Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2156(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0080/2018

Testi mressqa :

A8-0080/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.51

Testi adottati :

P8_TA(2018)0156

Testi adottati
PDF 527kWORD 54k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF)
P8_TA(2018)0156A8-0080/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0066/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jwaqqaf Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0080/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 181.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 181.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0066/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jwaqqaf Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0080/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 181.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 181.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0080/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u ta' governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapporti tad-dħul u n-nefqa tagħha(1), il-baġit finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (il-‘Fondazzjoni’) għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 20 900 849,11, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 0,63 % meta mqabbel ma' dak għall-2015; billi l-baġit tal-Fondazzjoni huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-‘Qorti’), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 (ir-‘rapport tal-Qorti’), stqarret li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2013, 2014 u 2015

1.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li n-nota dwar il-fondi li jammontaw għal EUR 7 500 000 miljun depożitati f'bank wieħed bi klassifikazzjoni tal-kreditu baxxa li saret fir-rapport 2013 tal-Qorti u li kienet immarkata bħala "għadha għaddejja" fir-rapporti tal-Qorti għall-2014 u 2015 issa hi mmarkata bħala "ikkompletata";

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata għolja ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,99 %, rata li tindika li l-impenji saru f'waqthom, u jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 97,66 %;

Impenji u riporti

3.  Jinnota li r-riporti globali fit-Titoli I u II naqsu minn 3,3 % fil-perjodu 2015 sal-2016 għal 3,1 % fil-perjodu 2016 sal-2017, li hija indikazzjoni ta' allinjament imtejjeb tal-attivitajiet amministrattivi tal-Fondazzjoni u tal-pagamenti tagħhom fiċ-ċiklu annwali tagħha; jinnota li fit-Titolu I ġew riportati EUR 155 186 (1,2 %) li jirrappreżenta titjib meta mqabbel mal-2015 (EUR 180 398 (1,4 %)); jinnota li fit-Titolu II, ġew riportati EUR 313 450 (18,4 %) li jirrappreżenta kontinwazzjoni tal-prestazzjoni tal-2015 (EUR 316 442 (16,1 %)), u għat-Titolu III, ir-RAL (reste à liquider) naqas minn 36,4 % fl-2015 għal 30,3 % fl-2016, prinċipalment minħabba żieda fl-attenzjoni tal-pagamenti, fi tnaqqis fit-talbiet ta' missjoni pendenti u f'ippjanar aħjar tal-attivitajiet;

4.  Jirrimarka li r-riporti sikwit ikunu ġustifikati, parzjalment jew għal kollox, min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji u ma jindikawx neċessarjament dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u lanqas ma jmorru dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-aġenziji u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferimenti

5.  Jinnota li l-Fondazzjoni wettqet seba' trasferimenti baġitarji fl-2016, meta mqabbla ma' disgħa fl-2015 u li l-ammont totali ttrasferit kien inqas minn tas-sena ta' qabel (6,1 % fl-2016 meta mqabbel ma' 8,2 % fl-2015); jirrikonoxxi mill-Fondazzjoni li dan jista' jiġi attribwit għal miżura ta' effiċjenza li ġiet introdotta biex iżżomm lista ta' riżerva ta' attivitajiet li jirriżultaw mill-eżerċizzji tal-ippjanar; jinnota b'sodisfazzjon li l-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2016 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

Politika tal-persunal

6.  Josserva li, skont it-tabella tal-persunal, kien hemm 89 post okkupat fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbla ma' 90 fl-2015; jiddispjaċih għall-fatt li min-numru tal-postijiet okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, kien għadu ma ntlaħaqx bilanċ bejn is-sessi peress li l-proporzjon kien jaqbeż tnejn għal wieħed: 67,94 % fil-każ tal-persunal feminili u ta' 32,06 % fil-każ tal-persunal maskili; jirrakkomanda li dan l-iżbilanċ jiġi indirizzat bħala kwistjoni ta’ urġenza;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Fondazzoni; jenfasizza li l-baġit li ntefaq għal kull membru tal-persunal għal attivitajiet ta' benesseri jammonta għal EUR 883 u li fl-2016 ġew organizzati żewġ away days għall-persunal; jiddispjaċih li l-għadd medju ta' liv minħabba mard għal kull membru tal-persunal huwa ta' 15-il jum (11-il jum u nofs jekk wieħed jeskludi l-ħin mediku part-time), li huwa wieħed mill-ogħla ċifri fost l-aġenziji tal-Unjoni; jirrakkomanda li din is-sitwazzjoni tiġi eżaminata sabiex tiġi stabbilita l-kawża tagħha, partikolarment jekk hijiex relatata mal-istress fuq il-post tax-xogħol;

8.  Jinnota li d-deċiżjoni dwar il-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali kienet diġà adottata fl-2010; jappoġġa s-sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni organizzati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal;

9.  Jinnota b’ sodisfazzjon li l-fatt li l-Fondazzjoni ma rċevietx ilmenti, azzjonijiet legali jew każijiet irrapportati marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal fl-2016;

Prevenzjoni u ġestjoni ta' kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

10.  Jirrikonoxxi li l-Fondazzjoni kienet proattiva fit-talba ta' dikjarazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess tal-membri kollha tal-Bord ta' Tmexxija, f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90(2); jistieden lill-Fondazzjoni tfassal rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dan il-qasam; jinnota b'sodisfazzjon li s-CVs issa huma aċċessibbli liberament;

11.  Jinnota li r-reġistru ta' trasparenza ma japplikax fil-ħidma tal-Fondazzjoni;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon li f'Diċembru 2015 il-Fondazzjoni adottat il-politika tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jenfasizza li kien hemm każ wieħed ta' informatur fl-2016, li ma kienx ġie ppreżentat lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) minħabba li kienu waslu l-kjarifiki kollha;

13.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

14.  Jinnota li fil-bidu tal-2017 twettaq eżerċizzju ta' tagħlim u ta' sensibilizzazzjoni online dwar il-frodi u l-kunflitti ta' interess għall-persunal kollu;

Kisbiet ewlenin

15.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Fondazzjoni fl-2016, jiġifieri li:

   laħqet il-miri biex jinkisbu l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) kollha fl-2016;
   iġġestiet 105 talba għal assistenza mill-Kummissjoni u mid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jkopru 52 % tal-pajjiżi sħab; jinnota li kien hemm sodisfazzjon ġenerali bis-servizzi provduti mill-Fondazzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-ħidma, l-utilità u t-tempestività tal-appoġġ tal-Fondazzjoni;
   appoġġat l-analiżi tal-politika u tal-iżvilupp f'25 pajjiż sieħeb permezz tal-proċess ta' Torino;

16.  Jilqa' r-rata għolja ta' twettiq tal-attivitajiet ippjanati fl-2016 (94 %), iżda jinnota li din naqset bi ftit meta mqabbla mal-2015 (96 %); jinnota t-titjib konsiderevoli fir-rata ta' realizzazzjoni fil-ħin stabbilit (90 %) meta mqabbla mas-snin preċedenti qabel l-2016 (83 %);

17.  Jiddispjaċih madankollu li l-Fondazzjoni ma tutilizzah l-indikaturi tal-attività jew output sabiex ittejjeb l-użu tal-KPIs u jirrakkomanda li din il-politika għandha tinbidel;

Strateġija kontra l-frodi

18.  Jilqa' l-fatt li l-Fondazzjoni żviluppat l-istrateġija ta' kontra l-frodi tagħha kif previst fl-istrateġija ġenerali ta' kontra l-frodi tal-Kummissjoni; jinnota b'sodisfazzjon l-iżvilupp ta' modulu ta' taħriġ online biex jinżamm l-għarfien dwar il-prevenzjoni kontra l-frodi għall-persunal kollu, li se jiġi pprovdut u ripetut b'mod regolari mill-2017;

Kontroll intern

19.  Jinnota li fl-2016, il-Fondazzjoni ħadet miżuri importanti biex titjieb l-effiċjenza tas-sistemi tagħha ta' kontroll intern (ICS) fil-qasam ta' tmexxija (ICS 1 Missjoni u Valuri; ICS 2 Valuri Etiċi u Organizzattivi; ICS 7 Struttura Operattiva), l-immaniġġjar ta' persuni (ICS 3 Allokazzjoni tal-Persunal u Mobbiltà; ICS 4 Evalwazzjoni u Żvilupp tal-Persunal), l-istrateġija, l-ippjanar u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati (ICS 5 Objettivi u Indikaturi tal-Prestazzjoni u ICS 6), il-ġestjoni tar-riskju u l-proċessi (ICS 11 Ġestjoni ta' Dokumenti u ICS 12 Informazzjoni u Komunikazzjoni);

Awditu intern

20.  Jinnota li l-Fondazzjoni hija awditjata mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) u li hija ma rċeviet ebda rakkomandazzjoni kritika mill-korp ta' kontroll fl-2016;

Prestazzjoni

21.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li twettqet evalwazzjoni esterna tal-Fondazzjoni f'isem il-Kummissjoni fl-2016 bħala l-ewwel pass f'valutazzjoni trasversali ta' erba' aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni; jinnota madankollu li l-evalwazzjoni kkonkludiet li r-riorganizzazzjoni konsiderevoli li saret fil-Fondazzjoni mill-2011 'il hawn ma kellhiex effetti negattivi sinifikanti u tqieset bħala pass pjuttost pożittiv mill-partijiet ikkonċernati, kemm dawk interni kif ukoll dawk esterni, speċjalment f'termini ta' strateġija u effettività; jinnota b'apprezzament li l-governanza tal-Fondazzjoni kienet meqjusa bħala effiċjenti u effettiva; jinnota li l-evalwazzjoni tenfasizza wkoll il-fatt li l-Fondazzjoni kompliet issaħħaħ il-kapaċità tagħha ta' monitoraġġ mill-2011 'il hawn iżda li għad hemm lok għal stampa aktar ċara tal-attivitajiet u l-kisbiet tagħha; josserva li l-Fondazzjoni ħejjiet pjan għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwaturi;

22.  Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti li fir-rapport tagħha tal-2011 il-Qorti diġà enfasizzat is-sitwazzjoni mhux sodisfaċenti fir-rigward tal-bini tal-Fondazzjoni u l-fatt li dan seta' jwassal biex ifixkel l-attivitajiet tal-Fondazzjoni; jiddispjaċih li s-sitwazzjoni tibqa' waħda ta' status quo peress li l-Konsorzju li kien qed jimmaniġġja u jokkupa parti mill-kumpless ġie llikwidat fl-2011 u ħalla parti mill-kumpless vojt; jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti biex il-pajjiż ospitanti jsib soluzzjoni għal din il-kwistjoni; ifakkar li, skont il-ftehim mal-pajjiż ospitanti, huma garantiti faċilitajiet xierqa sal-2027; jistieden lill-Fondazzjoni tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar kwalunkwe miżura meħuda dwar din il-materja;

23.  Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Fondazzjoni bl-għan li tappoġġa lill-pajjiżi sħab tal-Unjoni sabiex jisfruttaw il-kapital uman tagħhom permezz tar-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tas-suq tax-xogħol fi ħdan il-kuntest tal-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; jilqa' l-attivitajiet tal-Fondazzjoni rigward l-iżvilupp tal-ħiliet u l-iffaċilitar tat-tagħlim tul il-ħajja bl-għan li tappoġġa lill-pajjiżi sħab biex itejbu l-impjegabbiltà u l-prospetti ta' impjieg għaċ-ċittadini tagħhom;

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-appoġġ mill-Fondazzjoni lill-pajjiżi kandidati bl-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet ta' Riga tal-2015 f'oqsma bħalma huma t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll it-tagħlim intraprenditorjali;

25.  Jilqa' l-kooperazzjoni tal-Fondazzjoni mal-aġenziji l-oħra tal-Unjoni – b'mod partikolari mal-Eurofound u s-Cedefop – dwar il-politiki tal-Unjoni li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapital uman;

o
o   o

26.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 12, 13.1.2017, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 tas-7 ta' Mejju 1990 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1).
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali