Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2148(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0092/2018

Testi mressqa :

A8-0092/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.55

Testi adottati :

P8_TA(2018)0160

Testi adottati
PDF 452kWORD 57k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound)
P8_TA(2018)0160A8-0092/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2148(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0058/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0092/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 212.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 212.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2148(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni(2) ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0058/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0092/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 212.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 212.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2148(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0092/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz tat-titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapporti tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (il-‘Fondazzjoni’) għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 20 789 500, ammont li jfisser tnaqqis ta' 1,72 % meta mqabbel mal-2015, billi l-baġit tal-Fondazzjoni huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-‘Qorti’), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 (ir-‘rapport tal-Qorti’), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

1.  Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti li fir-rapport tagħha tal-2014, il-Qorti nnutat pagamenti insuffiċjenti għall-persunal mill-2005 sal-2014, fir-rigward tat-tranżizzjoni għar-Regolamenti il-ġodda tal-Persunal fl-2005. jinnota li, għalkemm ir-raġunijiet għall-pagamenti insuffiċjenti (2014: nuqqas ta' rispett għas-salarji minimi garantiti; 2015: fattur skorrett ta' multiplikazzjoni (applikat) fuq is-salarji huma differenti, il-Qorti reġgħet sabet pagamenti insuffiċjenti (EUR 43 350) u xi pagamenti eċċessivi (EUR 168 930), li jaffettwaw 30 membru tal-persunal attiv u li ma għadhomx fis-servizz; jinnota li l-Fondazzjoni kkoreġiet il-pagamenti insuffiċjenti kollha, iżda mhijiex se tirkupra l-pagamenti eċċessivi (skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal attwali); jistieden lill-Fondazzjoni terġa' tanalizza kull żball possibbli relatat mat-tranżizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2005, twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-funzjoni tar-remunerazzjoni tagħha u tirrapporta s-sejbiet lill-awtorità ta' kwittanza; jirrikonoxxi mill-Fondazzjoni li f'April 2017 wettqet awditu intern komprensiv tal-funzjoni tar-remunerazzjoni; jinnota li l-Fondazzjoni qed tistenna r-rapport finali u se tiġi kkunsidrata kull rakkomandazzjoni li ssir; jistieden lill-Fondazzjoni tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri korrettivi li se jittieħdu;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit, matul is-sena finanzjarja 2016, irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,99 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 84,80 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 2,55 % meta mqabbel mal-2015;

3.  Jesprimi tħassib dwar l-impatt baġitarju negattiv taż-żieda tal-koeffiċjent għall-Irlanda, li qiegħed dejjem iżjed jirriskja li jimmina l-kapaċità finanzjarja tal-Fondazzjoni li taqdi l-mandat tagħha; jistenna li tittieħed azzjoni mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex tikkumpensa għall-effetti;

Impenji u riporti

4.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2017 kien għoli u ammonta għal EUR 2 800 000 (43 %) għat-Titolu III (infiq operattiv), meta mqabbel ma' EUR 2 100 000 (31 %) fl-2015, prinċipalment fir-rigward ta' proġetti (studji u skemi pilota) li jmorru lil hinn minn tmiem is-sena; jinnota li l-Fondazzjoni qed tikkunsidra l-introduzzjoni ta' approprjazzjonijiet baġitarji differenzjati sabiex jirriflettu aħjar in-natura pluriennali tal-operazzjonijiet u d-dewmien inevitabbli bejn l-iffirmar tal-kuntratti, il-kunsinni u l-pagamenti;

5.  Jirrikonoxxi li l-Fondazzjoni, bi ftehim mal-Qorti, tiddistingwi bejn ir-riporti ppjanati u dawk mhux ippjanati; jinnota li fl-2016 il-Fondazzjoni kienet ippjanat riporti ta' EUR 3 000 000 filwaqt li r-riporti reali ammontaw għal EUR 2 800 000 biss; ;

6.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Fondazzjoni u kkomunikati lill-Qorti;

Akkwist

7.  Jinnota li l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti tal-Fondazzjoni (KKAK), li jagħti opinjoni dwar proposti ta' kuntratti b'valur ta' mill-inqas EUR 250 000, ma ltaqax matul l-2016 billi ma kienx hemm dossiers li jirrispettaw il-kriterji; jinnota, barra minn hekk, li l-KKAK wettaq verifika ex post annwali ta' tliet kuntratti minn ħdax li ngħataw fl-2016; jinnota li l-KKAK globalment kien sodisfatt li l-Fondazzjoni osservat il-proċeduri ta' akkwist;

Politika tal-persunal

8.  Jinnota li f'Diċembru 2016 twettaq eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-postijiet tax-xogħol, li juri livell relattivament għoli ta' stabbilità fuq perjodu ta' tliet snin li matulhom sar eżerċizzju ta' evalwazzjoni;

9.  Josserva li minn Diċembru 2016 it-tabella tal-persunal u t-tqassim tal-persunal jipprovdi għal 107 postijiet tax-xogħol (uffiċjali, aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali) meta mqabbel mal-108 postijiet tax-xogħol fl-2015; jinnota b'sodisfazzjon li b'referenza għan-numru ta' postijiet tax-xogħol okkupati sal-31 ta' Diċembru 2016, kważi ntlaħaq bilanċ bejn is-sessi peress li l-proporzjon huwa ta' 55,14 % għan-nisa u ta' 44,86 % għall-irġiel;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Fondazzjoni; jinnota li l-baġit minfuq għal kull membru tal-persunal fuq attivitajiet ta' benessri jammonta għal EUR 80,21; josserva li l-għadd medju ta' liv minħabba l-ġranet ta’ mard għal kull membru tal-persunal huwa ta' 6,5 ijiem - inqas minn f'ħafna Aġenziji oħra tal-Unjoni iżda sxorta preokkupanti, u jistħoqq li jiġi eżaminat jekk l-istress fuq il-post tax-xogħol huwiex fattur rilevanti, u li ebda membru tal-persunal ma kien fuq liv minħabba mard għal sena sħiħa;

11.  Japprezza l-fatt li fl-2016 ma kien irrapportat l-ebda każ formali jew informali ta' fastidju; isostni s-sessjonijiet ta' taħriġ u ta' informazzjoni organizzati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 il-Fondazzjoni ma rċeviet l-ebda lment, azzjoni legali jew każijiet irrapportati marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

13.  Jilqa' l-azzjonijiet ta' rimedju tal-Fondazzjoni mwettqa b'rabta mal-korrezzjonijiet tas-salarji wara r-rapporti tal-Qorti; jinnota li saret verifika komprensiva interna tal-funzjoni tal-pagi f'April 2017 sabiex tingħata assigurazzjoni addizzjonali li l-proċessi u l-kontrolli xierqa huma fis-seħħ u qed joperaw sew;

14.  Ifakkar li b'diffikultà kbira ġie implimentat tnaqqis fir-reklutaġġ u jtenni t-tħassib tiegħu rigward tnaqqis ulterjuri li jillimita l-abbiltà tal-aġenziji li jwettqu l-mandati tagħhom;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li f'Novembru u f'Diċembru 2016 saru workshops dwar l-etika, l-integrità u l-ħidma kontra l-frodi; jinnota, barra minn hekk, li l-attendenza f'dawn il-workshops kienet mandatorja għall-persunal kollu u li dawk li ma setgħux jattendu kienu meħtieġa jsegwu programm online li jkopri l-istess suġġetti;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Fondazzjoni għandha regoli fis-seħħ dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u li ebda każ ma ġie rreġistrat fl-2016;

17.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

18.  Japprezza l-fatt li fl-2016 il-Fondazzjoni ma kellha ebda każ ta' kunflitti ta' interess;

19.  Jappella lill-Fondazzjoni tadotta kodiċi tal-etika u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-kunflitti ta' interess allegati u kkonfermati, kif indirizzathom, u kif se tevitahom fil-futur;

Kisbiet ewlenin

20.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Fondazzjoni fl-2016, jiġifieri:

   it-tlestija tas-sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol u l-preżentazzjoni tas-sejbiet tiegħu lill-Parlament fis-17 ta' Novembru 2016;
   l-implimentazzjoni matul l-aħħar sena, taċ-ċiklu tal-programm fuq erba' snin b'implimentazzjoni baġitarja ta' 100 % u rata ta' implimentazzjoni tal-programm ta' 98 %, kif ukoll livell ta' sodisfazzjon tal-utenti l-aktar għoli li qatt ġie rreġistrat matul il-perjodu ta' erba' snin;
   il-pakkett tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jagħmel referenza għas-sejbiet riċenti tal-Eurofound: dwar il-pagi, il-benefiċċji soċjali, l-akkomodazzjoni inadegwata fl-Ewropa, il-forom ġodda ta' impjiegi u l-aħħar stħarriġ dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol;

21.  Jilqa' l-implimentazzjoni b'suċċess tal-programm ta' ħidma fuq erba' snin tal-Fondazzjoni b'livell għoli ta' effettività organizzattiva, kif muri minn titjib ġenerali tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-Fondazzjoni;

22.  Jinnota b'sodisfazzjon li r-rata ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma prevista għall-2016 kienet ta' 97 %, li taqbeż sew il-mira ta' 80 %, li timplika bidla sinifikanti mis-sottoimplimentazzjoni tas-sentejn ta' qabel, u tiżgura li fi tmiem il-perjodu ta' programmar ta' erba' snin, kważi l-outputs kollha skedati għall-aħħar sena tal-programm twettqu fil-ħin;

Kontrolli interni

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-koordinatur tal-kontroll intern tal-Fondazzjoni, skont il-prijoritizzazzjoni ppreżentata lill-Bureau tal-Bord Governattiv f'Jannar 2016, iffoka fuq ħames standards ta' kontroll intern relatati mal-missjoni u l-viżjoni tagħha, mal-valuri etiċi u organizzattivi, mal-allokazzjoni u l-mobilità tal-persunal, mal-proċess tal-ġestjoni tar-riskju u mal-valutazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern;

Awditu intern

24.  Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti li fir-rapport ta' awditjar tiegħu ta' Diċembru 2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) enfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-mod kif il-Fondazzjoni timmaniġġja l-proġetti, prinċipalment fir-rigward tal-mekkaniżmi ta' governanza, monitoraġġ u rapportar. jinnota b'sodisfazzjon, barra minn hekk, li l-Fondazzjoni u s-Servizz ta' Awditjar Intern qablu dwar pjan biex tittieħed azzjoni korrettiva;

25.  Jinnota li l-IAS wettaq awditu tal-ġestjoni tal-proġetti (PM) bl-objettiv li "jevalwa l-adegwatezza tat-tfassil u tal-effikaċja tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, li tqiegħdu fis-seħħ mill-Fondazzjoni għall-attivitajiet tal-ġestjoni tal-proġetti tiegħu"; jinnota, barra minn hekk, li r-rapport tal-IAS fih erba' rakkomandazzjonijiet dwar is-suġġetti li ġejjin: il-governanza tal-ġestjoni tal-proġetti, il-monitoraġġ u r-rapportar tal-proġetti, l-ippjanar tal-proġetti u s-sistema ta' informazzjoni tal-ġestjoni tal-proġetti; jinnota li l-IAS aċċetta li l-pjan ta' azzjoni tal-Fondazzjoni jitlesta sa tmiem l-2017; jistieden lill-Fondazzjoni tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar;

26.  Jinnota b'sodisfazzjon li ngħalqu r-rakkomandazzjonijiet kollha indirizzati mill-IAS minn awditi preċedenti qabel is-sena ta' rapportar;

Kummenti oħra

27.  Jiddispjaċih għall-fatt li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75(2) ma jirrikjedix b'mod espliċitu l-evalwazzjonijiet esterni tal-attivitajiet tal-Fondazzjoni; jinnota, madankollu, li l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament fundatur ġdid tinkludi l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni kull ħames snin; jilqa' wkoll il-fatt li fil-preżent kull wieħed mill-programmi ta' ħidma fuq erba' snin huwa suġġett għal evalwazzjoni esterna;

28.  Jirrikonoxxi li l-Fondazzjoni baqgħet kontributur essenzjali għall-iżvilupp tal-politiki u li l-użu tal-kompetenza tagħha f'dokumenti ewlenin ta' politika tal-Unjoni baqa' wieħed sinifikanti;

29.  Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Fondazzjoni matul il-programm ta' ħidma fuq erba' snin bejn l-2013 u l-2016 "Minn kriżi għal irkupru: Politiki informati aħjar għal Ewropa kompetittiva u ġusta"; jilqa' b'sodisfazzjon il-kwalità għolja tal-analiżi u l-kontribut tal-politika li tat il-Fondazzjoni fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, ir-relazzjonijiet industrijali u l-impjiegi u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari r-Rapport ta' analiżi tas-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol u r-rapport dwar Forom Ġodda ta' Impjiegi; jissottolinja l-importanza tal-ġestjoni tripartitika tal-Fondazzjoni li tippermetti li tinkiseb stampa ġenerali komprensiva tar-realtà ekonomika u soċjali;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-Fondazzjoni u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali sabiex dawn jibbenefikaw mill-għarfien espert tal-Fondazzjoni u jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet kostruttivi u bbażati fuq l-evidenza;

31.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati l-oħra huma l-utenti ewlenin tal-għarfien espert li tagħti l-Fondazzjoni, u li huma konxji mill-kwalità u mill-interess tiegħu;

32.  Jinnota li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni, qed jiġi rivedut u jilqa' l-inklużjoni mill-Parlament u mill-Kummissjoni ta' referenza espliċita għall-użu ta' rapporti u evalwazzjonijiet ta' verifika esterni;

33.  Jilqa' l-kooperazzjoni tajba bejn il-Fondazzjoni u l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari s-Cedefop, l-EU-OSHA, l-ETF, l-FRA u l-EIGE, waqt l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-ħidma tagħha sabiex tiżgura koordinament u sinerġiji tajbin fl-attivitajiet tagħha;

34.  Jinnota kemm il-Fondazzjoni kkontribwiet b'mod qawwi fil-ġlieda kontra l-faqar u l-kuntratti ta' xogħol frawdolenti f'diversi azzjonijiet madwar l-Unjoni.

o
o   o

35.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 84, 17.3.2017, p. 11.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1).
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali