Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2178(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0111/2018

Testi mressqa :

A8-0111/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.52

Testi adottati :

P8_TA(2018)0157

Testi adottati
PDF 469kWORD 59k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: L-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA)
P8_TA(2018)0157A8-0111/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2178(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0088/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0111/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 194.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 194.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2178(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0088/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0111/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 194.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 194.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2178(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0111/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (l-‘Aġenzija’) għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 82 267 949, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 21,77 % meta mqabbel mal-2015 minħabba l-proċedura ġdida ta' akkwist għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża u s-Sistema ta' Tqabbil Bijometriku; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanzi 2013 u 2015

1.  Jinnota bi tħassib l-għadd ta' kwistjonijiet pendenti u miżuri korrettivi li għaddejjin bħalissa b'reazzjoni għall-kummenti tal-Qorti fl-2013 u fl-2015 relatati ma' kuntratt qafas għall-akkwist ta' servizzi u mar-relazzjoni bejn l-Aġenzija u l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen; iħeġġeġ lill-Aġenzija tieħu azzjonijiet korrettivi mingħajr aktar dewmien;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

2.  Jikkundanna l-fatt li l-Aġenzija rċeviet u aċċettat fornimenti li jammontaw għal EUR 2 800 000 mingħajr ma kellha impenji baġitarji u legali (kuntratti) stabbiliti. jinnota li l-impenji legali saru b'mod retroattiv sabiex ix-xirjiet jiġu regolarizzati; jinnota, barra minn hekk, li skont l-Aġenzija, ix-xirjiet saru b'dan il-mod sabiex jiġu trattati rekwiżiti operattivi urġenti, u anki b'reazzjoni għall-bżonnijiet ta' ħżin ta' ċerti Stati Membri li qed jiżdiedu rapidament; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb b'mod sinifikanti l-ippjanar baġitarju u l-implimentazzjoni tal-baġit; huwa tal-fehma li l-ħtiġijiet ta' ħżin li qed jiżdiedu min-naħa tal-Istati Membri kienu prevedibbli mill-Aġenzija; huwa tal-fehma li r-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku jippermettu proċedura urġenti, u b'hekk li l-iffirmar retroattiv ta' kuntratti għal xiri urġenti mhuwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-isforzi ta' sorveljanza tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,9 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 97,6 %;

4.  Jinnota li l-Aġenzija ffirmat kuntratt ta' kostruzzjoni għall-bini tagħha fi Strasburgu b'valur ta' EUR 21 500 000 f'Ġunju 2015; jinnota, barra minn hekk, li sar qbil dwar pagamenti fi stadji bħala l-metodu prinċipali ta' pagament; jinnota bi tħassib li l-Aġenzija emendat il-kuntratt f'Lulju 2015 biex tagħmel il-ħlasijiet bil-quddiem il-metodu regolari biex jiżdied il-konsum tal-baġit; huwa mħasseb serjament dwar il-fatt li sa Novembru 2016 l-Aġenzija kienet ħallset l-ammont sħiħ tal-kuntratt, għalkemm inqas minn nofs ix-xogħol kien tlesta; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, il-pagamenti ta' prefinanzjament kienu assoċjati ma' garanzija finanzjarja korrispondenti u garanzija tal-eżekuzzjoni ta' 5 %; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-kuntratt;

Impenji u riporti

5.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-approprjazzjonijiet riportati taħt it-Titolu II (nefqa amministrattiva) huma għoljin, f'livell ta' EUR 5 000 000, jiġifieri 63 %, tal-approprjazzjonijiet impenjati (imqabbla ma' EUR 9 000 000 fl-2015, jiġifieri 50 %); ifakkar li r-riporti prinċipalment jikkonċernaw il-manutenzjoni tal-bini u s-servizzi ta' konsulenza li kellhom jiġu fornuti fl-2017;

6.  Jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, ir-riporti għat-Titolu I u t-Titolu II huma kontinwament riveduti u ppjanati bl-objettiv li dawn jitnaqqsu fuq perjodu ta' żmien għall-minimu strett u meħtieġ u li mill-EUR 19,5 miljun ta' approprjazzjonijiet mhux differenzjati riportati għall-2016, EUR 474 000 biss ġew ikkanċellati, ammont li jirrappreżenta 2,42 %;

7.  Jinnota li r-riporti spiss jistgħu jiġu parzjalment jew kompletament ġustifikati bin-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u jiġu kkomunikati lill-Qorti;

Akkwist pubbliku u politika tal-persunal

8.  Jinnota bi tħassib li l-Qorti identifikat akkwisti pubbliċi fejn l-Aġenzija ma fittxitx is-soluzzjoni l-aktar ekonomika billi ma ċċekkjatx jekk il-kuntrattur ta' kuntratt qafas kienx sab l-aħjar prezz; jistieden lill-Aġenzija tqis il-prinċipju ta' ekonomija u effikaċja f'termini ta' spejjeż bis-serjetà u twettaq il-miżuri rilevanti kollha biex jiġi evitat li din is-sitwazzjoni terġa' sseħħ;

9.  Jinnota li f'Mejju 2016 l-Aġenzija ffirmat kuntratt qafas ma' konsorzju għal EUR 194 000 000 għall-iżvilupp ulterjuri u l-manutenzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u tas-Sistema ta' Tqabbil Bijometriku (BMS) għal perjodu massimu ta' sitt snin; jinnota li l-kuntratt ingħata permezz ta' proċedura ta' akkwist pubbliku; jinnota wkoll li rekwiżit ewlieni biex l-offerenti jiġu aċċettati kien li jkollhom aċċess kummerċjali għat-teknoloġija BMS; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tar-riskju potenzjali għall-kompetittività tal-proċedura; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, l-akkwist ta' liċenzji permanenti huwa marbut mal-manutenzjoni sussegwenti tagħhom u rriżulta fi ffrankar sinifikanti ta' fondi fuq terminu twil stmat għal EUR 402 243,22 fuq perjodu ta' erba' snin; jinnota li l-Artikolu I.19.1 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratt qafas jipprevedi l-"klijent l-aktar favorit", biex b'hekk ikompli jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Aġenzija fl-akkwist ta' ħardwer jew softwer mill-kuntrattur;

10.  Josserva mill-pjan ta' stabbiliment tal-Aġenzija li 114-il post tax-xogħol (mill-118-il post awtorizzat taħt il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbel ma' 117-il post fl-2015; jinnota li, barra minn hekk, l-Aġenzija kienet tħaddem 26 aġent kuntrattwali, 47 membru ta' persunal temporanju u 6 esperti nazzjonali sekondati;

11.  Josserva bi tħassib li r-riskju operattiv li qed jikber, li l-operazzjonijiet tal-Aġenzija qed jiffaċċjaw, huwa relatat ma' nuqqas ta' persunal tal-Aġenzija b'tali mod li waqt li l-kompiti allokati lilha qed jiżdiedu kontinwament, il-livelli tal-persunal tnaqqsu bħala riżultat tar-rekwiżit li l-persunal jitnaqqas b'5 %; josserva li hemm għadd ta' funzjonijiet fl-Aġenzija li jew huma neqsin mill-persunal jew ma għandhom l-ebda kontinwità tal-attivitajiet integrata (membru wieħed tal-persunal li jwettaq il-kompiti u jġorr l-għarfien dwar l-operazzjonijiet); jinnota bi tħassib li t-tnaqqis tal-persunal u l-esternalizzazzjoni tax-xogħol iżidu r-riskju ta' "revolving doors" u żvelar ta' informazzjoni; jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija ppubblikat il-prinċipji ġenerali dwar l-obbligi wara t-tluq mis-servizz fil-kodiċi ta' mġiba u kondotta etika;

12.  Josserva li l-Aġenzija qiegħda ssir dejjem aktar dipendenti fuq il-persunal estern, li spiss jiswa aktar biex jiġi impjegat mill-persunal intern u jista' jippreżenta riskji inerenti fir-rigward taż-żamma tal-għarfien u l-kapaċitajiet fl-Aġenzija u s-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet tagħha;

13.  Jilqa' l-politika ta' żamma tal-persunal tal-Aġenzija, implimentata mill-bord ta' tmexxija, li tipprevedi l-possibbiltà li aġenti temporanji jingħataw kuntratti għal żmien indeterminat fi tmiem l-ewwel terminu kuntrattwali tagħhom, fattur li jippermetti lill-Aġenzija żżomm għarfien espert u kompetenzi interni fundamentali;

14.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' bilanċ bejn is-sessi fost il-postijiet tax-xogħol okkupati sad-data tal-31 ta' Diċembru 2016, meta jitqies li l-proporzjon tal-membri tal-persunal hu ta' 28 % nisa u 72 % rġiel; jiddispjaċih li l-bord ta' tmexxija huwa saħansitra aktar żbilanċjat bi proporzjon ta' 11 % nisa u 89 % rġiel; jistieden lill-Aġenzija tagħti aktar attenzjoni lill-bilanċ bejn is-sessi tal-persunal tagħha;

15.  Jiddispjaċih li ma ttieħed l-ebda pass rigward l-iżbilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw bilanċ bejn is-sessi meta jinnominaw lill-membri tagħhom u lill-membri sostituti għall-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tfakkar b'mod proattiv lill-Istati Membri dwar l-importanza ta' bilanċ bejn is-sessi;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija ma rċeviet l-ebda lment, azzjoni legali jew każ irrappurtat b'rabta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal fl-2016;

17.  Josserva li fl-2016 il-persunal tal-Aġenzija bħala medja kien fuq liv tal-mard għal 10,7 ijiem; jinnota li, skont ir-risposti tal-Aġenzija, l-għadd ta' ġranet iddedikati għal attivitajiet ta' benesseri għal kull membru tal-persunal fl-2016 kien bejn jumejn u tlett ijiem; jinnota li l-Aġenzija organizzat diversi attivitajiet ta' bini ta' tim b'aktar jiem allokati lill-persunal operattiv u inqas lill-persunal amministrattiv; jistieden lill-Aġenzija tikkonsulta mas-servizz mediku dwar kif għandha tnaqqas l-assenzi mix-xogħol dovuti għal liv tal-mard;

18.  Josserva li fl-2015 l-Aġenzija adottat politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali u li l-informazzjoni dwar ir-regoli ta' implimentazzjoni hija inkluża fil-programm għall-membri l-ġodda tal-persunal; jinnota li r-riżorsi umani u l-unità tat-taħriġ tal-Aġenzija jipprovdu r-risposti u l-informazzjoni lill-membri tal-persunal dwar dan is-suġġett; jinnota li fl-2016 żewġ ilmenti ġew ippreżentati, investigati u konklużi b'rakkomandazzjonijiet u li l-ebda każ ma' tressaq il-qorti;

19.  Jinnota li l-Aġenzija m'għandha l-ebda vettura uffiċjali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

20.  Jinnota li l-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija approva l-linji gwida tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fit-23 ta' Mejju 2016 u li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) ta opinjoni pożittiva dwar it-test; jinnota, madankollu, li d-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni ma kienx favur tiegħu u informa lill-Aġenzija li l-Kummissjoni qed taħdem fuq linji gwida ġodda; jinnota b'soddisfazzjon li sadattant l-Aġenzija ppubblikat il-prinċipji ġenerali għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta rilevanti fil-kodiċi ta' kondotta ppubblikata fuq is-sit web tagħha; itenni li t-trasparenza hija kwistjoni kruċjali għall-ħolqien u ż-żamma ta' relazzjoni ta' fiduċja bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha;

21.  Jinnota li l-membri kollha tal-bord ta' tmexxija huma obbligati li joħorġu dikjarazzjoni pubblika annwali ta' interess bil-miktub, li tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota li s-CV tad-direttur eżekuttiv u l-president tal-bord ta' tmexxija huma wkoll ippubblikati u miżmuma aġġornati; jinnota li l-Aġenzija qed tħejji regoli ġodda dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jiddispjaċih li l-membri tal-bord ta' tmexxija u tal-grupp konsultattiv ippubblikaw dikjarazzjonijiet ta' "nuqqas ta' kunflitti ta' interess" pjuttost milli dikjarazzjonijiet ta' interess, peress li m'għandux jitħalla f'idejn il-membri nfushom li jiddikjaraw li ma għandhom l-ebda kunflitt ta' interess, iżda għandhom ikunu partijiet terzi li jivverifikaw b'mod indipendenti d-dikjarazzjonijiet ta' interess; jistieden lill-membri tal-bord ta' tmexxija u tal-grupp konsultattiv jippubblikaw dikjarazzjonijiet ta' interess fejn jelenkaw is-sħubija tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar din il-kwistjoni qabel tmiem Lulju 2018;

22.  Jinnota li l-ewwel rapport annwali ta' monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi tal-Aġenzija (April 2016) wera livell baxx ta' implimentazzjoni qrib is-60 %, filwaqt li r-rapport ta' segwitu ta' wara (Novembru 2017) wera livell ta' implimentazzjoni kwantitattiva ta' mill-inqas 80 %; jinnota l-progress li sar f'dan ir-rigward; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb b'mod kostanti l-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha kontra l-frodi;

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija qed tħejji reviżjoni tal-istrateġija tagħha kontra l-frodi; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda;

24.  Josserva li l-Aġenzija infurmat lill-Parlament li ma tittrattax ma' lobbyists;

25.  Jinnota li fl-2016 l-Aġenzija rċeviet ħdax-il talba għal aċċess għad-dokumenti li l-Aġenzija tat aċċess sħiħ għalihom f'disa' każijiet, filwaqt li ċaħdet l-aċċess għal żewġ talbiet minħabba raġunijiet ta' protezzjoni tal-interessi kummerċjali u l-protezzjoni tal-iskop ta' spezzjoni, ta' investigazzjoni u ta' awditjar; jistenna li l-Aġenzija, meta tkun qed tiddeċiedi dwar il-limitazzjoni ta' aċċess għad-dokumenti biex tipproteġi l-interessi kummerċjali, tqis ukoll b'serjetà l-interess taċ-ċittadini u l-impenn tal-Unjoni għal trasparenza akbar, filwaqt li tqis ukoll ir-regoli u r-regolamenti kollha rilevanti;

26.  Jinnota li għal wieħed mill-każijiet li fihom talba għal aċċess għad-dokumenti ġiet miċħuda, il-każ ġie mgħoddi ulterjorment lill-Ombudsman Ewropew li wettqet spezzjoni bejn tmiem l-2016 u l-bidu tal-2017 u għalqet il-fajl f'Marzu 2017 b'rapport iffirmat u ddatat it-3 ta' Marzu 2017; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew u l-proċedura sussegwenti, jekk ikun hemm;

Kisbiet ewlenin

27.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, jiġifieri li:

   implimentat sistema ta' ġestjoni tal-kwalità korporattiva;
   żgurat operazzjonijiet stabbli u kontinwi tas-sistemi fdati lilha u fl-istess ħin ipprovdiet appoġġ wiesa' lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' numru ta' proposti legali ewlenin;
   kellha rwol ewlieni fl-iżviluppi kollha relatati mal-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-IT fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u tat kontribut sinifikanti biex tappoġġa u tiffaċilita x-xogħol ta' grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar is-sistemi ta' informazzjoni u l-interoperabbiltà mmexxija mill-Kummissjoni;

28.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija twettqet f'isem il-Kummissjoni minn Marzu sa Diċembru 2015 u li r-riżultati ġew ippreżentati f'Marzu 2016; jinnota li l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-Aġenzija tikkontribwixxi għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u tissodisfa l-kompiti tagħha b'mod effikaċi; jinnota wkoll li sabiex itejbu l-ġestjoni operattiva, l-evalwaturi għamlu 64 rakkomandazzjoni, li sebgħa minnhom jitqiesu kritiċi u ħdax importanti ħafna; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija ħejjiet pjan biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet u li dan qed jiġi implimentat; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan;

29.  Jilqa' l-kooperazzjoni kontinwa tal-Aġenzija mal-aġenziji l-oħra tal-ġustizzja u l-affarijiet interni; jinnota li r-rapport annwali tan-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE jindika li fl-2016 l-Aġenzija impenjat ruħha f'għadd ikbar ta' attivitajiet konġunti ma' aġenziji oħra milli fi kwalunkwe sena preċedenti;

30.  Jinnota li l-2016 kienet l-aktar sena intensiva u impenjattiva għall-Aġenzija minn mindu ġiet stabbilita u li l-Aġenzija, madankollu, kellha prestazzjoni tajba u ssodisfat il-programm ta' ħidma annwali tagħha b'mod sħiħ, billi wettqet kważi l-attivitajiet kollha tagħha kif ippjanat u kisbet l-objettivi operattivi tagħha; jinnota, barra minn hekk, li għadd ta' kompiti addizzjonali ġew assunti matul is-sena;

Awditjar intern

31.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fir-rapport tal-awditjar tagħha ta' Lulju 2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) ikkonkluda li t-tfassil ġenerali u l-implimentazzjoni prattika tal-proċessi jiżguraw li l-Aġenzija topera s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża u s-Sistema Ewropea għat-Tqabbil tar-Rekords Dattiloskopiċi ta' Persuni li jfittxu l-Asil b'mod li jippermetti l-iskambju kontinwu u mingħajr interruzzjoni ta' data bejn l-awtoritajiet nazzjonali li jużawhom; jilqa' wkoll il-fatt li, skont il-valutazzjoni esterna mwettqa f'isem il-Kummissjoni, l-Aġenzija topera u twettaq il-kompiti tagħha b'mod effikaċi; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS qies li hemm lok għal titjib fl-effiċjenza tal-proċessi fir-rigward tal-ġestjoni tal-konfigurazzjonijiet u l-ġestjoni tal-bidliet, il-ġestjoni tar-rilaxxi u tal-ittestjar, il-ġestjoni tal-problemi, kif ukoll il-ġestjoni tas-servizzi u tal-inċidenti; jinnota li l-Aġenzija u l-IAS qablu dwar pjan biex tittieħed azzjoni korrettiva; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan;

32.  Josserva li l-IAS wettaq żewġ awditi ta' assigurazzjoni fl-2016: awditu dwar operazzjonijiet tal-IT u awditu dwar l-ippjanar tal-persunal u l-allokazzjoni tal-persunal, evalwazzjoni tal-prestazzjoni, il-promozzjoni u t-taħriġ; jinnota li l-IAS ikkonkluda li għad hemm xi dgħufijiet fil-proċess tal-Aġenzija għall-ġestjoni tar-riżorsi umani, b'mod partikolari elementi li mhumiex għalkollox konformi mal-aspetti proċedurali tar-regoli ta' implimentazzjoni u l-linji gwida interni tal-Aġenzija stess; jinnota li ġie ppreparat pjan ta' azzjoni biex ir-riżultati kollha miksuba jiġu indirizzati; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ta' azzjoni;

33.  Josserva li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) wettqet tliet awditi ta' assigurazzjoni:

   awditu dwar id-Disinn ta' Sistema ta' Kontroll Intern għal Ftehim ta' Delega tal-Fruntieri Intelliġenti, fejn l-IAC kienet tal-fehma li d-disinn tas-sistema ta' kontroll intern stabbilit mill-Aġenzija kien adegwat fid-data tat-23 ta' Mejju 2016;
   awditu dwar il-proġett ta' rikostruzzjoni fi Strasburgu, fejn l-IAC ma setgħetx tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli rigward l-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistema ta' kontroll intern stabbilita għall-proġett fin-nuqqas tad-dokumenti meħtieġa tal-proġett u kienet imħassba dwar l-organizzazzjoni tal-ġestjoni tal-proġetti u tal-kuntratti li kienet stabbilita; jinnota li ġie ppreparat pjan ta' azzjoni biex ir-riżultati kollha miksuba jiġu indirizzati; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ta' azzjoni;
   rapport tal-awditjar finali dwar il-ġestjoni tal-proġetti tal-IT, fejn l-IAC kienet tal-fehma li l-proċess ta' ġestjoni tal-proġetti kellu bżonn urġenti ta' reviżjoni u titjib; jinnota li ġie ppreparat pjan ta' azzjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ta' azzjoni;

34.  Jinnota li sad-data tal-31 ta' Diċembru 2016, l-Aġenzija kellha 22 rakkomandazzjoni tal-awditjar miftuħa li kienu kklassifikati bħala "importanti ħafna", u li jinkludu 10 rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li nħarġu reċentement; jinnota li l-ebda kwistjoni "kritika" ma hija miftuħa; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar;

Kummenti oħra

35.  Jinnota li l-ftehim dwar is-sit tekniku mal-Istat Membru ospitanti, Franza, daħal fis-seħħ fit-28 ta' Awwissu 2016;

36.  Jinnota b'sodisfazzjon li sabiex jiġi żgurat post tax-xogħol effikaċi fil-konfront tal-ispejjeż u li jkun favorevoli għall-ambjent, kriterji ta' prestazzjoni klimatika u ambjentali ġew inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-offerti tal-Aġenzija u li għall-binjiet direttament ġestiti mill-Aġenzija japplikaw regoli dwar l-effiċjenza fl-enerġija;

37.  Jinnota b'sodisfazzjon li sabiex jiġi żgurat tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tas-CO2, jew biex jitpatta għalihom, il-politiki tal-ġestjoni tal-ivvjaġġar tal-Aġenzija għandhom l-għan li jnaqqsu l-ivvjaġġar bl-ajru għal dak li huwa essenzjali, permezz tal-użu estensiv tal-vidjokonferenzi bejn iż-żewġ siti prinċipali tal-Aġenzija;

38.  Jinnota li livell ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni li jippermetti tħejjija bir-reqqa għall-attivitajiet wara l-Brexit ma ġiex kompletament irranġat, peress li xi aspetti legali, bħalma huwa l-aċċess għas-sistemi ġestiti mill-Aġenzija u l-użu ta' data mdaħħla mir-Renju Unit fihom wara l-Brexit, jirrikjedu aktar elaborazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Aġenzija b'soluzzjonijiet malli l-proċess tan-negozjati mar-Renju Unit jipprovdilhom biżżejjed informazzjoni;

39.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija żgurat operazzjoni stabbli u kontinwa tas-sistemi fdati lilha u pprovdiet appoġġ wiesa' lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tagħha ta' għadd ta' proposti legali ewlenin (is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS TCN), riformulazzjoni tas-Sistema Ewropea għat-Tqabbil tar-Rekords Dattiloskopiċi ta' Persuni li jfittxu l-Asil (Eurodac) u riformulazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II));

o
o   o

40.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 113, 30.3.2016, p. 191.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali