Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2010(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0141/2018

Testi mressqa :

A8-0141/2018

Dibattiti :

PV 17/04/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0120

Testi adottati
PDF 350kWORD 57k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapporti annwali 2015-2016 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
P8_TA(2018)0120A8-0141/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar ir-rapporti annwali 2015-2016 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (2017/2010(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u l-verżjoni l-aktar reċenti, il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(1),

–  wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi li ġew miftiehma fit-22 ta' Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f'każ ta' qbil fl-ewwel qari,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-Rapporti Annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2016)0469) u r-rapport annwali tal-2016 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2017)0600),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali (COM(2016)0471) u r-rapport annwali tal-2016 tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali (COM(2017)0601),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet preċedenti kollha tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni aħjar sabiex jinkisbu riżultati aħjar għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tal-14 ta' Novembru 2017 dwar l-istabbiliment ta' Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u "Anqas Attività b'Aktar Effiċjenza" (C(2017)7810),

–  wara li kkunsidra r-rapporti biannwali tal-COSAC dwar l-Iżviluppi fil-Proċeduri u l-Prattiki tal-Unjoni Ewropea Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari tad-19 ta' Ġunju 2014, tal-14 ta' Novembru 2014, tas-6 ta' Mejju 2015, tal-4 ta' Novembru 2015, tat-18 ta' Mejju 2016, tat-18 ta' Ottubru 2016 u tat-3 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ffirmat fil-5 ta' Frar 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2015 tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0141/2018),

A.  billi l-2015 u l-2016 kienu l-ewwel sentejn sħaħ tal-Kummissjoni Juncker, li assumiet il-kariga tagħha f'Novembru 2014; billi l-President Juncker impenja ruħu li jpoġġi s-sussidjarjetà fil-qalba tal-proċess demokratiku Ewropew u li jiżgura konformità sħiħa mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mal-proċess leġiżlattiv kollu;

B.  billi l-Ftehim Interistituzzjonali ġdid tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet jinkludi impenn mit-tliet istituzzjonijiet li jirrispettaw u jimplimentaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

C.  billi fl-2015 il-Kummissjoni rċeviet tmien opinjonijiet motivati li jindirizzaw tliet proposti tal-Kummissjoni; billi l-għadd totali ta' sottomissjonijiet milqugħa mill-Kummissjoni dik is-sena kien ta' 350;

D.  billi fl-2016 il-Kummissjoni rċeviet 65 opinjoni motivata li indirizzaw 26 proposta tal-Kummissjoni; billi dan jikkostitwixxi 713 % aktar mit-tmien opinjonijiet motivati li waslu fl-2015, u t-tielet l-ogħla f'sena kalendarja minn mindu l-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà ġie introdott bit-Trattat ta' Lisbona fl-2009 (wara 84 fl-2012 u 70 fl-2013); billi l-għadd totali ta' sottomissjonijiet milqugħa mill-Kummissjoni dik is-sena kiber b'mod sinifikanti għal total ta' 620;

E.  billi, fid-19 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' miżuri ta' regolamentazzjoni aħjar b'Linji Gwida ġodda integrati ta' Regolamentazzjoni Aħjar, inkluża gwida aġġornata għall-valutazzjoni tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt ta' inizjattivi ġodda;

F.  billi l-Kummissjoni fl-2015 varat is-sit web "Lighten the load - Have your say"(4), kif ukoll il-Pjattaforma REFIT (għal regolamentazzjoni effikaċi u effiċjenti), li jagħtu lill-partijiet interessati opportunitajiet addizzjonali biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe nuqqas fir-rigward tal-miżuri regolatorji eżistenti, inklużi kwistjonijiet dwar is-sussidjarjetà u/jew il-proporzjonalità;

G.  billi fl-2015 is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ħejja 13-il stima inizjali, valutazzjoni tal-impatt waħda ta' emendi parlamentari sostantivi u sitt valutazzjonijiet tal-impatt ex post; billi ħejja wkoll erba' rapporti dwar il-kost tan-non-Ewropa u żewġ valutazzjonijiet tal-valur miżjud Ewropew; billi fl-2016 is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ħejja 36 stima inizjali, valutazzjoni tal-impatt waħda ta' emendi parlamentari sostantivi u erbatax-il valutazzjoni tal-impatt ex post; billi ħejja wkoll seba' rapporti dwar il-kost tan-non-Ewropa u ħames valutazzjonijiet tal-valur miżjud Ewropew;

H.  billi s-setgħat delegati fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jingħataw fejn ikun hemm ħtieġa ta' flessibilità u effiċjenza li ma jkunux jistgħu jitwettqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi l-adozzjoni ta' regoli essenzjali għas-suġġett ikkonċernat hija riżervata għal-leġiżlaturi;

I.  billi s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma kunsiderazzjonijiet ewlenin fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tal-evalwazzjonijiet retrospettivi, li jivvalutaw jekk l-azzjonijiet fil-livell tal-UE għadhomx neċessarji, jekk l-objettiv tagħhom jistax jinkiseb b'mod aktar effikaċi permezz ta' mezzi oħra u jekk humiex fil-verità qed jagħtu r-riżultati mistennija f'termini ta' effiċjenza, effikaċja, koerenza, rilevanza u valur miżjud tal-UE;

J.  billi fl-2014 tliet kmamar nazzjonali (il-Folketing Daniż, it-Tweede Kamer Netherlandiża u l-House of Lords tar-Renju Unit) ħarġu rapporti bi proposti dettaljati dwar kif ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali jista' jissaħħaħ fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

1.  Ifakkar fl-importanza tar-rapporti annwali dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mħejjija mill-Kummissjoni; josserva li r-rapporti annwali tal-Kummissjoni 2015 u 2016 huma aktar dettaljati u eżawrjenti minn dawk li jikkonċernaw is-snin preċedenti;

2.  Jenfasizza li huwa importanti li l-Unjoni Ewropea taġixxi biss fejn tista' żżid il-valur biex tnaqqas id-"defiċit demokratiku";

3.  Jissottolinja li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma prinċipji fundamentali li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iqisu meta jeżerċitaw il-kompetenzi tal-UE, biex jiżguraw li l-azzjonijiet tal-Unjoni jżidu l-valur; ifakkar li dawn il-prinċipji għandhom l-għan li jsaħħu l-funzjonament tal-Unjoni billi jiżguraw li l-azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni jkunu neċessarji, li l-objettivi tagħhom ma jistgħux jintlaħqu b'mod adegwat mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment, li n-natura u s-sustanza tagħhom ma jaqbżux dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati, u li dejjem jittieħdu fl-aktar livell xieraq ta' gvern; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jista' jsir abbuż minn dawn il-prinċipji biex iservu skopijiet kontra l-UE u jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom joqogħdu għassa sabiex jipprevjenu u jikkontrobattu dan ir-riskju;

4.  Ifakkar li s-sussidjarjetà hija prinċipju fundamentali tal-federazzjonijiet kif ukoll kunċett ġuridiku indeterminat, li konsegwentement għandu jkun soġġett għal interpretazzjoni politika;

5.  Jifhem li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma jistax jintuża biex jinterpreta b'mod restrittiv is-setgħat assenjati lill-Unjoni bis-saħħa tat-Trattati;

6.  Iqis li kwalunkwe riflessjoni fuq is-sussidjarjetà u l-kontroll tagħha għandha ssir fil-kuntest tas-sejħiet li dejjem qed jiżdiedu miċ-ċittadini biex l-Unjoni tindirizza sfidi globali ewlenin bħal, inter alia, il-flussi finanzjarji interkontinentali, is-sigurtà, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima;

7.  Jilqa' r-referenza għas-sussidjarjetà fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017; hu tal-fehma li s-sussidjarjetà għandu jkollha post prominenti fir-riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-UE;

8.  Jinnota l-inizjattiva mħabbra mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2017, sabiex tinħoloq Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u "Anqas Attività b'Aktar Effiċjenza" li jkun immexxi mill-Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans; ifakkar li l-Parlament ikkunsidra li l-parteċipazzjoni fit-task force mwaqqfa mill-Kummissjoni ma tkunx tqis ir-rwol u l-istatus istituzzjonali tal-Parlament bħala l-unika Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea eletta direttament li tirrappreżenta liċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni u teżerċita funzjonijiet ta' skrutinju politiku fuq il-Kummissjoni, u li, konsegwentement, iddeċieda li ma jaċċettax l-istedina biex jipparteċipa fit-task force;

9.  Jinnota l-metodoloġija tal-Kummissjoni fir-Rapporti Annwali 2015 u 2016, li fihom tintuża statistika biex opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali dwar pakkett ta' proposti jiġu kklassifikati bħala opinjoni motivata waħda, aktar milli opinjoni motivata dwar kull waħda mill-proposti individwali;

10.  Japprezza li l-għadd ta' opinjonijiet motivati (65) imressqa mill-parlamenti nazzjonali fl-2016 hu t-tielet l-ogħla f'sena kalendarja sa mill-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà fit-Trattat ta' Lisbona; jinnota l-qabża qawwija (+713 %), fil-konfront tat-tmien opinjonijiet motivati li ntlaqgħu fl-2015; jirrikonoxxi barra minn hekk, iż-żieda sinifikanti minn 350 għal 620 fl-għadd ta' opinjonijiet li ntlaqgħu mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tad-djalogu politiku; jissottolinja li dawn ix-xejriet ħarġu fuq l-isfond ta' tnaqqis fl-attività leġiżlattiva, li juri wkoll li l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali evolviet meta mqabbla mas-snin preċedenti; jilqa' l-interess partikolari fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE muri mill-parlamenti nazzjonali;

11.  Jilqa' l-fatt li aktar parlamenti nazzjonali ressqu opinjonijiet motivati (26 minn 41 fl-2016, meta mqabbla ma' tmienja fl-2015); jinnota d-differenza netta bejn il-kmamar attivi fi ħdan il-qafas tad-djalogu politiku u l-opinjonijiet motivati tagħhom; jissottolinja li l-interess tal-parlamenti nazzjonali f'li jinfluwenzaw il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE jmur lil hinn milli jidentifikaw dawk il-każijiet fejn is-sussidjarjetà tista' tkun problema; jinnota li s-setgħa tal-parlamenti nazzjonali li jimmonitorjaw ir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tinkludi wkoll id-dritt li jitolbu lil-leġiżlatur Ewropew biex jaġixxi f'livell Ewropew, jekk ikun meħtieġ;

12.  Jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB) u s-suċċessur tiegħu f'Lulju 2015, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB); jinnota li l-IAB u l-RSB qiesu li 23 % tal-valutazzjonijiet tal-impatt rieżaminati minnhom fl-2015 kienu jeħtieġu titjib rigward jewis-sussidjarjetà jew il-proporzjonalità jew inkella t-tnejn li huma; josserva li fl-2016 il-perċentwal tal-valutazzjonijiet tal-impatt li tqiesu mhux sodisfaċenti mill-RSB kien ta' 15 %; jilqa' l-fatt li dawn il-perċentwali naqsu meta mqabbla mas-snin preċedenti; jissottolinja li l-Kummissjoni rrieżaminat il-valutazzjonijiet tal-impatt kollha kkonċernati filwaqt li kkunsidrat l-analiżijiet mill-RSB;

13.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-aġenda ta' tfassil aħjar tal-liġijiet wasslet lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strumenti u proċeduri interni aktar b'saħħithom li għandhom l-għan li jevitaw il-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jissottolinja li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma strument ewlieni biex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u biex jiġi promoss l-obbligu ta' rendikont; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-rwol tal-RSB u jilqa' l-fatt li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma parti mill-kontroll tal-kwalità li l-Bord iwettaq; jenfasizza, madankollu, li l-indipendenza tal-RSB tista' tissaħħaħ aktar;

14.  Jilqa' l-fatt li, f'Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar ġdid sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE taqdi l-interess pubbliku b'mod aktar effikaċi u tiggarantixxi r-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità b'mod aktar komprensiv, li mbagħad se jikkontribwixxi għal livell ogħla ta' trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; iqis li dan il-qafas il-ġdid ta' Regolamentazzjoni Aħjar għandu jkun għodda biex l-Unjoni Ewropea taġixxi f'konformità sħiħa mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jenfasizza li, minkejja dan t'hawn fuq, filwaqt li l-qafas għandu jipprevedi testijiet li jivvalutaw il-konformità ma' dawn il-prinċipji sabiex jiżguraw li l-Unjoni taġixxi biss fejn iżżid il-valur, m'għandux jagħti lok għal dewmien bla bżonn fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

15.  Jilqa' l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni, fl-24 ta' Ottubru 2017, tal-komunikazzjoni tagħha intitolata "L-Ikkompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar", li fiha tistabbilixxi l-isforzi tagħha biex iżżid it-trasparenza, il-leġittimità u l-obbligu ta' rendikont tal-ħidma tagħha dwar tfassil aħjar tal-liġijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċess ta' konsultazzjoni u l-possibilitajiet għall-partijiet interessati li jipprovdu feedback dwar il-proposti tagħha;

16.  Jilqa' l-introduzzjoni mill-Kummissjoni, fl-2015, ta' mekkaniżmi ġodda ta' konsultazzjoni u feedback għal inizjattivi ġodda ta' politika;

17.  Jissottolinja l-importanza li l-ħtieġa għal inizjattivi leġiżlattivi u l-impatt tagħhom fuq is-setturi importanti kollha (ekonomiċi, ambjentali u soċjali) jiġu spjegati b'mod adegwat, bil-għan li jiġu rrispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

18.  Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni biex "l-ewwel tevalwa" qabel ma tikkunsidra bidliet leġiżlattivi potenzjali; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib biex jiżguraw monitoraġġ, kejl u evalwazzjoni aħjar tal-impatt reali tar-regolamentazzjoni tal-UE fuq iċ-ċittadini, l-ekonomija, l-istruttura soċjali u l-ambjent;

19.  Jilqa' l-iffirmar mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-2016 ta' Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet; ifakkar li l-Kummissjoni hija impenjata li tispjega fil-memoranda ta' spjegazzjoni tagħha kif il-proposti tagħha huma ġġustifikati fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa' l-fatt li, permezz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tagħha disponibbli għall-parlamenti nazzjonali; ifakkar li dan il-ftehim enfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar trasparenza fil-proċedura leġiżlattiva u li l-informazzjoni mogħtija lill-parlamenti nazzjonali trid tippermettilhom jeżerċitaw b'mod sħiħ il-prerogattivi tagħhom skont it-Trattati;

20.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali jindikaw b'mod ċar mill-bidu li l-preżentazzjoni tagħhom hija opinjoni motivata taħt il-Protokoll Nru 2 għat-Trattati u l-proposta leġiżlattiva jew il-proposti leġiżlattivi li tirreferi għaliha/għalihom, jiddikjaraw b'mod ċar ir-raġunijiet għala jikkunsidraw li l-proposta tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jinkludu sinteżi fil-qosor tar-raġunament, u jirrispettaw il-limitu taż-żmien ta' tmien ġimgħat mid-data tat-trażmissjoni tal-abbozz ta' att leġiżlattiv rilevanti; jinnota li dan se jiffaċilita trattament xieraq u f'waqtu ta' opinjonijiet motivati mill-istituzzjonijiet kollha involuti;

21.  Huwa tal-fehma li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fil-proċeduri leġiżlattivi tal-UE żviluppa b'mod sinifikanti, permezz ta' kuntatti ma' parlamenti nazzjonali oħra; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jkomplu bil-kuntatti interparlamentari u jsaħħuhom aktar, anki fuq bażi bilaterali, bħala mezz biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u li dan isir b'viżjoni demokratika Ewropea, fejn l-Unjoni tista' żżid il-valur, u fi spirtu ta' solidarjetà, ibbażat fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jissottolinja li dawn il-kuntatti jistgħu jiffaċilitaw skambju tal-aħjar prattiki rigward l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

22.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament qed jiżvolġi rwol dejjem akbar u aktar regolari ta' interlokutur mal-parlamenti nazzjonali u ta' intermedjarju bejniethom fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; iqis li t-tisħiħ tad-djalogu fil-livell politiku mal-parlamenti nazzjonali jista' jkun mezz biex jiġu razzjonalizzati l-verifiki tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità billi tiġi indirizzata aħjar is-sustanza tal-proposti leġiżlattivi;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-2016 14-il kamra ta' 11-il parlament nazzjonali ppreżentaw opinjonijiet motivati dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 96/71/KE tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (COM(2016)0128), u b'hekk intlaħaq il-livell limitu ta' terz tal-voti meħtieġa skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2 għat-Trattati biex tiskatta l-hekk imsejħa proċedura tal-"karta safra"; ifakkar li l-argumenti mressqa mill-parlamenti nazzjonali kienu ġew diskussi fuq skala wiesgħa fil-Parlament Ewropew mal-Kummissjoni; jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha mal-parlamenti nazzjonali fi ħdan il-qafas tal-COSAC; jinnota li l-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni li fiha tat raġunijiet estensivi għaż-żamma tal-proposta(5); iqis li, minkejja t-tħassib li tqajjem minn ċerti parlamenti nazzjonali, il-Kummissjoni, bl-argumenti li spjegat fil-komunikazzjoni, ikkonformat mal-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha;

24.  Jinnota li, fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq, seba' kmamar nazzjonali bagħtu opinjonijet fil-qafas tad-djalogu politiku, li prinċipalment ikkunsidraw il-proposta bħala kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; josserva li l-Kumitat tal-Grupp ta' Esperti tas-Sussidjarjetà tal-Kumitat tar-Reġjuni qies li l-objettiv tal-proposta jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-UE;

25.  Ifakkar li l-proċedura tal-"karta safra" ntuża darbtejn fil-passat (darba fl-2012 u darba fl-2013), li, flimkien ma' din il-proċedura tal-"karta safra", juri li s-sistema taħdem u li l-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu faċilment u fi żmien xieraq jipparteċipaw fid-dibattitu dwar is-sussidjarjetà meta jkunu jixtiequ jagħmlu dan; iqis li, fi kwalunkwe każ, iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tar-rwoli tal-parlamenti nazzjonali u l-kooperazzjoni aħjar bejniethom jistgħu jsaħħu l-monitoraġġ tas-sussidjarjetà ex ante;

26.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 2 għat-Trattati, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu l-opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali jew mill-kamra ta' parlament nazzjonali; jinnota li fil-passat ċerti parlamenti nazzjonali esprimew id-diżappunt tagħhom dwar it-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni f'każijiet fejn skattat il-proċedura tal-"karti sofor"; josserva, madankollu, li l-Kummissjoni stabbiliet proċeduri biex tiżgura li tipprovdi lill-parlamenti nazzjonali b'reazzjonijiet sostantivi u politiċi għat-tħassib tagħhom f'waqthom; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku tgħaddi t-tweġibiet tagħha għall-opinjonijiet motivati lill-Parlament Ewropew;

27.  Jieħu nota tal-bidliet proposti minn xi parlamenti nazzjonali rigward il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà; jilqa' l-konklużjoni milħuqa mill-COSAC li kwalunkwe titjib għall-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà ma għandux iwassal għal bidla fit-Trattat; jinnota li estensjoni tal-limitu ta' żmien ta' tmien ġimgħat li fih il-parlamenti nazzjonali jistgħu joħorġu opinjoni motivata teħtieġ emenda tat-Trattati jew tal-Protokolli tagħhom; ifakkar fil-kuntest tal-ittra tal-1 ta' Diċembru 2009 dwar l-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà mibgħuta mill-President u l-Viċi President tal-Kummissjoni lill-Presidenti tal-parlamenti nazzjonali, fejn il-Kummissjoni ddikjarat li, sabiex jitqiesu l-waqfiet tas-sajf tal-parlamenti nazzjonali, ix-xahar ta' Awwissu mhux se jiġi kkunsidrat meta tiġi stabbilita l-iskadenza msemmija fil-Protokoll Nru 2; ifakkar fis-suġġeriment li għamlu ċerti parlamenti nazzjonali dwar il-fatt li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-possibilità li teskludi l-waqfa ta' Diċembru tal-parlamenti nazzjonali mill-kalkolu ta' tmien ġimgħat;

28.  Jenfasizza li l-adozzjoni ta' atti legali tirrikjedi l-qbil ta' maġġoranza kbira fi ħdan il-Kunsill, li tinkludi l-ministri nazzjonali tal-Istati Membri kollha, li għandhom ikunu reponsabbli għall-parlamenti nazzjonali tagħhom;

29.  Jinnota li għadd ta' għodod li jippermettu lill-parlamenti nazzjonali u liċ-ċittadini jipparteċipaw f'kull stadju tal-proċess leġiżlattiv, li jiżguraw monitoraġġ tar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, diġà jeżistu; iħeġġeġ, għalhekk, li jsir użu sħiħ minn dawn l-għodod eżistenti u jiġi evitat, fejn possibbli, il-ħolqien ta' strutturi amministrattivi saħansitra aktar kumplessi u proċeduri twal fi żminijiet meta l-UE qed titħabat biex tinftiehem miċ-ċittadini tagħha, dejjem bil-għan li jiġu rispettati u protetti d-drittijiet u l-interessi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni u seminars rilevanti, biex iċ-ċittadini jiġu infurmati b'mod preċiż dwar il-possibilitajiet tagħhom li jipparteċipaw f'kull stadju tal-proċess leġiżlattiv;

30.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni għandha tkun komprensiva u ċara biex tippermetti lill-partijiet affettwati jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, inkluż ir-rappurtar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni xierqa, billi jiġu evitati spejjeż sproporzjonati, filwaqt li tkun prattika biex tiġi implimentata;

31.  Jenfasizza l-importanza li jiġi mħeġġeġ l-aċċess għall-valutazzjonijiet tal-impatt u l-pjanijiet direzzjonali mħejjija mill-Kummissjoni, li jkun hemm parteċipazzjoni f'konsultazzjonijiet pubbliċi u/jew konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati organizzati mill-Kummissjoni u/jew mill-Parlament Ewropew, u li jsiru suġġerimenti permezz tal-pjattaforma REFIT: "Lighten the load: Suggestions" ("Innaqqsu l-Piż: Suġġerimenti"); jinnota, f'dan ir-rigward, il-funzjonament bla xkiel tas-sit web u tal-programm tar-regolamentazzjoni (REFIT) effikaċi u effiċjenti, li daħal fis-seħħ fl-2016;

32.  Ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħu l-formati eżistenti għall-kooperazzjoni u li jiġu stabbiliti għażliet biex tittejjeb il-pjattaforma IPEX sabiex titrawwem is-sensibilizzazzjoni tal-parlamenti nazzjonali dwar ir-rwol tagħhom fil-verifiki tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, biex tgħinhom jittrattaw b'mod aktar effiċjenti l-informazzjoni li jirċievu fl-ambitu tas-sistema ta' twissija bikrija u jtejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jagħtu opinjonijiet dwar proposti tal-Kummissjoni, li huma kollha disponibbli għal konsultazzjoni fi kwalunkwe ħin fuq id-database interna CONNECT; ifakkar li l-informazzjoni kollha hija disponibbli fuq il-pjattaforma REGPEX;

33.  Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali jiżviluppaw aktar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kumitat tar-Reġjuni, li għandu grupp ta' 12-il espert li jeżaminaw il-proposti leġiżlattivi fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

34.  Jilqa' l-interess muri minn uħud mill-parlamenti nazzjonali fl-eżerċitar ta' rwol aktar pożittiv u proattiv fl-affarijiet Ewropej permezz tal-użu ta' proċedura ta' "karta ħadra"; josserva li l-parlamenti nazzjonali għandhom fehmiet differenti dwar il-modalitajiet ta' din il-proċedura; iqis li mekkaniżmu informali bbażat fuq il-kooperazzjoni interparlamentari jista' jikkontribwixxi biex isaħħaħ id-djalogu politiku mal-parlamenti nazzjonali;

35.  Jinnota, fir-rigward ta' dan t'hawn fuq, li fl-2015 għoxrin kamra parlamentari ffirmaw b'mod konġunt jew appoġġjaw l-ewwel inizjattiva tal-"karta ħadra" dwar il-ħela tal-ikel, u li f'Lulju 2016 disat ikmamar parlamentari ffirmaw b'mod konġunt it-tieni "karta ħadra" u stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li timplimenta l-prinċipji tar-responsabilità soċjali korporattiva fil-livell Ewropew; josserva li wħud mis-suġġerimenti fl-ewwel inizjattiva tal-"karta ħadra" ġew sussegwentement riflessi fil-pakkett rivedut ta' Ekonomija Ċirkolari adottat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2015; josserva, għalhekk, li l-parlamenti nazzjonali diġà jaqdu rwol kostruttiv fil-qafas istituzzjonali u li ma hemmx bżonn, f'dan l-istadju, li joħolqu strutturi istituzzjonali u amministrattivi ġodda, ħaġa li tagħmel il-proċess kollu kkomplikat mingħajr bżonn;

36.  Josserva li fl-2016 uħud mill-parlamenti reġjonali infurmaw lill-Kummissjoni direttament dwar l-opinjonijiet tagħhom dwar ċerti proposti tal-Kummissjoni; jinnota li l-Kummissjoni qieset dawn il-fehmiet fejn xieraq; ifakkar li, skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2, huwa f'idejn kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta' parlament nazzjonali li jikkonsultaw, fejn ikun xieraq, mal-parlamenti reġjonali li jkollhom setgħat leġiżlattivi;

37.  Jieħu nota tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fl-2015 u l-2016; jenfasizza li l-Qorti ddikjarat li l-osservanza mil-leġiżlatur tal-UE tal-obbligu li jiddikjara raġunijiet fir-rigward tas-sussidjarjetà għandha tiġi vvalutata mhux biss b'referenza għad-diċitura tal-att ikkontestat, iżda wkoll b'referenza għall-kuntest u ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali, u li l-informazzjoni pprovduta għandha tkun suffiċjenti u komprensibbli mill-parlamenti nazzjonali, iċ-ċittadini u l-qrati; jenfasizza, barra minn hekk, li fir-rigward tal-proporzjonalità, il-Qorti kkonfermat li l-leġiżlatura tal-UE jeħtiġilha tingħata diskrezzjoni wiesgħa fl-oqsma li jinvolvu għażliet ta' natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom hija tintalab twettaq evalwazzjonijiet kumplessi;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0210.
(3) ĠU C 58, 15.2.2018, p. 33.
(4) http://ec.europa.eu/smart-regulation/refit/simplification/consultation/contributions_mt.htm
(5) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2016 dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, fir-rigward tal-priniċipju tas-sussidjarjetà, f'konformità mal-Protokoll Nru 2 (COM(2016)0505).

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali