Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2153(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0106/2018

Testi mressqa :

A8-0106/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.31

Testi adottati :

P8_TA(2018)0136

Testi adottati
PDF 451kWORD 55k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT)
P8_TA(2018)0136A8-0106/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0063/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta' Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0106/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttriċi taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttriċi taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 37.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 37.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0063/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta' Novembru 1994 li jwaqqaf ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0106/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttriċi taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 37.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 37.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0106/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapport tad-dħul u n-nefqa tiegħu(1), il-baġit finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea ("iċ-Ċentru") għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 50 576 283, li jirrappreżenta żieda ta' 2,0 % meta mqabbel ma' dak għall-2015;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2015

1.  Jiddispjaċih ħafna li ċ-Ċentru għad m'għandux pjan tal-kontinwità tan-negozju stabbilit skont il-kumment tal-Qorti, u b'hekk mhuwiex konformi mal-Istandard ta' Kontroll Intern Nru 10; iħeġġeġ liċ-Ċentru jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar azzjoni ulterjuri;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 89,37 %, li tirrappreżenta żieda ta' 1,21 % meta mqabbla ma' dik tas-sena preċedenti; josserva li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 82,19 %, li tfisser żieda ta' 3,66 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

3.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2016 id-depożiti fi flus kontanti u għal terminu qasir miżmuma miċ-Ċentru naqsu għal EUR 34 200 000 (meta mqabbla ma' EUR 38 300 000 fl-aħħar tal-2015) u r-riżervi naqsu għal EUR 31 100 000 (meta mqabbla ma' EUR 34 000 000 fi tmiem l-2015); jinnota li dan it-tnaqqis jirriżulta minn approċċ baġitarju li għandu l-intenzjoni li jnaqqas is-surplus akkumulat minn snin preċedenti; jirrikonoxxi li, skont iċ-Ċentru, huwa previst li t-tnaqqis tal-eċċessi tal-baġit ser ikompli jiġi aċċellerat fl-2017 bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-istruttura l-ġdida tal-prezzijiet li ser tnaqqas il-prezz medju mħallas għat-traduzzjoni mill-klijenti taċ-Ċentru;

Impenji u riporti

4.  Jinnota li ċ-Ċentru naqqas bi ftit ir-rata globali tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati għas-sena ta' wara minn 9,63 % fl-2015 għal 7,56 % fl-2016, jiġifieri tnaqqis ta' 2,07 %; jieħu nota tal-fatt li l-ispejjeż għolja ta' eżekuzzjoni huma dovuti l-aktar minħabba l-infiq fit-Titolu 1, fejn intużaw 97,80 % tal-baġit;

5.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew kompletament ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-aġenziji u kkomunikati lill-Qorti; jirrimarka, madankollu, li l-perċentwal għoli ta' riporti kanċellati (10 %) jista' jitqies sinjal ta' ppjanar impreċiż tal-baġit;

Politika tal-persunal

6.  Josserva, mit-tabella tal-persunal, li 195 post (mill-197 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fl-2016, l-istess ċifra tal-2015; jinnota bi tħassib li, abbażi tan-numru ta' postijiet okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, fl-2016 l-iżbilanċ bejn il-ġeneri kien ta' 61,64 % fil-każ tan-nisa u 38,36 % fil-każ tal-irġiel, proporzjon żbilanċjat ta' kważi żewġ nisa għal kull raġel; jirrakkomanda li dan l-iżbilanċ għandu jiġi regolarizzat u rimedjat malajr kemm jista' jkun;

7.  Jinnota li s'issa ċ-Ċentru kkonforma mal-mira ta' 5 % tnaqqis fil-persunal (flimkien ma' 5 % bħala aġenzija "li qabdet it-triq") mill-2014 sal-2018; jinsisti li ċ-Ċentru jrid ikollu r-riżorsi meħtieġa biex jipprovdi servizz tat-traduzzjoni u tal-lingwa tal-ogħla livell; iwissi kontra aktar tnaqqis fil-futur għall-baġit taċ-Ċentru jew għat-tabella tal-persunal;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal taċ-Ċentru; jinnota li l-baġit li ntefaq fuq attivitajiet ta' benessri jammonta għal EUR 13 754; josserva li n-numru medju ta' liv minħabba mard fl-2016 kien ta' 13,04 ijiem għal kull membru tal-persunal;

9.  Ifakkar li fl-2009 ċ-Ċentru adotta deċiżjoni dwar il-fastidju psikoloġiku u sesswali; huwa favur is-sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni organizzati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal rigward il-fastidju psikoloġiku u sesswali;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 iċ-Ċentru ma rċeviex ilmenti, azzjonijiet legali jew każijiet irrapportati marbuta mar-reklutaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

11.  Jirrikonoxxi li l-istrateġija kontra l-frodi taċ-Ċentru ġiet adottata mill-Bord Amministrattiv tiegħu f'Ottubru 2016 u li ċ-Ċentru se jinkludi kapitolu dwar it-trasparenza, id-dover ta' rendikont u l-integrità fir-rapport annwali tiegħu tal-2017;

12.  Jinnota bi tħassib li ċ-Ċentru għażel li jippubblika d-dikjarazzjonijiet ta' interess mingħajr il-curricula vitae minħabba problemi ta' ġestjoni assoċjati li jikkonċernaw id-daqs tal-bord amministrattiv tiegħu (madwar 130 membru u membri supplenti); jinnota li d-dikjarazzjoni tal-interessi u l-curriculum vitae tad-direttur huma ppubblikati fuq is-sit web taċ-Ċentru;

13.  Japprezza l-fatt li fl-2016 iċ-Ċentru ma kellu ebda każ ta' kunflitt ta' interess;

14.  Jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru adotta regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fl-2008 u mmodifikahom fl-2014; jinnota li fl-2016 ma kien hemm ebda każ ta' informaturi fiċ-Ċentru;

15.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

16.  Jiddispjaċih li ċ-Ċentru ma jippubblikax il-minuti tal-laqgħat tal-bord amministrattiv tiegħu; jistieden liċ-Ċentru jibdel il-politika tiegħu;

17.  Jieħu nota tar-raġunijiet taċ-Ċentru għala rrifjuta l-aċċess għad-dokumenti ; jistenna li ċ-Ċentru juża bl-akbar legalità u regolarità l-possibbiltà li jirrifjuta l-aċċess għal dokumenti filwaqt li jipproteġi data kunfidenzjali jew personali;

Kisbiet ewlenin

18.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati miċ-Ċentru fl-2016, prinċipalment:

   li ċ-Ċentru żviluppa l-Istrateġija 2016-2020 tiegħu li kienet adottata mill-Bord Amministrattiv tiegħu;
   li s-sistema l-ġdida tal-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol taċ-Ċentru (eCDT) tnediet b'suċċess għall-klijenti taċ-Ċentru;
   li ċ-Ċentru żviluppa struttura ġdida għall-prezzijiet tat-traduzzjoni ta' dokumenti li rriżultat f'iffrankar għall-klijenti taċ-Ċentru abbażi tal-użu mill-ġdid ta' kontenut merfugħ fil-memorji tat-traduzzjoni taċ-Ċentru;

19.  Jiddispjaċih ħafna, madankollu, li ċ-Ċentru ma jużax indikaturi tal-impatt, indikaturi tal-eżiti, jew indikaturi tal-input għad-dokumenti ta' programmazzjoni tiegħu; jinnota li ċ-Ċentru ma jwettaqx valutazzjonijiet sistematiċi ex ante għall-ippjanar u l-kontrolli, u barra minn hekk jistieden liċ-Ċentru juża b'mod sistematiku l-valutazzjonijiet ex post biex ikejjel il-prestazzjoni tiegħu;

Awditjar Intern

20.  Jinnota, miċ-Ċentru, li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) wettaq awditjar ta' segwitu dwar il-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju taċ-Ċentru u dwar il-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol għat-traduzzjoni tad-dokumenti; josserva li r-rakkomandazzjonijiet kollha, ħlief għal tlieta, li kellhom jiġu indirizzati fl-2017, kienu implimentati b'mod adegwat u effikaċi; jinnota li sar progress sinifikanti fit-twaqqif ta' pjanijiet tal-kontinwità tan-negozju li parzjalment immitigaw ir-riskji identifikati u għalhekk naqqsu l-livell ta' importanza tar-rakkomandazzjoni minn "importanti ħafna" għal "importanti"; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS irrikonoxxa l-iżvilupp kontinwu ta' sistema ġdida tal-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol tat-traduzzjoni, eCDT, iżda kkunsidra li bosta elementi għad iridu jiġu finalizzati qabel dik ir-rakkomandazzjoni "importanti" tista' titqies bħala kompletament implimentata; jistieden liċ-Ċentru jgħaddi rapport lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-IAS;

Prestazzjoni

21.  Jieħu nota tar-rieżami tas-sistema ta' sodisfazzjon tal-klijent sabiex jiġi żviluppat proċess aktar effikaċi għall-kuntatt mal-klijenti; jilqa' l-approċċ il-ġdid li ġie ppreżentat lil sitt klijenti f'Settembru 2016, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol; jistenna bil-ħerqa li jara soluzzjoni ssemplifikata li se tittejjeb u tiġi varata fl-eCDT matul l-2017;

22.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta' ftehimiet ġodda bejn iċ-Ċentru u tliet entitajiet fl-2016, biex b'hekk in-numru totali ta' klijenti tela' għal 64; jistieden lill-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni biex kull meta jkun possibbli, jevitaw l-irduppjar tas-servizzi tat-traduzzjoni billi jagħmlu użu aktar estensiv mis-servizzi taċ-Ċentru;

23.  Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività taċ-Ċentru li, abbażi tar-rieżami ta' tmiem is-sena mwettaq mill-maniġment taċ-Ċentru, u bl-applikazzjoni ta' xi fatturi ta' ponderazzjoni, il-perċentwal globali ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma emendat taċ-Ċentru għall-2016 kien ta' 79,2 % abbażi tal-baġit inizjali u ta' 85 % abbażi tal-baġit emendatorju;

24.  Jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru adotta pjan ta' azzjoni ġdid għall-assigurazzjoni tal-kwalità tat-traduzzjonijiet (TQAAP) għall-perjodu 2015-2016; jinnota li l-mira tar-rata tat-twettiq għat-TQAAP fil-programm ta' ħidma emendat taċ-Ċentru għall-2016 kienet stabbilita għal 100 %, u li sa tmiem l-2016 98,2 % tal-pjan kien implimentat; jirrikonoxxi li l-enfasi kienet fuq l-implimentazzjoni ta' għodda ta' ġestjoni ġdida tal-corpus (MultiTrans) u l-awtomazzjoni tal-fluss tal-informazzjoni dwar talbiet ta' traduzzjoni relatati permezz tal-għodda tal-fluss tax-xogħol ġdida, eCDT; jilqa' l-progress ulterjuri li sar bit-testijiet imwettqa bil-programmi tat-traduzzjoni mekkanizzata speċifiċi taċ-Ċentru;

25.  Japprova l-impenn ċar taċ-Ċentru favur il-kwalità, kif muri fil-pożizzjoni iebsa tiegħu dwar traduzzjonijiet minn kuntratturi esterni li kienu "ripetutament mhux sodisfaċenti"; jilqa' l-approċċ tiegħu li jipprovdi taħriġ tematiku kontinwu kemm għat-tradutturi interni taċ-Ċentru kif ukoll għall-kuntratturi esterni, peress li dan jgħin biex jinżammu standards ta' kwalità għolja;

Kummenti oħra

26.  Itenni l-impenn sostnut tiegħu favur il-multilingwiżmu fl-Unjoni, bħala pjattaforma ewlenija għall-inklużjoni taċ-ċittadini u, bħala tali, rekwiżit essenzjali għas-suċċess tas-sistema demokratika tal-Unjoni; f'dan ir-rigward, jissuġġerixxi li l-Parlament isegwi l-eżempju tal-Kunsill u tal-Kumitat tar-Reġjuni u jippermetti interpretazzjoni u traduzzjoni f'dawk il-lingwi li għandhom status kostituzzjonali fil-livell nazzjonali(2); jilqa' r-rwol li jwettaq iċ-Ċentru biex jiffaċilita l-ħidma tal-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni bit-twassil ta' servizzi ta' traduzzjoni u tal-lingwa ta' kwalità għolja;

27.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-kompitu taċ-Ċentru huwa li jipprovdi s-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-attivitajiet tal-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni minbarra li jagħmel dan ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jitolbu s-servizzi tiegħu; jinnota barra minn hekk li r-Regolamenti Fundaturi tal-biċċa l-kbira tal-aġenziji u l-korpi jeħtieġu li dawn jużaw is-servizzi ta' traduzzjoni taċ-Ċentru; jinnota, madankollu, li diversi minnhom (li jgħoddu għal aktar minn nofs id-dħul taċ-Ċentru) jagħmlu użu dejjem akbar ta' soluzzjonijiet interni u ta' soluzzjonijiet alternattivi oħra, li jfisser li ma jintużax il-potenzjal kollu possibbli tal-kapaċità taċ-Ċentru u li hemm duplikazzjoni tal-iżvilupp ta' sistemi u tal-ispejjeż operattivi fil-livell tal-Unjoni u li l-mudell u l-kontinwità operattivi jistgħu jkunu f'riskju;

28.  Iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli bl-isforzi tiegħu biex jesplora teknoloġiji lingwistiċi innovattivi bħala għajnuna għall-ħidma ewlenija tiegħu; iqis li, bl-iżvilupp ta' sorsi terminoloġiċi multilingwi, bħall-bażi ta' data IATE, iċ-Ċentru jgħin biex jiġi żgurat li l-lingwi kollha tal-Unjoni jżommu l-pass mal-kunċetti emerġenti;

o
o   o

29.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 443, 29.11.2016, p. 10.
(2) Il-Kunsill u l-Kumitat tar-Reġjuni daħlu fi ftehim amministrattiv mal-gvernijiet ta' Spanja u tar-Renju Unit sabiex dawk il-lingwi li għandhom status kostituzzjonali fil-livell nazzjonali bħall-Katalan, il-Galizjan, il-Bask, il-lingwa ta' Wales u l-Gaelic Skoċċiż, jistgħu jintużaw għal varjetà ta' skopijiet, inkluża t-traduzzjoni u l-interpretazzjoni. L-implikazzjoni baġitarja għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija, effettivament, żero, peress li l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tiegħu huma adottati fil-livell nazzjonali. S'issa, la l-Kunsill u lanqas il-Kumitat tar-Reġjuni ma rrappurtaw problemi fl-implimentazzjoni tal-ftehim.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali