Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2642(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0184/2018

Testi mressqa :

B8-0184/2018

Dibattiti :

PV 17/04/2018 - 11
CRE 17/04/2018 - 11

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0118

Testi adottati
PDF 471kWORD 65k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal migrazzjoni sikura, ordnata u regolari u dwar irrifuġjati
P8_TA(2018)0118B8-0184/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati (2018/2642(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-aġenda tax-xogħol deċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 189 (2011) dwar xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/71/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Settembru 2016, "Id-dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti"(1),

–  wara li kkunsidra l-Anness I tad-Dikjarazzjoni ta' New York, il-Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-Anness II tad-Dikjarazzjoni ta' New York, "Lejn patt globali għal migrazzjoni sikura, ordnata u regolari",

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tas-6 ta’ Marzu 2017 għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (COM(2017)0211),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/71/280 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-6 ta' April 2017 dwar "Modalitajiet għan-negozjati intergovernattivi tal-patt globali għal migrazzjoni sikura, ordnata u regolari(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-28 ta' April 2017 bl-isem "Report of the Special Rapporteur on the human rights of migrants on a 2035 agenda for facilitating human mobility" (Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti dwar aġenda 2035 għall-iffaċilitar tal-mobilità tal-bniedem)(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-UNHCR tas-17 ta' Mejju 2017 bit-titolu "Towards a global compact on refugees: a roadmap" (Lejn patt globali dwar ir-rifuġjati: pjan direzzjonali)(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, tal-11 ta' Jannar 2018, bit-titolu"Making migration work for all" (Nagħmlu l-migrazzjoni vantaġġjuza għal kulħadd)(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz żero tal-patt globali UNHCR dwar ir-rifuġjati fil-31 ta' Jannar 2018(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz żero u l-abbozz żero plus tal-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, tal-5 ta' Frar 2018(7) u l-5 ta' Marzu 2018(8) rispettivament,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Abidjan tal-Ħames Summit UE-UA ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/70/1 tan-NU bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"), adottata fil-25 ta' Settembru 2015 waqt is-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York(9),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familja Tagħhom, adottata fit-18 ta' Diċembru 1990 permezz tar-Riżoluzzjoni A/RES/45/158 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU(10),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Konġunt tal-Kumitat dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji Tagħhom u l-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-tfal fil-kuntest tal-migrazzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE(14) u tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(15);

–  wara li kkunsidra r-rapport adottat fit-12 ta’ Ottubru 2017 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (A8-0316/2017), u l-ħtieġa li l-UE toffri risistemazzjoni lil mill-inqas 20 % tal-Ħtiġijiet Proġettati Annwali Dinjija ta' Risistemazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, f'konformità mal-Artikolu 13(2) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kulħadd għandu l-jedd li jħalli kwalunkwe pajjiż, inkluż dak tiegħu, u li jerġa' lura f'pajjiżu; billi fl-1999, il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, fil-Kumment Ġenerali Nru 273 (Punt 8) tiegħu, iċċara li dan id-dritt "ma jistax isir dipendenti fuq xi skop speċifiku jew fuq il-perjodu ta' żmien li l-individwu jagħżel li jibqa' barra mill-pajjiż";

B.  billi fis-Summit tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti, ospitat mill-Assemblea Ġenerali fi New York fid-19 ta' Settembru 2016, l-istati membri tan-NU unanimament adottaw "Id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti", li abbażi tagħha tnedew żewġ proċessi separati, distinti u indipendenti, għalkemm fis-sustanza huma, bil-ħsieb li fl-2018 jiġi adottat Patt Globali dwar ir-Rifuġjati, u Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, li se jiġi ffirmat f'konferenza fil-Marokk f'Diċembru 2018;

C.  billi l-Anness I tad-Dikjarazzjoni ta' New York jistabbilixxi Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati (CRRF), li huwa msejjes fuq il-prinċipju tal-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabbiltà u d-determinazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tan-NU li jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-ispostament furzat; billi l-Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati jippreżenta azzjonijiet speċifiċi mfassla sabiex inaqqsu l-pressjoni fuq il-pajjiżi ospitanti, biex tissaħħaħ l-awtonomija tar-rifuġjati, biex jikber l-aċċess għal soluzzjonijiet li jinvolvu pajjiżi terzi, u biex jappoġġaw il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi ta' oriġini għal ritorn sikur u dinjituż;

D.  billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati ntalab iwettaq konsultazzjonijiet dwar Programm ta' Azzjoni biex jikkomplementa l-CRRF u biex tipproponi Patt Globali dwar ir-Rifuġjati fir-rapport annwali tiegħu lill-Assemblea Ġenerali fl-2018;

E.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu involuti fil-proċess ta' tħejjija u d-diskussjonijiet li wasslu għall-preżentazzjoni tal-abbozzi żero; billi mal-bidu tal-fażi aktar kritika tal-proċess, u bħala konsegwenza tad-deċiżjoni tal-Istati Uniti li toħroġ min-negozjati, sar saħansitra aktar importanti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu rwol ewlieni sabiex jiżguraw test iffukat fuq il-persuni u msejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi l-migrazzjoni hija fenomenu uman kumpless; billi filwaqt li r-rifuġjati huma definiti speċifikament u protetti fid-dritt internazzjonali bħala persuni li jirrisjedu barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom minħabba biża' ta' persekuzzjoni, kunflitt, vjolenza, jew ċirkostanzi oħra, u li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali bħala riżultat, kemm ir-rifuġjati kif ukoll il-migranti huma detenturi ta' drittijiet tal-bniedem u sikwit iħabbtu wiċċhom ma' aktar vulnerabbiltà, vjolenza u abbuż matul il-proċess tal-migrazzjoni; billi kemm il-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati u l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Regolari u Ordnata huma proċessi komplementari li se jeħtieġu azzjonijiet konġunti għall-implimentazzjoni tagħhom;

G.  billi l-mobilità umana u l-migrazzjoni huma realtà li qed tikber, b'madwar 258 miljun migrant internazzjonali madwar id-dinja; billi l-għadd tal-migranti bħala proporzjon tal-popolazzjoni globali żdied minn 2.8 % fl-2000 għal 3.4 % fl-2017; billi 48 % tal-migranti huma nisa; billi l-parti l-kbira tal-migranti jivvjaġġaw b'mod sikur u ordnat; billi 85 % tal-migrazzjoni ssir bejn pajjiżi tal-istess livell ta' żvilupp; billi fl-2017, l-Ewropa kienet is-sors tat-tieni l-akbar għadd ta' migranti internazzjonali (61 miljun)(16);

H.  billi skont data tal-UNHCR, madwar 65 miljun ruħ kienu qed jgħixu fi spostament furzat fi tmiem 2015, li 12-il miljun minnhom kienu Sirjani; billi skont il-Bank Dinji, madwar 9 miljun persuna ġew spustati bejn l-2012 u l-2015, u dan jirrappreżenta sfida serja għas-sistema tal-għajnuna umanitarja dinjija; billi 84 % tar-rifuġjati fid-dinja u 99 % tal-persuni spustati internament huma ospitati minn pajjiżi jew reġjuni li qed jiżviluppaw: il-kontinent Afrikan jospita l-parti l-kbira minnhom, filwaqt li 10 % biss tar-rifuġjati huma ospitati minn pajjiżi Ewropej, apparti t-Turkija; billi skont il-Ħtiġijiet proġettati Dinjija ta' Risistemazzjoni tal-UNHCR għall-2018, kważi 1.2 miljun persuna huma stmati li jirrikjedu risistemazzjoni; billi mis-sena 2000 sal-lum, aktar minn 46 000 migrant u rifuġjat mietu madwar id-dinja jfittxu s-sikurezza u d-dinjità barra minn pajjiżhom, fosthom mill-inqas 14 500 persuna li mietu fil-Mediterran Ċentrali mill-2014(17);

I.  billi l-Ewropa storikament kienet kemm reġjun ta' destinazzjoni kif ukoll reġjun ta' oriġini tal-migranti; billi l-Ewropej ukoll emigraw barra minn pajjiżhom minħabba diffikultajiet ekonomiċi, kunflitti jew persekuzzjoni politika; billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali wasslet biex għadd kbir ta' Ewropej emigraw, fosthom lejn l-ekonomiji emerġenti tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-dinja;

J.  billi ħafna tfal migranti jesperjenzaw vjolenza, abbuż u sfruttament; billi aktar minn 100 pajjiż iżommu t-tfal detenuti għal raġunijiet relatati mal-migrazzjoni(18); billi t-tfal rifuġjati huma ħames darbiet aktar suxxettibbli li jkunu barra mill-iskola minn tfal oħra, u inqas minn kwart tar-rifuġjati adolexxenti huma rreġistrati fi skola sekondarja;

K.  billi l-ħaddiema migranti sikwit jiġu esposti għal diskriminazzjoni, sfruttament u ksur tad-drittijiet; billi 23 % tal-24.9 miljun persuna li jiġu mġiegħla jagħmlu xogħol furzat fid-dinja huma migranti internazzjonali;

L.   billi l-esperjenza wriet li l-migranti jagħtu kontributi pożittivi lill-pajjiżi li jgħixu fihom, kif ukoll lill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; billi l-migranti jikkontribwixxu fil-pajjiżi fejn jgħixu billi jħallsu t-taxxi u jħallu madwar 85 % tad-dħul finanzjarju tagħhom fl-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi; billi fl-2017 madwar USD 596 biljun ġew trasferiti f'rimessi globalment, u USD 450 biljun minnhom intbagħtu lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiġifieri sa tliet darbiet tat-total tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp;

1.  Jappoġġja ħafna l-objettivi tad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti u l-proċess korrispondenti għall-iżvilupp ta' sistema ta' governanza dinjija, għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni internazzjonali dwar il-migrazzjoni internazzjonali, il-mobilità tal-persuni, movimenti kbar ta' rifuġjati u s-sitwazzjonijiet imtawla ta' rifuġjati, u biex jiġu stabbiliti soluzzjonijiet durabbli u approċċi biex jenfasizzaw b'mod ċar l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tar-rifuġjati u l-migranti;

2.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jingħaqdu wara pożizzjoni unika tal-UE u biex jiddefendu u jippromwovu b'mod attiv in-negozjati dwar il-kwistjoni importanti tal-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati;

3.  Jinsab konvint li f'dinja interdipendenti ħafna, l-isfidi relatati mal-mobbiltà tal-bniedem jistgħu jiġu indirizzati bl-aktar mod effettiv mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi; jilqa', għaldaqstant, il-ftuħ tan-negozjati intergovernattivi dwar il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u l-bidu tal-konsultazzjonijiet formali għall-Patt Global dwar ir-Rifuġjati abbażi tal-abbozzi żero, li għandhom jitlestew sa Lulju 2018;

4.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, jiġifieri r-Rappreżentant Għoli tagħha għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni, biex tuża l-piż diplomatiku kollha u timmobilizza d-delegazzjonijiet tal-UE, mhux biss fi New York u f'Ġinevra, iżda wkoll f'pajjiżi ewlenin oħra, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-proċess huwa ta' importanza kritika bħala pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, iżda wkoll ta' destinazzjoni, u jenħtieġ li jiġi ffaċilitat mill-UE, sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-proċess;

5.  Jenfasizza li t-trattati internazzjonali ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem jirrikonoxxu d-drittijiet tal-bnedmin kollha, inklużi l-migranti u r-rifuġjati, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom, u jobbligaw lill-istati josservawhom, inkluż il-prinċipju fundamentali ta' non-refoulement; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lil persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u fil-bżonn ta' appoġġ medika jew psikoloġika speċjali, fosthom minħabba vjolenza fiżika sesswali, sessista jew minħabba preġudizzji, jew tortura; jiffavorixxi d-dħul ta' miżuri konkreti tal-Patti Globali f'dan ir-rigward; ifakkar, barra minn hekk, li vulnerabbiltajiet jinħolqu bħala riżultat ta' ċirkostanzi fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' akkoljenza jew ta' destinazzjoni, bħala konsegwenza mhux biss tal-identità tal-persuna, imma wkoll tal-għażliet tal-politika, l-inugwaljanza, u d-dinamiki strutturali u soċjetali;

6.  Ifakkar li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li jinsabu fl-Aġenda 2030 jirrikonoxxu li politiki tal-migrazzjoni ppjanati u amministrati tajjeb jistgħu jgħinu biex jinkiseb żvilupp sostenibbli u tkabbir inklużiv, kif ukoll biex inaqqsu l-inugwaljanzi fi ħdan l-istati u bejniethom; iħeġġeġ li tingħata l-attenzjoni mistħoqqa lill-aspetti relatati mal-migrazzjoni tal-SDGs u l-Patti Globali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jwettqu l-impenn tagħhom biex jintlaħqu l-SDGs relatati mat-tfal, filwaqt li jiġu implimentati l-Linji Gwida tal-UE tas-6 ta' Marzu 2017 għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal;

7.  Jistieden lill-istati membri tan-NU biex jieħdu impenn indipendenti sabiex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet bħala element ċentrali tal-Patt Globali, f'konformità mal-SDG 5; ifakkar, barra minn hekk, li l-migrazzjoni tista'sservi bħala aċċeleratur għall-ugwaljanza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, peress li 48 % tal-migranti huma nisa u żewġ terzi minnhom jaħdmu;

8.  Jistieden lill-istati membri tan-NU jieħdu impenn indipendenti biex jiżguraw il-protezzjoni tat-tfal migranti; jenfasizza li t-tfal kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom ta' migranti jew ta' rifuġjati, l-ewwel u qabel kollox huma tfal, li huma intitolati għad-drittijiet kollha minquxa fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u li l-aħjar interessi tagħhom jeħtieġ li jkunu l-kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha li jolqtuhom; iqis il-Patti Globali bħala opportunità biex jissaħħu l-punti ta' riferiment għall-protezzjoni tat-tfal milquta mill-migrazzjoni u l-ispostament furzat; jilqa' l-inklużjoni fl-abbozz zero ta' impenji ċari dwar kwistjoni speċifiċi urġenti, bħalma hi s-sejħa biex tintemm id-detenzjoni tat-tfal, titjib tal-azzjoni dwar migranti nieqsa, appoġġ qawwi għar-riunifikazzjoni tal-familja u toroq regolari oħra, il-prevenzjoni tal-apolidija fit-tfulija, u l-inklużjoni ta' tfal rifuġjati u li qed ifittxu asil fis-sistemi nazzjonali għall-ħarsien tat-tfal, l-edukazzjoni u s-saħħa; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw b'qawwa dawn il-proposti sabiex jiġi żgurat li jibqgħu fit-test finali għall-adozzjoni f'Diċembru;

9.  Jenfasizza li għandha tinżamm l-attenzjoni fuq l-indirizzar ta' diversi xpruni tal-migrazzjoni irregolari u l-ispustament sfurzat (il-kunflitt, il-persekuzzjoni, it-tindif etniku, il-vjolenza ġeneralizzata u fatturi oħra bħall-faqar estrem, it-tibdil fil-klima jew id-diżastri naturali);

10.  Jiddeplora l-fenomenu persistenti u mifrux tal-apolidija, li toħloq sfidi akuti tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li din il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod adegwat fin-negozjati attwali dwar il-Patti Globali;

11.  Jenfasizza li l-konsultazzjonijiet u n-negozjati jeħtieġ li jkunu trasparenti u inklużivi, u jeħtieġ jinvolvu l-partijiet interessati, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet kollha, kif ukoll is-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-migranti, kemm jista' jkun, minkejja n-natura intergovernattiva tan-negozjati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat ir-rwol tal-parlamenti fl-aħħar fażi tal-proċess li jwassal għall-adozzjoni tal-Patti, u jindika b'mod partikolari l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tal-pożizzjoni tal-UE;

12.  Jemmen li jenħtieġ li jiġi żviluppat mekkaniżmu ta' koordinazzjoni biex jiżgura l-komplementarjetà bejn iż-żewġ Patti u l-koerenza dwar kwistjonijiet trasversali;

13.  Jenfasizza l-importanza tal-kollezzjoni u l-monitoraġġ u data diżaggregata dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati, li għandha tkun akkumpanjata minn indikaturi speċifika għall-migranti - li huma vitali għat-tfassil tal-politika - ibbażati fuq statistika realistika u mhux fuq miti jew perċezzjonijiet foloz, filwaqt li jiġu żgurati l-istandards tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-privatezza, u l-istandards tal-protezzjoni tad-data, u jkun prevenut li s-suġġetti tad-data jkunu esposti għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni ta' segwitu tal-implimentazzjoni taż-żewġ Patti Globali fil-futur qrib, b'mod partikolari minħabba n-natura mhux vinkolanti tagħhom, sabiex jiġu evitati approċċi à la carte min-naħa tal-istati differenti involuti; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm monitoraġġ mill-qrib permezz tal-istabbiliment ta' punti ta' riferiment u indikaturi, fejn xieraq; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-arkitettura tan-NU u l-aġenziji rilevanti tagħha jingħataw ir-riżorsi meħtieġa għal kwalunkwe kompitu li l-istati jiddeċiedu li jiddelegaw lilhom fl-implimentazzjoni u s-segwitu tal-Patti;

15.  Jirrikonoxxi li l-ġestjoni tal-migrazzjoni teħtieġ investimenti kbar, riżorsi adegwati u strumenti flessibbli u trasparenti, u li strumenti mfassla tajjeb, flessibbli u razzjonalizzati biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' migrazzjoni se jkunu meħtieġa fis-snin li ġejjin; jitlob li l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE jkollhom rwol akbar fl-implimentazzjoni tal-Patti Globali; jitlob li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss jinkludi l-konsistenza finanzjarja u jagħmel rieżami tal-appoġġ baġitarju fit-tul għall-politiki tal-migrazzjoni u l-asil u l-azzjonijiet li jirriżultaw mill-Patti Globali; iqis li l-baġits għall-iżvilupp jeħtieġ li jibqgħu ffukati fuq il-qerda sostenibbli tal-faqar;

Il-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-abbozz tal-Patt dwar ir-rifuġjati, u l-approċċ tiegħu ffukat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-persuni; ifaħħar lill-UNHCR għall-ħidma u l-impenn tagħha għall-aktar implimentazzjoni komprensiva tal-mandat tagħha; jistieden lill-pajjiżi kollha biex jieħdu impenji lejn kondiviżjoni aktar ekwa tar-responsabbiltà għall-ospitar u l-appoġġ tar-rifuġjati fid-dinja, u jħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu u jonoraw s-sehem ta' responsabilità tagħhom stess; jitlob li jiġi adottat mekkaniżmu dinji ta' kondiviżjoni tar-responsabbiltà, li jappoġġa approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-Patt propost;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata għajnuna robusta u sostnuta lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jospitaw għadd kbir ta' rifuġjati, u li jiġi żgurat li r-rifuġjati jiġu offruti soluzzjonijiet durabbli, fosthom billi jsiru awtosostenibbli u jiġu integrati fil-komunitajiet fejn jgħixu; ifakkar li l-Patt jipprovdi opportunità unika biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-politiki għall-iżvilupp u biex jittejbu l-effikaċja, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-ħarsien u s-sejbien ta' soluzzjonijiet għar-rifuġjati, filwaqt li jinbena rispons komprensiv u li jlaqqa' flimkien lill-partijiet interessati kollha;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li r-rifuġjati jiġu inklużi bħala partijiet interessati attivi fit-tfassil tal-Patt u reazzjonijiet internazzjonali oħra għas-sitwazzjonijiet tar-rifuġjati;

19.  Jitlob li l-għajnuna umanitarja tiġi nonkriminalizzata; jitlob li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' tiftix u salvataġġ għall-persuni f'diffikultà, għal biex l-istati kollha jħejju aktar kapaċitajiet għall-użu, u li jiġi rikonoxxut l-appoġġ mogħti mill-atturi privati u l-NGOs fit-twettiq ta' operazzjonijiet ta' salvataġġ fuq il-baħar u fuq l-art;

20.  Jitlob l-iżvilupp robust u t-tisħiħ tas-soluzzjoni ta' risistemazzjoni fil-Patt negozjat, bħala element ewlieni għal kondiviżjoni ekwa tar-responsabilità, permezz ta' impenji speċifiċi u koordinati li se jistabbilixxu jew iżidu l-ambitu, id-daqs u l-kwalità tal-programmi ta' risistemazzjoni, sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet annwali dinjija ta' risistemazzjoni identifikati mill-UNHCR; jistieden lill-Istati Membri tal-UE b'mod partikolari biex jagħmlu l-parti tagħhom u biex iżidu l-impenn tagħhom lejn din il-kwistjoni;

21.  Iħeġġeġ li jiġi rispettat għalkollox id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, u jinsisti fuq l-iżvilupp ta' rotot sikuri u legali għar-rifuġjati, flimkien ma' risistemazzjoni, inklużi kurituri umanitarji, viżi umanitarji internazzjonali, sistemi ta' risistemazzjoni reġjonali u toroq legali oħra komplementari (bħal l-isponsorizzazzjoni privata, viżi għall-istudju, skemi ta' boroż ta' studju għar-rifuġjati u arranġamenti tal-viża flessibbli), ħalli r-rifuġjati jkunu jistgħu jilħqu destinazzjonijiet b'kundizzjonijiet ospitanti xierqa u dinjitużi;

22.  Jistieden lill-pajjiżi kollha jiffirmaw, jirratifikaw u jikkonformaw mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (il-Konvenzjoni ta' Ġinevra);

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li nieħdu vantaġġ minn din l-opportunità biex tiġi żviluppata għalkollox perspettiva tal-ġeneru mġedda u orizzontali għal rispons internazzjonali kollettiv għar-rifuġjati li jindirizza l-ħtiġijiet ta' protezzjoni speċifiċi tan-nisa, inkluża l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u li ssaħħaħ il-ħiliet u l-kapaċitajiet tan-nisa fir-rikostruzzjoni u r-reżiljenza tas-soċjetajiet kollha, biex b'hekk tingħeleb l-immaġni tan-nisa bħala vittmi u xejn aktar; jitlob, f'dan il-kuntest, l-involviment sħiħ tan-nisa, sa mit-tfulija, b'aċċess tal-bniet għall-edukazzjoni, anke f'emerġenzi u f'żoni ta' kunflitt, filwaqt li jinstema' leħinhom u jitqiesu l-ħtiġijiet u r-realtajiet tagħhom permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil ta' politiki u soluzzjonijiet għall-kriżi tar-rifuġjati, sabiex dawn isiru aktar effettivi, responsivi u sostenibbli;

Il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari

24.  Jinsisti li l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari jenħtieġ li jkun iffukat fuq il-persuni u msejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jenħtieġ li jipprevedimiżuri fit-tul, sostenibbli u komprensivi, għall-benefiċċju tal-partijiet kollha involuti, filwaqt li jibni fuq il-prinċipju ta' sħubija u kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi ta' oriġini, transitu u destinazzjoni;

25.  Iqis il-Patt bħala opportunità unika biex tiġi stabbilita rabta bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni fuq l-aġenda politika dinjija; jemmen bis-sħiħ li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jipprovdu qafas komprensiv u olistiku biex fih nissolidifikaw ir-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp;

26.  Ifakkar li r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu "Making migration work for all" (Nagħmlu l-migrazzjoni vantaġġjuża għal kulħadd) jenfasizza li hemm evidenza ċara li turi li minkejja l-isfidi reali, il-migrazzjoni hija ta' benefiċċju kemm għall-migranti kif ukoll għall-komunitajiet ospitanti, f'termini ekonomiċi u soċjali, u tista' tkun mutur għat-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni; jappoġġa ħafna l-kontinwazzjoni ta' narrattiva pożittiva dwar il-migrazzjoni u jappella li jkun hemm kampanji ta' informazzjoni tal-UE u internazzjonali li jiġbdu l-attenzjoni fuq l-evidenza u jiġġieldu t-tendenzi razzisti u ksenofobiċi fis-soċjetajiet tagħna;

27.  Jistieden lill-istati membri tan-NU biex jimminimizzaw l-ispejjeż tat-trasferiment tar-rimessi u biex jindirizzaw din il-kwistjoni fin-negozjati attwali tal-Patt;

28.  Jenfasizza li l-migrazzjoni ġiet rikonoxxuta bħala strateġija proattiva ta' adattament, skema tal-għajxien kontra l-faqar, fattur li jikkontribwixxi għat-tkabbir inklużiv u għall-iżvilupp sostenibbli;

29.  Jemmen bis-sħiħ li issa huwa ż-żmien biex jitlaqqgħu flimkien l-elementi kollha tal-arkitettura tan-NU, inkluża l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), biex jiġu appoġġjati l-isforzi internazzjonali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-kooperazzjoni; jiddispjaċih profondament, għalhekk, dwar id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati għal Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari; jistieden lill-UE turi sens ta' tmexxija f'dan il-proċess u tikkundanna lil pajjiżi oħra li joħorġu min-negozjati jew li jirnexxilhom idgħajfu l-kontenut finali; jitlob lill-UE taqdi r-responsabilità tagħha bħala attur globali u taħdem biex tiżgura t-tlestija b'suċċess tan-negozjati; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri tal-UE juru għaqda u jitkellmu b'leħen wieħed favur reġim internazzjonali msejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-ġestjoni tal-migrazzjoni;

30.  Iqis li l-ftuħ ta' aktar toroq legali għall-migrazzjoni, fosthomabbażi ta' analiżijiet relaistiċi tal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol, jiskoraġġixxi l-migrazzjoni irregolari u jwassal għal inqas imwiet, inqas abbuż tal-migranti irregolari min-naħa tat-traffikanti u inqas sfruttament tal-migranti irregolari minn impjegaturi bla skruplu;

31.  Jistieden lill-pajjiżi kollha jieħdu l-miżuri xierqa biex jipprevjenu l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u l-isfruttament tal-migranti fit-territorji tagħhom stess, fosthom mill-impjegaturi; jistieden lill-istati membri tan-NU, għal dan l-għan, jiffirmaw, jirratifikaw u jikkonformaw mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familja Tagħhom, adottata bir-riżoluzzjoni 45/158 tat-18 ta' Diċembru 1990 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jenfasizza li l-Patt jenħtieġ li josserva u jkun konformi mal-istandards internazzjonali tax-xogħol, b'mod partikolari l-prinċipji fundamentali u d-drittijiet fil-post tax-xogħol u l-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO u tan-NU dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom;

32.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat appoġġ adegwat għar-ritorn volontarju u għar-riintegrazzjoni ta' persuni li jirritornaw lejn pajjiżhom; jenfasizza li t-tfal għandhom jiġu rritornati biss meta dan ikun fl-aħjar interess tagħhom, u b'mod sikur, megħjun u volontarju, bl-użu ta' rapporti ta' informazzjoni speċifiċi għat-tfal dwar il-pajjiż ta' oriġini u bl-għoti ta' appoġġ fit-tul għar-riintegrazzjoni tagħhom;

33.  Jistieden lill-Istati Membri tan-NU jikkunsidraw l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni dettaljati nazzjonali jew subnazzjonali, li jippromwovu approċċ li jinvolvu l-komponenti kollha tal-gvern għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Patt sabiex jiġu indirizzati d-dimensjonijiet differenti tal-migrazzjoni, inkluż l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà, l-aspetti soċjali, l-età, u l-ġeneru, u li jikkunsidraw l-implikazzjonijiet tal-politika fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni tat-tfal, l-akkomodazzjoni, l-inklużjoni soċjali, il-ġustizzja, l-impjiegi, u l-protezzjoni soċjali;

34.  Jappoġġja l-appell tad-dikjarazzjoni ta' New York dwar segwitu sistematiku u analiżi tal-impenji tal-Istati Membri dwar il-migrazzjoni; jiddikjara li jinsab lest li jkun assoċjat f'dan il-proċess fil-livell tal-UE u jappoġġja l-inklużjoni tal-migranti u partijiet interessati oħra;

35.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex iżommu lill-Parlament infurmat għalkollox fl-istadji kollha tal-proċess li jwassal għall-adozzjoni tal-Patti Globali;

o
o   o

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Uffiċċju tal-Kummissjarju Għoli għar-Rifuġjati tan-NU, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) http://www.un.org/en/development/desa/population/migration/generalassembly/docs/A_RES_71_1_E.pdf
(2) https://www.un.org/en/development/desa/population/migration/generalassembly/docs/A_RES_71_280.pdf
(3) A/HRC/35/25 https://daccess-ods.un.org/TMP/8451200.72364807.html
(4) http://www.unhcr.org/58e625aa7.pdf
(5) https://refugeesmigrants.un.org/SGReport
(6) http://www.unhcr.org/Zero-Draft.pdf
(7) https://refugeesmigrants.un.org/sites/default/files/180205_gcm_zero_draft_final.pdf
(8) https://refugeesmigrants.un.org/sites/default/files/2018mar05_zerodraft.pdf
(9) Riżoluzzjoni 70/1 tan-NU http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E
(10) http://www.un.org/documents/ga/res/45/a45r158.htm
(11) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 109..
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0404.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0242.
(14) Testi adottati, P8_TA(2017)0124.
(15) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 9..
(16) In-Nazzjonijiet Uniti, id-Dipartiment tal-Ekonomija u l-Affarijiet Soċjali, id-Diviżjoni tal-Popolazzjoni (2017). Trends in International Migrant Stock: The 2017 revision (United Nations database, POP/DB/MIG/Stock/Rev.2017).
(17) https://missingmigrants.iom.int/latest-global-figures
(18) Rapport tal-UNICEF, Uprooted: the growing crisis for refugee and migrant children, Settembru 2016, p. 39, https://www.unicef.org/videoaudio/PDFs/Uprooted.pdf

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza