Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2258(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0118/2018

Testi mressqa :

A8-0118/2018

Dibattiti :

PV 16/04/2018 - 24
CRE 16/04/2018 - 24

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2018 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0103

Testi adottati
PDF 628kWORD 73k
It-Tlieta, 17 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Implimentazzjoni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Għajnuna Umanitarja u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp
P8_TA(2018)0103A8-0118/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Għajnuna Umanitarja u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2017/2258(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(5) u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 208 sa 211 u 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp, adottata fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna fil-Busan fl-2011 u mġedda fil-Laqgħa ta' Livell Għoli f'Nairobi fl-2016,

–  wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Dinjija tan-NU dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri, li ġiet organizzata f'Sendai (il-Ġappun) bejn l-14 u t-18 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fil-25 ta' Settembru 2015, u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) inklużi fiha,

–  wara li kkunsidra s-Summit Umanitarju Dinji li ġie organizzat f'Istanbul fit-23 u l-24 ta' Mejju 2016, u l-ftehim "Grand Bargain" li ntlaħaq minn xi wħud mill-akbar donaturi u fornituri tal-għajnuna,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE(1) ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, kif rivedut fil-25 ta' Ġunju 2005 u fit-22 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Barranin li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("il-Ftehim Intern"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(7),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007(8),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp tas-7 ta' Ġunju 2017(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-involviment tal-UE mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 bit-titolu "il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja"(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli(13),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 18/2014 dwar is-Sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir‑riżultati, tal‑EuropeAid,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Mid-term Review Report of the External Financing Instruments" (Rapport ta' Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu dwar l-Istrumenti ta' Finanzjament Estern) (COM(2017)0720), u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni relatati, "Evaluation of the Development Cooperation Instrument" (Evalwazzjoni tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp) (SWD(2017)0600) u "Evaluation of the 11th European Development Fund" (Evalwazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp) (SWD(2017)0601),

–  wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni Esterna tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (rapport finali ta' Ġunju 2017), ikkummissjonata mill-Kummissjoni minn tim ta' kuntratturi esterni,

–  wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni Esterna tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (rapport finali ta' Ġunju 2017), ikkummissjonata mill-Kummissjoni minn tim ta' kuntratturi esterni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Frar 2018 dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020 (COM(2018)0098),

–  wara li kkunsidra l-"Coherence report– Insights from the External Evaluation of the External Financing Instruments" (Rapport ta' koerenza - Għarfien mill-Evalwazzjonijiet Esterni tal-Istrumenti ta' Finanzjament Estern) (rapport finali ta' Lulju 2017), ikkummissjonat mill-Kummissjoni minn tim ta' kuntratturi esterni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0118/2018),

A.  billi mill-adozzjoni tal-Istrumenti ta' Finanzjament Estern (EFIs), il-qafas ta' politika internazzjonali u tal-UE nbidel b'mod sinifikanti mal-adozzjoni ta' strumenti ewlenin bħall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 u l-Aġenda għall-Umanità; billi l-UE kellha rwol ewlieni fin-negozjati ta' dawn l-istrumenti;

B.  billi t-Trattat ta' Lisbona, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), flimkien mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, il-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp u l-prinċipji ta' Busan rigward l-effikaċja tal-iżvilupp, jiddeterminaw l-istrateġija tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; billi, barra minn hekk, il-Kunsill adotta Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, li tittratta, fost l-oħrajn, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

C.  billi skont l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, l-għajnuna umanitarja jenħtieġ li tingħata skont il-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità u trid tkun iggwidata minn approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet; billi l-għajnuna umanitarja jenħtieġ li ma tkunx għodda għall-ġestjoni ta' kriżijiet;

D.  billi l-politika ta' żvilupp jenħtieġ li tikkomplementa l-politika estera u l-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE, filwaqt li tiżgura li l-finanzjament għall-iżvilupp jintuża biss għal objettivi u skopijiet relatati mal-iżvilupp u mhux biex ikopri spejjeż relatati mal-ilħuq ta' objettivi differenti, bħall-politiki li jirrigwardaw il-kontroll fil-fruntieri jew dawk ta' kontra l-migrazzjoni;

E.  billi l-objettiv ewlieni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) huwa li jnaqqas u, fuq medda ta' żmien twil, jeqred il-faqar fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li ma jibbenefikawx minn finanzjament taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-IstrumentEwropew tal-Viċinat (ENI) jew l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), sabiex jipprovdi appoġġ tematiku lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet lokali f'pajjiżi sħab fil-qasam tal-beni u l-isfidi pubbliċi globali relatati mal-iżvilupp, u jappoġġja s-sħubija strateġika bejn l-Afrika u l-UE; billi d-DCI huwa l-istrument ġeografiku ewlieni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-baġit tal-UE, b'allokazzjoni ta' EUR 19,6 biljun għall-perjodu 2014-2020;

F.  billi l-objettiv ewlieni tal-FEŻ huwa li jnaqqas u, fuq medda ta' żmien twil, jeqred il-faqar fir-reġjun Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u jikseb l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi u territorji barranin (OCTs); billi l-FEŻ huwa l-istrument ewlieni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, b'allokazzjoni ta' EUR 30,5 biljun għall-11-il FEŻ għall-perjodu 2014-2020;

G.  billi l-objettiv ewlieni tal-Istrument ta' Għajnuna Umanitarja (HAI) huwa li jipprovdi għajnuna, serħan u protezzjoni lill-persuni affettwati minn diżastri u emerġenzi simili naturali jew ikkawżati mill-bniedem, filwaqt li jagħmel enfasi fuq l-aktar vittmi vulnerabbli irrispettivament min-nazzjonalità, ir-reliġjon, is-sess, l-età, l-oriġini etnika jew l-affiljazzjoni politika, u f'konformità mal-ħtiġijiet reali, mal-prinċipji umanitarji internazzjonali u mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;

H.  billi l-HAI jestendi lil hinn mill-kompitu ewlieni tal-operazzjonijiet ta' salvataġġ biex jinkludi serħan għal dawk affettwati minn kriżijiet itwal, xogħol ta' riabilitazzjoni u rikostruzzjoni fuq terminu qasir, tħejjija għal diżastri u jindirizza l-konsegwenzi tal-movimenti tal-popolazzjoni;

I.  billi kooperazzjoni għall-iżvilupp effettiva titlob approċċi innovattivi, filwaqt li tagħti lid-donaturi l-kapaċità li jirreaġixxu malajr għal sitwazzjonijiet lokali, jaħdmu ma' organizzazzjonijiet lokali u jappoġġjaw negozji u intraprendituri lokali, speċjalment fl-aktar pajjiżi fqar u f'dawk l-aktar fraġli; billi s-sistema ta' awditu tal-UE jenħtieġ li tagħti lid-donaturi l-flessibbiltà li jieħdu ammont raġonevoli ta' riskju f'tali proġetti, filwaqt li ttejjeb il-kapaċità tal-UE li tirreaġġixxi malajr u tipprovdi għajnuna effettiva;

J.  billi l-UE hija d-donatur ewlieni fid-dinja tal-għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja; billi, permezz ta' din l-għajnuna, l-UE tippromwovi sforzi sabiex jitnaqqas il-faqar u jiġu promossi l-interessi u l-valuri fundamentali globali u tal-UE;

K.  billi s-Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE li sar f'Abidjan fid-29 u t-30 ta' Novembru 2017 ikkonferma r-rieda li tiġi stabbilita sħubija ġenwina, modernizzata, globalizzata u ambizzjuża, filwaqt li jinħolqu l-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi għal ugwaljanza reali;

L.  billi kien hemm żieda esponenzjali fl-għadd ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp konklużi ma' pajjiżi terzi, inklużi ċ-Ċina, ir-Russja, it-Turkija, il-Brażil u l-Indja;

M.  billi l-istabbiliment mill-ġdid u l-estensjoni tal-hekk imsejħa "global gag rule" u t-tnaqqis tal-fondi għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu lin-nisa u lit-tfajliet servizzi li jirrigwardaw l-ippjanar tal-familja, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma ta' tħassib serju;

N.  billi l-gvernijiet ta' pajjiżi terzi għandhom aspettattivi reali f'dak li għandu x'jaqsam ma' azzjoni rapida, effettività u indirizzar tal-bżonn urġenti li jinżammu sħubiji ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp b'saħħithom; billi jeħtieġ li jiġu żviluppati ekonomiji miftuħa u produttivi f'pajjiżi sħab, filwaqt li jitqiesu ċirkostanzi ġodda u partijiet ikkonċernati ekonomiċi ġodda fl-arena internazzjonali;

O.  billi minħabba n-nuqqas ta' involviment tar-Renju Unit wara l-2020, il-Brexit se jwassal għal tnaqqis fil-baġit tal-UE ta' bejn 12 u 15 %;

P.  billi l-evalwazzjonijiet tal-FEŻ u tad-DCI jikkonfermaw li l-użu ta' strumenti ġeografiċi u tematiċi differenti b'mod koerenti huwa fil-fatt possibbli;

Q.  billi l-evalwazzjoni tal-11-il FEŻ tiddikjara li "hemm theddida reali li l-FEŻ se jkollu jirrispondi għal aġendas li jbegħduh mill-objettiv primarju tiegħu li jnaqqas il-faqar, li huwa diffiċli biex dawn jirrikonċiljaw mal-valuri fundamentali tal-FEŻ u jinkludu dak li jagħmel b'mod tajjeb", li "minkejja l-konsultazzjonijiet, l-opinjonijiet tal-gvern u ta' [organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili] (b’xi eċċezzjonijiet notevoli bħal fir-reġjun Paċifiku), rarament tqiesu fl-għażliet ta' programmazzjoni" u li "għalhekk, il-programmazzjoni tal-11-il FEŻ użat approċċ minn fuq għal isfel biex tapplika l-prinċipju ta' konċentrazzjoni iżda għad-detriment tal-prinċipju ċentrali tas-sħubija tal-Ftehim ta' Cotonou";

R.  billi skont l-evalwazzjoni tal-11-il FEŻ, sa April 2017, kważi EUR 500 miljun mir-riżerva tal-FEŻ intefqu sabiex jiġi appoġġjat id-dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja tal-Kummissjoni (ECHO) tal-Kummissjoni, kważi EUR 500 miljun ġew allokati f'appoġġ ta' emerġenza għal pajjiżi individwali u EUR 1,5 biljun intefqu għall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika; billi l-FEŻ jikkontribwixxi wkoll għall-Fond Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp Sostenibbli;

S.  billi l-evalwazzjoni tad-DCI tiddikjara li "id-DCI jibqa', b'mod ġenerali, rilevanti u xieraq, kemm meta dan jiġi adottat kif ukoll fin-nofs tal-implimentazzjoni tiegħu. Ġeneralment, dan huwa konformi ma' dokumenti ta' politika ġodda (pereżempju l-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli) għalkemm l-implimentazzjoni ta' ċerti prijoritajiet tista' tkun diffiċli fil-format attwali tiegħu";

T.  billi meta ġew adottati l-EFIs tal-2014-2020, il-Parlament esprima preferenza għal EFI distint iddedikat għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u talab id-delimitazzjoni tal-fondi tal-iżvilupp f'każ li jiġi bbaġitjat il-FEŻ;

U.  billi b'referenza għall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika, l-evalwazzjoni tal-FEŻ tiddikjara li "meta mqabbel ma' proġetti tal-FEŻ standard, iż-żmien imqassar ta' tħejjija u ta' approvazzjoni, l-involviment indirett tal-UE fl-implimentazzjoni tal-proġett u l-fatt li dawn il-proġetti joriġinaw mit-tħassib prijoritarju tal-UE pjuttost milli bħala rispons għall-objettivi fit-tul tal-[pajjiżi sħab], kollha jqajmu tħassib dwar l-effettività u s-sostenibbiltà probabbli tal-proġetti tal-[Fondi Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika] tal-UE u dwar il-kapaċità tal-UE li tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom";

V.  billi l-fluss finanzjarju mill-Unjoni lejn il-pajjiżi li jibbenefikaw minn strumenti finanzjarji għall-iżvilupp huwa aktar baxx mir-rimessi li jsiru privatement mid-dijaspora minn dawk l-istess pajjiżi li jgħixu fl-Ewropa;

W.  billi minkejja li rċeviet biljuni ta' euros mill-FEŻ għal bosta snin u minkejja t-tħassib serju tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja tagħha, il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika ma kinitx parti mill-evalwazzjoni tal-FEŻ; billi l-Faċilita għall-Paċi fl-Afrika ilha ma tiġi evalwata mill-2011;

X.  billi skont l-evalwazzjonijiet rispettivi tagħhom u r-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni dwar l-EFIs, huwa diffiċli li jitkejlu l-effettività globali u l-impatt fit-tul tad-DCI u l-FEŻ fl-ilħuq tal-objettivi tagħhom minħabba l-limitazzjonijiet serji fid-definizzjoni ta' sistemi xierqa ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ u fil-valutazzjoni tar-rwol li qdew fatturi esterni, u l-firxa tal-pajjiżi u t-temi kkonċernati; billi skont l-evalwaturi, it-taħlit jimmobilizza biss riżorsi addizzjonali f'50 % tal-każijiet;

Y.  billi l-Parlament kellu jħabbat wiċċu ma' skadenzi qosra ħafna għall-iskrutinju tal-abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni; billi dawn l-iskadenzi ma jqisux b'mod xieraq il-karatteristiċi tal-attivitajiet parlamentari; billi, xi drabi, dan kien aggravat mill-fatt li l-Parlament irċieva abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni wara l-iskadenza jew qabel il-perjodi ta' vaganzi, li saħansitra rrestrinġa aktar il-kapaċità tiegħu li jeżerċita b'mod adegwat is-setgħat ta' skrutinju tiegħu;

Z.  billi l-UE rrikonoxxiet l-importanza tas-sħubiji mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) f'relazzjonijiet esterni; billi dan jinkludi l-involviment ta' CSOs fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-EFIs;

Fatti u sejbiet tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tad-DCI, il-FEŻ u l-HAI

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' l-fatt li l-evalwazzjonijiet tad-DCI, il-FEŻ u l-HAI juru li, meta tfasslu, l-objettivi ta' dawn l-istrumenti kienu fil-parti l-kbira tagħhom rilevanti għall-prijoritajiet ta' politika u li, b'mod ġenerali, dawn jaqdu l-funzjoni tagħhom u huma allinjati mal-valuri u l-objettivi tal-SDGs; jirrimarka li d-diskrepanza fil-finanzjament annwali għall-ilħuq tal-SDGs huwa ta' USD 200 biljun;

2.  Jinnota li xi pajjiżi fejn joperaw programmi ġeografiċi tal-FEŻ u d-DCI raw progress fit-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp tal-bniedem u dak ekonomiku u matul dawn l-aħħar għaxar snin, filwaqt li għal oħrajn, is-sitwazzjoni għadha kritika;

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-prijoritajiet tad-DCI u l-FEŻ huma allinjati mal-valuri u l-objettivi tal-SDGs, minħabba r-rwol instrumentali li l-UE kellha fl-adozzjoni tagħhom, u li dan il-fatt ffaċilita u ssimplifika bil-bosta r-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' dawn l-istrumenti;

4.  Jinnota li fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tagħhom, id-DCI u l-FEŻ ippermettew lill-UE tirrispondi għal kriżijiet u ħtiġijiet ġodda bis-saħħa tan-natura wiesgħa tal-objettivi tal-istrumenti; jinnota, madankollu, li multiplikazzjoni ta' kriżijiet u l-emerġenza ta' prijoritajiet politiċi ġodda poġġew pressjoni finanzjarja fuq id-DCI, l-FEŻ u l-HAI, l-istrumenti kellhom joperaw sal-limiti tagħhom u wasslu għad-deċiżjoni li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ad-hoc ġodda bħal fondi fiduċjarji, li hemm bosta tħassib serju dwarhom, jiġifieri fir-rigward tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont demokratiku u n-nuqqas ta' rabta tagħhom mal-objettivi ta' żvilupp; ifakkar fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli li ġie adottat riċentement, li nħoloq sabiex jipprovdi kapaċità ta' ingranaġġ ulterjuri;

5.  Jinsab sodisfatt bil-koerenza interna miżjuda fi ħdan id-DCI u l-FEŻ, l-aktar minħabba valutazzjonijiet ta' kwalità għolja, proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet armonizzati u konċentrazzjoni fis-setturi;

6.  Jinnota li hemm każijiet fejn l-appoġġ tal-baġit għadu jiġi kkritikat minħabba n-nuqqas tiegħu ta' adegwatezza u effiċjenza, meta fil-verità dan huwa forma ta' appoġġ li tikkorrispondi għal kunċett modern ta' kooperazzjoni li huwa ferm adatt għal sħubiji ta' żvilupp ġenwini, jagħmel possibbli l-appartenenza tal-pajjiżi sħab u għandu l-vantaġġ li huwa flessibbli u effiċjenti; jitlob, għalhekk, li tittieħed azzjoni sabiex tissaħħaħ is-sħubija politika u istituzzjonali li tippromwovi l-għoti tal-appoġġ tal-baġit, filwaqt li jinsisti fuq governanza ekonomika effettiva u rispett għall-valuri demokratiċi; jirrimarka li l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp trid tiġi implimentata b'mod li jqis ix-xewqat tal-pajjiżi u tal-popolazzjonijiet li għandhom bżonnha, filwaqt li tiżgura l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li dawn jassumu r-responsabbiltà għall-applikazzjoni trasparenti u effiċjenti tagħha;

7.  Jinnota l-fatt li għadd kbir ta' pajjiżi saru pajjiżi b'introjtu medju għoli (UMICs), bir-riżultat li dawn iggradwaw mill-kooperazzjoni bilaterali taħt id-DCI jew irċevew għotjiet imnaqqsa ta' kooperazzjoni bilaterali taħt il-FEŻ, peress li l-għajnuna għall-iżvilupp flimkien ma' politiki nazzjonali ta' suċċess jistgħu jwasslu għal riżultati pożittivi; ifakkar li l-faqar u l-iżvilupp huma multidimensjonali, u li ż-żamma tal-PDG bħala l-uniku indikatur għall-iżvilupp hija insuffiċjenti; jinnota wkoll li peress li l-maġġoranza tan-nies l-aktar foqra fid-dinja jgħixu f'pajjiżi b'introjtu medju, fejn jippersistu l-inugwaljanzi, l-irtirar f'daqqa tal-għajnuna għall-pajjiżi b'introjtu medju jista' jnaqqas l-ilħuq tal-SDGs; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li dawn il-pajjiżi jibqgħu jiġu appoġġjati f'din il-fażi delikata fi triqithom lejn żvilupp akbar;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-għajnuna għall-iżvilupp tintuża skont l-iskop oriġinali tagħha, filwaqt li jitqiesu b'mod xieraq il-prinċipji dwar l-effikaċja tal-għajnuna u l-iżvilupp; itenni li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE jenħtieġ li tkun konformi mal-pjanijiet u mal-bżonnijiet tal-pajjiżi sħab;

9.  Jenfasizza li l-interessi domestiċi tal-UE fuq terminu qasir (is-sigurtà u l-migrazzjoni) jenħtieġ li taħt l-ebda ċirkostanza ma jixprunaw l-aġenda ta' żvilupp tagħha, u li l-prinċipji dwar l-effikaċja tal-għajnuna u l-iżvilupp jenħtieġ li jiġu rrispettati bis-sħiħ u applikati għall-forom kollha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

10.  Jinnota li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-koerenza fost l-istrumenti tista' tittejjeb billi dawn jiġu ssimplifikati; jenfasizza li ma saret l-ebda referenza għal tali sejba f'xi waħda mill-evalwazzjonijiet differenti;

11.  Jinsab imħasseb dwar is-sejbiet tal-evalwaturi li jikkonċernaw in-nuqqas ta' sistemi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni, li jagħmilha diffiċli sabiex jitkejlu r-riżultati; jenfasizza, min-naħa l-oħra, id-diversi sejbiet pożittivi relatati mal-politiki għall-iżvilupp ta' awditi tal-UE li twettqu mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA); ifakkar l-osservazzjonijiet li saru mill-QEA fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 18/2014 dwar is-sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati tal-EuropeAid; jistieden lill-Kummissjoni tuża din l-okkażjoni sabiex tkompli ttejjeb is-sistema qafas tar-riżultati skont ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-QEA;

12.  Jinsab sorpriż mid-diskrepanza bejn ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-konklużjonijiet li għamlet il-Kummissjoni fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tagħha; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-problemi serji tan-nuqqas ta' sħubija tal-istrumenti u r-riskju ta' devjazzjoni tal-fokus mit-tnaqqis tal-faqar mhuma indirizzati bl-ebda mod fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, minkejja li dawn huma element ewlieni tal-evalwazzjoni;

13.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas tad-data disponibbli jew in-natura limitata tagħha; jinnota li n-nuqqas ta' sistema ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni lil hinn mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u l-SDGs jagħmilha impossibbli li l-bidliet jitkejlu b'mod preċiż, pereżempju fir-rigward tal-flessibbiltà tal-istrument jew il-livell ta' konsistenza ma' strumenti oħra;

14.  Jinnota wkoll li n-nuqqas ta' kapitolu ta' finanzjament li jkun imfassal b'mod espliċitu biex iħeġġeġ dibattitu politiku, b'referenza partikolari għall-appoġġ għall-partiti politiċi, ma jwassalx għall-ilħuq tal-miri ta' żvilupp sostenibbli;

15.  Jitlob titjib fir-rapportar billi dan jipproduċi b'mod awtomatiku statistika u indikaturi;

16.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma ħatfitx l-opportunità ppreżentata mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu biex tadatta l-politiki tagħha għar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp fir-rigward tal-appoġġ għal biedja agroekoloġika fuq skala żgħira u sostenibbli; jinnota li, għall-kuntrarju ta' dan, il-miżuri proposti saħansitra jinkludu aktar appoġġ għal biedja u negozji agrikoli fuq skala kbira;

DCI

17.  Jenfasizza li r-rilevanza tal-DCI tinsab primarjament fil-flessibbiltà tiegħu li jirrispondi għal avvenimenti mhux previsti fir-rigward tal-għażla tal-metodi ta' programmazzjoni u ta' implimentazzjoni kif ukoll fir-rigward ta' riallokazzjonijiet fl-istrumenti u bejniethom u tal-użu ta' fondi ta' riżerva; jenfasizza li l-flessibbiltà fil-programmazzjoni multiannwali ppermettiet ukoll li t-tul tal-perjodu ta' programmazzjoni jiġi adatt għas-sitwazzjoni fil-prattika, sabiex ikun hemm riallokazzjoni rapida tal-finanzjament f'każ ta' bidliet kbar, u jintużaw miżuri speċjali;

18.  Jilqa' l-fatt li l-evalwazzjonijiet issottolinjaw ir-rilevanza strateġika tal-programm tematiku tad-DCI, b'mod partikolari fil-kapaċità tiegħu li jippromwovi l-azzjonijiet globali fuq il-beni pubbliċi;

19.  Jieħu nota tal-modalitajiet ta' simplifikazzjoni, armonizzazzjoni u implimentazzjoni usa' introdotti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 dwar regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-EFIs, li waslu għal aktar effikaċja fid-DCI; jisħaq fuq il-fatt li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 li jistabbilixxi d-DCI ma jipprovdix dettalji dwar sistema ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni għall-kejl tal-prestazzjoni tal-istrument; jinsab estremament imħasseb dwar il-fatt li l-proċeduri ta' implimentazzjoni, li xi wħud minnhom joriġinaw mir-Regolament Finanzjarju, għadhom meqjusa bħala twal u ta' piż żejjed, filwaqt li dan jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-UE u jżid l-interess għal approċċi meħuda minn ċerti pajjiżi li huma meqjusa li jiddependu fuq formalitajiet u kundizzjonijiet f'livell ferm inqas; ifakkar, f'dan il-kuntest, li xi wħud minn dawn il-proċeduri joriġinaw mir-Regolament Finanzjarju, u mhux mill-EFIs, filwaqt li rekwiżiti oħra huma bbażati fuq l-applikazzjoni ta' prinċipji fundamentali ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, bħas-sħubija u s-sjieda;

20.  Jinnota li d-dokumenti ta' ħidma tal-Kummissjoni juru li l-ammonti mħallsa huma pjuttost baxxi meta mqabbla mal-ammonti impenjati; jenfasizza li din hija problema kbira fejn hija kkonċernata l-"kompetizzjoni" għal għajnuna għall-iżvilupp; jitlob, għalhekk, komunikazzjoni aħjar dwar l-għażliet ta' finanzjament, sabiex jiġi żgurat li s-sħab tal-UE jiġi infurmati; jitlob sabiex il-partijiet ikkonċernati lokali, inklużi l-impjegati taċ-ċivil, jingħataw taħriġ dwar il-kumpilazzjoni ta' dokumenti tal-UE, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jissodisfaw il-kriterji u b'hekk iżidu l-possibbiltajiet tagħhom li jagħmlu applikazzjonijiet tal-proġett b'suċċess; jinnota li tali taħriġ jista' jkun immirat ukoll lejn it-titjib tar-rispons għas-sejħiet ta' proġetti minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;

21.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tad-DCI tindika r-riskju ta' nuqqas meqjus ta' konformità mar-rekwiżit għall-allokazzjoni ta' mill-anqas 20 % ta' assistenza taħt id-DCI għal servizzi soċjali bażiċi bħas-saħħa, u għall-edukazzjoni sekondarja u servizzi soċjali oħra, meta dawn il-ħtiġijiet huma essenzjali għall-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi; jinsab imħasseb ukoll dwar l-appoġġ inadegwat mogħti lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali, kif ukoll in-nuqqas ta' data fir-rigward tar-riżultati miksuba b'rabta mal-finanzjament għall-edukazzjoni; itenni l-impenn li sar fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp li mill-inqas 20 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-UE (ODA) tiġi allokata għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bnedmin;

22.  Jinsab sodisfatt bl-objettivi u r-riżultati tal-programm tematiku ddedikat lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) u l-awtoritajiet lokali (LAs), u jitlob li jinżamm fi strumenti futuri; jinsab imħasseb b'mod serju, madankollu, dwar l-ispazju dejjem jonqos mogħti lis-CSOs u l-LAs fil-fażijiet ta' programmazzjoni u implimentazzjoni tal-programmi, u jitlob rwol imsaħħaħ għal dawn il-korpi, inkluż bħala fornituri tas-servizz, kif ukoll aktar modalitajiet ta' kooperazzjoni mfassla apposta u approċċ aktar strateġiku; jissottolinja li l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi jista' jinkiseb bis-sħiħ permezz ta' kooperazzjoni ma' awtoritajiet lokali leġittimi;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta politiki li jħeġġu l-involviment tad-dijaspora Afrikana bħala parti kkonċernata ewlenija għall-iżvilupp;

FEŻ

24.  Jinnota li l-FEŻ għandu rwol importanti fl-indirizzar tal-qerda tal-faqar u l-kisba tal-SDGs; jinnota, madankollu, li l-evidenza ta' progress hija aktar dgħajfa fil-livell reġjonali u li l-FEŻ ma stabbiliex b'mod konsistenti sinerġiji u koerenza solidi fil-progammi nazzjonali, reġjonali u ta' kooperazzjoni intra-AKP kollha tiegħu;

25.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu ma koprietx il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, li ilha ma tiġi evalwata b'mod xieraq għal bosta snin; iqis li fi żminijiet meta qed issir enfasi politika dejjem akbar fuq ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza huwa essenzjali;

26.  Jilqa' l-fatt li l-FEŻ wera li huwa xieraq għall-użu tiegħu f'ambjent li qed jinbidel b'mod rapidu bis-saħħa ta' ċiklu tal-ippjanar imnaqqas, proċeduri simplifikati u ġestjoni tal-baġit imtejba; jinnota, madankollu, li dan għadu mhuwiex adatt għalkollox għal kuntest mibdul u li l-proċeduri jibqgħu kemxejn riġidi u ta' piż;

27.  Jinnota li l-ħtiġijiet u n-natura differenti ħafna tal-gruppi tal-pajjiżi AKP u OCTs koperti mill-FEŻ iqajmu mistoqsijiet dwar l-appoċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" li jikkaratterizza l-għażla tal-proċeduri u l-modalitajiet, u fl-aħħar mill-aħħar dwar il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-FEŻ; ifakkar il-ħtieġa għal sħubija ġdida u ġenwina bejn membri ugwali, bid-drittijiet tal-bniedem bħala l-fokus ewlieni;

28.  Jinnota li l-FEŻ iffaċċja pressjoni biex jindirizza numru dejjem jiżdied ta' domandi politiċi, bħas-sigurtà u l-migrazzjoni, li l-allinjament tagħhom mal-valuri u l-prinċipji ewlenin tal-FEŻ tal-politika tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni tal-UE, jiġifieri l-qerda tal-faqar, hija diffiċli;

HAI

29.  Jinsab sodisfatt li l-HAI kiseb l-objettiv tiegħu li tiġi pprovduta għajnuna f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza abbażi ta' rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali pubbliku, filwaqt li jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja mhijiex strumentalizzata u li l-prinċipji tal-umanita, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza huma rispettati;

30.  Jinnota li l-għadd ta' kriżijiet u diżastri umanitarji indirizzati mill-HAI żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar ftit snin, li wassal għall-użu sħiħ tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u għall-ħtieġa li jintużaw fondi addizzjonali, u li mhuwiex probabbli li din is-sitwazzjoni tara titjib f'perjodu taż-żmien qasir sa medju minħabba l-għadd dejjem akbar ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi li jaffettwaw bosta żoni madwar id-dinja kollha; jinnota li dan jindika l-ħtieġa għal żieda sostanzjali fir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u għal użu aktar rapidu u aktar flessibbli tar-riżorsi kollha disponibbli;

31.  Iqis li l-persuni u l-komunitajiet jenħtieġ li jibqgħu l-miri u l-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-HAI, u li approċċ flessibbli, ikkoordinat, speċifiku għall-kuntest li jikkunsidra l-opinjonijiet tal-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali, kif ukoll tal-komunitajiet lokali, tal-organizzazzjonijiet reliġjużi orjentati lejn l-iżvilupp, u tal-atturi tas-soċjetà ċivili, jenħtieġ li jiġi adottat fiċ-ċirkostanzi kollha; jissottolinja li l-parti l-kbira ta' dawn l-organizzazzjoniet, inklużi l-organizzazzjonijiet tad-dijaspora bbażati fl-Ewropa, iwettqu xogħol siewi f'diversi oqsma kritiċi u jistgħu jipprovdu valur miżjud għall-għajnuna umanitarja;

32.  Ifakkar li l-abort mhux sikur huwa elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala waħda mit-tliet kawżi ewlenin ta' mewt marbuta mal-maternità; ifakkar l-bażi legali ddikjarata fuq bażi internazzjonali għad-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet għall-vittmi ta' vjolenza sesswali u ta' persuni f'kunflitti;

Rakkomandazzjonijiet għall-bqija tal-perjodu ta' implimentazzjoni

33.  Jenfasizza li d-DCI, il-FEŻ u l-HAI jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dawl tal-qafas ta' politika internazzjonali u tal-UE l-ġdid, inklużi l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u l-Aġenda għall-Umanità;

34.  Ifakkar li l-SDGs iridu jintlaħqu madwar id-dinja permezz ta' sforzi konġunti u sħubija tal-atturi internazzjonali kollha, inklużi n-nazzjonijiet fil-fażi tal-iżvilupp u dawk żviluppati u organizzazzjonijiet internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li, fil-livell tal-UE, dan jitlob politiki interni u esterni mfassla u implimentati b'mod konġunt, koerenti u kkoordinat, skont il-prinċipji tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); iqis li l-PCD trid tkun fattur ewlieni fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-EFIs u fl-adozzjoni ta' politiki u strumenti oħra tal-UE minħabba l-interkonnessjoni bejn il-politiki interni u esterni tal-UE; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-koerenza globali bejn l-istrumenti jenħtieġ li tkompli tittejjeb, b'mod partikolari billi jittejbu l-koerenza u l-koordinazzjoni bejn programmi ġeografiċi u tematiċi u billi jinkisbu koordinazzjoni u komplementarjetà akbar ma' politiki oħra tal-UE;

35.  Jinsab inkwetat għall-fatt li l-UMICs li ggradwaw mill-FEŻ u d-DCI jistgħu jiffaċċjaw diskrepanza tal-likwidità li tpoġġihom f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq il-konsegwenzi, tqis miżuri li jipprevjenu effetti negattivi, u tiffaċilita l-aċċess tal-UMICs għal EFIs imfassla apposta għall-bżonnijiet tagħhom, b'mod partikolari bl-għan li tintensifika l-isforzi sabiex ittejjeb il-governanza tajba permezz tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi tat-taxxa u l-impunità, filwaqt li tiżgura r-rispett lejn l-istat tad-dritt u l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti, tiżgura aċċess ugwali għall-ġustizzja u tindirizza d-dgħufijiet istituzzjonali; jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa minn EUROsociAL f'dan il-qasam; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li tiġi pprijoritizzata l-allokazzjoni tal-għotjiet għall-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) li huma suxxettibbli għal instabbiltà, jiffaċċjaw ostakoli strutturali sinifikanti għall-iżvilupp sostenibbli u għalhekk jiddependu bil-bosta fuq finanzjament pubbliku internazzjonali;

36.  Huwa tal-opinjoni li l-EFIs jenħtieġ li jkomplu jappoġġjaw direttament lis-CSOs kemm tal-UE kif ukoll dawk lokali, lill-komunitajiet lokali, lill-gvernijiet lokali u reġjonali kif ukoll lill-awtoritajiet lokali f'pajjiżi sħab u s-sħubiji tagħhom mal-gvernijiet lokali u reġjonali Ewropej, u jiffaċilitaw b'mod sistematiku l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fi djalogi ma' bosta partijiet ikkonċernati dwar politiki tal-UE u dwar il-proċessi ta' programmazzjoni kollha fl-istrumenti kollha; iqis, barra minn hekk, li l-UE jenħtieġ li tippromwovi r-rwol tas-CSOs bħala gwardjani kemm fl-UE kif ukoll barra minnha u tappoġġja riformi ta' deċentralizzazzjoni f'pajjiżi sħab; jilqa', f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tapprofondixxi u tikkonsolida l-ħidma kontinwa biex tibni sħubiji u djalogu mas-soċjetà ċivili li taħdem fl-iżvilupp u ttejjeb l-involviment fi djalogu u l-involviment tan-netwerks tas-CSOs fit-tfassil tal-politika u l-proċessi tal-UE; ifakkar li l-UE jenħtieġ li tappoġġja konsolidazzjoni demokratika billi tidentifika mekkaniżmi li jappoġġjaw l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet f'pajjiżi terzi, sabiex tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni u t-titjib ta' standards istituzzjonali għall-ġestjoni tal-beni pubbliċi;

37.  Jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jimmonitorja t-twettiq tal-impenn tal-UE li tkompli tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp tal-bniedem sabiex jittejbu l-ħajjiet tan-nies, b'mod konformi mal-SDGs; ifakkar li, fil-każ tad-DCI, dan jirriżulta fil-ħtieġa li mill-inqas 20 % tal-għajnuna tiġi allokata għal servizzi soċjali bażiċi, b'enfasi fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, u għall-edukazzjoni sekondarja; jinsab imħasseb, għalhekk, dwar il-fatt li fi żmien meta għad hemm dubji dwar l-ilħuq tal-objettiv ta' 20 % ta' żvilupp tal-bniedem, il-Kummissjoni qed tiddevja l-fondi mill-iżvilupp tal-bniedem lejn l-investiment;

38.  Jitlob l-applikazzjoni stretta ta' prekundizzjonijiet li jippermettu l-użu effettiv tal-appoġġ tal-baġit u għal monitoraġġ aktar sistematiku ta' din il-modalità ta' għajnuna f'pajjiżi sħab, sabiex jittejbu r-responsabbiltà, it-trasparenza, l-effettività tal-għajnuna, u l-allinjament tal-appoġġ tal-baġit mal-objettivi tiegħu;

39.  Iwissi kontra rikors abużiv għal fondi fiduċjarji, li jhedded l-ispeċifiċità tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; jinsisti li dawn jenħtieġ li jintużaw biss meta jiġi ggarantit il-valur miżjud tagħhom meta mqabbla ma' modalitajiet oħra ta' għajnuna, speċjalment f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u l-użu tagħhom jenħtieġ li dejjem ikun konformi mal-prinċipji dwar l-effikaċja tal-għajnuna u mal-objettiv primarju tal-politika tal-iżvilupp: il-qerda tal-qafar; huwa mħasseb dwar il-fatt li l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u donaturi oħra għal fondi fiduċjarji kienu aktar baxxi milli mistenni, b'konsegwenzi negattivi għall-effikaċja tagħhom; ifakkar il-ħtieġa għal skrutinju parlamentari ta' dawn il-fondi; jinsab imħasseb b'mod serju dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-FEŻ dwar l-effikaċja tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika;

40.  Ifakkar li l-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura t-trasparenza meta jintużaw il-fondi fiduċjarji, fost l-oħrajn, billi tipprovdi lill-Parlament aġġornamenti ta' informazzjoni regolari u tiżgura l-involviment xieraq tiegħu fi strutturi ta' governanza rilevanti, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE; ifakkar, barra minn hekk, li l-fondi fiduċjarji jridu japplikaw il-firxa sħiħa ta' prinċipji ta' effikaċja fl-iżvilupp, jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-prijoritajiet, il-prinċipji u l-valuri għal żvilupp fit-tul, ma' strateġiji nazzjonali u tal-pajjiżi tal-UE u ma' strumenti u programmi oħra rilevanti, u li jenħtieġ li jiġi ppubblikat, darbtejn fis-sena, programm ta' monitoraġġ li jivvaluta dan l-allinjament; ifakkar li, għaldaqstant, l-għan tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika huwa li jindirizza l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni billi jippromowovi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp;

41.  Ifakkar li l-baġit allokat għall-azzjoni esterna tal-UE ġie kontinwament mobilizzat u rinfurzat, bl-eżawriment tal-marġnijiet kollha disponibbli sabiex jiġi indirizzat l-għadd dejjem jiżdied ta' emerġenzi umanitarji; huwa tal-opinjoni li f'dan il-kuntest ta' bosta kriżijiet u inċertezza, l-EFIs jeħtieġ li jkollhom biżżejjed flessibbiltà biex ikunu jistgħu jaġġustaw ruħhom malajr għal prijoritajiet li qed jinbidlu u avvenimenti mhux previsti, u biex jiksbu r-riżultati fil-prattika; jirrakkomanda, għaldaqstant, użu intelliġenti tar-riżerva tal-EFIs jew il-fondi mhux użati, aktar flessibbiltà fil-programmazzjoni pluriennali, kombinazzjoni xierqa ta' modalitajiet ta' finanzjament u aktar simplifikazzjoni fil-livell tal-implimentazzjoni; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li aktar flessibbiltà jenħtieġ li ma tinkisibx għad-detriment tal-effikaċja u tal-prevedibbiltà tal-għajnuna u lanqas tal-prijoritajiet ġeografiċi u tematiċi fit-tul, jew tal-impenji biex jinżammu r-riformi f'pajjiżi sħab;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-HAI b'mod konsistenti mal-impenji umanitarji, mal-impenji miftiehma fil-Grand Bargain fis-Summit Umanitarju Dinji, u mal-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-QEA Nru 15/2016(14); jistieden lill-Kummissjoni sabiex, b'mod partikolari, iżżid it-trasparenza fil-proċedura tal-għażla strateġika tal-programmazzjoni u l-finanzjament, tagħti l-attenzjoni dovuta lill-kosteffikaċja tal-azzjonijiet, mingħajr ma tikkomprometti l-objettivi ta' għajnuna umanitarja u r-rieda li tingħata għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli u filwaqt li żżomm il-kapaċità biex ittejjeb il-monitoraġġ biex issostni l-urġenza umanitarja billi tilħaq lil dawk l-aktar vulnerabbli u topera fejn il-ħtiġijiet huma l-aktar urġenti, ittejjeb il-monitoraġġ matul l-implimentazzjoni, talloka aktar finanzjament għal dawk li jintervjenu fuq livell nazzjonali u lokali, tnaqqas il-burokrazija permezz ta' rekwiżiti ta' rapportar armonizzati, u tipprevedi fuq bażi pluriennali f'termini ta' strateġija, il-programmazzjoni u l-finanzjament, sabiex jiġu żgurati aktar prevedibbiltà, flessibbiltà, rapidità u kontinwità fir-rispons umanitarju;

43.  Jinsisti fuq il-fatt li l-għajnuna umanitarja jenħtieġ li tkompli tiġi allokata għal gruppi ta' popolazzjoni f'żoni ta' kriżi, u li l-atturi umanitarji jenħtieġ li jkollhom aċċess bla xkiel għal vittimi f'żoni ta' kunflitt u f'pajjiżi vulnerabbli sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, minbarra rispons immedjat għall-kriżijiet umanitarji, il-HAI, flimkien u f'komplementarjetà mad-DCI u l-FEŻ u fid-dawl tar-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp, jibni reżiljenza għal xokkijiet futuri billi jippromwovi strateġiji u strutturi ta' twissija bikrija u prevenzjoni, jipprovdi benefiċċji għall-iżvilupp sostenibbli fuq terminu twil f'konformità mal-ħtieġa li tinħoloq rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp, u jiffoka fuq kriżijiet minsija b'rispett sħiħ għall-prinċipju li ma jitħalla ħadd barra;

45.  Jinnota li l-komplementarjetà bejn l-istrumenti ta' żvilupp u l-HAI trid tittejjeb, b'mod partikolari fil-kuntest tar-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp, l-approċċ strateġiku ġdid għar-reżiljenza u l-impenn tal-UE għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u t-tħejjija għalihom, mingħajr ma timmina l-objettivi u l-mandati tagħhom;

46.  Ifakkar li l-iżvilupp jikkomplementa l-għajnuna umanitarja bl-għan li jipprevjeni xokkijiet u kriżijiet;

47.  Jitlob ir-rikonoxximent tal-ispeċifiċità tal-għajnuna umanitarja fil-baġit tal-UE, li jinvolvi l-ħtieġa li tiġi żgurata r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza bħala strument flessibbli għar-rispons għal kriżijiet ġodda b'fondi suffiċjenti;

48.  Huwa tal-opinjoni li d-delegazzjonijiet tal-UE jenħtieġ li jkunu aktar involuti fl-għażliet ta' programmazzjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp taħt l-EFIs differenti li huma jimmaniġġjaw; iqis li dan jippermetti titjib fil-komplementarjetà u s-sinerġiji, u żieda fl-allinjament mal-ħtiġijiet u mas-sjieda tal-pajjiżi sħab;

49.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' riżorsi umani xierqa fis-sede tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u fid-delegazzjonijiet tal-UE, kemm f'termini ta' numri kif ukoll f'għarfien espert fl-iżvilupp u fl-għajnuna umanitarja;

50.  Mhuwiex sodisfatt bl-iskadenza qasira ħafna mogħtija għall-iskrutinju tal-abbozz tal-miżuri ta' implimentazzjoni mill-Parlament taħt id-DCI; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmodifika r-Regoli ta' Proċedura tad-DCI u tal-Kumitati għall-Għajnuna Umanitarja sa Diċembru 2018 sabiex il-Parlament u l-Kunsill jingħataw aktar żmien biex jeżerċitaw is-setgħat ta' skrutinju tagħhom b'mod xieraq;

51.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu u jtejbu l-koordinazzjoni tad-donaturi permezz ta' programmazzjoni konġunta u implimentazzjoni konġunta ma' Stati Membri u donaturi oħra, f'konformità mal-programmi ta' żvilupp nazzjonali ta' pajjiżi sħab, taħt it-tmexxija u l-koordinazzjoni tad-delegazzjonijiet tal-UE;

52.  Jitlob li l-Parlament ikollu skrutinju politiku akbar fir-rigward tad-dokumenti ta' programmazzjoni tal-11-il FEŻ bħala mezz biex jittejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà;

Rakkomandazzjonijiet għall-arkitettura ta' wara l-2020 tad-DCI u l-FEŻ, u għall-implimentazzjoni futura tal-HAI

53.  Itenni l-awtonomija tal-politiki tal-iżvilupp u umanitarji tal-UE, li huma bbażati fuq bażijiet legali speċifiċi rikonoxxuti fit-Trattati u jistabbilixxu valuri u objettivi li huma speċifiċi u li jenħtieġ li ma jiġux subordinati għall-istrateġija ġeopolitika tal-UE, u li jenħtieġ li jkunu dejjem allinjati mal-priniċpji dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, u fil-każ ta' għajnuna umanitarja, mal-prinċipji tal-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza;

54.  Jisħaq fuq il-ħtieġa assoluta li jinżammu strumenti tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja separati li jirrispettaw il-prinċipji ewlenin tal-iżvilupp, fid-dawl tas-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-FEŻ u d-DCI dwar in-nuqqas ta' sħubija u t-theddida għall-objettiv ċentrali tat-tnaqqis tal-faqar fi ħdan il-qafas il-ġdid tal-bidla fil-prijoritajiet ta' politika;

55.  Ifakkar li l-FEŻ, id-DCI u l-HAI huma kkaratterizzati minn eżekuzzjoni pożittiva tal-baġit u huma essenzjali biex juru solidarjetà internazzjonali, filwaqt li jikkontribwixxu għall-kredibbiltà tal-UE fix-xena globali; iqis li, irrispettivament minn bidliet jew fużjonijiet strutturali possibbli fir-rigward ta' dawn l-istrumenti, inkluża l-inklużjoni possibbli tal-FEŻ fil-baġit, l-approprjazzjonijiet globali tal-QFP li jmiss jenħtieġ li jiżdiedu, filwaqt li jenħtieġ li ma jiddgħajfux il-kriterji għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), u li l-arkitettura futura tal-istrumenti ta' finanzjament estern jenħtieġ li tinkludi inkorporazzjoni aktar trasparenti tal-fondi fiduċjarji u tal-faċilitajiet, iggwidata mill-prinċipji ewlenin ta' sjieda demokratika u l-effikaċja tal-iżvilupp, kif ukoll il-possibbiltà li jitkompla l-Pjan ta' Investiment Estern abbażi ta' evalwazzjoni li turi kemm l-addizzjonalità tal-iżvilupp kif ukoll l-impatt soċjali, ambjentali u fuq id-drittijiet tal-bniedem tagħha;

56.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment jikkonkludu ftehim interistituzzjonali mal-Parlament dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-iskrutinju parlamentari abbażi tal-prinċipji ta' politika stabbiliti fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp, minħabba l-bidla fil-modalitajiet tal-għajnuna minn għotjiet diretti għall-fondi fiduċjarji u l-finanzjament imħallat, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli;

57.  Jenfasizza l-istampa pożittiva li l-komunità internazzjonali għandha tal-UE bħala attur globali kooperattiv, li, madankollu, hemm ir-riskju li din tiġi mxekkla mill-burokrazija żejda u d-dewmien burokratiku; huwa tal-opinjoni li dan jikkontribwixxi għas-setgħa ta' persważjoni tal-UE fir-relazzjonijiet internazzjonali, li titlob politika tal-iżvilupp b'saħħitha u awtonoma wara l-2020 bi strumenti għall-iżvilupp differenzjati;

58.  Jenfasizza li t-tnaqqis, u fuq terminu twil, il-qerda tal-faqar, flimkien mal-implimentazzjoni tal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi u l-protezzjoni tal-ġid komuni globali, jenħtieġ li jikkostitwixxu l-objettivi primarji tal-politika tal-iżvilupp tal-UE u tal-istrumenti għall-iżvilupp tagħha, b'attenzjoni speċjali għal dawk l-aktar f'riskju;

59.  Jisħaq fuq il-fatt li l-arkitettura ta' wara l-2020 tad-DCIs u tal-FEŻ u l-implimentazzjoni tal-HAI jridu jiġi allinjati mal-impenji internazzjonali tal-UE, inklużi l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-SDGs, il-Ftehim ta' Pariġi, u l-qafas ta' politika tal-UE, inkluż il-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp, l-Istrateġija Globali l-ġdida għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;

60.  Iqis li l-arkitettura tal-EFIs il-ġodda jenħtieġ li tqis il-funzjonament tajjeb ippruvat tal-EFIs attwali, l-eliġibbiltà tal-ODA u l-ħtieġa li jintlaħqu l-SDGs;

61.  Iqis li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u d-dimensjoni globali ta' bosta SDGs jitolbu approċċ politiku ġdid, fejn l-atturi politiċi kollha, kemm mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kif ukoll minn dawk żviluppati, jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-SDGs permezz ta' politiki interni u esterni konsisteni u kkoordinati, u jqis li l-EFIs il-ġodda ta' wara l-2020 u l-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp se jkunu strumentali għal dan il-għan;

62.  Jinsab konvint bl-importanza li jiġi promoss approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq il-prinċipji għall-iżvilupp, u b'hekk jiġu promossi l-prinċipji demokratiċi, il-valuri fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkombinaw b'mod xieraq l-għajnuna taħt l-EFIs u d-djalogu politiku, kemm b'mod bilaterali kif ukoll fil-qafas ta' ogranizzazzjonijiet reġjonali u globali, sabiex jippromwovu dawn il-prinċipji, valuri u drittijiet;

63.  Iqis li huwa essenzjali li l-protezzjoni ambjentali orizzontali u transsettorjali u l-opportunitajiet li joffru l-politiki ambjentali jiġu inklużi fil-politiki kollha tal-iżvilupp; jiddispjaċih dwar il-fatt li ma sarx biżżejjed progress f'termini tal-integrazzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi; iħeġġeġ, barra minn hekk, biex l-impenji tal-ftehim ta' Pariġi jiġu riflessi bis-sħiħ fl-istrumenti u l-programmi futuri, akkumpanjati minn monitoraġġ adegwat; iqis, għalhekk, li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jenħtieġ li taqdi rwol dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

64.  Iqis li jeħtieġ li jitwettaq eżerċizzju relatat mat-"tagħlimiet miksuba" sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fi, u tittejjeb, il-koordinazzjoni tal-EFIs tal-UE mal-istrumenti ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, sabiex jinħolqu sinerġiji u jiżdied l-impatt tal-istrumenti ta' finanzjament fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

65.  Iqis li huwa meħtieġ li jiżdiedu l-livelli attwali tal-ODA tal-UE fl-arkitettura futura tal-EFIs ta' wara l-2020 u li tiġi żviluppata skeda ta' żmien ċara, sabiex l-UE tkun tista' tonora l-impenn kollettiv tagħha li tipprovdi 0,7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) fl-ODA u talloka 0,2 % tal-ODA/ING lill-pajjiżi l-anqas żviluppati; jilqa', f'dan il-kuntest, il-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar il-QFP il-ġdid; ifakkar lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jirrispettaw l-impenn tagħhom biex jikkontribwixxu 0,7 % tal-ING tagħhom fl-ODA; ifakkar il-ħtieġa li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar il-kisba ta' element medju ta' għotjiet fl-ODA totali ta' 86 %.

66.  Huwa tal-opinjoni li, mingħajr preġudizzju għaż-żieda fil-flessibbiltà u/jew fir-riżervi, l-arkitettura ta' wara l-2020 tal-EFIs jenħtieġ li tkompli tipprevedi taħlita ta' programmi pluriennali ġeografiċi kif ukoll tematiċi, li jippermettu azzjonijiet ta' żvilupp fuq skali differenti; iqis li l-appoġġ għall-kooperazzjoni reġjonali u għall-integrazzjoni tal-pajjiżi sħab huwa fattur importanti li huwa meħtieġ sabiex jinqered il-faqar u jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli fit-tul;

67.  Jisħaq fuq il-fatt li l-azzjoni ta' żvilupp estern tal-UE trid tkun ibbażata fuq kombinazzjoni bbilanċjata b'mod xieraq ta' flessibbiltà u prevedibbiltà ta' għajnuna għall-iżvilupp, fuq bażi ta' finanzjament suffiċjenti; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, li l-prevedibbiltà tal-għajnuna għall-iżvilupp tista' tinkiseb, fost l-oħrajn, permezz tat-twaqqif ta' sistemi ta' twissija bikrija li jiffunzjonaw tajjeb fl-aktar pajjiżi vulnerabbli u dawk l-inqas reżiljenti;

68.  Huwa tal-opinjoni li t-trasferiment ta' fondi bejn l-objettivi u għal prijoritajiet li qed jinbidlu fi ħdan strument jenħtieġ li jseħħ biss abbażi tal-ħtiġjiet reali tal-pajjiżi sħab, mingħajr ma jiġu kompromessi l-prinċipji u l-objettivi tal-istrument u b'involviment adegwat tal-awtorità ta' monitoraġġ; jitlob, b'mod partikolari, distinzjoni ċara bejn finanzjament eliġibbli għal ODA u finanzjament ieħor mhux eliġibbli għal ODA; jiċħad bil-qawwa kwalunkwe trasferiment ta' fondi allokati għal attivitajiet tad-DAC għal programmi li ma jistgħux jitqiesu bħala ODA; jenfasizza l-ħtieġa li dan jiġi ssalvagwardjat fil-miri tal-ODA fir-regolamenti tal-EFI;

69.  Hu tal-opinjoni li l-arkitettura ta' wara l-2020 tal-EFIs jenħtieġ li tinkludi numru ta' parametri referenzjarji u allokazzjoni delimitata stretta, kif ukoll l-integrazzjoni ta' impenji biex jiġu żgurati fondi suffiċjenti għal prijoritajiet ewlenin;

70.  Iqis li ħtiġijiet mhux previsti jenħtieġ li jiġu koperti minn riżerva ta' kontinġenza mdaqqsa fl-EFIs differenti, u li fondi mhux impenjati jew diżimpenjati relatati ma' sena partikolari jenħtieġ li jiġu trasferiti lir-riżerva ta' kontinġenza għas-sena ta' wara;

71.  Ifakkar il-ħtieġa li jinżamm strument robust u indipendenti għall-għajnuna umanitarja, kif mitlub mill-kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja; iqis li jenħtieġ li tinżamm riżerva separata speċifikament għal għajnuna umanitarja, u li l-baġit rilevanti jenħtieġ li jiżdied biex iqis il-fatt li r-riżerva tal-għajnuna umanitarja ġiet attivata b'mod kostanti matul il-perjodu kurrenti tal-QFP; ifakkar li, filwaqt li jirrikonoxxi ripetutament l-isforzi tal-Kummissjoni biex tirrispondi għall-isfidi dejjem akbar, il-Parlament enfasizza b'mod regolari l-ħtieġa biex jiżdied il-finanzjament għall-għajnuna umanitarja u insista fuq l-eliminazzjoni tad-diskrepanza dejjem akbar bejn l-impenji u l-ħlasijiet u fuq it-titjib tal-effettività u r-reattività tal-għajnuna umanitarja u dik għall-iżvilupp disponibbli taħt il-baġit tal-UE;

72.  Jenfasizza li kwalunkwe kisba f'termini ta' flessibbiltà u simplifikazzjoni finanzjarja jenħtieġ li ma tinkisibx a skapitu ta' anqas kapaċità ta' monitoraġġ u skrutinju min-naħa tal-koleġiżlatur, li xxekkel il-prinċipji tar-responsabbiltà u tat-trasparenza; jisħaq fuq il-ħtieġa għal trasparenza fil-kriterji tal-allokazzjoni tal-fondi u fil-fażijiet kollha ta' programmazzjoni; huwa tal-opinjoni li l-arkitetturi tal-EFI l-ġdida jenħtieġ li tkun flessibbli u moderna, filwaqt li tippermetti l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u tipproduċi riżultati ta' żvilupp għall-pajjiżi sħab;

73.  Jisħaq fuq il-fatt li l-flessibbiltà finanzjarja fl-EFIs il-ġodda jenħtieġ li testendi wkoll għall-flessibbiltà fil-pajjiżi sabiex l-OSĊ, in-negozji u l-intraprendituri lokali jingħataw għotjiet żgħar fuq bażi diskrezzjonali; iqis li l-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi r-rekwiżiti ta' awditu attwali tagħha fir-rigward tal-għajnuna għall-iżvilupp sabiex tippermetti profil ta' riskju akbar għal għotjiet fuq skala żgħira, u dawk fil-pajjiżi;

74.  Iqis li l-politika tal-iżvilupp u l-objettivi umanitarji jenħtieġ li la jiġu sottomessi għall-objettivi ta' sigurtà tal-pajjiżi donaturi u tal-UE jew għall-kontrolli fil-fruntieri u lanqas għall-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni; iqis, f'dan is-sens, li l-ODA jenħtieġ li tintuża primarjament biex jittaffa l-faqar u li l-azzjonijiet u l-programmi li huma allinjati unikament mal-interessi ta' sigurtà nazzjonali jenħtieġ għalhekk li ma jiġux iffinanzjati permezz tal-finanzjament tal-iżvilupp; iqis li, fl-istess ħin, jeħtieġ li tiġi appoġġjata r-reżiljenza tal-pajjiżi sħab bl-għan li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp sostenibbli;

75.  Iqis li, fil-QFP futur, in-nefqa għall-ilħuq tal-objettivi interni tal-UE taħt l-intestaturi tal-migrazzjoni, l-asil u s-sigurtà interna, minn naħa waħda, u immirati lejn l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp, min-naħa l-oħra, iridu jinżammu separati; huwa tal-fehma li l-amalgamazzjoni ta' dawn iż-żewġ intestaturi distinti toħloq ir-riskju ta' aktar strumentalizzazzjoni tal-għajnuna mill-UE, inkluż billi din issir tiddependi fuq il-kooperazzjoni fil-qafas tal-migrazzjoni;

76.  Jipproponi, f'dan il-kuntest, sabiex ir-reżiljenza soċjetali u tal-istat tkompli tissaħħaħ permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp, u li jiġu ddedikati aktar mezzi finanzjarji u politiċi għall-prevenzjoni tal-kunflitti, għat-tħejjija għal diżastri u għat-teħid ta' azzjoni bikrija kemm fid-dawl tal-kunflitti kif ukoll tad-diżastri naturali;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ma tibbażax l-allokazzjonijiet tal-finanzjament għall-pajjiżi sħab u l-modalitajiet ta' finanzjament fuq il-PDG biss, iżda fuq firxa wiesgħa ta' kriterji, filwaqt li tqis l-iżvilupp tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-livelli ta' inugwaljanza;

78.  Itenni t-talba tiegħu għall-ibbaġitjar tal-FEŻ bħala għodda ewlenija sabiex tiġi żgurata koerenza bejn l-iżvilupp u politiki oħra tal-UE u sabiex jissaħħaħ l-iskrutinju baġitarju tal-Parlament; itenni li l-ibbaġitjar tal-FEŻ iġib vantaġġi bħal leġittimità demokratika u skrutinju aktar b'saħħithom tal-istrument, u viżibbiltà u trasparenza mtejba, filwaqt li jwassal għal aktar ċarezza dwar l-infiq tal-UE f'dan il-qasam, kif ukoll żieda fl-effiċjenza u fl-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; ifakkar li d-dibattiti parlamentari dwar il-politika ta' żvilupp jassisitu liċ-ċittadini fl-implimentazzjoni tal-infiq tal-UE fuq l-għajnuna għall-iżvilupp;

79.  Jissottolinja li l-ibbaġitjar tal-FEŻ jenħtieġ li jkun akkumpanjat b'garanziji li jipprevjenu kwalunkwe trasferiment tal-fondi FEŻ preċedenti lejn linji baġitarji oħra u li dan jenħtieġ li jqis kwalunkwe donatur ta' pajjiż terz; jissottolinja, barra minn hekk, li l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika jenħtieġ li tibqa' barra mill-baġit tal-UE u fi ħdan il-qafas ta' strument iddedikat;

80.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ibbaġitjar tal-FEŻ jenħtieġ li jkun akkumpanjat b'żieda proporzjonali fil-limitu massimu miftiehem tal-baġit tal-UE, sabiex b'hekk dan la jwassal għal tnaqqis fl-impenn finanzjarju tal-UE għall-pajjiżi AKP u lanqas għal tnaqqis globali fl-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fil-QFP ta' wara l-2020;

81.  Iqis li n-natura mifuħa tal-HAI wasslet għal riżultati pożittivi; jirrakkomanda, għalhekk, li jinżammu strumenti u baġits separati għall-azzjoni umanitarja u ta' żvilupp, filwaqt li jinżammu wkoll rabtiet b'saħħithom u strateġiċi bejn dawn iż-żewġ oqsma;

82.  Jenfasizza l-importanza li tiġi rinforzata l-leġittimità demokratika fl-arkitettura ta' wara l-2020 u l-ħtieġa li ssir reviżjoni tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jisħaq fuq il-fatt li f'din l-arkitettura l-ġdid ta' wara l-2020, il-koleġiżlaturi jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jeżerċitaw bis-sħiħ is-setgħa ta' skrutinju tagħhom kemm fil-livell legali kif ukoll f'dak politiku, fil-fażijiet tat-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrumenti u l-programmi ta' implimentazzjoni tagħhom; jissottolinja li jrid jingħata biżżejjed żmien għal dan il-għan;

83.  Huwa tal-fehma li l-potenzjal għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-fażijiet tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' żvilupp, b'mod partikolari permezz ta' programmazzjoni konġunta u abbażi ta' programmi ta' żvilupp nazzjonali u b'sinkronizzazzjoni magħhom, jenħtieġ li jiġi sfruttat bis-sħiħ;

84.  Jitlob valutazzjoni u reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-arkitettura ta' wara l-2020 tal-EFIs sabiex tkompli tittejjeb il-ġestjoni tagħhom, jiġu esplorati modi li bihom jinkisbu aktar koerenza u simplifikazzjoni, u jiġu żgurati rilevanza u allinjament kontinwi mal-prinċipji effettivi dwar l-iżvilupp; jitlob l-involviment tal-partijiet ikkonċernati f'dan l-eżerċizzju;

o
o   o

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(5) ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1.
(6) ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.
(7) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
(8) ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1.
(9) ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0337.
(12) ĠU C 86, 6.3.2018, p. 2.
(13) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 25.
(14) Rapport Speċjali, Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 15/2016 "Il-Kummissjoni mmaniġġjat b'mod effettiv l-Għajnuna umanitarja pprovduta lil popolazzjonijiet milquta minn kunflitti fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani?’," It-Tnejn, 4 ta' Lulju 2016.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Diċembru 2018Avviż legali