Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2138(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0116/2018

Testi mressqa :

A8-0116/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.20

Testi adottati :

P8_TA(2018)0125

Testi adottati
PDF 358kWORD 55k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Kwittanza 2016: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew
P8_TA(2018)0125A8-0116/2018
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2017/2138(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2017)0365 – C8-0249/2017)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0116/2018),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 48, 24.2.2016.
(2) ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.
(3) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.
(4) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2017/2138(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0116/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jinnota li, fir-Rapport Annwali 2016 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġewx identifikati dgħufijiet sinifikanti rigward it-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-proċeduri ta' akkwist għall-Kunsill Ewropew u għall-Kunsill;

2.  Jieħu nota li, fl-2016, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill kellhom baġit globali ta' EUR 545 054 000 (EUR 541 791 500 fl-2015), b'rata medja ta' implimentazzjoni ta' 93,5 %; jieħu nota taż-żieda ta' EUR 3,3 miljun (ekwivalenti għal 0,6 %) fil-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għall-2016;

3.  Itenni li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għandhom jiġu sseparati bil-għan li jingħata kontribut għat-trasparenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u jittejjeb l-obbligu ta' rendikont taż-żewġ istituzzjonijiet;

4.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-bidla fundamentali li rnexxiet lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit min-naħa tal-Kummissjoni, introdotta mill-Viċi President Kristalina Georgieva f'Settembru 2015 bħala parti mill-inizjattiva "Baġit tal-UE iffukat fuq ir-Riżultati"; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill japplikaw il-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tagħhom stess;

5.  Jiddispjaċih li l-Ombudsman Ewropew, fl-inkjesta strateġika tagħha dwar “It-trasparenza tal-Kunsill fil-proċess leġiżlattiv” (OI/2/2017/TE) konkluża fid-9 ta' Frar 2018, sabet li l-prattika kurrenti tal-Kunsill li tinibixxi skrutinju tal-abbozzi ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni tikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman għal titjib li jiffaċilita l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza biex il-Kunsill jagħti rendikont liċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rwol tiegħu bħala leġiżlatur tal-Unjoni; jitlob li jkun infurmat dwar ir-risposta tal-Kunsill u l-progress tal-proċedura;

6.  Jieħu nota li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għad-delegazzjonijiet u għall-interpretar kienu għadhom jirrappreżentaw rata sostanzjali ta' sottonfiq fl-2016 fi ħdan id-DĠ għall-Amministrazzjoni; jieħu nota ta' politika ġdida li qed tiġi nnegozjata mal-Istati Membri biex din il-problema tingħeleb;

7.  Jistieden lill-Kunsill jipprovdi d-dettalji sħaħ dwar ir-riżorsi umani u dwar il-faċilitajiet għad-dispożizzjoni tal-mekkaniżmu ATHENA, u jiggarantixxi l-ogħla livell ta' trasparenza rigward dak il-mekkaniżmu;

8.  Isostni t-tħassib tiegħu dwar l-ammont kbir ħafna ta' approprjazzjonijiet li ġew riportati mill-2016 għall-2017, b'mod partikolari dawk relatati mal-għamara teknika, mat-tagħmir u mas-sistemi tal-kompjuter; ifakkar lill-Kunsill li r-riporti huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-annwalità u li għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali;

9.  Itenni t-talba tiegħu li l-istampa ġenerali tar-riżorsi umani tkun analizzata skont il-kategorija, il-grad, is-sess, in-nazzjonalità u t-taħriġ vokazzjonali;

10.  Jinnota l-eżistenza ta' politika ta' bilanċ bejn is-sessi fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK); jilqa' t-tendenza pożittiva tar-rappreżentanza tan-nisa fil-karigi maniġerjali, li laħqet 31 % fi tmiem l-2016; jistieden lill-Kunsill jibqa' għaddej bil-politika ta' bilanċ bejn is-sessi biex jimxi lejn rappreżentanza tassew bilanċjata taż-żewġ sessi fil-karigi maniġerjali;

11.  Jilqa' l-informazzjoni dwar l-attivitajiet okkupazzjonali ta' ex uffiċjali għolja tas-SĠK li ħallew is-servizz(1) fis-sena 2016;

12.  Jieħu nota li, fl-2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ippubblika d-Deċiżjoni 3/2016 tiegħu li tadotta regoli interni għar-rapportar ta' irregolaritajiet serji – Proċeduri għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal (‘l-Iżvelar ta' Informazzjoni Protetta’); ifakkar li l-protezzjoni tal-informaturi hija kwistjoni li tittieħed bis-serjetà fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u li dejjem għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa;

13.  Jesprimi l-ħtieġa li jiġi stabbilit korp indipendenti għal żvelar, pariri u riferiment, b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u joffrilhom l-appoġġ u l-pariri li jeħtieġu;

14.  Josserva li l-objettiv tal-Kunsill li jikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali billi jagħmel tnaqqis ta' 5 % fit-tabella tal-persunal tiegħu tul il-perjodu ta' ħames snin intlaħaq fl-1 ta' Jannar 2017;

15.  Jinnota bi tħassib li d-dewmien fit-tlestija tal-binja Europa kellu impatt sinifikanti fuq il-baġit tal-2016 tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill; jitlob li jiġi infurmat dwar l-impatt finanzjarju kumplessiv tad-dewmien; jiddispjaċih li għad hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-politika tal-bini u dwar in-nefqiet relatati, li għandhom ikunu pubbliċi bħala sinjal ta' trasparenza għaċ-ċittadini Ewropej;

16.  Itenni t-talba tiegħu li l-politika tal-bini tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tiġi pprovduta lill-awtorità ta' kwittanza; jieħu nota b'sodisfazzjon li s-SĠK kiseb iċ-ċertifikazzjoni EMAS fl-2016 għall-binjiet tiegħu;

17.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu ma sseħibx fir-reġistru ta' trasparenza tal-Unjoni, minkejja li huwa fost l-aktar istituzzjonijiet importanti involuti fil-proċess deċiżjonali tal-Unjoni; għalhekk jappella għal eżitu b'suċċess tan-negozjati interistituzzjonali bejn il-Presidenza tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kummissjoni li jwasslu lill-Kunsill biex finalment jissieħeb fir-reġistru tat-trasparenza;

18.  Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; josserva li, f'dan il-waqt, ma tista' ssir l-ebda previżjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u ta' xort'oħra relatati mal-ħruġ, u jitlob lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018;

Il-qagħda kurrenti

19.  Jinnota li ċ-ċaħda tal-għoti ta' kwittanza sal-lum ma wasslet għall-ebda tip ta' konsegwenza; jenfasizza li s-sitwazzjoni għandha tiġi riżolta malajr kemm jista' jkun, fl-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni; ifakkar li l-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini tal-Unjoni u li r-rwol tiegħu fil-proċedura ta' kwittanza jorbot direttament mad-dritt taċ-ċittadini li jkunu infurmati dwar kif qed jintefqu l-flus pubbliċi;

20.  Jinnota li, fil-11 ta' Settembru 2017, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) tal-Parlament ippreżenta lill-Konferenza tal-Presidenti (KtP) tal-Parlament proposta għan-negozjar ta' ftehim mal-Kunsill dwar il-proċedura ta' kwittanza tal-baġit;

21.  Jinnota li, fid-19 ta' Ottubru 2017, il-KtP approvat it-talba li l-President tal-Kumitat CONT u l-koordinaturi tal-gruppi politiċi jingħataw mandat biex jibdew negozjati f'isem il-Parlament bil-ħsieb li jinkiseb ftehim reċiprokament sodisfaċenti dwar il-kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill rigward il-proċedura ta' kwittanza, b'rispett sħiħ għar-rwol differenti taż-żewġ istituzzjonijiet f'din il-proċedura;

22.  Jinnota wkoll li, fid-9 ta' Novembru 2017 intbagħtet ittra lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li fiha ġie mistieden jissottometti l-proposta tal-Parlament lill-korp responsabbli tal-Kunsill sabiex jinbdew negozjati skont it-termini approvati mill-KtP;

23.  Jinnota li, sadanittant, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ġie mistieden mill-CONT biex jattendi l-iskambju ta' fehmiet mas-segretarji ġenerali tal-istituzzjonijiet l-oħra, li sar l-4 ta' Diċembru 2017, u li kwestjonarju bil-miktub intbagħat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fis-26 ta' Novembru 2017; jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill itenni l-pożizzjoni tiegħu li ma jattendix l-iskambju ta' fehmiet, u li l-kwestjonarju mibgħut lis-servizzi tal-Kunsill b'mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament għadu bla tweġiba;

24.  Ifakkar li l-proċedura tal-għoti ta' kwittanza b'mod separat lill-istituzzjonijiet u lill-korpi individwali tal-Unjoni hija prattika stabbilita minn żmien ilu u aċċettata mill-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha għajr il-Kunsill, u li din il-proċedura ġiet żviluppata biex tiggarantixxi t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE;

25.  Itenni li l-Kunsill jeħtieġlu jieħu sehem sħiħ u b'rieda tajba fil-proċedura ta' kwittanza annwali, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra, u jiddispjaċih għad-diffikultajiet li nqalgħu sal-lum fil-proċeduri ta' kwittanza;

26.  Jenfasizza li, skont it-Trattati, il-Parlament huwa l-unika awtorità tal-kwittanza tal-Unjoni, u li, b'rikonoxximent sħiħ tar-rwol tal-Kunsill bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet fil-proċedura ta' kwittanza, trid tinżamm distinzjoni fir-rigward tar-rwoli differenti tal-Parlament u l-Kunsill biex ikun hemm konformità mal-qafas istituzzjonali stabbilit fit-Trattati u fir-Regolament Finanzjarju;

27.  Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti u r-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet, u wara li jisma' lis-segretarji ġenerali tal-istituzzjonijiet l-oħra; jiddispjaċih li l-Parlament ripetutament jiltaqa' ma' problemi biex jirċievi risposti mill-Kunsill;

28.  Iqis li superviżjoni effikaċi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni tirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill, u jistenna b'interess il-bidu tan-negozjati bil-għan li jintlaħaq ftehim sodisfaċenti għaż-żewġ naħat;

29.  Jinnota li n-nomina tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri skont l-Artikoli 253 u 254 tat-TFUE; jirrileva li, għall-prestazzjoni tal-QtĠ-UE, huwa importanti li n-nomina u l-ħatra tal-imħallfin isiru f'waqthom; jitlob regola ġdida li tistabbilixxi skadenza speċifika għan-nomina (jew ir-rinomina) ta' mħallef sew qabel tmiem il-mandat tiegħu, u jistieden lill-Kunsill biex jiżen il-kostijiet u l-benfeċċji fil-ħatra ta' mħallfin ġodda tal-QtĠ-UE; jikkritika n-nomina irregolari, mingħajr sejħa għall-applikazzjonijiet, ta' żewġ imħallfin għat-Tribunal tas-Servizz Ċivili għal mandat li, barra minn hekk, dam biss mill-14 ta' April 2016 sal-31 ta' Awwissu 2016; jinnota b'dispjaċir li l-ispejjeż assoċjati ma' wieħed minn dawk l-imħallfin li bdew u temmew "il-mandat ta' 4 xhur" tagħhom ammontaw għal EUR 69 498,25, minbarra s-salarju tal-imħallef; jikkundanna dan il-ħala ta' flus il-kontribwenti tal-Unjoni;

30.  Jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell, sentenza tat-23 ta' Jannar 2018 fil-Kawża T-639/16 P)(2) ikkunsidrat li t-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, ikkostitwita biex tinkludi wieħed mill-imħallfin b'mandat "ta' 4 xhur" kienet irregolari, hekk li invalidat id-deċiżjoni li għaliha tirreferi s-sentenza msemmija kif ukoll kull deċiżjoni ulterjuri tat-Tieni Awla f'dik il-kompożizzjoni; jistaqsi lill-QtĠ-UE liema deċiżjonijiet tat-Tieni Awla f'dik il-kompożizzjoni huma affettwati mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali; jesiġi li l-Kunsill jikkummenta dwar dan is-saram u jikkjarifika min hu responsabbli għalih.

(1) It-tielet u r-raba' paragrafi tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(2) ECLI:EU:T:2018:22.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza