieħed u ieħor irduppjat f'termini reali mill-2007;

1.  Huwa tal fehma li wasal il-waqt biex jiġi implimentat pjan strateġiku Ewropew wiesa' għall-produzzjoni tal-proteini u l-provvista tal-proteini veġetali, ibbażat fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-għelejjel kollha mkabbra fl-Unjoni kollha; huwa wkoll tal-fehma li din il-bidla timplika bidla sostanzjali ta' sistemi ta' produzzjoni tagħna biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-għajxien tal-bdiewa u r-rekwiżiti ta' ekonomija ċirkolari u l-produzzjoni sostenibbli tal-biedja, fuq il-bażi ta' prinċipji bħall-agroekoloġija u prattiki oħra favur l-ambjent, inklużi strateġiji ta' l-għalf tar-ruminanti b'input baxx ibbażati kemm fuq mergħat permanenti u kif ukoll fuq bwar temporanji fir-raba';

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjonijiet immedjati bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe tnaqqis fil-livell attwali tal-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina, filwaqt li jitqiesu b'mod xieraq il-benefiċċji ambjentali li jirriżultaw mill-kultivazzjoni konvenzjonali tal-għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu fl-EFAs;

3.  Josserva li l-għelejjel tal-proteina jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-ambjent minħabba l-potenzjal tagħhom li jiffissaw in-nitroġenu mill-atmosfera; iżid li dawn il-benefiċċji jinkludu tnaqqis tal-użu ta' fertilizzanti bbażati fuq il-fjuwils fossili, it-titjib fil-kwalità u l-fertilità tal-ħamrija, u fin-newba tal-għelejjel, billi jonqos il-livelli ta' mard ġej minn monokultura kontinwa u l-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità; Jenfasizza, barra minn hekk, li l-fatt li dawn l-għelejjel jiffissaw in-nitroġenu jista' jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' produzzjoni u l-possibbiltà ta' effetti ambjentali negattivi assoċjati mal-użu eċċessiv tal-fertilizzanti;

4.  Jitlob l-istabbiliment ta' pjattaforma Ewropea, b'appoġġ mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Għelejjel li jagħmilha possibbli li: jiġu identifikati żoni Ewropej ta' kultivazzjoni ta' għelejjel tal-proteina skont il-kategorija tal-għelejjel u l-post fejn jinsabu, jinħolqu referenzi tekniċi li jkunu aċċessibbli għall-bdiewa kollha, jiġu determinati l-kapaċitajiet Ewropej ta' produzzjoni tal-proteini sabiex tiġi ffaċilitata l-kummerċjalizzazzjoni u tiġi kkatalogata r-riċerka pubblika u privata mwettqa fil-qasam tal-proteini;

5.  Jirrakkomanda li ssir enfasi fuq is-sorsi kollha ta' proteini veġetali, u b'hekk fuq l-għelejjel użati kemm fl-ikel u fl-għalf, u fuq appoġġ regolatorju għall-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta' proteini bbażati fuq il-pjanti; jemmen, barra minn hekk, li għandha ssir aktar riċerka dwar sorsi alternattivi ta' proteina;

6.  Jirrikonoxxi li l-produzzjoni tas-sojja fl-Amerika t'Isfel hija fattur ewlieni fil-bidla fl-użu tal-art u tikkawża diversi problemi ekoloġiċi multipli bħall-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art mill-pestiċidi, l-erożjoni tal-ħamrija, tnaqqis fir-riżorsi tal-ilma u d-deforestazzjoni li jwassal għal telf devastanti tal-bijodiversità; jirrikonoxxi li l-produzzjoni tas-sojja għandha konsegwenzi negattivi soċjali u għas-saħħa fil-pajjiżi produtturi, aggravata minn drittijiet tal-pussess tal-art dgħajfa, ħtif tal-art, tkeċċija sfurzata u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Ifakkar li l-kriżi tal-BSE fis-snin disgħin u l-projbizzjoni fuq l-użu ta' proteini tal-annimali pproċessati fl-għalf, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 999/2001, żiedu d-domanda għal proteini veġetali fl-Ewropa; jinnota li sorsi alternattivi Ewropej ta' għalf li fih il-proteini, bħall-ħut mitħun, jintużaw fis-settur Ewropew tat-trobbija tal-ħut;

L-objettivi multipli tal-pjan

8.  Huwa tal-fehma li dan il-pjan għandu jimmassimizza l-produzzjoni sostenibbli tal-bijomassa fiż-żoni agrikoli rilevanti billi jiġu żviluppati koperturi veġetali permanenti, li parti minnhom tista' tiġi ddedikata għall-provvista tal-proteini;

9.  Iqis li huwa neċessarju li wieħed iħares b'mod partikolari lejn il-potenzjal ta' għelejjel leguminużi, sew jekk ikunu qmuħ jew legumi tal-foraġġ, peress li din il-familja ta' pjanti tippreżenta diversi benefiċċji agrikoli, ekonomiċi u ambjentali, bil-vantaġġi prinċipali tagħhom li jassimilaw in-nitroġenu mill-arja permezz ta' sistema simbjotika, li tnaqqas il-ħtieġa ta' fertilizzanti nitroġeniċi sintetiċi, u jeħtieġu ftit użu ta' pestiċidi; jenfasizza li l-għelejjel leguminużi jħallu warajhom struttura tajba tal-ħamrija għall-għelejjel ta' wara permezz tan-nitroġenu li jħallu, li jista' jżid ir-rendimenti b'bejn 10 u 20 %; jenfasizza li n-newba hija ta' benefiċċju għall-kwalità tal-ħamrija, tnaqqas il-livelli ta' mard u ssostni l-bijodiversità;

10.  Jenfasizza, barra minn hekk, li fis-sistemi tan-newba tal-għelejjel li jinkludu l-għelejjel leguminużi, iċ-ċikli riproduttivi tal-pesti u l-patoġeni jiġu interrotti, u għaldaqstant jitnaqqsu l-livelli ta' mard tal-pjanti u l-ħtieġa li jiġu applikati l-pestiċidi; jinnota li benefiċċju ulterjuri huwa li l-bijodiversità tiżdied ukoll billi titwaqqaf il-monokultura sena wara sena;

11.  Jirrakkomanda li tiġi appoġġata, b'mod partikolari taħt il-PAK, il-kultivazzjoni tas-sojja fl-UE billi din tiġi magħmula aktar kompetittiva u bi profitti akbar, waqt li varjetajiet ġodda bħalissa qegħdin joffru possibbiltajiet ġodda għal xi reġjuni fejn l-għelejjel jistgħu jadattaw ruħhom, iżda jinnota li dan ma għandux inaqqas mill-importanza tal-kultivazzjoni ta' għelejjel ta' proteina oħra taċ-ċereali (lupina, fażola, piżelli, ċiċri, karawett, ful, eċċ.); jemmen li din il-varjetà wiesgħa tagħmilha possibbli li tiġi mmassimizzata l-produzzjoni tal-proteini fir-reġjuni kollha tal-Ewropa, skont il-kundizzjonijiet klimatiċi lokali;

12.  Jitlob li tingħata attenzjoni akbar lill-immaniġġjar tal-mergħat u tal-għelejjel tax-xnien li, minħabba l-art estensiva li jokkupaw, jagħtu kontribut kbir ħafna biex jiġu ssodisfati l-ħtiġiet tal-proteini għall-għalf tal-annimali (ir-ruminanti biss); jinnota li l-għelejjel leguminużi bħax-xnien jistgħu jagħmlu progress tajjeb fil-bwar;

13.  Jirrakkomanda li l-għelejjel tal-proteini veġetali bħas-sojja, l-alfalfa, il-ful, il-piżelli u għelejjel bħax-xnien, is-sainfoin u ħafna legumi oħra jerġgħu jiġu introdotti fis-sistemi ta' kultivazzjoni u ta' foraġġ fuq skala kbira ;

14.  Jara l-ħtieġa li jiġu żviluppati ktajjen tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-proteina lokali u reġjonali billi jiġu stabbiliti gruppi ta' bdiewa u billi jinħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn bdiewa tar-raba' u bdiewa li jrabbu l-bhejjem (kuntratti ta' provvista u ta' skambju, bini ta' impjanti ta' daqs żgħir jew medju deċentralizzati għall-bijoraffinament tal-"proteina ħadra"), biex isir skambju ta' għarfien dwar varjetajiet ta' legumi xierqa, newb u ħamriji; iqis li jkun utli, għal dan l-iskop, li , permezz tal-PAK, jiġu assistiti l-operaturi li jieħdu riskji billi jidħlu fi ktajjen tal-provvista fi żmien qasir għall-ikel u l-għalf ibbażati fuq il-proteini; jenfasizza l-importanza ta' kuntratti diretti bejn il-kultivaturi u l-produtturi tal-għalf tal-annimali;

15.  Iħeġġeġ il-promozzjoni tal-produzzjoni ta' varjetajiet ta' kwalità għolja ta' proteini veġetali mingħajr OĠM bi traċċabilità u tikkettar ċari (fir-rigward kemm tal-post tal-produzzjoni u kif ukoll tal-metodi użati), b'reazzjoni għal żieda fl-interess tal-konsumaturi Ewropej fi prodotti ħielsa minn OĠM;

16.  iqis li jenħtieġ li tiġi appoġġata l-awtosuffiċjenza alimentari tal-azjendi agrikoli fil-livell kemm tal-azjendi kif ukoll fil-livell reġjonali għar-ruminanti, u għall-annimali poligastriċi, inkluż permezz ta' produzzjoni ta' għalf fl-azjenda agrikola;

17.  Iqis li huma mixtieq li jiġi minimizzat it-telf mill-ħsad u l-flussi residwi u li jiżdied il-valur nutrittiv billi jitjieb il-livell tal-ħsad, il-ħżin u s-sistemi ta' pproċessar (tnixxif, pakkettar);

18.  Huwa tal-fehma li biex titjieb il-produzzjoni tal-proteini veġetali huwa meħtieġ li tiżdied il-profittabbiltà ta' dawn l-għelejjel u li jiġu żviluppati prattiki bħan-newb tal-għelejjel (fuq tul minimu ta' tliet snin) u inqas żrigħ ta' għelejjel leguminużi, u żieda fit-taħlita tal-varjetajiet u għall-għelejjel fis-setturi ta' produzzjoni tal-bus (xnien/kolza, tritikal/piżelli, eċċ.) u foraġġ (ħaxix, xnien, meslins, eċċ) sabiex nersqu lejn sistema agroalimentari aktar sostenibbli, nappoġġaw bidla minn monokultura ta' għelejjel intensiva fl-input fi ħdan l-UE u barra mill-UE lejn sistema agroekoloġika diversifikata;

19.  Jitlob li l-ħidma ta' riċerka tibda fuq: l-idoneità għall-użu fin-newb tal-għelejjel imħallta; l-għażla ta' varjetajiet u speċijiet ġodda li jagħtu flessibbiltà lill-bdiewa biex jadattaw għat-tibdil fil-klima; ir-reżistenza għall-istress; it-taħlit tal-għelejjel; it-titjib fir-rendimenti; il-kontenut ta' proteini u tad-diġestibilità tal-għalf tal-annimali (żerriegħa mnibbta, iż-żerriegħa tal-kolza, eċċ.); it-titjib fir-reżistenza tal-pjanti kontra l-mard; il-bijoloġija tal-ġerminazzjoni tal-ħaxix salvaġġ bħala funzjoni ta' kontroll tal-ħaxix salvaġġ; il-konverżjoni tal-għalf; u bijostimulanti; jenfasizza l-ħtieġa li l-bdiewa jkollhom numru ta' għodod koerenti inklużi prattiki ta' mmaniġġjar, tekniki u prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti biex jiġu miġġielda l-pesti u fatturi oħra li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-rendiment u t-tkabbir tal-għelejjel;

20.  Jappella għal investiment kbir fir-riċerka inkluża riċerka fil-varjetajiet sabiex tittejjeb il-prestazzjoni agronomika ta' dawn l-għelejjel, l-għelejjel tal-proteini jsiru ekonomikament attraenti, peress li huma jistgħu jbatu meta mqabbla mal-marġini li jista' jinkiseb minn għelejjel oħra, jipprovdu aktar varjetajiet tal-għelejjel, sabiex jiġi żgurati rendimenti, jiġu solvuti kwistjonijiet agronomiċi li qed jillimitaw il-kultivazzjoni tal-għelejjel tal-proteina u jiġi żgurat li l-volum ikun suffiċjenti, minħabba li dan huwa essenzjali għar-ristrutturar tal-ktajjen tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni; jenfasizza l-fatt li huwa neċessarju wkoll li jiġu żviluppati għelejjel tal-proteina li huma aktar adattati għall-klima Ewropea, li jitjieb il-valur tal-proteini u tiġi żgurata s-sigurtà għall-investimenti sabiex titrawwem ir-riċerka;

21.  Jirrakkomanda użu akbar mill-agrikoltura ta' preċiżjoni, b'mod partikolari l-bidla diġitali, biex il-kontribut tal-pjanti u r-razzjonijiet tal-għalf tal-annimali jiġu aġġustati bl-aktar mod preċiż, sabiex jinħela l-inqas possibbli u ċerti tipi ta' tniġġis jiġu minimizzati, u jirrakkomanda wkoll użu akbar ta' sistemi mekkaniċi ta' kontroll tal-ħaxix salvaġġ;

22.  Biħsiebu jippromwovi: il-kisba ta' għarfien ġdid; it-trasferiment tal-għarfien; it-taħriġ bażiku u kontinwu; u appoġġ għal kull tip ieħor ta' innovazzjoni u riċerka applikata kemm fl-ikel għall-bniedem u l-għalf tal-annimali;

23.  Jitlob li jingħata appoġġ lil forma kollha ta' innovazzjoni u riċerka applikata billi jinġabru flimkien l-esperjenza u l-għarfien u billi jiġu involuti partijiet ikkonċernati partikolarment dawk lokali billi jiġu offruti soluzzjonijiet innovattivi;

24.  Jitlob kriterji ta' sostenibbiltà għall-importazzjonijiet tal-għalf sabiex tiġi żgurata produzzjoni sostenibbli tal-pjanti tal-proteina f'pajjiżi terzi li ma jwassalx għal impatti ambjentali jew soċjali negattivi;

25.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-edukazzjoni dwar id-dieta jista' jkollha fit-tiswir tad-domandi għall-ikel; jenfasizza l-ħtieġa tal-adozzjoni ta' linji gwida dwar id-dieta jew fil-livell tal-UE jew f'dak tal-Istati Membri bl-għan li jippromwovu dieta sana filwaqt li jindirizzaw kwistjonijiet ta' tħassib ambjentali marbuta mal-produzzjoni tal-ikel;

26.  Iqis li huwa essenzjali li l-appoġġ tekniku għall-bdiewa u s-servizzi ta' konsulenza jissaħħu bil-għan tal-promozzjoni ta' produzzjoni sostenibbli ta' proteini tal-qamħ u l-foraġġ;

L-istrumenti tal-pjan

27.  Huwa tal-fehma li dan il-pjan jeħtieġ il-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta' bosta politiki tal-Unjoni: il-PAK; il-politika tar-riċerka; il-politiki dwar l-ambjent u l-azzjonijiet dwar il-klima; il-politika tal-enerġija; il-politika tal-viċinat u l-politika kummerċjali;

28.  Iqis li huwa importanti li l-PAK tappoġġja l-għelejjel tal-proteini permezz ta' pagament akkoppjat volontarju (li, jekk ma jkunx limitat biss għall-għelejjel u għar-reġjuni f'diffikultà, jirrendi aktar) u permezz ta' pagament ekoloġiku, kif ukoll permezz tat-tieni pilastru, b'mod partikolari bis-saħħa ta' miżuri agroambjentali fil-biedja organika u tipi oħra ta' biedja, l-investiment, il-kwalità, is-sistema konsultattiva għall-azjendi agrikoli (FAS), it-taħriġ, u naturalment l-innovazzjoni permezz tal-EIP; jenfasizza l-fatt li l-introduzzjoni ta' pagament akkoppjat ta spinta lill-produzzjoni tal-għelejjel tal-proteina f'xi Stati Membri;

29.  Jemmen li għandhom jinstiltu tagħlimiet utli mill-projbizzjoni li saret dan l-aħħar fuq l-użu tal-pestiċidi fl-EFAs, anki jekk, fl-2016, dawn kienu jkopru 15 % tar-raba' Ewropea, (tmien miljun ettaru) u kważi 40 % ta' dawn iż-żoni huma magħmula minn għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu jew għall-għelejjel tat-titwiq; huwa tal-fehma li, bħala parti mill-proċess li jsir użu miż-żoni agrikoli utli kollha, previst skont il-pjan awtonomu tal-proteini veġetali, l-EFAs jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-proteina kemm fi ħdan l-agrikoltura konvenzjonali — b'ġestjoni integrata tal-pesti, filwaqt li jitqies il-fatt li l-bdiewa li jkabbru dawn l-għelejjel f'EFAs fl-agrikultura konvenzjonali mhux dejjem ikollhom l-assigurazzjoni li jkunu jistgħu jirreaġixxu għall-invażjonijiet tal-pesti — u l-agrikoltura organika, peress li biex jiġu sostitwiti l-importazzjonijiet tas-sojja fl-UE, l-ekwivalenti ta' kważi 17-il miljun ettaru ta' raba' jridu jkunu ddedikati lis-soja fl-UE; iqis li l-EFAs huma wkoll essenzjali biex tingħata spinta lill-bijodiversità, li hija mhedda, u għas-sikurezza tal-ikel tagħna, peress li, b'mod partikolari billi jittejjeb id-dakkir, il-bijodiversità tista' żżid ir-rendimenti tal-għelejjel tal-viċinat, li jistgħu jkunu għelejjel tal-proteina, b'madwar 20 %;

30.  Jirrakkomanda aġġustament għall-arranġamenti ta' ekoloġizzazzjoni b'konnessjoni maż-żamma ta' bwar permanenti sabiex jitqiesu b'mod aktar effettiv, b'mod partikolari r-reġjuni, il-karatteristiċi speċifiċi tal-alfalfa, jew waħedha jew f'taħlitiet ta' ħaxix, fi bwar temporanji li jkollhom iktar minn ħames snin, li jfisser li l-bur ikkonċernat jiġi kklassifikat bħala permanenti, kif definit fil-liġi, u b'hekk il-ħrit jiġi llimitat wara l-perjodu ta' ħames snin, anki jekk it-tħawwil mill-ġdid jippermetti li jiġi prodott volum kbir ta' proteina tal-għalf b'awtonomija akbar għall-azjendi kkonċernati;

31.  Jilqa' l-fatt li fil-kuntest tar-reviżjoni omnibus tal-Politika Agrikola Komuni l-Parlament kiseb rivalutazzjoni tal-koeffiċjent ta' konverżjoni tal-għelejjel li jiffissaw in-nitroġenu minn 0,7 għal 1 b'kumpens għall-projbizzjoni tal-użu ta' pestiċidi fl-EFAs;

32.  Huwa tal-fehma li l-istrateġija Ewropea dwar il-proteini għandha tqis ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, l-użu doppju ta' proteini u r-rwol tal-prodotti sekondarji, l-iskart u r-residwi tagħhom fl-ekonomija ċirkolari, u tħeġġeġ in-newb tal-għelejjel u d-diversifikazzjoni u l-użu ta' art imserrħa skont il-miżuri ta' ekoloġizzazzjoni skont il-PAK;

33.  Iqis li huwa importanti li l-PAK futura tieħu kont ta' proposti addizzjonali biex tappoġġa l-kultivazzjoni ta' proteini veġetali, bħal proposti għal sistemi ta' newb ta' minimu ta' tliet snin fir-raba' li jkollhom komponent leguminuż; f'dan ir-rigward, jenfasizza li l-Istati Membri fejn huwa prominenti mard tat-temp umdu jista' jkollhom bżonn ta' perjodu itwal ta' newb; iqis ukoll li huwa partikolarment rilevanti li noħolqu pagament ta' ekosistema li jkun aktar flessibbli minn pagament ta' ekoloġizzazzjoni sabiex nirrikonoxxu l-benefiċċji ta' għelejjel leguminużi u għelejjel taż-żrieragħ żejtnin għall-bijodiversità, inkluż għat-tagħlif tad-dakkara, l-għoti ta' mekkaniżmi ta' teħid ta' riskju għall-innovaturi u l-ftuħ ta' sottoprijorità tal-proteini fil-politika dwar l-iżvilupp rurali;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti strumenti ġodda li jgħinu biex ikabbru l-provvista ta' proteini tal-pjanti, b'mod partikolari tas-sojja, u li tiġi żgurata implimentazzjoni ekwa madwar l-Istati Membri kollha;

35.  Jemmen li r-riċerka kurrenti fil-qasam ta' strateġija għal għelejjel li fihom il-proteini hija frammentata u li mhijiex iffukata biżżejjed; jitlob li l-isforzi ta' riċerka u żvilupp, b'mod partikolari tar-riċerka pubblika, jiġu intensifikati rigward għelejjel tal-proteini sottożviluppati li huma adatti kemm bħala ikel għall-bnedmien u kemm bħala għalf tal-annimali u li ftit li xejn huma ta' interess għall-investituri privati, u rigward proteini alternattivi bħal proteini mill-insetti u mill-alka; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet ta' riċerka pubbliċi u privati; jissottolinja l-ħtieġa ta' qafas regolatorju li jappoġġja l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni sabiex tinkiseb produzzjoni akbar u kompetittiva ta' proteini;

36.  Jirrakkomanda żieda fl-investiment fi proġetti ta' riċerka industrijali u agrikoli li jiffokaw fuq it-titjib tal-kwalità u tad-diversità funzjonali tal-proteini għall-konsum tal-bniedem;

37.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li niżguraw il-provvisti tas-sojja tagħna permezz ta' aktar kooperazzjoni mal-viċinat tagħna, u li niddeviersifikaw is-sostenibbiltà tas-sorsi ta' proteini prodotti barra mill-UE, b'mod partikolari mill-ġirien tal-UE li għażlu l-Ewropa u li jipproduċu sojja li tista' tiddaħħal fl-Unjoni permezz tad-Danubju; jitlob li dawk l-importazzjonijiet jilħqu l-istess standards soċjali u ambjentali bħal dawk li japplikaw għall-produzzjni tas-sojja ġewwa l-UE, u jammetti li l-kultivazzjoni ta' sojja ħielsa mill-OĠM hija milqugħa biex taqdi d-domanda tal-konsumaturi;

38.  Jirrikonoxxi li prattiki agrikoli tal-lum huma inkonċepibbli mingħajris-sojja, li din il-pjanta importanti ħafna fil-passat reċenti kienet għoddha għebet mill-kultivazzjoni fl-Ewropa, u li l-kultivazzjoni tas-sojja żdiedet minn 17-il miljun tunnellata fl-1960 għal 319 miljun tunnellata fl-2015;

39.  Jitlob aġġustamenti għat-tieni pilastru tal-PAK biex jipprovdi aktar rikonoxximent remunerazzjoni għall-kontribut ta' għelejjel li jitimgħu lid-dakkara f'mumenti kritiċi tal-istaġun (pjanti li jagħmlu l-fjuri kmieni fir-rebbiegħa) u tar-rwol tagħhom fil-ġlieda kontra t-tnaqqis tad-dakkara;

40.  Jappoġġja l-istabbiliment ta' sistemi trasparenti ta' tikkettar tal-prodotti bbażati fuq standards tal-produzzjoni ċċertifikati, bħall-istandards tas-Sojja tad-Danubju u tas-Sojja tal-Ewropa;

41.  Huwa tal-fehma li, minkejja li l-Ftehim ta' Blair House tal-1992 għadu fis-seħħ, de facto huwa antikwat u m'għandux ifixkel l-iżvilupp sostenibbli tal-għelejjel tal-proteini fl-Ewropa;

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 58
(2) Ara r-rapport dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2012/2002, ir-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (A8-0211/2017).
(3) Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, 10055/17, Brussell, 7 ta' Ġunju 2017.
(4) ĠU L 147, 18.6.1993, p. 25.
(5) Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), "Sena Internazzjonali tal-Legumi" (AIL): Żrieragħ Nutrittivi għal Futur Sostenibbli.
(6) IP/B/AGRI/IC/2012-067 (PE 495.856).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Diċembru 2018Avviż legali