Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2163(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0098/2018

Testi mressqa :

A8-0098/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.33

Testi adottati :

P8_TA(2018)0138

Testi adottati
PDF 448kWORD 56k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL)
P8_TA(2018)0138A8-0098/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (qabel l-1 ta' Lulju 2016: il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija) (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2163(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0073/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/820/ĠAI(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0098/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 47.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 47.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63.
(5) ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (qabel l-1 ta' Lulju 2016: il-Kulleġġ Ewropew tal-Puliżija) (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2163(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0073/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/820/ĠAI(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0098/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 47.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 47.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63.
(5) ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (qabel l-1 ta' Lulju 2016: il-Kulleġġ Ewropew tal-Puliżija) (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2163(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0098/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu(1), il-baġit finali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija ("il-Kulleġġ") għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 10 291 700, u dan jirrappreżenta żieda ta' 17,34 % meta mqabbel mal-2015 minħabba l-ftehim ta' għotja mal-Kummissjoni dwar is-Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA; billi l-baġit kollu tal-Kulleġġ huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Kulleġġ huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 95,95 %, li tfisser żieda ta' 0,44 % meta mqabbla mal-2015; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 78,85 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 0,15 % meta mqabbla mal-2015;

2.  Jinnota li wara l-iffirmar tal-ftehim ta' għotja mal-Kummissjoni fl-2005 dwar is-Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA, ġie maqbul baġit ta' EUR 2 490 504, li minnu sar disponibbli t-tieni ħlas parzjali ta' EUR 1 243 891 għall-impenji u l-pagamenti; jinnota, barra minn hekk, li 89 % tal-krediti disponibbli ġew impenjati u 48 % tal-krediti disponibbli ġew imħallsa; jistieden lill-Kulleġġ jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-evalwazzjoni esterna ta' dik is-Sħubija fir-rapport ta' attività annwali tal-2017 tiegħu;

3.  Jirrikonoxxi li, fi tmiem is-sena, il-Kulleġġ ħallas fil-ħin 91 % tal-impenji finanzjarji kollha tiegħu, u b'hekk inqabeż l-objettiv ta' 85 % tal-pagamenti kollha mħallsa fi ħdan il-perjodu ta' żmien stabbilit legalment; jinnota li l-ebda mgħax ma ntalab mill-fornituri għal pagamenti tard;

4.  Jinnota l-fatt li għadd ta' membri tal-persunal ressqu talba legali kontra l-Kulleġġ dwar il-kundizzjonijiet li fihom saret ir-rilokazzjoni u dwar l-impatt finanzjarju tagħha fuq l-introjtu tagħhom; jinnota li ntlaħaq ftehim bonarju ma' xi membri tal-persunal u l-pagamenti tħallsu għal dan il-għan fl-2015 u l-2016; jinnota, barra minn hekk, li xi membri tal-persunal appellaw is-sentenza tal-qorti, li hija mistennija fl-2018; jappella lill-Kulleġġ jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu ta' dan l-appell;

Impenji u riporti

5.  Josserva li total ta' EUR 1 477 288 ġie riportat għall-2017, ammont li jirrappreżenta 17 % tal-baġit ġenerali 2016; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati kien għoli għat-Titolu II (infiq għal attivitajiet ta' sostenn) f'ammont ta' EUR 140 055, jiġifieri 30 % (meta mqabbel mal-2015 li kien jammonta għal EUR 212 456, jiġifieri 49 %); jikkonstata li dawn ir-riporti prinċipalment jirreferu għal konsulenza tal-IT u għal oġġetti u servizzi relatati mal-IT li ġew ordnati lejn l-aħħar tas-sena;

6.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, u li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk jiġu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

7.  Jinnota li fl-aħħar ta' Diċembru 2016, l-implimentazzjoni totali tal-bagit 2015, inklużi fondi riportati mill-2015 sal-2016, laħqet total ta' 93 %;

Trasferiment

8.  Jinnota li l-Kulleġġ wettaq disa' trasferimenti baġitarji għall-baġit amministrattiv u operattiv standard u żewġ trasferimenti relatati mal-awtorità tad-Direttur Eżekuttiv bl-użu ta' klawsola ta' flessibbiltà skont l-Artikolu 27(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju tal-Kulleġġ;

Politika tal-persunal

9.  Josserva mit-tabella tal-persunal li 25 post tax-xogħol (mit-28 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbel ma' 26 post fl-2015;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon li ntlaħaq bilanċ bejn is-sessi mill-postijiet tax-xogħol okkupati fl-2016, peress li l-proporzjon huwa ta' 50 % nisa u 50 % irġiel; jinnota, madankollu, il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi ta' 69 % għal 31 % fil-bord maniġerjali;

11.  Josserva li, bħala konsegwenza tar-rilokazzjoni tal-Kulleġġ mir-Renju Unit għall-Ungerija, u minħabba l-koeffiċjent ta' korrezzjoni sinifikament aktar baxx għas-salarji tal-persunal fil-post il-ġdid, l-għadd ta' riżenji żdied; jinnota li ġew implimentati għadd ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni; jinnota, madankollu, li l-gradazzjoni baxxa tal-postijiet tax-xogħol flimkien mal-koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx, ma jħeġġux lill-barranin (speċjalment mill-Ewropa tal-Punent u tat-Tramuntana) imorru l-Ungerija, u b'riżultat ta' dan, il-bilanċ ġeografiku tal-persunal ma jiġix żgurat; josserva, f'dan ir-rigward, li fl-2016, 30 % tal-persunal kollu tal-Kulleġġ kienu Ungeriżi, li huwa numru sproporzjonat; jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li r-rata għolja ta' bidla fil-persunal jista' jkollha impatt fuq il-kontinwità tal-operat u fuq il-kapaċità tal-Kulleġġ li jimplimenta l-attivitajiet previsti fil-programm ta' ħidma tiegħu u jirrimarka li din il-problema trid tiġi indirizzata; jinnota, barra minn hekk, li l-bilanċ ġeografiku tal-persunal għandu impatt fuq l-ispejjeż tal-persunal, li wassal għad-deċiżjoni biex jiġu trasferiti fondi mhux użati mit-Titolu 1 għat-Titolu 3 li jippermettu l-implimentazzjoni ta' attivitajiet operattivi addizzjonali;

12.  Jinnota li fl-2016, bħala medja, il-persunal tal-Kulleġġ ħa 4,3 ijiem liv minħabba mard; josserva bi tħassib li, fl-2016, il-membri tal-persunal ma qattgħux jum wieħed fuq attivitajiet ta' benessri u l-uniku avveniment ġie organizzat wara l-ħinijiet tax-xogħol; jinnota madankollu li fit-tweġibiet tiegħu lill-awtorità ta' kwittanza, il-Kulleġġ indika li nefaq EUR 3 900 fuq attivitajiet ta' benessri; jistieden lill-Kulleġġ ikompli jispjega kif intefaq dan l-ammont;

13.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kulleġġ stabbilixxa netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali, organizza t-taħriġ tagħhom u offra wkoll taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-fastidju għall-persunal; jinnota b'sodisfazzjon li ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta' fastidju fl-2016;

14.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jingħata l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

15.  Jinnota li l-Kulleġġ ma juża ebda vettura uffiċjali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

16.  Jirrikonoxxi li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-maniġment superjuri u tal-Membri tal-Bord Maniġerjali ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Kulleġġ; jirrikonoxxi mill-Kulleġġ li l-persunal tiegħu u individwi oħra li jikkollaboraw direttament mal-Kulleġġ intalbu jimlew dikjarazzjoni ta' interess;

17.  Jinnota li fir-rigward ta' esperti esterni li jitħallsu, il-Kulleġġ ippubblika fuq is-sit web tiegħu, bħala parti mil-lista annwali ta' kuntratturi, il-kuntratti tal-esperti mogħtija mill-Kulleġġ; jinnota, madankollu, li d-dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitti ta' interess u dwar il-kunfidenzjalità għall-esperti li jitħallsu mhumiex ippubblikati fuq is-sit web; jirrikonoxxi li l-Kulleġġ se jirrevedi l-arranġamenti tiegħu dwar il-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet bħal dawn; jistieden lill-Kulleġġ jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda;

18.  Jinnota li l-Kulleġġ ma jippubblikax il-minuti tal-laqgħat maniġerjali; jistieden lill-Kulleġġ jagħmel disponibbli tali minuti fuq is-sit web tiegħu;

19.  Jinnota li fl-2016, il-Kulleġġ irċieva talba waħda għal aċċess għad-dokumenti, li bħala rispons għaliha l-Kulleġġ ta aċċess sħiħ għad-dokumenti mitluba;

Kisbiet ewlenin

20.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Kulleġġ fl-2016, prinċipalment:

   il-kisba taċ-ċertifikazzjoni ISO 9001 għal żewġ oqsma kummerċjali ewlenin: l-attivitajiet residenzjali u l-Programm ta' Skambju tas-CEPOL;
   l-ikkompletar tat-tħejjijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-mandat il-ġdid tiegħu li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016;
   l-implimentazzjoni b'suċċess tal-proġett ta' Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA;

Strateġija kontra l-frodi

21.  Jinnota b'sodisfazzjon li r-regoli dwar ir-rappurtar ta' frodi u l-protezzjoni tal-informaturi ġew inkorporati fl-istrateġija kontra l-frodi tal-Kulleġġ;

22.  Jinnota li strateġija riveduta kontra l-frodi hija skedata li tiġi adottata mill-Bord Maniġerjali f'Novembru 2017; jistieden lill-Kulleġġ jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-reviżjoni ta' din l-istrateġija;

Awditu intern

23.  Jinnota li f'Novembru u Diċembru 2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern awditja lill-Kulleġġ dwar "il-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet ta' Taħriġ, l-Ippjanar u l-Ibbaġitjar" b'enfasi fuq l-attivitajiet ewlenin tiegħu tan-negozju; jinnota, barra minn hekk, li l-abbozz ta' rapport tal-awditjar ta' Marzu 2017 jikkonkludi li filwaqt li r-riżultat tal-awditu ma identifika l-ebda kwistjoni importanti ħafna jew kritika, is-Servizz ta' Awditjar Intern iqis li għad hemm lok għal titjib fl-użu tal-Matriċi ta' Taħriġ "Ġustizzja u Affarijiet Interni" sabiex jiġi evitat li jaħbat mal-korsijiet ta' taħriġ organizzati minn aġenziji oħrajn tal-ġustizzja u l-affarijiet interni; jikkunsidra li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata malajr kemm jista' jkun;

Prestazzjoni

24.  Jinnota li fl-2016 il-portafoll ta' taħriġ tal-Kulleġġ kien jinkludi 174 attività ta' taħriġ, li minnhom kien hemm 87 attività residenzjali u 87 webinar, 492 skambju fil-qafas tal-Programm Ewropew ta' Skambju tal-Pulizija, 27 modulu online u kors wieħed online; jinnota b'sodisfazzjon li, għas-sitt sena konsekuttiva, l-impatt tal-Kulleġġ żdied, u dan wassal sabiex il-Kulleġġ ħarreġ 18 009 professjonisti tal-infurzar tal-liġi fl-2016 meta mqabbel ma' 12 992 fl-2015, li jfisser żieda ta' aktar minn 38 %;

25.  Jieħu nota li l-Kulleġġ għandu sistema ta' valutazzjoni komprensiva fis-seħħ biex jiżgura l-kwalità tal-portafoll ta' taħriġ tiegħu; jinnota, barra minn hekk, li l-evalwazzjoni tal-korsijiet għandha l-għan li tivvaluta l-effiċjenza tat-taħriġ, iżda wkoll li tkejjel ir-rati ta' sodisfazzjon tal-parteċipanti; jinnota li s-sodisfazzjon ġenerali baqa' għoli, u li 95 % tal-parteċipanti ddikjaraw li kienu sodisfatti ħafna jew sodisfatti bl-attivitajiet tal-Kulleġġ;

26.  Jirrimarka li l-Kulleġġ wettaq b'mod effikaċi l-prodotti u s-servizzi mistennija skont il-Programm ta' Ħidma tal-2016 tiegħu;

Kummenti oħra

27.  Jinnota li l-evalwazzjoni esterna fuq ħames snin tal-Kulleġġ (2011-2015) twettqet mill-evalwatur estern f'Jannar 2016; jinnota b'sodisfazzjon li l-evalwatur estern ivvaluta lill-Kulleġġ bħala effiċjenti u li l-konklużjoni tiegħu hija appoġġata b'evidenza ta' żieda fl-għadd ta' attivitajiet implimentati mill-Kulleġġ matul il-perjodu ta' evalwazzjoni, kontra l-għadd relattivament stabbli ta' riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu għall-istess perjodu; jinnota, madankollu, li r-rapport tal-evalwazzjoni tal-Kulleġġ fuq ħames snin inkorpora 17-il rakkomandazzjoni; josserva li ġie mfassal pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati dawk ir-rakkomandazzjonijiet u identifika 31 azzjoni li għandhom jiġu implimentati bejn nofs l-2016 u tmiem l-2018; huwa mħasseb li, abbażi tal-evalwazzjoni fuq ħames snin, hemm ħtieġa ċara li l-Kulleġġ jissaħħaħ b'mod sinifikanti b'riżorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji;

28.  Jinnota b'sodisfazzjon li fil-kurituri tal-Kulleġġ, id-dawl jitħaddem permezz ta' sensur tal-moviment sabiex isir xi ffrankar tal-enerġija iżda ma jaqbilx mal-Kulleġġ li, filwaqt li fl-2016 il-bini sar disponibbli għall-Kulleġġ mill-awtoritajiet Ungeriżi, dawn ma kinux involuti fit-tmexxija tal-bini u ma kellhom l-ebda possibbiltà diretta li jimplimentaw miżuri kosteffikaċi jew miżuri favur l-ambjent;

29.  Jinnota bi tħassib – peress li ż-żmien huwa qasir wisq – li f'dan l-istadju l-Kulleġġ m'għandux biżżejjed informazzjoni biex jippermetti tħejjija bir-reqqa għat-twettiq ta' attivitajiet futuri wara l-Brexit; jinnota li l-Brexit se jillimita l-aċċess tal-Kulleġġ għall-għarfien espert tar-Renju Unit dwar l-infurzar tal-liġi u l-kapaċità tiegħu li jorganizza taħriġ ma' uffiċjali tar-Renju Unit; jinnota li dawn l-aspetti jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp ta' prattiki komuni, l-iskambju ta' informazzjoni u finalment il-kooperazzjoni transfruntiera dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-prevenzjoni tagħha; jirrakkomanda li jiġu implimentati miżuri biex għall-inqas jinżamm il-livell attwali ta' kooperazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kulleġġ jaġġornaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-ġestjoni tar-riskju relatata mal-Brexit;

30.  Jinnota li l-2016 kienet l-ewwel sena sħiħa ta' implimentazzjoni tal-proġett ta' Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA; jilqa' r-rikonoxximent ta' dan il-proġett bħala proġett ewlieni fil-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi MENA dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu;

31.  Jistieden lill-Kulleġġ jimplimenta mingħajr dewmien l-għanijiet tiegħu li jżid il-viżibbiltà tiegħu online u jkompli jtejjeb is-sit web tiegħu sabiex isir aktar rilevanti għall-partijiet interessati tiegħu u jappoġġa aħjar il-ħidma tal-Kulleġġ; jirrakkomanda li l-Kulleġġ jirrapporta aħjar dwar l-impatt tal-attivitajiet tiegħu, b'mod partikolari dwar is-sigurtà tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kulleġġ f'din id-direzzjoni;

o
o   o

32.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 113, 30.3.2016, p. 107.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali