Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2157(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0078/2018

Testi mressqa :

A8-0078/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.47

Testi adottati :

P8_TA(2018)0152

Testi adottati
PDF 167kWORD 58k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)
P8_TA(2018)0152A8-0078/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2157(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0067/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0078/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 156.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 156.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2157(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija (1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0067/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' Qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0078/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 156.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 156.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2157(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0078/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 70 215 156, li jfisser żieda ta' 6,05 % meta mqabbel mal-2015;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti") stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 98,07 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,16 % meta mqabbel mal-2015, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 97,80 %, li tfisser żieda ta' 1,28 %;

2.  Jieħu nota tal-implimentazzjoni għall-Baġit 2016 tal-fażi finali ta' ristrutturar tal-baġit f'żewġ fażijiet fl-2014 u fl-2015 li affettwaw is-snin baġitarji 2015 u 2016; jinnota li l-istruttura l-ġdida hija maħsuba biex toffri appoġġ aħjar għall-ħtiġijiet kummerċjali tal-Aġenzija billi tiżola l-attivitajiet iffinanzjati minn proġetti u l-finanzjament allokat għal dawk l-azzjonijiet speċifiċi (fondi R0); jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-impatt prattiku u l-effiċjenzi miksuba bl-istruttura l-ġdida tal-baġit;

Impenji u riporti

3.  Josserva li mill-ammont totali riportat mill-2015 għall-2016 (EUR 36 450 711), 54 % intużaw, 43 % baqgħu bħala "ammont pendenti" (ammont dovut, li għadu ma tħallas) u 2 % tat-total ġie kkanċellat;

4.  Jirrimarka li spiss ir-riporti huma ġustifikabbli, parzjalment jew għalkollox, minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, u dan mhux neċessarjament jindika dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li lanqas ma dejjem imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ġew ippjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferimenti

5.  Jinnota li fl-2016, l-Aġenzija wettqet total ta' tmien trasferimenti bejn titoli baġitarji; jirrikonoxxi li dawn it-trasferimenti kienu taħt l-10 % tal-approprjazzjonijiet għas-sena finanzjarja tal-linja baġitarja li minnha jsir it-trasferiment fil-każ ta' trasferimenti minn titolu għall-ieħor, bl-eċċezzjoni ta' trasferimenti magħmula fi tmiem is-sena f'konformità mad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv adottata permezz tal-proċedura bil-miktub Nru 11/2016 dwar it-trasferimenti baġitarji minn titolu għal ieħor lil hinn mil-limitu ta' massimu ta' 10 %;

Proċedura ta' akkwist u reklutaġġ

6.  Jinnota li l-Aġenzija varat 66 proċedura ta' akkwist, b'ħamsa minnhom ikunu proċeduri nnegozjati speċjali filwaqt li l-61 proċedura li jifdal kienu jinkludu proċeduri nnegozjati miftuħa u b'valur baxx;

7.  Jirrikonoxxi mit-tabella tal-persunal awtorizzata tal-Aġenzija li fl-2016 din kellha 202 postijiet ta' xogħol; josserva li l-Aġenzija qieset il-mira ta' 198 post, li hija l-mira mill-1 ta' Jannar 2017; jinnota li r-rata ta' okkupazzjoni mqabbla ma' dik il-mira kienet ta' 98,48 %;

8.  Jinnota r-riżultati tat-tielet eżerċizzju ta' valutazzjoni komparattiva dwar il-postijiet ta' xogħol tal-Aġenzija, b'21,80 % tal-impjiegi ddedikati għall-koordinazzjoni u l-appoġġ fil-livell amministrattiv, 70,93 % għall-kompiti operattivi u 7,26 % għall-kompiti newtrali; jinnota li fl-2016 tneħħew ħames postijiet allokati fit-tabella tal-persunal tal-2015 bħala parti mill-ewwel tnaqqis ta' 5 % tal-persunal implimentat skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ipprogrammar tar-riżorsi għall-aġenziji deċentralizzati, biex b'hekk in-numru ta' postijiet statutorji niżel minn 207 għal 202, u li l-Aġenzija implimentat il-Programm ta' Ħidma tagħha tal-2016 b'198 post biss, peress li 4 postijiet kienu ffriżati minħabba tnaqqis previst fl-2017; jinnota li n-numru totali ta' persunal baqa' dak ta' 246; jilqa' l-fatt li ż-żieda ta' 14-il post statutorju, relatati mal-kooperazzjoni fir-rigward tal-kompiti tal-gwardja tal-kosta, hija prevista għall-2017;

9.  Jiddispjaċih bl-iżbilanċ sinifikanti bejn is-sessi ta' 19 % għal 81 % fi ħdan il-bord amministrattiv tal-aġenzija, mingħajr ebda turija ta' titjib mis-sena ta' qabel; jirrikonoxxi, madankollu, mill-Aġenzija li n-nomina ta' dawn il-membri ma taqax taħt il-mandat tagħha u li l-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija kien ta' 50:50;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Aġenzija; jappella lill-Aġenzija tipprovdi rendikont aktar preċiż tal-ammont relattivament għoli (EUR 7 841,70) li ntefaq fuq attivitajiet ta' benesseri għal kull membru tal-persunal fl-2016; josserva li n-numru medju ta' liv minħabba mard kien ta' 5,9 ijiem għal kull membru tal-persunal;

11.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija għandha regola ġenerali ta' implimentazzjoni dwar il-prevenzjoni ta' fastidju psikoloġiku u sesswali; jappella lill-Aġenzija tappoġġa l-organizzazzjoni ta' taħriġ u sessjonijiet ta' informazzjoni sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-persunal;

12.  Jinnota l-fatt li fl-2016, l-Aġenzija ma rċevietx ilmenti, azzjonijiet legali jew każijiet irrapportati marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

Prevenzjoni u ġestjoni ta' kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

13.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija ppubblikat fuq is-sit web tagħha d-"Dikjarazzjonijiet ta' Impenn u Kunfidenzjalità" iffirmati mill-Membri tal-Bord Amministrattiv tagħha, kif ukoll is-CVs tagħhom;

14.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2015, il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija adotta strateġija għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-frodi, u li matul l-2016 ġew implimentati għadd ta' azzjonijiet speċifiċi, inklużi korsijiet ta' taħriġ dwar l-Etika u l-Integrità;

15.  Japprezza l-fatt li fl-2016 l-Aġenzija ma kellha ebda każ ta' kunflitt ta' interess;

16.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija adottat politika għall-informaturi li tipprovdi lill-persunal bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u tiżgura li l-membri tal-persunal li jirrapportaw għemil ħażin jew tħassib serju in bona fede jingħataw il-kunfidenzjalità; jinnota b'sodisfazzjon li l-ebda każ ma ġie rrappurtat fl-2016;

17.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

Kisbiet ewlenin

18.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, prinċipalment:

   l-implimentazzjoni ta' metodoloġija ġdida għal żjarat fl-Istati Membri, u proġetti pilota għall-integrazzjoni ta' valutazzjoni tal-kosteffiċjenza fl-analiżi orizzontali relatata maċ-ċikli ta' żjarat fl-Istati Membri;
   l-implimentazzjoni tal-ewwel servizzi operattivi tal-proġett ta' sorveljanza marittima "Copernicus", li jimmarka l-bidu ta' sinerġija li fis-snin li ġejjin se ssostni u ssaħħaħ il-prodotti u s-servizzi tal-Aġenzija għall-osservazzjoni tad-dinja;
   it-twaqqif ta' għodda dedikata u volontarja li tappoġġa l-ħidma tal-Istati Membri fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istandards tal-Unjoni għall-mitigazzjoni tar-riskji ambjentali relatati mat-trasport marittimu; (Id-Direttiva dwar il-Kubrit(2) u d-Direttiva dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart(3));

19.  Jiddispjaċih li l-Aġenzija ma tużax indikaturi tal-impatt u indikaturi tal-eżiti biex ittejjeb aktar l-użu tal-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin; jinnota madankollu li d-dokument uniku ta' programmazzjoni tal-Aġenzija jindika b'mod ċar l-impatt u l-eżiti mistennija għal kull attività;

Awditu intern

20.  Jirrikonoxxi li fl-2016 il-korpi ta' awditjar tal-Aġenzija ma ħarġu ebda rakkomandazzjoni jew osservazzjoni ta' awditu kritika li setgħet twassal għal riżerva fid-dikjarazzjoni annwali ta' assigurazzjoni; jinnota b'sodisfazzjoni li r-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet kollha li ġejjin minn awditi differenti mis-snin ta' qabel l-2016, ingħalqu fil-31 ta' Diċembru 2016;

21.  Jinnota li l-IAS wettaq awditu tal-Azzjonijiet Iffinanzjati mill-Proġetti tal-EMSA u kkonkluda li, b'mod ġenerali, is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-Aġenzija għal azzjonijiet iffinanzjati mill-proġetti huma mfassla b'mod adegwat u implimentati b'mod effettiv u effiċjenti; jinnota, madankollu, li l-IAS identifika oqsma ta' titjib relatati mad-disponibbiltà ta' informazzjoni ta' ġestjoni dwar l-ippjanar u l-użu ta' riżorsi għal azzjonijiet iffinanzjati mill-proġetti; jieħu nota li l-IAS ħareġ tliet rakkomandazzjonijiet fit-30 ta' Jannar 2017 u li waħda minnhom ġiet aċċettata mill-Aġenzija; jappella lill-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;

22.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija żviluppat l-għodda ta' segwitu tagħha stess b'rabta mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mis-Servizz ta' Awditjar Intern u mill-Qorti u li r-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet kollha dwar l-awditjar li nħarġu sal-31 ta' Diċembru 2016 ġew implimentati;

Kontroll intern

23.  Jinnota li l-Aġenzija żviluppat u implimentat serje ta' miżuri interni biex tiżgura li l-attivitajiet tagħha jkunu soġġetti għall-kontroll u pprovdiet assigurazzjoni raġonevoli għall-ġestjoni tal-kisbiet tal-objettivi tagħha; josserva li l-Aġenzija implimentat ġabra sħiħa ta' Standards ta' Kontroll Intern (ICS) li huma bbażati fuq standards ekwivalenti stabbiliti mill-Kummissjoni u minn rekwiżiti minimi li ġew adottati mill-Bord Amministrattiv tagħha; jinnota li l-iżviluppi ewlenin matul l-2016 kienu jikkonċernaw il-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-frodi u l-ġestjoni tad-dokumenti;

24.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2014 l-Aġenzija kkonkludiet kuntratt qafas li kien jammonta għal EUR 3 500 000 għax-xiri ta' oġġetti u servizzi relatati mal-IT fuq perjodu ta' sitt snin; josserva li l-Aġenzija ssottovalutat il-ħtiġijiet u l-valur probabbli tal-kuntratt, u dan wassal għall-konsum ta' 80 % tal-kuntratt sa tmiem l-2016; jiddispjaċih li kellha titnieda proċedura ġdida ta' akkwist erba' snin qabel dak mistenni, u dan se jirriżulta fi spejjeż amministrattivi addizzjonali; jirrikonoxxi mir-risposta tal-Aġenzija li d-definizzjoni tal-bżonnijiet relatati ma' dan il-kuntratt kienet partikolarment diffiċli billi fil-mument tal-akkwist in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Delega għal Copernicus kienu għadhom għaddejjin u, aktar importanti, ma kienx ċar jekk u sa liema punt l-ispejjeż tal-IT kienu se jkunu eliġibbli fl-ambitu ta' dan il-ftehim;

25.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2016, l-Aġenzija kkonkludiet seba' kuntratti qafas għall-akkwist ta' sistemi ta' reazzjoni għat-tniġġis miż-żejt; josserva li l-proċedura ta' akkwist ġiet varata bis-suppożizzjoni li l-valur totali tas-seba' kuntratti qafas ikun ta' EUR 7 000 000; jiddispjaċih li din is-suppożizzjoni ssottovalutat il-ħtiġijiet tal-Aġenzija u ġew iffirmati seba' kuntratti qafas b'valur ta' EUR 7 000 000 kull wieħed, li wassal għal valur totali ta' EUR 49 000 000 f'kuntratti; jirrikonoxxi mir-risposta tal-Aġenzija li fil-perjodu bejn l-istima inizjali tal-ħtiġijiet u l-varar innifsu tal-offerta, il-bżonnijiet previsti evolvew;

Prestazzjoni

26.  Jinnota li matul l-2016, kompliet il-kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-korpi tal-Unjoni parteċipanti, inkluż l-għoti ta' servizzi lill-Frontex (għall-kontroll tal-fruntieri), lill-EFCA (għall-monitoraġġ tas-sajd), lill-OLAF (għall-attivitajiet doganali u transkonfinali illegali), lill-MAOC-N (għall-infurzar tal-liġi - narkotiċi) u lill-EUNAVFOR (għall-ġlieda kontra l-piraterija u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni);

27.  Jinnota li l-proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat ir-regolament fundatur tal-Aġenzija bl-iskop li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta kellha impatt sinifikanti fuq l-eżerċizzji tal-ipprogrammar pluriennali tal-Aġenzija li saru fl-2016; jieħu nota, barra minn hekk, tal-proġett pilota mniedi mill-Parlament Ewropew bil-għan li fl-2016 u fl-2017 jesplora u jiżviluppa aktar is-sinerġiji ta' bejn l-Aġenzija, Frontex u EFCA sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta; jilqa' l-konklużjoni tal-proċedura leġiżlattiva u l-adozzjoni ta’ l-att emendatorju(4) fi tmiem l-2016;

28.  Itenni li l-kompiti tal-Aġenzija jistgħu jitwettqu b'mod aktar effiċjenti fil-livell Ewropew milli f'dak nazzjonali, kif iseħħ bil-kontribuzzjoni tagħha għas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri kif ukoll minn installazzjonijiet offshore għall-isfruttar tal-gass u taż-żejt fl-Ewropa; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija qed tfittex sinerġiji ta' azzjonijiet ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, sabiex jinkisbu aktar effettività u effiċjenza kif ukoll jitnaqqsu l-ispejjeż; jilqa' u jħeġġeġ f'dan ir-rigward il-kollaborazzjoni tal-Aġenzija ma' Aġenziji oħrajn tal-Unjoni b'appoġġ għall-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni, bħall-provvista mill-Aġenzija, ta' għadd dejjem akbar ta' servizzi lill-Frontex skont l-aġġornament u t-tiġdid ta' tliet snin fir-rigward tal-Ftehim fil-livell ta' servizzi, konkluż fl-2016; jinnota wkoll li l-Aġenzija ffinalizzat l-akkwist ta' servizzi ta' Sistemi ta' Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (RPAS) għas-sorveljanza marittima; iħeġġeġ lill-Aġenzija tikkoopera ma' Aġenziji oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-indirizzar tal-kriżi tar-rifuġjati, inkluża l-prestazzjoni ta' attivitajiet kritikament importanti li tmur lil hinn mill-mandat oriġinali tagħha, bħal pereżempju l-kontribut tal-għarfien, l-appoġġ operazzjonali u l-persunal biex jgħinu fl-indirizzar tal-kriżi tar-rifuġjati;

o
o   o

29.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħra li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 84, 17.3.2017, p. 82.
(2) Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58).
(3) Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/2087 tat-18 ta' Novembru 2015 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 302, 19.11.2015, p. 99).
(4) Regolament (UE) 2016/1625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 77).
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Lulju 2019Avviż legali