Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2158(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0066/2018

Testi mressqa :

A8-0066/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.34

Testi adottati :

P8_TA(2018)0139

Testi adottati
PDF 455kWORD 56k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA)
P8_TA(2018)0139A8-0066/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2158(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0068/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0066/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 68.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 68.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2158(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0068/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0066/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 68.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 68.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2158(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0066/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità tal-kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapporti tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 193 398 000, u dan jirrappreżenta żieda ta' 4,30 % meta mqabbel ma' dak għall-2015; billi EUR 36 370 000 tal-baġit tal-Aġenzija huma derivati mill-baġit tal-Unjoni u EUR 95 926 000 huma dħul minn tariffi u imposti;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

1.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, minkejja li fl-2016 l-attivitajiet li ġew iffinanzjati mill-industrija rriżultaw f'defiċit ta' EUR 7 600 000, ir-riżultati baġitarji jvarjaw matul is-snin u l-Aġenzija akkumulat bilanċ pożittiv ta' EUR 52 000 000 minn din il-kategorija ta' attività; ifakkar li r-Regolament fundatur tal-Aġenzija jistabbilixxi li t-tariffi imposti fuq l-Industrija għandhom ikunu adegwati biex ikopru l-ispiża tal-Aġenzija għall-attivitajiet ta' ċertifikazzjoni relatati u għalhekk ma jipprevedix l-akkumulazzjoni ta' bilanċ pożittiv;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99 %, u dan jirrappreżenta żieda ta' 1 % apparagun tal-2015; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet stabbli fil-livell ta' 91 %;

3.  Jinnota li l-impenji għal nefqa amministrattiva oħra żdiedu b'EUR 2 140 000 f'termini assoluti għal EUR 24 060 000, ammont li jirrappreżenta 16,5 % tal-perċentwali globali tal-baġit tal-Aġenzija; jinnota li din iż-żieda hija dovuta, fil-biċċa l-kbira, għall-ispejjeż ta' trasferiment tal-Aġenzija lejn il-bini l-ġdid tagħha fis-6 ta' Ġunju 2016;

Impenji u riporti

4.  Jinnota li r-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit f'dak li għandu x'jaqsam mal-eżekuzzjoni ta' pagamenti kontra l-ammonti riportati għall-2016 kienet iktar minn 96 % (meta mqabbla ma' 97 % fl-2015), jiġifieri iktar mill-mira tal-Kummissjoni ta' 95 %;

5.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, u mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk jiġu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

Il-politika tal-persunal

6.  Josserva li fl-2016 l-Aġenzija mliet il-karigi kollha disponibbli li kienu awtorizzati fit-tabella tal-persunal tagħha, jiġifieri 676 kariga AST u AD;

7.  Japprezza t-trasferiment kontinwu ta' karigi mill-kategoriji ta' Amministrazzjoni (funzjonijiet amministrattivi, funżjonijiet ta' appoġġ, funzjonijiet ta' koordinazzjoni u funzjonijiet newtrali) għall-kategoriji Operattivi, jiġifieri 81 %;

8.  Jenfasizza li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Aġenzija; jenfasizza li l-baġit li ntefaq biex jitrawwem sens ta' appartenenza fost il-persunal u għal attivitajiet soċjali u sportivi jammonta għal EUR 176 207,54; jinnota li l-Aġenzija organizzat 14-il jum u nofs ta' avvenimenti biex jitrawwem sens ta' appartenenza fost il-persunal; josserva li n-numru medju ta' liv minħabba mard kien ta' tmint ijiem għal kull membru tal-persunal;

9.  Ifakkar li l-Aġenzija diġà daħħlet fis-seħħ proċeduri li jikkonċernaw il-fastidju psikoloġiku u dak sesswali; jissuġġerixxi li jiġu organizzati sessjonijiet ta' taħriġ u ta' informazzjoni biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal; jinnota li fl-2016 ma ġie rrapportat l-ebda każ;

10.  Japprezza l-fatt li fl-2016 l-Aġenzija ma rċeviet l-ebda lment, azzjoni legali jew każ irrapportat marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

11.  Josserva li, sabiex tlaħħaq mal-isfidi tal-industrija tal-avjazzjoni, l-Aġenzija ddeċidiet li topera sistema ta' karriera doppja bl-għan li żżomm u ssaħħaħ il-kompetenzi meħtieġa skont l-Istrateġija Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Avjazzjoni; jistenna b'interess l-implimentazzjoni ta' din is-sistema l-ġdida tal-karrieri matul is-snin sussegwenti sakemm tilħaq il-maturità sħiħa; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-riżultati ta' din is-sistema l-ġdida tal-karrieri;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon l-inizjattiva l-ġdida mnedija bl-għan li jiġi reklutat talent żagħżugħ direttament mill-Universitajiet ("Junior Qualification Programme"); jinnota li dan il-proġett pilota għandu l-għan li jattira studenti li jkunu ggradwaw riċentement b'livell għoli ta' kwalifiki akkademiċi, sabiex jiġi stabbilit pipeline ta' talenti għall-impjiegi fl-oqsma tekniċi tal-Aġenzija;

13.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija kienet qed tibdel b'mod gradwali l-approċċ ta' reklutaġġ tagħha minn wieħed reattiv (identifikazzjoni tal-ħtiġijiet marbuta mal-mili tal-postijiet battala, sostituzzjoni awtomatika ta' dawk li jitilqu) għal wieħed proattiv (ippjanar bil-quddiem, prijoritizzazzjoni u tqassim mill-ġdid, u allinjament tal-ħtiġijiet ta' riżorsi mal-objettivi strateġiċi ġenerali);

14.  Jiddispjaċih dwar l-iżbilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fost il-membri tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, bi proporzjon ta' 78 % għal 22 %; jirrikonoxxi mill-Aġenzija li r-rappreżentanti jiġu nnominati direttament u b'mod indipendenti mill-Istati Membri u mill-industrija, u għalhekk mhumiex taħt il-kontroll tal-Aġenzija nnifisha; jinnota bi tħassib li b'referenza għan-numru tal-karigi okkupati kollha fil-31 ta' Diċembru 2016, il-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa ma ntlaħaqx peress li l-proporzjon kien ta' 66 % għal 34 % rispettivament; jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-ħames karigi ta' maniġment superjuri kienu okkupati minn persuni tal-istess ġeneru; jistieden lill-Aġenzija tindirizza u tirrimedja dan l-iżbilanċ fil-livelli kollha bħala kwistjoni ta' urġenza;

Akkwist

15.  Jinnota li fl-2016 l-Aġenzija mmaniġġjat aktar minn 40 proċedura ta' akkwist b'valur ta' aktar minn EUR 60 000; jinnota, barra minn hekk, li bejn wieħed u ieħor ġew konklużi 400 kuntratt speċifiku fl-ambitu ta' kuntratti qafas u 150 kuntratt ta' valur baxx;

16.  Jilqa' l-miżuri korrettivi meħuda favur it-tisħiħ tal-ippjanar ġenerali tal-akkwisti fl-Aġenzija, bħalma huma l-iffirmar ta' Ftehimiet dwar il-Livell ta' Servizz (FLS) ma' dipartimenti operattivi, it-taħriġ ta' maniġers tal-kuntratti u sensibilizzazzjoni biex jitnaqqsu kemm id-dewmien kif ukoll il-proċeduri mhux ippjanati;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

17.  Jirrikonoxxi li f'Novembru 2014 l-Aġenzija adottat strateġija kontra l-frodi, kemm biex issaħħaħ l-effettività tal-attivitajiet ta' prevenzjoni u identifikazzjoni tal-frodi, kif ukoll biex tiżviluppa kontroproċeduri; jinnota li fi tmiem l-2016, l-azzjonijiet kollha previsti, b'mod partikolari l-offerta ta' kors ta' taħriġ lil mhux inqas minn 80 % tal-membri tal-persunal, ġew ikkompletati;

18.  Jinnota li l-Aġenzija stabbiliet u implimentat regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

19.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

20.  Jinnota li fl-2016, l-Aġenzija pproduċiet kodiċi ta' kondotta speċifiku għall-esperti esterni li jappoġġaw il-ħidma tal-Aġenzija, inkluża politika dwar il-kunflitt ta' interess u d-dikjarazzjoni ta' rikonoxximent tal-kodiċi;

21.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li bħalissa qed twettaq proċess ta' rieżami tal-persunal tagħha "Politika dwar l-imparzjalità u l-indipendenza: il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-Kunflitti ta' Interess", bl-għan li tkompli ttejjeb il-proċess intern għall-ikkompletar, ir-rieżami u l-aġġornament tad-dikjarazzjonijiet ta' interess; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress imwettaq;

22.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija ppubblikat id-dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u s-CVs tal-membri rispettivi tal-Bord Amministrattiv fuq is-sit web tagħha, b'konsiderazzjoni tal-kummenti tal-Parlament;

Kisbiet ewlenin

23.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, jiġiferi:

   ġie implimentat il-pjan ta' azzjoni b'segwitu għat-traġedja tal-Germanwings: l-Aġenzija pproponiet miżuri b'rabta mal-Operazzjonijiet tal-Ajru u mal-Istat Mediku tal-Ekwipaġġ tal-Ajru, kif ukoll dokument ta' ħidma dwar il-kwistjoni tal-ibbilanċjar tal-kunfidenzjalità tal-pazjenti u s-sikurezza pubblika;
   inħarġu iktar minn 3 000 ċertifikat, inklużi 18-il Ċertifikati tat-Tip ġdid;
   ġiet żviluppata Sistema ta' Twissija għaż-Żoni ta' Kunflitt b'reazzjoni għal qasam ta' attività ġdid, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni (DĠ MOVE u DĠ HOME);

Awditi interni

24.  Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) wettaq żewġ inkarigi tal-awditjar fl-2016 li permezz tagħhom ġew ivvalutati t-tfassil u l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tas-sistemi ta' ġestjoni u kontrolli interni fir-rigward tal-attivitajiet tat-Tfassil tar-Regoli u tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EPAS); jinnota b'sodisfazzjoni li waqt l-awditjar tat-tfassil tar-regoli, l-IAS ma rrapporta l-ebda sejba klassifikata bħala "kritika" jew "importanti ħafna";

25.  Jinnota li fl-2016 il-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) wettqet tliet inkarigi ta' assigurazzjoni tal-awditjar fl-Aġenzija, relatati mal-kontijiet, tal-Kumitat Soċjali, il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru/is-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ATM/ANS) u l-Ajrudromi, u l-Ġestjoni tal-Missjonijiet; jirrimarka li r-rakkomandazzjonijiet ewlenin li jirriżultaw mill-ħidma ta' awditjar tal-IAC fl-2016 kellhom jiġu implimentati fl-2017; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

Kontroll Intern

26.  Jinnota li l-istandards ta' kontroll intern tal-Aġenzija jinkludu kemm is-16-il standard ta' kontroll intern tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-istandards internazzjonali tal-kwalità (ISO 9001), u dan jirriżulta f'24 Standard ta' Ġestjoni tal-EASA; jinnota li dawn l-istandards ġew riveduti u adottati mill-Bord Amministrattiv fl-2016 biex jiġu allinjati mal-aħħar verżjoni tal-istandards ISO 9001:2015;

27.  Jinnota li, fl-2016, l-Aġenzija wettqet valutazzjoni annwali tal-istandards ta' ġestjoni tal-EASA, li jintegraw kemm l-istandards ta' kontroll intern kif ukoll l-istandards tal-ISO; jirrikonoxxi li, bħala konklużjoni tal-valutazzjoni, is-sistema ta' ġestjoni tal-Aġenzija tikkonforma mal-istandards ta' ġestjoni, bis-saħħa ta' sistema ta' monitoraġġ soda li ġiet stabbilita kemm fil-livell tal-ġestjoni kif ukoll fil-livell tal-proċess; josserva li ġie identifikat xi titjib potenzjali fir-rigward tal-kontinwità tal-operat; jirrikonoxxi mill-Aġenzija li l-proġett ta' ġestjoni tal-kontinwità tal-operat jinsab fit-tieni sena ta' żvilupp, li l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-operat twettqu kollha u li l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet ta' kontinwità tal-operat diġà tlestew fir-rigward tal-proċessi kritiċi identifikati;

28.  Jilqa' l-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni 2018-2022 tal-Aġenzija, li għandu l-għan li jipprovdi qafas trasparenti għas-sikurezza tal-avjazzjoni, jidentifika r-riskji ewlenin u jiddefinixxi l-azzjonijiet li jridu jittieħdu; barra minn hekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw programmi ta' sikurezza mtejba u jiskambjaw l-aħjar prattiki;

29.  Jinnota li matul l-2016 twettqu 18-il eżerċizzju ta' kontroll ex post, li jkopru l-oqsma ta' kontroll annwali ex post fuq allowances għall-iskola, rimborżi tal-missjonijiet lill-esperti esterni, proċeduri ta' akkwist kompletati u rimborżi tan-nefqa għall-missjonijiet; jilqa' l-fatt li, b'mod ġenerali, it-tranżazzjonijiet kollha vverifikati kienu legali u regolari;

Kummenti oħra

30.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija lestiet iċ-ċaqliqa tagħha lejn bini ġdid maħsub apposta matul l-2016, mingħajr ebda tfixkil fl-operat tagħha;

31.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, matul il-perjodu 2014 sa 2016, l-Aġenzija nefqet EUR 9 400 000 (meta mqabbel ma' EUR 4 400 000 fl-2016) mill-bilanċ pożittiv akkumulat tagħha għall-finanzjament tal-ispejjeż ta' rinnovament u tneħħija biex l-Aġenzija tiġi rilokata f'bini ġdid; jinnota li l-Kummissjoni kkontribwiet ukoll EUR 3 000 000 mill-baġit tal-Unjoni għal dan il-għan; jinnota barra minn hekk li dan il-finanzjament, maqsum bejn il-kontribuzzjonijiet mill-industrija u mill-Unjoni, kien konformi mal-metodoloġija standard ta' allokazzjoni tal-ispejjeż użati mill-Aġenzija, u rriżulta fil-fatt li dawn ix-xogħlijiet ġew iffinanzjati, fil-biċċa l-kbira, minn tariffi imposti fuq l-industrija;

32.  Jirrokonixxi mill-Aġenzija li għandha l-ħsieb li temenda r-regolament finanzjarju u r-regolamenti dwar it-tariffi u l-imposti biex tifformalizza aħjar it-trattament ta' bilanċ pożittiv akkumulat; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar dik ir-reviżjoni;

33.  Jenfasizza li rigward is-sede tal-Aġenzija, il-ftehim tal-kwartieri ġenerali bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti ġie ffinalizzat u daħal fis-seħħ fis-17 ta' Awwissu 2017;

34.  Jenfasizza li, skont ir-rapport tal-Qorti, 70 % tal-baġit 2016 tal-Aġenzija kien iffinanzjat minn tariffi mill-industrija tal-avjazzjoni u 30 % mill-fondi tal-Unjoni; jenfasizza li x'aktarx ikun hemm tnaqqis futur fid-dħul tal-Aġenzija minħabba d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni u li dan jista' jkollu impatt konsiderevoli fuq il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-Aġenzija; japprezza t-twaqqif ta' grupp ta' ħidma biex jinvestiga din il-kwistjoni, li diġà wettaq analiżi inizjali dwar l-impatt u r-riskji potenzjali tal-Brexit; jistieden lill-Aġenzija taħdem b'kooperazzjoni mill-qrib ma' Istituzzjonijiet Ewropej oħra, u b'mod partikolari mal-Kummissjoni, rigward in-negozjati tal-Brexit sabiex tħejji ruħha b'mod suffiċjenti biex timminimizza kwalunkwe impatt operattiv jew finanzjarju negattiv li jista' jseħħ; jipproponi li l-Aġenzija tippreżenta r-riżultati ta' dan il-grupp ta' ħidma lill-Parlament Ewropew fi żmien debitu;

35.  Itenni li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) tipprevedi t-twessigħ tal-ambitu ta' kompetenza tal-Aġenzija u li, għaldaqstant, ir-rwol li jiżvolġu t-teknoloġiji l-ġodda, bħalma huma s-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod, irid jitqies kompletament meta jiġu assenjati kompetenzi ġodda; jenfasizza l-importanza li jiġi allokat finanzjament adegwat lill-Aġenzija biex jiġi żgurat li dawn ir-responsabilitajiet il-ġodda jiġu assorbiti b'suċċess, kif ukoll li jkun hemm allokazzjoni adegwata ta' persunal ikkwalifikat sabiex iwettaq kompiti addizzjonali;

36.  Jittama li jkun hemm aċċellerazzjoni tad-dħul fis-seħħ tar-regolament Ewropew dwar id-droni; jenfasizza r-rwol fundamentali li l-Aġenzija tiżvolġi biex tiżgura l-ogħla livell possibbli ta' sikurezza fl-avjazzjoni fl-Ewropa kollha; jenfasizza l-fatt li fil-kuntest ta' avjazzjoni ċivili li qed tiżviluppa rapidament, kif jixhed l-użu dejjem ikbar tad-droni, l-Aġenzija għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani meħtieġa biex twettaq b'suċċess il-kompiti regolatorji u eżekuttivi tagħha fl-oqsma tas-sikurezza u tal-protezzjoni ambjentali, mingħajr ma jkunu kompromessi l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha;

37.  Jilqa' l-qbil politiku dwar ir-reviżjoni tar-regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea(3), kif miftiehem f'Novembru 2017 mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għall-kompetenzi ġodda u msaħħa dwar, fost l-oħrajn, ir-riskji għall-avjazzjoni ċivili li jkunu ġejjin minn żoni ta' kunflitt, it-temi relatati mal-ambjent u ċ-ċertifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ;

38.  Jilqa' r-rwol attiv tal-Aġenzija fis-sejħa għall-proposti fil-qafas tal-programm Orizzont 2020; iħeġġeġ lill-Aġenzija tibqa' attiva fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

o
o   o

39.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 333, 9.9.2016, p. 16.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).
(3) Ara COM(2015)0613: Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali