Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2179(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0115/2018

Testi mressqa :

A8-0115/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.28
CRE 18/04/2018 - 12.28
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0133

Testi adottati
PDF 178kWORD 65k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Kwittanza 2016: Prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-aġenziji tal-UE
P8_TA(2018)0133A8-0115/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll (2017/2179(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2017)0379),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali speċifiċi(1) tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-aġenziji deċentralizzati għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-analiżi rapida tal-każ dwar l-implimentazzjoni tat-tnaqqis b'5 % tal-persunal ippubblikat fil-21 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 110 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0115/2018),

A.  billi din ir-riżoluzzjoni tinkludi, għal kull korp imsemmi fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kummenti trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza bi qbil mal-Artikolu 110 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u l-Artikolu 3 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;

B.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jenfasizza li l-aġenziji għandhom viżibilità għolja fl-Istati Membri u għandhom influwenza sinifikanti fuq it-tfassil tal-politiki u t-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fuq l-implimentazzjoni ta' programmi f'oqsma ta' importanza vitali għaċ-ċittadini Ewropej, bħal pereżempju s-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-libertà u l-ġustizzja, ir-riċerka u l-iżvilupp industrijali, l-affarijiet ekonomiċi u monetarji, l-impjiegi u l-progress soċjali; itenni l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett li għandhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej; itenni wkoll l-importanza tal-awtonomija tal-aġenziji, b'mod partikolari dik tal-aġenziji regolatorji u ta' dawk li għandhom il-funzjoni tal-ġbir indipendenti tal-informazzjoni; għad li jirrikonoxxi li l-partijiet ikkonċernati sabu mezz kif jilħqu lill-aġenziji, jinsab imħasseb minħabba li b'mod ġenerali l-viżibilità tal-aġenziji għaċ-ċittadini Ewropej għadha limitata, filwaqt li livell għoli ta' viżibilità huwa meħtieġ għall-obbligu ta' rendikont u għall-indipendenza tagħhom;

2.  Ifakkar li l-aġenziji twaqqfu primarjament sabiex iwettqu valutazzjonijiet tekniċi jew xjentifiċi indipendenti, li bis-saħħa tagħhom isir indispensabbli li jkun hemm regoli ċari u effikaċi għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, kif ukoll sabiex jiżguraw il-funzjonament tas-sistemi tal-Unjoni u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tas-Suq Uniku; jistieden lill-aġenziji kollha jipparteċipaw fil-ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru ta' trasparenza li bħalissa huwa s-suġġett ta' negozjati bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament;

3.  Jinnota li, skont is-Sommarju tar-riżultati tal-awditi annwali tal-QEA li jirrigwardaw l-Aġenziji u l-korpi l-oħra tal-EU għas-sena finanzjarja 2016 (is-"Sommarju tal-Qorti"), il-baġit 2016 tal-aġenziji ammonta għal madwar EUR 3,4 biljuni, ċifra li tirrappreżenta żieda ta' madwar 21,42 % meta mqabbla mal-2015 u madwar 2,4 % (meta mqabbla ma': 2 % fl-2015) tal-baġit ġenerali tal-Unjoni; jirrimarka li din iż-żieda tikkonċerna prinċipalment lill-aġenziji li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-industrija, ir-riċerka u l-enerġija (EUR 358 miljun addizzjonali) u mal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern (EUR 174 miljun addizzjonali); jinnota, barra minn hekk, li mill-baġit ta' EUR 3,4 biljuni, madwar EUR 2,4 biljuni ġew iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, filwaqt li madwar EUR 1 biljun ġew iffinanzjati minn tariffi kif ukoll minn kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri, mill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u minn għejun oħra;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'kooperazzjoni mill-qrib man-Netwerk tal-Aġenziji tal- UE (‘in-Netwerk’)u mal-aġenziji individwali hija u tħejji l-proposta tagħha dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta' wara l-2020 u teżamina għejun alternattivi ta' finanzjament għall-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni;

5.  Jenfasizza li l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati eżamina, b'mod partikolari, il-każ pilota tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għall-aġenziji ffinanzjati minn tariffi; jiddikjara li anke jekk l-aġenziji jkunu kompletament iffinanzjati minn tariffi, xorta waħda jkollhom l-obbligu ta' rendikont sħiħ quddiem l-awtorità ta' kwittanza meta jitqiesu r-riskji għar-reputazzjoni li hemm involuti; jesprimi, barra minn hekk, it-tħassib tiegħu dwar l-indikaturi tal-kwalità użati fil-każ pilota tal-EASA, peress li dawn qed jiffukaw bil-kbir fuq is-sodisfazzjon tal-klijent u anqas fuq is-sikurezza tal-ajru; jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif tista’ tiġi żgurata l-indipendenza tal-aġenziji ffinanzjati għal kollox mit-tariffi;

6.  Jinnota li l-aġenziji jimpjegaw 10 364 membru permanenti, temporanju, kuntrattwali jew issekondat tal-persunal (meta mqabbla ma' 9 848 fl-2015), u dan jirrappreżenta żieda ta' 5,24 % meta mqabbla mas-sena preċedenti, l-aktar minħabba l-kompiti l-ġodda assenjati; jirrimarka li l-akbar żieda fl-għadd ta' membri tal-persunal seħħet fl-aġenziji li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-industrija, ir-riċerka u l-enerġija (110), il-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern (177) u l-affarijiet ekonomiċi u monetarji (85);

7.  Jinnota li l-Qorti, skont is-sommarju tagħha, ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar l-affidabilità tal-kontijiet tal-aġenziji kollha; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha, ħlief għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO);

8.  Huwa tal-fehma li l-proċedura ta' kwittanza jeħtieġ li tiġi ssemplifikata u mħaffa lejn n+1; jistieden, għalhekk, lill-aġenziji u lill-Qorti jsegwu l-eżempju tajjeb mogħti mis-settur privat u jipproponi li l-iskadenza għall-pubblikazzjoni tal-kontijiet finali, tar-rapporti annwali tal-attività u tar-rapporti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-aġenziji tkun il-31 ta' Marzu kif ukoll li l-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali tal-Qorti dwar l-aġenziji titmexxa 'l quddiem għal mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju, sabiex dan jissemplifika u jħaffef il-proċess, u b'hekk il-proċedura ta' kwittanza tingħalaq matul is-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika inkwistjoni;

Approċċ Komuni u pjan direzzjonali tal-Kummissjoni

9.  Jirrikonoxxi l-implimentazzjoni, mill-aġenziji tal-UE, tal-Approċċ Komuni u tal-pjan direzzjonali tiegħu;

10.  Jilqa' l-kontribut mogħti min-Netwerk bil-koordinazzjoni, il-ġbir u l-konsolidazzjoni tal-azzjonijiet u l-informazzjoni għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż il-Parlament; jinnota li l-kompiti tiegħu ta' koordinazzjoni jinkludu l-proċeduri annwali tal-kwittanza u tal-baġit, l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-Approċċ Komuni u inizjattivi ta' politika relatati, u r-rieżami u l-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolamenti tal-Persunal;

11.  Jemmen li dan in-Netwerk iġib miegħu valur miżjud konkret fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-aġenziji deċentralizzati; iqis li jkun ta' vantaġġ li kieku jingħata appoġġ lill-ġestjoni tal-Uffiċċju ta' Appoġġ Komuni tan-Netwerk fi Brussell; jappoġġja bil-qawwa t-talba tiegħu għal post wieħed ta' aġent temporanju, li l-ispiża tiegħu tkun kondiviża fost l-aġenziji fil-baġit 2019 tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), speċjalment jekk il-kompetenzi tan-Netwerk jiġu ċċarati u, filwaqt li tiġi rrispettata l-awtonomija tal-aġenziji, jiġu msaħħa, kull meta jkun possibbli; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinkludi dan il-post żejjed fil-proposta tagħha għall-baġit 2019;

12.  Josserva li n-Netwerk, permezz tas-sub-Netwerk għall-Iżvilupp tal-Prestazzjoni (PDN), fl-2016 ipprepara d-dokument qafas dwar il-prestazzjoni tal-aġenziji, li jiddeskrivi l-għodod li hemm stabbiliti, inkluż l-użu ta' indikaturi b'enfasi partikolari fuq l-ippjanar, il-kejl u r-rappurtar tal-effiċjenza; jilqa' l-fatt li l-PDN bħalissa qed jaħdem, flimkien mal-Kummissjoni, fuq l-iżvilupp ta' mudell tal-maturità għal baġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni bil-għan li jiggwida lil kull aġenzija fl-isforzi tagħha biex ittejjeb mill-aħjar il-kapaċitajiet tagħha li tippjana, tissorvelja u tirrapporta dwar ir-riżultati u l-baġit u r-riżorsi użati; jinnota li hemm lok għal titjib fl-użu li jagħmlu xi aġenziji minn indikaturi tal-eżitu u tal-impatt fl-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħhom; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri adottati u l-implimentazzjoni tagħhom;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

13.  Ifakkar li l-prinċipju tal-annwalità huwa wieħed mit-tliet prinċipji bażiċi tal-kontabilità, flimkien ma' dawk tal-unità u tal-bilanċ, li huma indispensabbli biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li, skont is-sommarju tal-Qorti, minkejja tnaqqis konsiderevoli, l-aktar kwistjoni frekwenti tal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, li taffettwa lil 23 aġenzija, meta mqabbla ma' 32 fl-2015, tibqa' l-livell għoli ta' riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati;

14.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità;

15.  Jirrikonoxxi l-proposta tan-Netwerk dwar ir-rappurtar tar-riporti kkanċellati li jaqbżu l-5 % tal-baġit totali; jinnota, madankollu, li, sabiex jiġu evalwati l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit, l-aġenziji jistgħu jirrapportaw addizzjonalment dwar il-livelli ta' riporti ppjanati u r-raġunijiet tagħhom; jinkoraġġixxi lill-aġenziji jinkludu din l-informazzjoni fir-rapporti annwali tal-attività konsolidati rispettivi tagħhom;

16.  Jenfasizza li l-livell ta' kanċellazzjoni ta' riporti huwa indikattiv tal-kapaċità ta' ppjanar baġitarju u ta' kemm l-aġenziji antiċipaw korrettament il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom, u li ħafna drabi bħala indikatur ta' ppjanar baġitarju tajjeb huwa aqwa mis-sempliċi livell ta' riporti;

17.  Jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa immedjata li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari tar-riporti aċċettabbli sabiex ir-rappurtar tal-Qorti dwar din il-kwistjoni jiġi ssemplifikat, kif ukoll sabiex l-awtorità ta' kwittanza tkun tista' tiddistingwi bejn ir-riporti li jindikaw ippjanar baġitarju fjakk u r-riporti bħala għodda baġitarja li tappoġġja lill-programmi pluriennali kif ukoll lill-ippjanar tal-akkwist; jemmen li s-suġġeriment tal-Qorti li jintużaw approprijazzjonijiet differenzjati jippermetti aktar trasparenza rigward x'inhu dak li jikkostitwixxi riport iġġustifikat;

18.  Jirrimarka li l-kompiti u l-baġits l-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-EASO żdiedu b'mod sinifikanti fl-2016; jirrikonoxxi li dawn l-aġenziji kellhom jiffaċċjaw sfidi amministrattivi u operattivi, kif ukoll aspettattivi għolja, mingħajr ma kellhom biżżejjed żmien biex jadattaw is-sistemi u l-proċeduri tagħhom u biex jirreklutaw il-persunal meħtieġ; jinnota li bħala riżultat iffaċċjaw problemi fl-assorbiment tal-fondi addizzjonali tal-Unjoni mogħtija matul is-sena baġitarja u li dan wassal għal kanċellazzjonijiet u/jew riporti konsiderevoli kif ukoll għal diffikultajiet biex jikkonformaw mar-regoli baġitarji u finanzjarji;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Qorti u lin-Netwerk jiddiskutu u jipproponu soluzzjonijiet possibbli għal din il-kwistjoni, bil-għan li jissemplifikaw, b'mod partikolari, il-ġestjoni finanzjarja fl-oqsma tal-programmazzjoni pluriennali u tal-akkwist;

20.  Jinnota bi tħassib li r-rapporti awditjati tal-implimentazzjoni baġitarja ta' ċerti aġenziji jipprovdu livell ta' dettall li huwa differenti minn dak mogħti mill-biċċa l-kbira tal-aġenziji l-oħra, u dan ixekkel il-leġġibilità u l-paragunabilità kif ukoll juri li hemm bżonn linji gwida ċari dwar ir-rappurtar baġitarju mill-aġenziji; jirrikonoxxi l-isforzi li saru sabiex jiġi żgurat li l-preżentazzjoni u r-rappurtar tal-kontijiet isiru b'mod konsistenti; jisħaq fuq l-importanza ta' rappurtar aktar standardizzat u paragunabbli biex il-proċedura ta' kwittanza tiġi ssemplifikata u razzjonalizzata u biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-awtorità ta' kwittanza; jistieden, barra minn hekk, lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali jkomplu jaħdmu fuq indikaturi semplifikati u jirrappurtaw il-miżuri meħuda lill-awtorità ta' kwittanza;

21.  Jinnota bi tħassib li l-akkwist pubbliku għadu qasam suxxettibbli għall-iżbalji; jesprima n-nuqqas ta' sodisfazzjon tiegħu fil-konfront tal-EASO, iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), illi ma kinux konformi għalkollox mal-prinċipji u r-regoli dwar l-akkwist pubbliku stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju; jistieden lill-aġenziji jagħtu attenzjoni partikolari lill-kummenti tal-Qorti dwar l-akkwist pubbliku;

22.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji (27 minn 31) għandhom stabbilit pjan tal-kontinwità tal-operat; jikkunsidra li l-aġenziji kollha għandu jkollhom tali pjan stabbilit; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-evoluzzjoni ta' dik is-sitwazzjoni;

Kooperazzjoni fost l-aġenziji u ma' istituzzjonijiet oħra – servizzi komuni u sinerġiji

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li xi aġenziji diġà jikkooperaw skont il-gruppi tematiċi tagħhom, bħalma huma l-aġenziji tal-ġustizzja u l-intern(4) u l-awtoritajiet superviżorji Ewropej(5); jinkoraġġixxi lill-aġenziji l-oħra li għadhom ma bdewx, biex jikkooperaw aktar ma' aġenziji oħra fi ħdan l-istess grupp tematiku kull meta jkun possibbli, mhux biss biex jistabbilixxu servizzi komuni u sinerġiji, iżda wkoll fl-oqsma ta' politika komuni tagħhom; jenfasizza li l-Aġenzija Ferrovjarja tinsab f'żewġ postijiet, kif ukoll li jeżistu erba' aġenziji dwar politiki soċjali u sitt aġenziji dwar kwistjonijiet ta' ġustizzja u intern; jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward l-eżitu miksub s'issa f'dan ir-rigward mill-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati, peress li l-ebda proposta speċifika ma ġiet żviluppata biex l-aġenziji li jikkonċentraw fuq oqsma ta' politika relatati jingħaqdu jew jiġu kolokati; jistieden lill-Kummissjoni tħejji stħarriġ dwar il-passi li jistgħu jittieħdu f'din id-direzzjoni; jinkoraġġixxi lill-Qorti tikkunsidra li tippreżenta analiżijiet panoramiċi tal-oqsma ta' politika komuni tal-aġenziji;

24.  Jinnota li xi aġenziji għad għandhom kwartieri ġenerali doppji kif ukoll uffiċċji u ċentri operattivi multipli; jikkunsidra li s-sedi doppji u multipli kollha li ma joffru l-ebda valur miżjud operattiv għandhom jitneħħew mill-aktar fis possibbli; jistenna l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, li għandha tiffoka fuq il-valur miżjud u fuq l-ispejjeż imġarrba;

25.  Jenfasizza l-benefiċċji tal-kondiviżjoni tas-servizzi, prattika li tippermetti l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli u l-proċeduri ta' implimentazzjoni amministrattivi li jikkonċernaw ir-riżorsi umani u l-kwistjonijiet finanzjarji, kif ukoll il-gwadann li jista' jsir f'dak li jirrigwarda effiċjenza u kosteffikaċja bis-saħħa tal-kondiviżjoni tas-servizzi bejn l-aġenziji, b'mod partikolari meta wieħed iqis it-tnaqqis fil-baġit u fil-persunal li l-aġenziji qed jiffaċċjaw; jinnota li t-tiftix ta' sinerġiji fost l-aġenziji jista' jtaffi l-piż amministrattiv speċjalment minn fuq aġenziji iżgħar;

26.  Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd iffirmaw proġett pilota ta' "prova tal-kunċett" dwar il-forniment ta' servizzi ta' rkupru mid-diżastri; jinnota li dan ippermetta l-forniment ta' dawn is-servizzi b'iffrankar stmat ta' aktar minn 65 % tal-ispejjeż stmati fuq il-bażi tal-prezzijiet tas-suq; josserva li l-proġett ġie estiż għall-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija fl-ewwel nofs tal-2017, u għadd ta' aġenziji oħra qegħdin jistudjaw il-possibilità li jieħdu sehem aktar tard fl-2017 jew fl-2018; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi ulterjuri rigward dan il-proġett;

27.  Jilqa' l-fatt li l-aġenziji bdew jużaw il-Portal tal-Akkwist Konġunt – ir-reġistru ċentrali tal-opportunitajiet ta' akkwist konġunt – ospitat mill-extranet tal-aġenziji, li jinkludi funzjonalitajiet bħalma huma l-kondiviżjoni tad-dokumenti u forum ta' diskussjonijiet li permezz tagħhom il-komunikazzjoni fost l-aġenziji rigward is-servizzi ta' akkwist hija aktar trasparenti u aktar faċli biex tiġi mmaniġġjati;

28.  Jilqa' r-riżultati miksuba fil-qasam tal-iffrankar u l-effiċjenza mtejba minħabba l-użu tas-servizzi konġunti permezz ta' ħames akkwisti konġunti kbar bejn l-aġenziji f'dawn l-aħħar sentejn, tlieta taħt it-tmexxija tal-EFSA: is-servizzi tal-cloud, is-servizzi tal-awditjar u s-servizzi ta' netwerks professjonali; wieħed taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF): is-servizzi ta' stħarriġ; u wieħed taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound): is-servizzi ta' evalwazzjoni u ta' feedback; jirrimarka li dawn il-ħames akkwisti konġunti kellhom rati għolja ta' parteċipazzjoni, li jvarjaw minn 8 sa 30 aġenzija; jilqa' l-iffrankar li sar, li skont ma ġie stmat huwa ta' EUR 6 700 000 għas-servizzi tal-cloud, EUR 970 000 għas-servizzi tal-awditjar, EUR 1 490 000 għas-servizzi ta' netwerks professjonali, EUR 400 000 għas-servizzi ta' stħarriġ u EUR 1 160 000 għas-servizzi ta' evalwazzjoni u ta' feedback; jistieden lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali jibqgħu jaħdmu flimkien u jkomplu jtejbu lista ta' oġġetti u servizzi konġunti li tista' tiġi inkluża fil-proċeduri ta' akkwist konġunti;

29.  Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-aġenziji fl-armonizzazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-informatika għall-ġestjoni baġitarja u s-sistemi tal-kontabilità; japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li jiġi mfittex grad ogħla ta' soluzzjonijiet tal-informatika f'oqsma ewlenin bħalma huma l-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-akkwist jew tal-kuntratti biex jitnaqqsu r-riskji marbuta mal-kontroll intern u tissaħħaħ il-governanza tal-informatika;

Ġestjoni tar-riżorsi umani

30.  Ifakkar li l-paragrafu 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali(6) jitlob tnaqqis progressiv ta' 5 % tal-persunal fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha li jrid isir bejn l-2013 u l-2017; jinnota li l-aġenziji deċentralizzati, skont l-iskeda taż-żmien tal-Kummissjoni(7), bdew it-tnaqqis sena wara u għandhom il-pjan li jtemmuh sal-2018; jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji diġà laħqu jew qabżu t-tnaqqis ta' 5 %; jinnota li, skont l-analiżi rapida tal-każ li saret mill-Qorti dwar l-implimentazzjoni tat-tnaqqis ta' 5 % tal-postijiet tax-xogħol tal-persunal, l-aġenziji deċentralizzati diġà naqqsu l-għadd tagħhom ta' postijiet tax-xogħol fit-tabella tal-persunal b'total ta' 279 post fil-perjodu 2013-2017 meta mqabbel mal-mira ta' 303 post tax-xogħol sal-2018; jirrimarka li mira orizzontali ma wrietx li kienet l-aktar soluzzjoni adatta għall-aġenziji deċentralizzati, peress li l-kompiti u l-ħtiġijiet operattivi tagħhom ivarjaw b'mod sinifikanti;

31.  Jinnota li l-Kummissjoni applikat imposta annwali addizzjonali ta' 1 % matul il-perjodu ta' ħames snin 2014-2018 biex toħloq "grupp ta' ridistribuzzjoni" li jikkonsisti f'218-il post tax-xogħol fil-perjodu 2013-2017, li minnu tkun tista' talloka l-postijiet tax-xogħol lill-aġenziji b'kompiti ġodda fdati lilhom jew li jkunu jinsabu fil-fażi inizjali tagħhom(8); jinnota li l-biċċa l-kbira tal-postijiet tax-xogħol il-ġodda ġew mogħtija lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), lill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), lill-EASO u lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA);

32.  Jinsab imħasseb li bit-tnaqqis addizzjonali tal-persunal, qed ikun dejjem aktar diffiċli biex l-aġenziji jwettqu l-mandati u l-programmi ta' ħidma annwali tagħhom, b'mod partikolari l-aġenziji kklassifikati mill-Kummissjoni bħala "aġenziji b'ritmu normali"; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtorità baġitarja jistudjaw għażliet oħra ħalli ma jxekklux lill-aġenziji fil-kapaċità tagħhom li jwettqu l-mandat tagħhom; jirrakkomanda li l-awtoritajiet baġitarji jawtorizzaw riżorsi addizzjonali għall-aġenziji li huma fdati mil-leġiżlaturi biex iwettqu kompiti ġodda; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-iffrankar li n-Netwerk u l-aġenziji individwali kisbu bl-użu ta' proċeduri ta' akkwist konġunt, billi żiedu l-effiċjenza u l-ġestjoni tar-riżorsi umani, kif ukoll tippermetti, fejn meħtieġ, li l-miri ta' tnaqqis fil-persunal jiġu adattati skont il-każ;

33.  Josserva li l-aġenziji deċentralizzati żiedu l-użu ta' aġenti kuntrattwali b'718-il aġent ekwivalenti għal full-time biex jimplimentaw kompiti ġodda, b'kumpens parzjali għat-tnaqqis ta' 5 % tal-persunal u tal-imposta għall-ħolqien tal-grupp ta' ridistribuzzjoni; jinnota li dan jikkonċerna l-aktar lill-Frontex, lill-Europol, lill-EASO u lill-EASA, lill-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) u lill-Aġenzija tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea (GSA); huwa tal-fehma li l-aġenti kuntrattwali għandhom jintużaw primarjament bħala miżura temporanja fl-aġenziji li għandhom l-akbar domanda għal persunal ġdid minħabba żieda fl-ammont tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tiddelibera mill-ġdid dwar il-pjanijiet tagħha għal tnaqqis annwali ulterjuri tal-persunal b'1 %;

34.  Jinsab imħasseb dwar għadd ta' fatturi li qed ixekklu l-prestazzjoni operattiva tal-aġenziji, bħalma huma t-tnaqqis fit-tabella tal-persunal, riżorsi umani limitati, diffikultajiet fir-reklutaġġ ta' persuni kwalifikati fi gradi partikolari, koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx f'ċerti pajjiżi u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet permezz proċess ta' għotjiet li jieħu fit-tul u li huwa amministrattivament esiġenti; jinnota, mill-informazzjoni mogħtija min-Netwerk, li koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx għal ċerti pajjiżi jwassal għall-użu sistematiku ta' klassifikazzjoni ogħla sabiex jiġi attirat u miżmum persunal xieraq; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq ir-reviżjoni tal-formula użata għall-kalkolu tal-koeffiċjent ta' korrezzjoni sabiex jinstab bilanċ aktar effettiv bejn salarju attraenti u għoli tal-ħajja baxx;

35.  Josserva li bejn l-aġenziji jeżistu differenzi sinifikanti fir-rati ta' assenza mix-xogħol minħabba l-liv tal-mard tal-persunal; huwa tal-fehma li miżuri li jippromwovu s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, visti mediċi regolari u attivitajiet għall-benesseri tal-persunal jiffurmaw politika tas-saħħa preventiva li, meta tiġi implimentata bis-sħiħ, iżżid is-sodisfazzjon fix-xogħol u tagħti lok għal iffrankar ferm akbar mill-investiment inizjali;

Kunflitti ta' interess u trasparenza

36.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li 22 aġenzija (71 %) biss adottaw ir-regoli u l-linji gwida interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u r-rappurtar ta' irregolaritajiet skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal; jinnota li d-disa' aġenziji li fadal jipprevedu l-adozzjoni tar-regoli u linji gwida rilevanti; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri għal kull aġenzija individwali;

37.  Jiddispjaċih li għadhom ma ġewx implimentati proċeduri interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, peress li l-aġenziji tal-ġustizzja u l-intern kienu qed jistennew gwida jew input mill-Kummissjoni; jifhem li, bħala miżura interim, uħud mill-aġenziji kienu proattivi billi fil-kodiċijiet tal-kondotta tagħhom inkludew prinċipji ġenerali dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li huma faċilment aċċessibbli fuq is-sit web tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-adozzjoni rapida tal-linji gwida tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li konsegwentement se jiġu adottati minnufih u implimentati b'mod effikaċi mill-aġenziji tal-Unjoni, inklużi l-Unità Ewropea ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust), is-CEPOL, l-EASO u l-eu-LISA, fis-sura ta' regoli interni ċari dwar il-protezzjoni tal-informaturi;

38.  Jinnota li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-bord tal-amministrazzjoni, tal-persunal maniġerjali u tal-esperti interni ġew ippubblikati minn 29 aġenzija (94 %) fuq is-siti web tagħhom; jistieden lill-aġenziji li fadal li għadhom ma ppubblikawhomx biex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien; filwaqt li jelenkaw is-sħubija fi kwalunkwe organizzazzjoni professjonali oħra, u b'hekk jippermettu li jsir skrutinju indipendenti; jilqa' l-fatt li l-aġenziji ta' daqs medju u dawk aktar suxxettibbli li jiffaċċjaw kunflitt ta' interess minħabba l-qasam ta' ħidma tagħhom iwettqu rieżamijiet tad-dikjarazzjonijiet ta' interess hekk kif jiġu mressqa, fuq bażi annwali jew anke aktar spiss;

39.  Jilqa' l-fatt li 26 aġenzija (84 %) għandhom stabbiliti linji gwida għall-għoti ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti; jistieden lill-aġenziji li fadal li għad ma għandhomx tali linji gwida biex jadottawhom mingħajr aktar dewmien; japprova l-iżvilupp ta' sistemi interni li jkunu stabbiliti għall-ipproċessar tat-talbiet, inklużi timijiet imħarrġa apposta fl-aċċess għad-dokumenti li jkunu dedikati għall-ipproċessar tat-talbiet li jaslu f'dawk l-aġenziji li jħabbtu wiċċhom ma' frekwenza u kumplessità ogħla ta' talbiet; jistieden lin-Netwerk jiżviluppa linji gwida komuni għall-applikazzjoni tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti li jridu jiġu implimentati mill-aġenziji, speċjalment rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

40.  Jirrimarka li waħda mill-kisbiet prinċipali tan-Netwerk fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fl-2016 kienet l-istabbiliment ta' Grupp ta' Ħidma Kontra l-Frodi tan-Netwerk Legali Bejn l-Aġenziji, bil-għan li jissaħħu l-approċċi armonizzati u standardizzati għall-istrateġiji kontra l-frodi fost l-aġenziji; jilqa' l-iżvilupp ta' kultura qawwija kontra l-frodi fi ħdan l-aġenziji; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ix-xogħol ta' dan il-grupp ta' ħidma;

41.  Jilqa' l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fl-isfera tal-prevenzjoni, speċjalment meta jkunu qed jadottaw l-istrateġiji tagħhom kontra l-frodi, billi jallinjawhom mal-metodoloġija deskritta fid-dokument ta' gwida pprovdut mill-OLAF; jinkoraġġixxi lill-aġenziji kollha jadottaw il-linji gwida tal-OLAF għall-istrateġiji tal-aġenziji kontra l-frodi;

42.  Iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Eurojust, lill-EASO u lill-eu-LISA jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jadottaw linji gwida għal politika effiċjenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess mingħajr dewmien, għall-benefiċċju tat-trasparenza u bil-għan li jkun hemm ukoll approċċ aktar koerenti f'dak li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar il-kunflitti ta' interess;

Komunikazzjoni u viżibilità

43.  Jinnota li l-aġenziji qed jippromwovu attivament il-ħidma tagħhom permezz ta' diversi mezzi iżda jtenni l-appell tiegħu għal aktar viżibilità fl-Istati Membri billi jiżviluppaw pjan komprensiv biex jilħqu aktar ċittadini Ewropej, b'mod partikolari billi jaġġornaw regolarment is-siti web tagħhom biex jipprovdu informazzjoni u jippromwovu l-ħidma li jkunu wettqu; jinnota, barra minn hekk, li l-midja soċjali qed issir aktar u aktar għodda ta' komunikazzjoni standard għall-aġenziji; josserva li jiem għall-pubbliku, kampanji mmirati u filmati li jispjegaw ix-xogħol fundamentali tal-aġenziji huma wħud mill-attivitajiet użati fl-edukazzjoni taċ-ċittadini u li jagħtuhom opportunitajiet biex jitgħallmu aktar dwar il-ħidma tal-aġenziji u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jirrikonoxxi li l-attivitajiet, ġenerali jew speċjalizzati, fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-midja huma regolarment imkejla permezz ta' indikaturi differenti, kif ukoll li kull aġenzija għandha l-pjan ta' komunikazzjoni tagħha b'attivitajiet speċifiċi mfassla apposta għall-bżonnijiet tagħha;

44.  Jinnota li l-aġenziji organizzaw sessjonijiet ta' ħidma u taħriġ dwar temi bħalma huma l-komunikazzjoni f'każ ta' kriżi, id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri, il-produzzjoni ta' filmati, il-ħidma mal-ġurnalisti, il-komunikazzjonijiet interni, il-viżwalizzazzjoni tad-data u t-teknoloġija tal-web biex isaħħu l-kapaċità tagħhom fil-kamp tal-komunikazzjoni u biex jistimulaw l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-rwoli u l-funzjonijiet tal-aġenziji maċ-ċittadini; jilqa' l-attività tal-PDN u l-preżenza tiegħu fuq diversi pjattaformi rilevanti tal-midja soċjali u l-kampanji konġunti (bejn l-aġenziji) li għamlu suċċess;

Kummenti oħra

45.  Jinnota li, fl-opinjoni tagħha Nru 1/2017 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, il-Qorti pproponiet li l-arranġament għall-awditjar tal-aġenziji deċentralizzati jiġi aġġornat; jiddispjaċih li l-proposta leġiżlattiva ma tipprevedi l-ebda tnaqqis tal-piż amministrattiv eċċessiv li għadhom iġarrbu l-aġenziji deċentralizzati; jinnota li l-awditjar tal-aġenziji deċentralizzati għadu jibqa' "taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Qorti, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministrattivi u ta' akkwist"; itenni, barra minn hekk, li l-approċċ il-ġdid tal-awditjar li jinvolvi awdituri mis-settur privat irriżulta f'żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv fuq l-aġenziji, kif ukoll li ż-żmien użat għall-akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta' awditjar ħoloq nefqa addizzjonali, u b'hekk kompla jżid il-piż fuq ir-riżorsi li qed jonqsu tal-aġenziji; jenfasizza li huwa imperattiv li din il-kwistjoni tissolva skont l-Approċċ Komuni, fil-kuntest tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament Finanzjarju u r-reviżjoni sussegwenti tar-Regolament Finanzjarju Qafas; jistieden lill-partijiet kollha involuti f'dawn ir-reviżjonijiet jipprovdu ċarezza dwar din il-kwistjoni b'mod urġenti sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv eċċessiv;

46.  Jinnota li, skont is-sommarju tal-Qorti, l-evalwazzjonijiet esterni tal-aġenziji huma ġeneralment pożittivi u l-aġenziji ħejjew pjanijiet ta' azzjoni biex jagħtu segwitu għall-kwistjonijiet li tqajmu fir-rapporti ta' evalwazzjoni; jinnota li, filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-regolamenti fundaturi tal-aġenziji jiddisponu li perjodikament titwettaq evalwazzjoni esterna (is-soltu kull erba' sa sitt snin), ir-regolamenti fundaturi ta' sitt aġenziji deċentralizzati – l-Uffiċċju tal-BEREC, l-EASO, l-eu-LISA, l-ETF, l-ENISA u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi – ma jinkludux tali dispożizzjoni u r-regolament fundatur tal-EMA jirrikjedi li ssir evalwazzjoni esterna kull għaxar snin biss; huwa tal-fehma li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata;

47.  Jinnota l-ftehim milħuq fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-20 ta' Novembru 2017 li l-EMA u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) jiġu trasferiti minn Londra għal Amsterdam u Pariġi rispettivament; jinsab konxju tal-impatt li jista' jkollu fuqhom it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni, f'dawk li huma spejjeż futuri u telf ta' għarfien espert, u b'hekk jiġi kkawżat riskju għall-kontinwità tal-operat; jinnota, barra minn hekk, l-impatt possibbli fuq id-dħul u l-attivitajiet ta' diversi aġenziji li mhumiex ibbażati Londra, b'mod partikolari l-EASA, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-GSA; jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-aġenziji individwali u lin-Netwerk infurmati bis-sħiħ dwar il-proċess ta' negozjar tal-Brexit u dwar it-tħejjijiet futuri sabiex jiġi minimizzat kwalunkwe impatt negattiv li jista' jokkorri;

48.  Jinnota r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-regolamenti fundaturi tat-tliet aġenziji tripartitiċi (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), Eurofound u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA)); ifakkar fl-importanza li tinżamm in-natura tripartitika tal-aġenziji sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' min iħaddem u tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-ħaddiema fil-governanza u l-funzjonament tagħhom; ifakkar li t-tnaqqis tal-persunal ġie implimentat b'diffikultà kbira u jtenni l-oppożizzjoni tiegħu għal tnaqqis ulterjuri li jillimita l-abbiltà tal-aġenziji li jwettqu l-mandati tagħhom;

49.  Jinnota l-evalwazzjoni esterna li għaddejja bħalissa tal-erba' aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni (is-Cedefop, il-Eurofound, l-EU-OSHA u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF));

50.  Ifakkar li d-diskussjoni dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma annwali u l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli tgħin biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi;

51.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-aġenziji biex jibbilanċjaw l-istrateġiji pluriennali tagħhom bi-għan li jirriflettu l-prijoritajiet u l-għanijiet politiċi stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

52.  Jirrimarka li l-eu-LISA u l-EASO huma l-uniċi aġenziji tal-ġustizzja u l-intern li għalihom ir-regolamenti fundaturi tagħhom ma jipprevedu l-ebda obbligu li jwettqu awditi esterni regolari; jistieden lill-koleġiżlaturi jevalwaw l-alternattivi biex jindirizzaw din il-kwistjoni importanti huma u jirrevedu r-regolamenti fundaturi tagħhom;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(4) L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u t-Taħriġl-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Unità tal-Unjoni Ewropea ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust),
(5) l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).
(6) Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).
(7) Għall-aġenziji deċentralizzati, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013)0519 tal-10 ta' Lulju 2013 applikat il-mira ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal għall-aġenziji deċentralizzati fuq perjodu ta' ħames snin (2014-2018, bl-2013 bħala s-sena ta' referenza).
(8) Skont it-terminoloġija użata mill-Kummissjoni biex tikklassifika lill-aġenziji deċentralizzati bħala "fil-fażi tal-bidu", "b'kompiti ġodda" jew "b'ritmu normali" biex jiġi rifless l-istadju ta' żvilupp tagħhom u t-tkabbir tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-Unjoni u tal-livelli tal-persunal tagħhom.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Awwissu 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza