Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2159(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0091/2018

Testi mressqa :

A8-0091/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.41

Testi adottati :

P8_TA(2018)0146

Testi adottati
PDF 464kWORD 59k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)
P8_TA(2018)0146A8-0091/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2159(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0069/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0091/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 115.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 115.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2159(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0069/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0091/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 115.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 115.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2159(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0091/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ("l-Awtorità") għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 79 492 944, li jfisser tnaqqis ta' 1,10 %; billi l-baġit kollu tal-Awtorità huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 100 %, li tirrappreżenta żieda ta' 0,19 % meta mqabbel mal-2015; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,66 %, li tfisser tnaqqis ta' 0,45 % meta mqabbel mal-2015;

Impenji u riporti

2.  Jinnota li r-riporti mill-2016 għall-2017 kienu ta' EUR 8 200 000 li huma predominantement relatati ma' infrastruttura u operazzjonijiet;

3.  Jinnota li r-riporti spiss jistgħu jkunu parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti tal-Awdituri;

Il-politika tal-persunal

4.  Jieħu nota tat-tnaqqis ta' 2 % fit-tabella tal-persunal tal-Awtorità fl-2016, li jikkorrispondi għal seba' karigi, li wassal għal żieda fl-isforzi tal-Awtorità biex tistabbilixxi proċeduri aktar effiċjenti u effikaċi; jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2016, 450 post tax-xogħol mit-total disponibbli ta' 470 kienu okkupati, fosthom uffiċjali, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali ssekondati;

5.  Josserva mit-tabella tal-persunal li 320 post tax-xogħol mit-330 għall-uffiċjali u l-aġenti temporanji awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbel ma' 327 post tax-xogħol fl-2015;

6.  Jinnota li fl-2016, 74 % tal-persunal kien iddedikat għall-attivitajiet operattivi, u li dan il-perċentwal, għalkemm kemmxejn taħt l-objettivi għal dik is-sena (75 %), jirrappreżenta titjib meta mqabbel mal-2015;

7.  Jinnota bi tħassib li min-numru tal-postijiet tax-xogħol okkupati kollha fil-31 ta' Diċembru 2017 il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi kien 60 % fil-każ tan-nisa u 40 % fil-każ tal-irġiel; jinnota bi tħassib, barra minn hekk, li għal postijiet tax-xogħol superjuri (postijiet tax-xogħol li jappartjenu għal maniġment superjuri u intermedju) il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi jxaqleb fuq in-naħa l-oħra għal saħansitra aktar minn hekk: 68 % fil-każ tal-irġiel u 32 % fil-każ tan-nisa; jistieden lill-Awtorità biex, b'urġenza, timmira li jkollha persunal aktar bilanċjat bejn is-sessi, speċjalment fil-livell ta' postijiet tax-xogħol superjuri;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità implimentat attivitajiet bil-għan li tottimizza l-proċessi tax-xogħol li tuża inqas riżorsi; jirrikonoxxi l-fatt madankollu li d-distakk stmat tar-riżorsi huwa mistenni li jiżdied għal madwar 20 ekwivalenti ta' ingaġġ full-time kull sena fit-tliet snin li ġejjin, iddeterminat minn tnaqqis ulterjuri tat-tabella tal-persunal (-2 % fl-2017 u -1 % fl-2018) minn naħa, u ż-żieda ulterjuri mistennija ta' xogħol minħabba kompiti ġodda f'ċerti attivitajiet ewlenin bħal ikel ġdid, pestiċidi u kategorizzazzjoni u sorveljanza tal-pesti tal-pjanti;

9.  Jinnota li bħala medja l-persunal tal-Awtorità kien fuq liv minħabba mard għal 7,4 granet ta' xogħol fl-2016; jilqa' l-fatt li l-Awtorità organizzat jum barra mill-post tax-xogħol, jiem dwar kwistjonijiet ta' saħħa u ta' sikurezza u attivitajiet ta' benessri; jistieden lill-Awtorità tistieden lill-persunal biex jipparteċipa f'numri saħansitra akbar;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon li f'Ġunju 2016 l-Awtorità adottat politika fil-qasam tal-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u tal-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali, ipprovdiet korsijiet obbligatorji għall-persunal, sessjoni ta' informazzjoni annwali għall-membri tal-persunal biex jistaqsu mistoqsijiet u jiffamiljarizzaw ruħhom ma' każijiet u xenarji konkreti;

11.  Jinnota b'sodisfazzjoni li fl-2016, ebda każ ieħor ta' fastidju ma ġie rrappurtat, investigat jew ittieħed quddiem qorti;

12.  Jinnota li l-Awtorità m'għandha ebda vettura uffiċjali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

13.  Josserva li fil-21 ta' Ġunju 2017, il-bord ta' ġestjoni tal-Awtorità adotta politika ġdida dwar l-indipendenza biex jiżgura l-indipendenza tal-professjonisti kollha involuti fl-operazzjonijiet xjentifiċi tagħha; jinnota li l-politika l-ġdida tinkludi definizzjoni ġdida ta' x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess, sett komprensiv ta' regoli ta' preklużjoni ("cooling-off") inkluża projbizzjoni fuq kuntratti ta' konsulenza, rekwiżit li l-esperti jiddikjaraw il-proporzjon tal-qligħ annwali tagħhom mingħand kwalunkwe organizzazzjoni, korp jew kumpanija li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt l-oqsma ta' ħidma tal-Awtorità; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità adottat restrizzjonijiet mhux kondizzjonati għal investimenti finanzjarji f'operaturi tan-negozju kkonċernati direttament jew indirettament mill-outputs tal-Awtorità; jinnota li dawn l-interessi huma kkunsidrati inkompatibbli ma' kwalunkwe involviment bħala membru tal-kumitat xjentifiku, il-bordijiet xjentifiċi, il-gruppi ta' ħidma jew il-laqgħat ta' reviżjoni bejn il-pari tal-Awtorità; jinnota li l-esperti mibgħuta mill-Istati Membri issa jridu jimlew il-formola tad-dikjarazzjonijiet ta' interess;

14.  Jinsab imħasseb li l-kamp ta' applikazzjoni tal-politika l-ġdida tal-Awtorità dwar l-indipendenza, li tqis biss l-interessi dwar "kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-grupp xjentifiku tal-EFSA rilevanti" u mhux "tal-interessi materjali kollha relatati mal-kumpaniji li l-prodotti tagħhom huma vvalutati mill-Awtorità u ma' kwalunkwe organizzazzjoni ffinanzjata minnhom" kif talab il-Parlament, għadha limitata wisq u għalhekk tipperpetwa l-akbar limitazzjoni tal-politika preċedenti tal-Awtorità dwar l-indipendenza;

15.  Huwa mħasseb li l-Awtorità injorat it-talbiet ripetuti tal-Parlament biex tinkludi l-finanzjament tar-riċerka fil-lista ta' interessi li jridu jiġu koperti mill-perjodu ta' preklużjoni ta' sentejn, bil-finanzjament tar-riċerka jkun is-sors ewlieni tal-kunflitti ta' interess fost l-esperti esterni tal-Awtorità;

16.  Huwa mħasseb li l-Awtorità ma segwietx id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew ta' Jannar 2015 li, filwaqt li osservat li l-Awtorità kienet "naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni b'mod adegwat in-natura li qed tinbidel tal-universitajiet fir-regoli tagħha dwar il-kunflitt ta' interess u l-formoli tad-Dikjarazzjonijiet ta' Interess", talbet lill-Awtorità biex "tirrevedi r-regoli tagħha dwar il-kunflitt ta' interess u l-istruzzjonijiet u l-forom relatati li hi tuża għad-dikjarazzjonijiet ta' interess tagħha" biex jiġi żgurat li l-esperti tal-akkademja jiddikjaraw id-dettalji tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-impjegaturi tal-università u s-sħab tagħhom tal-industrija tal-impjegaturi tal-università;

17.  Jenfasizza li r-regoli ta' implimentazzjoni tal-politika tal-Awtorità dwar l-indipendenza, li ġew adottati fl-aħħar tal-2017, ma solvewx il-problemi msemmija hawn fuq, u li l-Awtorità naqset milli taħtaf l-opportunità tar-rieżami tal-politika tagħha dwar l-indipendenza biex fil-futur tipprevjeni l-okkorenza ta' skandli relatati ma' kunflitti ta' interess;

18.  Jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-politika ġdida tagħha dwar l-indipendenza;

19.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-funzjoni li tiżgura l-ġestjoni ċentralizzata tal-interess kompetittiv fi ħdan l-unità għall-affarijiet legali u regolatorji tal-Awtorità bdiet topera b'mod sħiħ fl-2016; jinnota, barra minn hekk, li l-adozzjoni ta' regoli ġodda ta' implimentazzjoni dwar il-ġestjoni ta' interess kompetittiv kienet ippjanata għal tmiem l-2017; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli;

20.  Jinnota li mis-17-il membru tal-persunal statutorju li ħallew l-Awtorità fl-2016, f'żewġ każijiet ġew applikati restrizzjonijiet biex jimpedixxu lill-individwi milli jsiru punti ta' kuntatt bejn l-Awtorità u l-impjegatur il-ġdid tagħhom, li jeżerċitaw attivitajiet ta' lobbying, u li jwettqu attivitajiet relatati mal-fajls attwalment miftuħa tal-Awtorità; jirrikonoxxi li l-proċeduri interni mhumiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-indipendenza bejn l-Awtorità u l-industriji; jinnota li l-persunal li jitlaq huwa obbligat jinforma lill-Awtorità dwar l-impjieg futur tiegħu u kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali;

21.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Awtorità tkompli timplimenta r-regoli tagħha tal-2014 dwar id-dikjarazzjonijiet ta' interess, tipproċessa bejn 7 000 u 8 000 dikjarazzjoni ta' interess f'konformità mas-snin preċedenti; jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità tippubblika l-eżitu tal-kontrolli tagħha ta' konformità u ta' veraċità bħala parti mir-rapport tagħha ta' attività annwali;

22.  Jinnota li l-Awtorità, f'Jannar 2016, adottat il-proċeduri operattivi standard dwar "Il-ġestjoni ta' lmenti mressqa minn informaturi" u jirrakkomanda li twettaq taħriġ konsistenti dwar id-drittijiet tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta u r-regoli relatati tal-Awtorità; jistieden lill-Awtorità timpenja lilha nnifisha li strettament tħares l-identità tal-informaturi u tevita l-intimidazzjoni tagħhom; jitlob lill-Awtorità tipprovdi dettalji dwar il-każijiet ta' informaturi fl-2016, jekk kien hemm, u dwar kif dawn ġew ipproċessati;

23.  Jirrikonoxxi l-fatt li attwalment qegħdin jitħejjew regoli mudell għall-aġenziji tal-Unjoni dwar linji gwida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, u li hekk kif l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tingħata b'mod formali lill-aġenziji tal-Unjoni, l-Awtorità ser tipproċedi bl-adozzjoni formali; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida;

24.  Jinnota li fl-2016 l-Awtorità rċeviet 99 talba ġdida għal aċċess għal dokumenti u pproċessat 118-il talba, li fir-rigward tagħhom l-Awtorità tat aċċess sħiħ fi 23 każ filwaqt li f'76 każ l-Awtorità ddeċidiet li tagħti biss aċċess parzjali għad-dokumenti, u rrifjutat l-aċċess f'19-il każ; jistieden lill-Awtorità tittratta t-talbiet kollha bħal dawn fi spirtu ta' ftuħ u trasparenza;

25.  Jinnota li, fost il-118-il talba inizjali pproċessati fl-2016, f'26 każ l-aċċess għad-dokumenti ġie rrifjutat jew ingħata parzjalment minħabba protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu, f'40 każ minħabba protezzjoni tal-interessi kummerċjali, fi 18-il każ minħabba l-fatt li ma kienet ittieħdet ebda deċiżjoni u f'każ wieħed minħabba protezzjoni ta' proċeduri tal-qorti u avviż legali; jistenna li l-Awtorità, meta tkun qed tiddeċiedi dwar il-limitazzjoni ta' aċċess għad-dokumenti minħabba protezzjoni tal-interessi kummerċjali, tqis ukoll b'serjetà l-interess taċ-ċittadini filwaqt li żżomm l-istandards għolja dwar is-sigurtà tal-ikel u s-saħħa, filwaqt li tapplika r-regoli u r-regolamenti kollha rilevanti;

26.  Jinnota li grupp ta' Membri tal-Parlament fetħu kawża kontra l-Awtorità abbażi tal-illimitar tal-aċċess għal dokumenti fil-każ "glifosat"; jistenna l-Awtorità timplimenta bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-qorti ladarba din tkun magħrufa; jilqa' l-istabbiliment reċenti(2) ta' Kumitat Speċjali tal-Parlament dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-UE għall-pestiċidi, li sar bħala rispons għat-tħassib imqajjem dwar ir-riskji li jirriżultaw mis-sustanza erbiċida tal-glifosat;

27.  Jemmen li l-Awtorità għandha tibqa' tagħti attenzjoni speċjali lill-opinjoni pubblika, u timpenja ruħha li tkun miftuħa u trasparenti; f'dan ir-rigward, jilqa' l-fatt li fl-2016, il-maħżen virtwali tad-data xjentifika tal-Awtorità ta aċċess għal aktar evidenza li tirfed il-valutazzjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità, billi bosta ġabriet ta' data ġew ippubblikati, dwar pestiċidi, kontaminanti, perikli kimiċi, kompożizzjoni tal-ikel, tipizzazzjoni molekulari, u sustanzi u prodotti botaniċi; jirrikonoxxi l-fatt li l-ġurnal tal-Awtorità għadda għand pubblikatur xjentifiku internazzjonali bil-għan li jiżdiedu l-kwalità tal-pubblikazzjoni u l-portata; jinnota li l-linji gwida dwar l-awturi u l-kontributi tal-atti xjentifiċi tal-Awtorità ġew rieżaminati biex jiżdiedu t-trasparenza u l-ftuħ; jinnota wkoll li l-Awtorità nediet il-komunità "Knowledge Junction", li huwa arkivju għall-iskambju tal-evidenzi u tad-dokumentazzjoni ġustifikattiva użati fil-valutazzjonijiet tar-riskji relatati mas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf; jinkoraġġixxi lill-Awtorità tagħmel progress ulterjuri f'dan is-sens;

Kisbiet ewlenin

28.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Awtorità fl-2016, prinċipalment:

   it-twassil tal-Istrateġija 2020, inkluż pjan ta' implimentazzjoni pluriennali, li tiffoka fuq riżultati ewlenin u mirfuda minn qafas komprensiv tal-prestazzjoni, flimkien mad-dokumenti dettaljati ta' ppjannar u ta' programmazzjoni;
   l-implimentazzjoni tal-miżuri tat-trasparenza u tal-involviment bħall-proġett dwar it-Trasparenza u l-Involviment fil-Proċess ta' Valutazzjoni tar-Riskju (TERA), li nieda approċċ ġdid ta' involviment tal-partijiet ikkonċernati u ppubblika l-Ġurnal tal-EFSA, li jiżgura disseminazzjoni effikaċi tal-outputs xjentifiċi u jipprovdi aċċess għall-valutazzjonijiet tar-riskju tal-Awtorità;
   it-tnedija tad-data miftuħa u l-għodod ta' evidenza fetħu l-komunità tal-valutazzjoni tar-riskju usa';

Kontrolli interni

29.  Jinnota li l-Kapaċità tal-Awditjar Intern (IAC) tal-Awtorità wettqet inkarigi ta' assigurazzjoni u kompiti speċjali oħra kif previst fil-pjan tal-awditu annwali approvat mill-kumitat tal-verifika tal-Awtorità; jinnota li l-inkarigi tal-awditjar kienu jinkludu l-awditjar tal-governanza korporattiva dwar ir-rwol tal-esperti fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, il-validazzjoni tad-drittijiet ta' aċċess tal-utenti tal-ABAC, żewġ rapporti ta' segwitu dwar l-awditjar li jkun għadu ma sarx, rakkomandazzjonijiet mill-IAC, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) u l-Qorti tal-Awdituri;

30.  Josserva li skont l-IAC, is-sistema ta' kontroll intern fis-seħħ tal-Awtorità tagħti assigurazzjoni raġonevoli dwar il-kisba tal-objettivi kummerċjali stabbiliti għall-proċessi awditjati; jinnota li nħarġet waħda mir-rakkomandazzjonijiet "importanti ħafna" dwar l-iżvelar u t-trasparenza tal-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lill-Awtorità tiżgura li din ir-rakkomandazzjoni tiġi mwettqa, u rrappurtata lill-awtorità ta' kwittanza;

31.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Awtorità għadha ma daħħletx fis-seħħ strateġija ċara u komprensiva ta' kontroll finanzjarju ex post li tkopri l-oqsma kollha tal-operazzjonijiet u li tispeċifika l-frekwenza u l-kamp ta' applikazzjoni ta' tali kontrolli; jirrikonoxxi l-fatt li l-Awtorità qiegħda fil-proċess li tiżviluppa governanza ta' assigurazzjoni mtejba u qiegħda tirfina l-qafas ta' kontroll intern tagħha; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sistema ta' kontroll intern tagħha;

Awditu intern

32.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, fir-rapport ta' awditu tagħha ta' Novembru 2016, l-IAS ikkonkluda li l-kontrolli stabbiliti għall-ġestjoni tal-proġetti tal-IT huma adegwati, iżda semma dgħufijiet sinifikanti fir-rigward tal-governanza tal-IT; jinnota li huwa rrakkomanda li tiġi aġġornata l-politika tal-Awtorità dwar il-governanza tal-IT, biex jiġu introdotti qafas ta' ġestjoni u reġistru tar-riskji tal-IT fl-organizazzjoni kollha, u biex il-funzjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni tiġi separata mill-unità tal-IT; jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità qablet mal-IAS dwar pjan biex tieħu azzjonijiet korrettivi; jinnota mir-risposta tal-Awtorità li l-maġġoranza tal-azzjonijiet relatati mal-governanza tal-IT ġew implimentati u l-azzjonijiet li jibqa' huwa ppjanat li jiġu implimentati sal-aħħar tal-2017; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni;

Prestazzjoni

33.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Awtorità stabbiliet jew ġeddet attivitajiet xjentifiċi konġunti u inizjattivi ta' kooperazzjoni ma' għadd ta' organizzazzjonijiet sħab fil-livell Ewropew, inklużi l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC); jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità wettqet skambju ta' kooperazzjoni addizzjonali ma' għadd ta' aġenziji internazzjonali sħab; jinnota b'sodisfazzjon li l-għan ta' din il-kooperazzjoni huwa l-kondiviżjoni ta' metodi u approċċi biex is-sikurezza tal-ikel titjieb, inklużi metodi aħjar għall-valutazzjoni tar-riskju, għall-identifikazzjoni rapida ta' riskji emerġenti u għall-kondiviżjoni tad-data dwar suġġetti ta' interess komuni;

34.  Josserva li l-Awtorità żviluppat qafas ta' prestazzjoni li: (1) jorbot l-objettivi strateġiċi mal-portafoll tagħha ta' proġetti u proċessi kif ukoll mar-riżorsi tagħha; u (2) jinkludi sett ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jimmonitorjaw il-progress u l-prestazzjoni fil-livelli tal-input, tal-output, tar-riżultat u tal-impatt;

35.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Awtorità wettqet numru ta' inizjattivi biex tillimita l-ħin tal-ivvjaġġar għall-esperti, inkluż billi jiġi promoss l-użu ta' għodod tal-IT, sabiex titjieb l-effiċjenza;

Kummenti oħra

36.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità implimentat sistema ta' ġestjoni ambjentali li timmappja l-proċessi tal-Awtorità biex ittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, tnaqqas l-iskart u l-ispejjeż, u kisbet iċ-ċertifikazzjoni ISO 14001:2004; jinnota li fi Frar 2017, l-Awtorità kisbet ukoll ir-Reġistrazzjoni tal-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS);

37.  Jinnota b'sodisfazzjoni li l-Awtorità ngħaqdet mal-Grupp Interistituzzjonali dwar il-Ġestjoni Ambjentali (GIME) bil-għan li tiżviluppa pjan komuni dwar miżuri biex b'mod effikaċi tnaqqas l-emissjonijiet CO2 u biex tiġbor data komuni li tippermetti t-tqabbil ma' emissjonijiet CO2 fost il-korpi tal-Unjoni;

38.  Jinnota li kooperazzjoni mill-qrib ma' DĠ SANTE tal-Kummissjoni tinsab fit-triq it-tajba lejn it-tħejjija tiegħu relatata mad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jħalli l-Unjoni; jinnota madankollu li għad hemm inċertezza kritika dwar id-disponibbiltà futura tar-riżorsi b'tali mod li tostakola t-tħejjija bir-reqqa tal-Awtorità għall-ipprogrammar tagħha wara l-2020; jistieden lill-Awtorità tibqa' proattiva dwar din il-kwistjoni, billi tantiċipa u tippjana għal kwalunkwe problema li aktarx tqum, flok tistenna u tirreaġixxi;

39.  Jinnota li l-Awtorità hija konxja sew mir-riskji finanzjarji minħabba d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jħalli l-Unjoni, bħal pereżempju disponibbiltà baġitarja ristretta, kwistjonijiet kuntrattwali għal kuntratti ġodda u dawk li għadhom għaddejjin kif ukoll il-pagamenti relatati u l-benefiċċji tal-qgħad, u r-riskji operazzjonali bħall-aċċess għaċ-ċittadini tar-Renju Unit bħala membri tal-persunal jew bħala esperti, aċċess għall-entitajiet tar-Renju Unit għal servizzi u informazzjoni/data, bidla fil-volumi tax-xogħol u drittijiet ta' aċċess għad-dokumenti;

40.  Jinnota bi tħassib li l-aġenziji regolatorji tal-Unjoni responsabbli mill-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti regolati, b'mod partikolari l-ECHA, m'għandhomx biżżejjed riżorsi biex iwettqu b'mod effikaċi dawn ir-responsabbiltajiet; l-Awtorità u l-ECHA għandhom għalhekk jingħataw biżżejjed riżorsi sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom;

41.  Jilqa' l-kontribut tal-Awtorità għas-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf tal-Unjoni, u l-isforzi konsiderevoli tagħha fil-forniment ta' konsulenza xjentifika komprensiva, indipendenti u aġġornata dwar kwistjonijiet marbuta mal-katina tal-ikel lill-maniġers tar-riskju tal-Unjoni, permezz ta' komunikazzjoni ċara lill-pubbliku dwar ir-riżultati tagħha u l-informazzjoni li fuqha huma bbażati, u permezz tal-kooperazzjoni ma' partijiet ikkonċernati u sħab istituzzjonali bil-għan li tippromwovi l-koerenza u l-fiduċja fis-sistema tas-sikurezza tal-ikel tal-Unjoni;

42.  Jissottolinja li l-Awtorità pproduċiet 481 produzzjoni xjentifika, rapporti tekniċi u pubblikazzjoni oħra, u għalqet 382 kwistjoni xjentifika; jinnota li l-proporzjon ta' produzzjonijiet u kwistjonijiet adottati fil-ħin kien inqas mill-objettiv tal-2016, u li l-puntwalità tal-pariri xjentifiċi għad għandha bżonn li titjieb;

43.  Jinnota li fl-2016 l-Awtorità adottat l-istrateġija bl-isem "EFSA Strategy 2020: trusted science for safe food" (Strateġija 2020 tal-EFSA: Xjenza fdata għal ikel sigur), ibbażata fuq ħames objettivi strateġiċi: tingħata prijorità lill-involviment tal-pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess ta' valutazzjoni xjentifika, titwessa' l-bażi ta' evidenza tal-Awtorità u jiġi ottimizzat l-aċċess għad-data tagħha, tinbena l-kapaċità ta' valutazzjoni xjentifika u l-komunità ta' konoxxenza tal-Unjoni, issir tħejjija għall-isfidi futuri fil-qasam tal-valutazzjoni tar-riskju u jinħolqu ambjent u kultura li jirriflettu l-valuri tal-Awtorità;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi dibattitu politiku mal-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex tirrieżamina l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-valutazzjoni tar-riskju għall-ikel, is-sustanzi kimiċi u l-prodotti relatati, kif ukoll l-effikaċja ta' din il-leġiżlazzjoni;

45.  Jisħaq fuq il-fatt li fl-2016 l-Awtorità rrieżaminat il-pjattaforma konsultattiva tal-partijiet ikkonċernati tagħha, li ġiet żarmata biex joħdilha postha approċċ ġdid ta' involviment tal-partijiet ikkonċernati, u sa tmiem l-2016 'il fuq minn 80 organizzazzjoni esprimew interess li jissieħbu f'dan il-qafas il-ġdid;

o
o   o

46.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 443, 29.11.2016, p. 15.
(2) Ara id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2018 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat ta' kumitat speċjali dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (Testi adottati, P8_TA(2018)0022).
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali