Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2173(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0101/2018

Testi mressqa :

A8-0101/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.50

Testi adottati :

P8_TA(2018)0155

Testi adottati
PDF 523kWORD 55k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)
P8_TA(2018)0155A8-0101/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2173(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0083/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0101/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 176.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 176.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
(4) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2173(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0083/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0101/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 176.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 176.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2173(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0101/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

B.  billi, skont ir-rapporti tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ("l-Awtorità") għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 39 398 106, u dan jirrappreżenta żieda ta' 7,11 % meta mqabbel ma' dak għall-2015; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 10 203 000), u minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u osservaturi (EUR 16 180 250) u mit-tariffi (EUR 10 550 293);

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri (''il-Qorti''), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jirrikonoxxi li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,97 %, li tfisser żieda ta' 0,33 % meta mqabbla mal-2015, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 87,29 %, li tfisser żieda ta' 2,75 %, meta mqabbla mal-2015;

Impenji u riporti

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li 92,8 % tal-krediti baġitarji tal-2015 li ġew riportati għall-2016 tħallsu fi żmien sena;

3.  Josserva li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti kienet relattivament għolja, bl-eċċezzjoni ta' Titolu III (nefqa operazzjonali), li kienet ta' 38,09%;

4.  Jitlob lill-Awtorità żżomm il-volum li għandu jiġu riportat għas-sena suċċessiva kemm jista' jkun baxx;

5.  Jirrimarka li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operazzjonali tal-Awtorità, u li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li lanqas ma jmorru dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati min qabel mill-Awtorità u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferimenti

6.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport annwali tal-attività tal-Awtorità, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2016 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji; josserva li l-Awtorità eżegwit trasferimenti li jammontaw għal EUR 553 743,41 mit-Titolu III (nefqa operazzjonali) u EUR 182 131,59 mit-Titolu II (nefqa infrastrutturali u amministrattiva) biex tkopri l-bżonnijiet baġitarji tat-Titolu I (nefqa tal-persunal);

Politika tal-persunal

7.  Jinnota li l-Awtorità fl-2016 kienet timpjega 204 membru tal-persunal (136 aġent temporanju minn 140 post awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni), meta mqabbel mal-186 membru tal-persunal fis-sena preċedenti; jinnota li r-rata ta' tibdil tal-persunal għall-2016 kienet ta' 8 %, li hija inqas mill-mira ta' 10 % tal-Awtorità;

8.  Jinnota li minn 204 membri tal-persunal fl-2016, l-Awtorità kienet timpjega 86,3 persuna (ekwivalenti għal full-time) bejn esperti nazzjonali sekondati, aġenti kuntrattwali, persunal interim u konsulenti;

9.  Jinnota li l-bilanċ globali bejn is-sessi fl-Awtorità kien ta' 46 % nisa u 54 % rġiel; jiddispjaċih, madankollu, għall-iżbilanċ sinifikanti fil-kompożizzjoni tal-bord maniġerjali, fejn il-proporzjon kien ta' 17 % nisa u 83 % rġiel;

10.  Jinnota li, bħala medja, kull membru tal-persunal tal-Awtorità ħa sitt ijiem ta' liv minħabba mard fl-2016; josserva b'sodisfazzjon li l-Awtorità organizzat għall-persunal sessjonijiet ta' team-building u away-days li kkonċentraw fuq is-sostenibbiltà ambjentali, workshop dwar is-sorveljanza fil-post, id-dritt istituzzjonali, il-prevenzjoni tal-burnout, il-benessri fiżiku u mentali, inklużi workshops dwar l-intelliġenza emozzjonali, taħriġ dwar eżerċizzju fiżiku fl-uffiċċju, mindfulness, introduzzjoni għall-yoga u rekwiżiti djetetiċi;

11.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità stabbiliet netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali, u organizzat sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni għall-persunal u għall-maniġers dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u ta' dak sesswali;

12.  Jinnota li, f'Marzu 2015, id-direttur eżekuttiv tal-Awtorità ordna li l-investigaturi jwettqu inkjesta amministrattiva wara allegazzjonijiet ta' fastidju li saru minn konsulent estern tal-IT kontra membru tal-persunal, u l-inkjesta ġiet ikkompletata f'Marzu 2016; jinnota li l-evidenza li nġabret ma sostnietx l-allegazzjonijiet ta' fastidju; jinnota wkoll li, fl-2016, l-ebda każ ieħor ta' fastidju ma ġie rrappurtat, investigat jew imtella' quddiem il-Qorti;

13.  Jinnota li l-Awtorità ma tuża l-ebda vettura uffiċjali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

14.  Jinnota li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi u s-CVs tal-membri tal-bord maniġerjali huma disponibbli fis-sit web tal-Awtorità;

15.  Jilqa' l-fatt li, matul l-2016, l-Awtorità bdiet tippubbliku reġistru tal-laqgħat tal-persunal ma' partijiet interessati esterni;

16.  Jirrikonoxxi mill-Awtorità li r-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ġew implimentati b'suċċess fl-ewwel nofs tal-2017, kif kien previst;

17.  Jesprimi l-ħtieġa li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

18.  Jinnota li l-Awtorità fl-2016 irċeviet sitt talbiet għal aċċess għad-dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001(2), li fir-rigward tagħhom, l-Awtorità tat aċċess sħiħ f'erba' każijiet, filwaqt li f'żewġ każijiet, l-Awtorità ddeċidiet li tagħti biss aċċess parzjali għad-dokumenti biex tipproteġi l-privatezza u l-integrità tal-individwu u tipproteġi l-finijiet tal-ispezzjonijiet, tal-investigazzjonijiet u tal-verifiki; jitlob li l-Awtorità tittratta talbiet bħal dawn b'mod kemm jista' jkun miftuħ, fi spirtu ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont;

19.  Jitlob li l-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar każijiet ta' ksur, allegati u kkonfermati, tar-regoli etiċi, u dwar kif indirizzathom, u kif se tevitahom fil-futur;

Kisbiet ewlenin

20.  Jilqa' t-tliet kisbiet u suċċessi ewlenin identifikati mill-Awtorità fl-2016, jiġifieri li:

   għenet biex l-investituri jkunu protetti aktar billi kkoordinat għadd ta' attivitajiet tar-regolaturi nazzjonali b'rabta ma' prodotti spekulattivi ta' riskju għoli offruti lill-klijenti konsumaturi madwar l-Unjoni;
   ikkontribwiet għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali billi ppubblikat il-ħidma dwar il-ġestjoni ta' fondi abbażi tal-indiċjar li suppost huma ġġestiti b'mod attiv (closet indexing), u indirizzat opinjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar x'għandhom ikunu l-prinċipji ewlenin għal qafas Ewropew dwar l-oriġini ta' self minn fondi;
   ikkontribwiet għall-istabbiltà finanzjarja billi wettqet, għall-ewwel darba globalment, l-ewwel test tal-istress għall-kontropartijiet ċentrali mal-UE kollha;

Awditu intern

21.  Jinnota li l-Awtorità implimentat pjan ta' azzjoni b'risposta għall-awditu tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) dwar "Stakeholder Management and External Communication" (Il-ġestjoni tal-partijiet interessati u tal-komunikazzjoni esterna); jinnota li, fl-2016, l-Awtorità bdiet tiżviluppa u timplimenta approċċ integrat għall-ippjanar, ġestjoni u eżekuzzjoni tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni lejn il-partijiet interessati interni u esterni tagħha, li se jirriżulta f'għadd ta' sinerġiji, inkluż aktar koordinament tal-attivitajiet tal-partijiet interessati fil-mezzi kollha ta' komunikazzjoni;

22.  Jirrikonoxxi li l-Awtorità implimentat kull rakkomandazzjoni kritika jew importanti ħafna maħruġa mill-IAS fis-snin ta' qabel;

Prestazzjoni

23.  Jilqa' l-fatt li l-Awtorità, flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, tifforma parti minn Kumitat Konġunt li jaħdem biex jiżgura konsistenza transettorjali u pożizzjonijiet konġunti fil-qasam tas-superviżjoni tal-konglomerati finanzjarji u fuq kwistjonijiet transettorjali oħra; jieħu nota, barra minn hekk, li l-Awtorità ħadmet ukoll biex tibni l-kooperazzjoni tagħha mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u mal-Bank Ċentrali Ewropew f'oqsma ta' interess reċiproku, bħall-infrastrutturi tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja;

24.  Jinnota li l-Qorti wettqet awditu tal-prestazzjoni fuq is-superviżjoni tal-Awtorità fuq l-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu, u ppubblikat ir-rapport finali tagħha fi Frar 2016; jirrikonoxxi li l-Awtorità fasslet pjan ta' azzjoni wara l-awditu sabiex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; jieħu nota li seba' mit-tmien rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Qorti diġà ġew indirizzati, u li t-tmien waħda għadha għaddejja;

Kummenti oħra

25.  Jenfasizza li, filwaqt li tiżgura li l-kompiti kollha li jirriżultaw mill-qafas regolatorju stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin, l-Awtorità għandha żżomm rigorożament mal-kompiti, ma għandhiex tmur lil hinn mill-mandat mogħti lilha mill-Parlament u mill-Kunsill, u għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju ta' proporzjonalità, bil-għan li tottimizza l-użu tar-riżorsi u tilħaq l-objettivi li ngħatat mandat dwarhom mill-Parlament u mill-Kunsill;

26.  Jirrileva r-rwol ċentrali tal-Awtorità fl-iżgurar ta' superviżjoni aħjar tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni biex tiżgura l-istabbiltà finanzjarja, it-trasparenza meħtieġa u aktar sigurtà għas-swieq finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikulari billi tikkoordina s-superviżjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, billi tikkoopera ma' istituzzjonijiet responsabbli għas-superviżjoni internazzjonali fejn ikun meħtieġ, kif ukoll billi tissorvelja l-applikazzjoni konsistenti tad-dritt tal-Unjoni; jenfasizza li tali kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq atmosfera ta' fiduċja; jissottolinja r-rwol tal-Awtorità li tikkontribwixxi għal prattiki ta' superviżjoni konverġenti f'livell għoli fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u li tippromwovi dawn il-prattiki; jenfasizza wkoll li, fit-tfassil ta' miżuri tal-Livell 2 u tal-Livell 3, għandha tingħata attenzjoni lill-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq nazzjonali differenti, u li l-parteċipanti tas-suq ikkonċernati għandhom ikunu involuti fi stadju kemm jista' jkun bikri fil-proċess tal-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri, kif ukoll fl-istadji individwali tad-disinn u tal-implimentazzjoni; jinnota l-bżonn li l-ħidma tal-Awtorità tiġi vvalutata sewwa fuq bażi regolari, fi sforz biex talloka u tuża r-riżorsi tagħha b'mod aktar effikaċi, trasparenti u kredibbli;

27.  Jinnota li, minħabba li x-xogħol tal-Awtorità qiegħed jinbidel dejjem aktar minn kompiti regolatorji għall-infurzar u għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-baġit u l-persunal tal-Awtorità għandhom jiġu riallokati internament; iqis li huwa essenzjali li l-Awtorità jkollha biżżejjed riżorsi biex twettaq il-kompiti tagħha bis-sħiħ, inkluż biex tlaħħaq ma' kwalunkwe volum ta' xogħol addizzjonali kkawżat minn dawk il-kompiti, filwaqt li tiżgura livell adatt ta' prijoritizzazzjoni f'dak li jirrigwarda l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-effiċjenza baġitarja; barra minn hekk, jirrimarka li kwalunkwe żieda fil-volum tax-xogħol tal-Awtorità tista' tiġi akkomodata internament permezz tar-riallokazzjoni ta' riżorsi baġitarji jew umani, bil-kundizzjoni li din ir-riallokazzjoni ma taffettwax l-eżerċizzju sħiħ min-naħa tal-Awtorità tal-mandat tagħha u tiżgura l-indipendenza tal-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħha;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon li, fl-2016, l-Awtorità kienet involuta fiċ-ċertifikazzjoni tal-iskema ta' ġestjoni u verifika ambjentali għal diversi attivitajiet intiżi biex inaqqsu l-impronta ambjentali;

29.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jista' jaffettwa l-attivitajiet tal-Awtorità peress li, fil-preżent, ħafna mill-entitajiet sorveljati sinifikanti jinsabu hemmhekk; jieħu nota li huwa possibbli li, fil-futur, id-dħul tal-Awtorità jonqos b'riżultat tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni;

30.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità tinvolvi ruħha b'mod proattiv mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex tifhem l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, kif ukoll l-impatt tal-ħruġ fuq l-Awtorità; jieħu nota, barra minn hekk, li l-Awtorità hija f'kuntatt mal-Kumissjoni u tiskambja informazzjoni dwar din il-kwistjoni;

o
o   o

31.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 84, 17.03.2017, p. 192.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali