Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2155(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0113/2018

Testi mressqa :

A8-0113/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.56

Testi adottati :

P8_TA(2018)0161

Testi adottati
PDF 533kWORD 56k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: L-Unità Ewropea ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust)
P8_TA(2018)0161A8-0113/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2155(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Eurojust(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Eurojust fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0065/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0113/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 218.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 218.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2155(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Unità ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Eurojust(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Eurojust fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0065/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0113/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 218.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 218.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2155(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0113/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapporti tad-dħul u tal-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 43 539 737, li tirrappreżenta żieda ta' 28,75 % meta mqabbel mal-2015; billi ż-żieda fil-baġit hija prinċipalment relatata mat-tranżizzjoni tal-Eurojust lejn il-binja l-ġdida tagħha; billi l-baġit kollu tal-Eurojust huwa derivat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Unità ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Eurojust huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2011 u 2015

1.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, rigward is-segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti ttieħdu azzjonijiet korrettivi, iżda li azzjoni korrettiva għal kumment wieħed dwar id-definizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tad-Direttur u tal-Kulleġġ tal-Eurojust għadha mmarkata bħala "Għadha għaddejja";

2.  Jinnota li l-Eurojust qiegħda fi djalogu kontinwu mad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi u mad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' finanzjament għall-Eurojust għas-snin li ġejjin;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,89 %, inklużi EUR 6 980 000 li huma delimitati għall-binja l-ġdida; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 80,42 %, li tfisser tnaqqis ta' 8,55 % mill-2015;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-Eurojust iffaċċjat kwistjonijiet ta' disponibbiltà baġitarja minħabba problemi strutturali magħrufa fil-finanzjament tagħha, u li, għat-tieni sena konsekuttiva, kellha tirrikorri għal miżuri ta' mitigazzjoni suġġetti għal baġit emendatorju, li wasslu għall-posponiment ta' wħud mill-attivitajiet li għadhom għaddejjin tagħha u għad-differiment ta' żviluppi teknoloġiċi ta' valur;

Impenji u riporti

5.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kienu ta' EUR 6 446 530 (40 %) meta mqabbla ma' EUR 1 600 000 (22 %) fl-2015; jirrikonoxxi l-fatt li dawn ir-riporti huma prinċipalment relatati ma' xogħlijiet li baqgħu għaddejjin wara tmiem is-sena u ma' xiri li kien ordnat bi tħejjija għat-trasferiment tal-Eurojust għall-binja l-ġdida fl-2017 (EUR 4 867 482);

6.  Jilqa' l-fatt li l-Eurojust uriet titjib sinifikanti fir-riporti mill-2015, b'ħafna inqas kanċellazzjonijiet (5,6 %) mis-snin ta' qabel;

7.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi jkunu parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, u li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk jiġu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

8.  Jitlob lill-Aġenzija żżomm il-volum li għandu jiġu riportat għas-sena suċċessiva kemm jista' jkun baxx;

Proċeduri ta' akkwist u politika tal-persunal

9.  Jinnota li l-Eurojust iffirmat 30 kuntratt b'valur ta' aktar minn EUR 15 000, li jirrappreżenta żieda ta' 30 % meta mqabbel mal-2015; josserva li proċedura ta' akkwist miftuħa ntużat għal 80 % tal-kuntratti, li tirrappreżenta 92,50 % tal-ammont akkwistat;

10.  Josserva li, fl-2016, il-Eurojust implimentat it-tielet mewġa ta' tnaqqis fil-postijiet (1 %, jew 3 postijiet inqas) sabiex tilħaq il-mira ta' 5 % miftiehma mill-Parlament u mill-Kunsill; jinnota li t-tnaqqis fin-numru tal-postijiet sar fil-qasam tal-appoġġ amministrattiv;

11.  Jinnota li r-rata ta' postijiet vakanti tal-Eurojust fil-31 ta' Diċembru 2016 kienet ta' 3,4 % meta mqabbla ma' dik ta' 2,4 % fil-31 ta' Diċembru 2015; jinnota b'sodisfazzjon li t-tabella tal-persunal tal-2016 ġiet eżegwita fil-livell ta' 96,6 %; josserva li, skont it-tabella tal-persunal, 196 post (mill-203 postijiet awtorizzati skont il-baġit ġenerali tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbla mal-200 post fl-2015;

12.  Jinnota li minn 255,5 membru tal-persunal (ekwivalenti għal full-time) fl-2016, il-Eurojust kienet timpjega 68,1 persuna (ekwivalenti għal full-time) bejn esperti nazzjonali sekondati, aġenti b'kuntratt, persunal interim u konsulenti;

13.  Jiddispjaċih għall-fatt li, min-numru tal-postijiet kollha okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi kien ta' 69 % nisa u 31 % rġiel; jinnota bi tħassib ukoll l-iżbilanċi fil-maniġment superjuri u fil-bord maniġerjali;

14.  Jinnota li, fl-2016, bħala medja kull membru tal-persunal tal-Eurojust qatta' sebat ijiem fuq liv tal-mard; josserva li n-numru ta' ġranet iddedikati għal attivitajiet ta' benesseri għal kull membru tal-persunal fl-2016 kien baxx, fil-livell ta' 0,13 ta' ġurnata; jinnota li l-Eurojust ma semmietx l-attivitajiet ta' benesseri differenti mdaħħla fis-seħħ fl-2016, kif kien talabha tagħmel il-Parlament;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Eurojust stabbiliet netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali bħala parti mill-politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali u organizzat programmi ta' prevenzjoni u ta' sensibilizzazzjoni previsti mit-tim tar-riżorsi umani;

16.  Jinnota bi tħassib li, mit-13 ta' April 2015 sat-13 ta' April 2017, 26 membru tal-persunal avviċinaw in-netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali; jinnota li mis-26 kuntatt, 16-il każ ingħalqu wara sessjoni waħda biss; jerġa' jinnota bi tħassib, madankollu, li 9 każijiet ġew ikklassifikati mill-konsulenti kunfidenzjali bħala każijiet ta' fastidju u nbdew 2 proċeduri informali; josserva li każijiet oħra kkonċernaw kunflitti, stress marbut max-xogħol jew tfittxija għal informazzjoni;

17.  Jinnota li l-Eurojust tuża vetturi uffiċjali iżda ma tippermettix l-użu privat tagħhom;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

18.  Jinnota li l-abbozz tar-regoli interni tal-Eurojust dwar il-protezzjoni tal-informaturi ġie mħejji fl-2016 u l-ewwel diskussjoni saret fil-Kulleġġ fl-4 ta' Ottubru 2016; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-adozzjoni tar-regoli interni ġiet sospiża meta, fil-bidu tal-2016, il-Kummissjoni informat lil aġenziji li qed jitħejja mudell ta' deċiżjoni għall-aġenziji;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-adozzjoni rapida tal-linji gwida tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li konsegwentement se jiġu adottati minnufih u implimentati b'mod effikaċi mill-aġenziji, inkluża l-Eurojust; jinnota li l-Eurojust kienet qiegħda tistenna li tingħata tali gwida jew kontribut mill-Kummissjoni qabel ma tkun tista' tiffinalizza r-regoli rilevanti tagħha; iħeġġeġ lill-Eurojust tintensifika l-isforzi tagħha biex tiffinalizza regoli interni ċari dwar il-protezzjoni tal-informaturi, li għandhom jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta' bona fede sakemm tiġi vverifikata l-informazzjoni;

20.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment li jkollu riżorsi baġitarji suffiċjenti, bil-għan li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

21.  Jinnota li l-Eurojust iżżomm reġistru ta' dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess iffirmat mill-membri tal-bord maniġerjali li jiġi aġġornat regolarment, iżda jirrimarka li dawn id-dikjarazzjonijiet u s-CVs tal-bord maniġerjali mhumiex disponibbli pubblikament; jirrimarka li din il-prattika ma tgħinx biex tinkiseb aktar trasparenza u jitlob li d-dikjarazzjonijiet jiġu ppubblikati; jistieden lill-Eurojust tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress rigward din il-kwistjoni u tikkunsidra l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet u tas-CVs fis-sit web tagħha;

22.  Jinnota bi tħassib li l-amministrazzjoni, il-membri tal-Kulleġġ u l-membri tal-korp konġunt ta' sorveljanza indipendenti ma ppubblikawx id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom fuq il-websajt tal-Eurojust;

23.  Jilqa' l-fatt li, fl-2017, il-Eurojust ħejjiet il-Gwida tal-Eurojust dwar l-Etika u l-Kondotta, li tinkludi wkoll il-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba;

24.  Jinnota li, fl-2016, il-Eurojust irċeviet 15-il talba għal aċċess għal dokumenti li għalihom tat aċċess sħiħ f'ħames każijiet filwaqt li f'erba' każijiet iddeċidiet li tagħti biss aċċess parzjali għad-dokumenti u rrifjutat l-aċċess f'sitt każijiet;

Kisbiet ewlenin

25.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Eurojust fl-2016, b'mod partikolari:

   l-adozzjoni ta' riorganizzazzjoni bla preċedent tal-amministrazzjoni tagħha, li ġġenerat sinerġiji u titjib fl-effiċjenza;
   l-iżvilupp ta' mudell ta' ftehim rivedut għall-istabbiliment ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta (SIK) u ta' gwida prattika, kif ukoll l-għoti ta' appoġġ finanzjarju lil 90 SIK; l-għoti ta' EUR 1 000 000 wara tmien sejħiet għall-proposti għal għotjiet lis-SIK;
   il-produzzjoni ta' dokumenti strateġiċi rilevanti u l-analiżi ġudizzjarji ad hoc fl-oqsma prijoritarji tal-kriminalità, bħalma huma r-raba' rapport dwar il-Ġellieda Terroristi Barranin, is-sinteżi tat-tielet rapport dwar il-Ġellieda Terroristi Barranin, il-Manwal elettroniku dwar il-qasam Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari (CBRN) u l-Monitors Ġudizzjarji dwar iċ-Ċiberkriminalità;

Kontrolli interni

26.  Jinnota li l-Eurojust adottat sett ta' standards ta' kontroll intern, ibbażati fuq il-qafas tal-Kummissjoni u l-aħjar prattika internazzjonali, biex tiżgura l-ilħuqtal-objettivi ta' politika u dawk operattivi; jinnota, barra minn hekk, li l-Eurojust ivvalutat l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll interni prinċipali tagħha matul is-sena ta' rappurtar u kkonkludiet li l-istandards ta' kontroll intern huma implimentati b'mod effikaċi; josserva li l-Eurojust ħadet miżuri biex ittejjeb l-effiċjenza tas-sistemi ta' kontroll interni tagħha fil-qasam ta' "Proċess ta' Mmaniġġjar tar-Riskju" (Eurojust ICS 6); jistenna bil-ħerqa r-rapport annwali li jmiss tal-Eurojust u dettalji ulterjuri dwar il-miżuri meħuda biex ikomplu jtejbu l-effiċjenza;

Awditu intern

27.  Jinnota l-fatt li, skont ir-rapport annwali tal-Eurojust, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar "Monitoraġġ u Rappurtar/Elementi Kostitwenti ta' Assigurazzjoni" f'Jannar 2016; jinnota li l-IAS ħareġ żewġ rakkomandazzjonijiet ikklassifikati bħala "importanti ħafna" u erba' rakkomandazzjonijiet immarkati bħala "importanti"; jinnota b'sodisfazzjon li l-Eurojust implimentat azzjoni korrettiva għal dawk ir-rakkomandazzjonijiet u b'hekk uriet il-valur ta' tali servizz;

Prestazzjoni

28.  Josserva li l-Eurojust wettqet evalwazzjoni esterna tal-attivitajiet tagħha matul il-perjodu 2014-2015, li wasslet għal pjan ta' azzjoni intern għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet; jinnota li l-Kulleġġ stabbilixxa grupp ta' ħidma dwar il-prijoritizzazzjoni f'Marzu 2016 b'mandat biex imexxi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li fadal; jinnota, barra minn hekk, li aktar żvilupp u kisbiet huma mistennija matul l-2017;

Kummenti oħra

29.  Jinnota li l-Eurojust kkompletat b'suċċess it-trasferiment lejn il-binja l-ġdida tagħha f'Ġunju u f'Lulju 2017; josserva li, fil-31 ta' Awwissu 2017, il-binja ta' qabel intraddet lura lill-istat ospitanti, u li dan tal-aħħar se jiddetermina l-ispejjeż relatati mar-radd lura li se jitħallsu mill-Eurojust; jinnota li, ladarba jsiru magħrufa l-ispejjeż li se tħallas il-Eurojust, din tal-aħħar għandha tiddeskrivi lill-awtorità ta' kwittanza l-ispejjeż totali ta' tranżizzjoni mġarrba;

30.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Eurojust, f'kooperazzjoni mal-Europol, ifformalizzat approċċ ikkombinat għaċ-Ċertifikazzjoni ISO14001/EMS; jinnota li l-Eurojust qieset li, filwaqt li fl-2016 hija kienet qed tikri biss il-binja temporanja mir-Renju tan-Netherlands, bħala kerrejja ma kinitx f'pożizzjoni li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2;

31.  Mir-risposta tal-Eurojust, jinnota bi tħassib, minħabba li ż-żmien għaddej ġmielu, li għalissa m'hemm l-ebda skambju ta' informazzjoni bejn il-Eurojust u l-Kummissjoni fir-rigward tat-tħejjija għat-twettiq tal-attivitajiet futuri tal-Eurojust wara l-Brexit; jistieden kemm lill-Eurojust kif ukoll lill-Kummissjoni jiżguraw fluss effiċjenti tal-informazzjoni neċessarja fid-dawl tal-fatt li se jkollu jiġi stabbilit ftehim ta' kooperazzjoni mar-Renju Unit;

32.  Jilqa' t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Eurojust bħala ċ-ċentru għal kooperazzjoni u koordinazzjoni ġudizzjarja kontra l-kriminalità transfruntiera u bħala ċentru ta' kompetenza ġudizzjarja fi ħdan l-Unjoni; jirrileva l-varar tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità; jinnota li l-Eurojust irċieviet talbiet għal assistenza f'2 306 każijiet (li jirrappreżentaw żieda ta' 4 %), li organizzat 249 laqgħa ta' koordinazzjoni dwar 288 każ, u pprovdiet appoġġ għal 148 grupp konġunt ta' investigazzjoni, inkluż appoġġ finanzjarju lil 90 minnhom (li tirrappreżenta żieda ta' 32 %); jinnota l-pubblikazzjoni tar-raba' Rapport tal-Eurojust dwar "Il-Ġellieda Terroristi Barranin: Il-fehmiet tal-Eurojust dwar il-Fenomenu u r-Risposta tal-Ġustizzja Kriminali" ta' Diċembru 2016;

o
o   o

33.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 113, 30.3.2016, p. 83.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali