Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2164(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0108/2018

Testi mressqa :

A8-0108/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.59

Testi adottati :

P8_TA(2018)0164

Testi adottati
PDF 552kWORD 58k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)
P8_TA(2018)0164A8-0108/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2164(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-Aġenzija) għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0074/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE(5), b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0108/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 233.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 233.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
(4) ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1
(5) ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2164(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-Aġenzija) għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0074/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jwaqqaf Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE(5), b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0108/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 233.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 233.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
(4) ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1
(5) ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2164(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0108/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq(1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 232 757 000, li jirrappreżenta żieda ta' 62,43 % meta mqabbel mal-2015; billi, bi tweġiba għall-kriżi ta' migrazzjoni li qiegħda taffaċċja l-Unjoni, il-mandat tal-Aġenzija ġie estiż konsiderevolment fl-2016;

C.  billi, skont id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha, il-kontribuzzjoni globali tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2016 ammontat għal EUR 218 686 000; li tirrappreżenta żieda ta' 63,78 % meta mqabbla mal-2015;

D.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li t-tranżazzjonijiet ta' bażi tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 huma legali u regolari; billi l-kummenti tal-Qorti għandhom jinqraw fil-kuntest tal-isfidi li kellha taffaċċja l-Aġenzija fl-2016;

Segwitu għall-kwittanzi tal-2013, 2014 u 2015

1.  Jinnota bi tħassib in-numru ta' kwistjonijiet pendenti u miżuri korrettivi bi tweġiba għall-kummenti li l-Qorti għamlet fl-2013, 2014, u 2015 relatati mad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri fl-aħħar tas-sena, mal-ftehim tal-kwartieri ġenerali, il-verifiki ex ante u ex post tan-nefqa ddikjarata minn pajjiżi li jikkooperaw taħt ftehimiet ta' għotja, l-għadd dejjem jikber ta' ftehimiet ta' għotja, il-ħtieġa li jiġi rfinat il-kalkolu ta' kontribuzzjonijiet minn pajjiżi assoċjati ma' Schengen, l-irkupru ta' pagamenti irregolari mill-gwardja tal-kosta Iżlandiża u r-riskju ta' finanzjament doppju mill-Fond għas-Sigurtà Interna; jistieden lill-Aġenzija twettaq kompletament l-azzjonijiet korrettivi malajr kemm jista' jkun fl-2018 u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom lill-awtorità tal-kwittanza;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

2.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-Regolament ta' stabbiliment preċedenti tal-Aġenzija, li kien fis-seħħ sal-5 ta' Ottubru 2016, ipprovda finanzjament ta' operazzjonijiet ta' ritorn konġunti li twettqu ma' pajjiżi parteċipanti; jinnota li l-operazzjonijiet ta' ritorn nazzjonali saru eleġibbli biss taħt ir-Regolament fundatur il-ġdid; jinnota madankollu li, fil-perjodu ta' bejn Jannar u Ottubru 2016, l-Aġenzija ffinanzjat operazzjonijiet ta' ritorn nazzjonali għal ammont ta' EUR 3 600 000; jinnota li dawn il-pagamenti huwa irregolari;

3.  Jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li fl-2016, minħabba l-pressjoni migratorja sproporzjonata lejn l-Istati Membri tal-UE u wara l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal ritorn minn Ottubru 2015, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew mill-25/26 ta' Ġunju 2015 u dawk tas-16/17 ta' Marzu 2016, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija adotta d-Deċiżjoni 2016/36, li pprevediet interpretazzjoni usa' tal-modalitajiet ta' (ko)finanzjament ta' operazzjoni ta' ritorn konġunta sal-punt li anke operazzjoni ta' ritorn nazzjonali mwettqa minn Stat Membru wieħed biss li kien qed jiffaċċja pressjoni migratorja sproporzjonata tkun (ko)finanzjata mill-baġit tal-Aġenzija; jirrikonoxxi wkoll il-fatt li l-awtorità baġitarja emendat il-baġit għall-2016 speċifikament biex timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni dwar dawn l-operazzjonijiet ta' ritorn;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jinnota, b'sodisfazzjon, li l-isforzi ta' sorveljanza tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,90 %; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 66,07 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 3,40 % meta mqabbla mal-2015;

5.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li skont il-mandat estiż tal-Aġenzija, l-operazzjonijiet ta' ritorn ingħataw importanza kbira u li EUR 63 000 000 ġew assenjati għal dan fil-baġit tagħha tal-2016; jinnota madankollu li EUR 23 000 000, jiġifieri, 37,5 % reġgħu lura fil-baġit tal-Unjoni peress li saru inqas operazzjonijiet ta' ritorn milli kien previst; josserva li d-dewmien sinifikanti tal-proċedura ta' akkwist għal kuntratt qafas ta' EUR 50 000 000 għall-kiri ta' inġenji tal-ajru u għal servizzi relatati għal operazzjonijiet ta' ritorn tal-Aġenzija kkontribwixxa għal din is-sitwazzjoni u qed ikompli jaffettwa l-għadd ta' operazzjonijiet ta' ritorn organizzati mill-Aġenzija; jiddispjaċih li, filwaqt li t-tnedija ta' din il-proċedura ta' akkwist kienet ippjanata għal Marzu 2016, din kienet għadha ma nbdietx sal-aħħar tas-sena; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li din żiedet b'mod drastiku n-numru ta' titjiriet ta' ritorn konġunti (232 fl-2016 meta mqabbla ma' 66 fl-2015); jinnota madankollu li l-EUR 23 000 000 ma setgħux jintużaw prinċipalment minħabba li l-kuntratt qafas għall-kiri ta' inġenji tal-ajru u għal servizzi relatati għal operazzjonijiet ta' ritorn kellu dewmien iġġenerat mit-tnaqqis fil-prijorità ta' proġetti favur l-isforzi meħuda biex jiġi żgurat appoġġ loġistiku (laneċ u xarabanks) għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija; jinnota li sadanittant ġiet ippubblikata proċedura tal-offerti għall-istabbiliment ta' kuntratt qafas ta' erba' snin, madankollu b'baġit stmat aktar baxx (EUR 20 000 000);

6.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fit-22 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni u l-Aġenzija, kobenefiċjarju u koordinatur ta' tliet kobenefiċjarji oħra – l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) – iffirmaw ftehim ta' għotja li tammonta għal EUR 5 500 000 bħala appoġġ reġjonali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni sensittiva li tikkunsidra l-aspett tal-protezzjoni fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija għal perjodu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2016; jinnota madankollu li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' dawn it-tliet sħab b'ammont ta' EUR 3 400 000 ġew iffirmati biss bejn Awwissu u Novembru 2016; jinnota li, fi tnejn minn dawn il-ftehimiet, l-impenji baġitarji, li kellhom jirrilaxxaw il-fondi qabel id-dħul fl-impenji legali, ġew iffirmati biss f'Ottubru u f'Diċembru 2016; jinnota, barra minn hekk, li l-impenji baġitarji ammontaw għal EUR 1 200 000, li jkopru biss il-ħlas ta' qabel il-finanzjament; jinnota li proċedura bħal din tikser ir-regoli tar-Regolament Finanzjarju dwar il-ġestjoni baġitarja u l-firma tardiva tal-ftehimiet ikkawżat inċertezza għall-kooperazzjoni operattiva bejn is-sħab; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li l-Aġenzija korrettement iddokumentat bħala eċċezzjoni l-fatt li għat-tliet sħab kollha tal-proġett l-impenn legali kien sar qabel l-impenn baġitarju;

7.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija, fl-2017, qiegħda tirrevedi l-iskema finanzjarja sħiħa tagħha bl-għan li tissimplifika, taqleb minn għotjiet għal kuntratti ta' servizz u tintroduċi rati fissi; jistieden lill-Aġenzija tibgħat rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u r-riżultati miksuba;

Impenji u riporti

8.  Jinnota li l-livell ta' riporti għal approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kien ta' EUR 6 400 000 (43 % tal-approprjazzjonijet impenjati), meta mqabbel ma' EUR 3 200 000 (38 %) fl-2015, u għalhekk kien għoli; jinnota, barra minn hekk, li r-riporti għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) kienu wkoll għoljin fl-ammont ta' EUR 67 300 000 (37 %), meta mqabbla ma' EUR 40 200 000 (35 %) fl-2015; jinnota li r-raġuni prinċipali hija minħabba kuntratti u operazzjonijiet li jestendu lil hinn minn tmiem is-sena; jitlob lill-Aġenzija tqis il-possibbiltà li tintroduċi approprjazzjonijiet baġitarji differenzjati biex jiġi rifless aħjar id-dewmien inevitabbli bejn l-impenji legali, l-implimentazzjoni ta' kuntratti u l-pagamenti relatati;

9.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' riporti kkanċellati mill-2015 li ammonta għal EUR 6 400 000, jiġifieri 16 %, kien għoli għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) minħabba sopravalutazzjoni tal-ispejjeż tal-2015 li kien għad kellhom jiġu rimborżati lill-pajjiżi parteċipanti fl-2016; jikkunsidra li hemm ħtieġa li jinkisbu stimi tal-ispejjeż aktar preċiżi u rapportar tal-ispejjeż aktar f'waqtu minn pajjiżi li jikkooperaw;

10.  Jirrimarka li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operazzjonali tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk jiġu ppjanati min qabel u kkomunikati lill-Qorti;

Politika tal-persunal

11.  Josserva mit-tabella tal-persunal li 197 post temporanju (minn 275 post awtorizzat taħt il-baġit tal-Unjoni), meta mqabbel ma' 149 fl-2015, kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016; jinnota wkoll li, l-Aġenzija kienet qiegħda timpjega (f'ekwivalenti għall-full time) 77 espert nazzjonali sekondat, 83 persunal kuntrattwali u 15-il persunal interim;

12.  Jinnota b'apprezzament li, min-numru tal-postijiet kollha okkupati, intlaħaq bilanċ bejn is-sessi peress li l-proporzjon huwa ta' 50 % nisa ma' 50 % irġiel; min-naħa l-oħra, jiddispjaċih li għal postijiet superjuri in-nisa jirrapreżentaw biss 15 % u l-irġiel 85 %; jistieden lill-Aġenzija, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, ittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fil-bord maniġerjali u fost il-maniġment superjuri;

13.  Jinnota mill-Aġenzija li sabiex tibda bl-implimentazzjoni tal-mandat il-ġdid u mtejjeb tagħha, kien meħtieġ li jiġi reklutat persunal addizzjonali diġà matul l-aħħar kwart tal-2016; jinnota li valutazzjoni tal-ħtiġijiet identifikat 50 post iżda mhux il-proċeduri ta' reklutaġġ kollha rnexxilhom ikunu konklużi sal-aħħar tas-sena; jinnota li fl-aħħar tal-2016, il-persunal tal-Aġenzija laħaq total ta' 365 membru;

14.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, wara l-estensjoni tal-mandat tagħha, il-persunal tal-Aġenzija se jkun aktar mid-doppju u minn 365 fl-2016 jilħaq l-1 000 fl-2020; jinnota, barra minn hekk, li ż-żieda ppjanata fil-persunal se tirrikjedi spazju ta' uffiċċji addizzjonali; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li fil-bidu tal-2017, din talbet lill-awtorità baġitarja u rċeviet l-approvazzjoni biex tespandi l-uffiċċji attwali tagħha sabiex takkomoda n-numri ta' persunal addizzjonali; jinnota li l-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2017;

15.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija tradizzjonalment tesperjenza diffikultajiet biex issib persunal bil-profil meħtieġ, parzjalment minħabba l-koeffiċjent ta' korrezzjoni tas-salarju (66,7 %); jistieden lill-Aġenzija tirrifletti dwar miżuri ta' mitigazzjoni possibbli u biex din tirrapporta dwar ir-riflessjonijiet tagħha lill-awtorità tal-kwittanza;

16.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu li fil-każ ta' proċedura tal-għażla esterna, il-persunal temporanju jista' jiġi reklutat biss fi gradi SC 1 sa SC 2, AST 1 sa AST 4 jew AD 5 sa AD 8; jinnota li fl-2016 l-Aġenzija rreklutat 14-il persunal fi gradi AST ogħla; jenfasizza li r-reklutaġġi f'dawn il-gradi huma irregolari; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li l-motivazzjoni għaż-żieda fil-grad ta' 5 postijiet AST4 għal 5 postijiet AST5 kien motivat mill-ħtiġijiet tan-negozju biex jiġi operat is-servizz tal-uffiċjali li jkunu fuq xogħol 24/7; jirrikonoxxi l-fatt li minħabba l-livell ta' resposabbiltajiet fil-kuntest tal-flussi migratorji u l-isfida tas-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, l-Aġenzija kellha tattira kandidati kkwalifikati u b'esperjenza ta' xogħol preċedenti rilevanti;

17.  Jinnota l-fatt li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali rċieva ħames karigi ġodda mill-2016 'il hawn u tlieta minnhom huma vakanti; jiddispjaċih bil-qawwa, madankollu, li minkejja l-appelli ripetuti tal-Parlament u ż-żieda ġenerali sinifikanti fil-persunal għall-Aġenzija, l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għad m'għandux riżorsi umani adegwati u għalhekk għad hemm ostaklu għat-twettiq tal-kompiti fdati lilha mir-Regolament (UE) Nru 2016/1624(2); iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Aġenzija tipprovdi lill-uffiċjal tagħha għad-drittijiet fundamentali bir-riżorsi u l-persunal adegwati, b'mod partikolari għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-ilmenti u għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-istrateġija tal-Aġenzija biex timmonitorja u tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

18.  Jinnota li l-Aġenzija ma rċevietx ilmenti, kawżi jew inkella każijiet irrappurtati ta' impjegar jew tkeċċija mhux trasparenti tal-persunal fl-2016;

19.  Josserva li fl-2016 il-medja ta' liv minħabba mard tal-persunal tal-Aġenzija kien ta' 11,4 jiem għalkemm, fil-kalkolu tagħha, l-Aġenzija ma inkludietx il-persunal li ma ħa ebda jum liberu minħabba liv ta' mard; jistieden lill-Aġenzija biex tikkonsulta mas-servizz mediku dwar kif għandha titbaxxa l-assenza mix-xogħol bħala liv minħabba mard;

20.  Jinnota mit-tweġibiet tal-Aġenzija li l-membri tal-persunal kellhom jum wieħed għal attivitajiet ta' benesseri fl-2016; jinnota li l-Aġenzija għandha politika interna dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol u tikkontribwixxi għall-benesseri tal-persunal bi tliet modi:

   a) il-kiri ta' grawnds tal-isport għal sport f'tim u kontribuzzjoni parzjali għall-parteċipazzjoni tal-persunal f'kompetizzjonijiet tal-isport interaġenzjali;
   b) bħala parti mill-miżuri preventivi fis-saħħa u s-sigurtà, l-Aġenzija tirrimborża parti mill-ispejjeż tal-attivitajiet tal-isport li jsiru mill-persunal (sa limitu ta' EUR 45 fix-xahar għal kull membru tal-persunal).
   c) kull sena l-Aġenzija torganizza tilqim tal-influwenza staġjonali għall-membri tal-persunal b'mod volontarju;

21.  Josserva li l-Aġenzija użat l-Artikoli 12 u 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-"Kodiċi ta' Kondotta għall-persuni kollha li pparteċipaw f'attivitajiet ta' Frontex" u tal-"Kodiċi ta' Kondotta tal-Persunal ta' Frontex"; josserva li fl-2016 ma ġie rrappurtat jew tressaq il-qorti l-ebda każ ta' fastidju;

22.  Jinnota li l-Uffiċċju tal-Aġenzija għandu żewġ vetturi uffiċjali li għalihom huwa permess biss użu uffiċjali u li dawn il-vetturi ma jintużawx għal skopijiet personali;

Prevenzjoni u ġestjoni ta' kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

23.  Josserva li, fis-17 ta' Diċembru 2015, l-Aġenzija adottat strateġija u pjan ta' azzjoni kontra l-frodi, li jidentifika erba' objettivi strateġiċi bi 22 azzjoni li għandhom jiġu implimentati matul il-perjodu 2015-2018; jinnota b'apprezzament li aktar minn 50 % tal-azzjonijiet identifikati ġew implimentati fl-2016;

24.  Jinnota li l-Aġenzija ppreparat abbozz ta' regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u kkomunikathom lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'Marzu 2017; jinnota li l-kwistjoni hi dwar jekk għandhomx jiġu implimentati r-regoli interni jew jekk għandhiex tittieħed deċiżjoni biex jiġu implimentati r-regoli mudell tal-Kummissjoni ladarba jkunu ġew innotifikati lill-aġenziji; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar id-deċiżjoni meħuda;

25.  Josserva li l-Aġenzija wieġbet li ma tagħmilx il-minuti approvati tal-laqgħat tal-bord maniġerjali tagħha disponibbli għall-pubbliku u li dawn il-minuti ma jsirux disponibbli lanqas tliet xhur mid-data tal-laqgħa; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-raġunijiet għal deċiżjoni bħal din fid-dawl tal-politika tal-Unjoni dwar trasparenza akbar tal-operazzjonijiet tagħha;

26.  Josserva li l-Aġenzija ma weġbitx jekk il-laqgħat tagħha mal-lobbisti (jiġifieri, persuni li b'mod mhux uffiċjali jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati tal-Aġenzija iżda li jkollhom xi interess pekunarju jew ekonomiku fir-rigward tal-mandat operazzjonali tagħha), f'każ li laqgħat bħal dawn saru, ġewx irreġistrati u sarux disponibbli għall-pubbliku; jistieden lill-Aġenzija biex tipprovdi tweġiba lill-awtorità tal-kwittanza;

27.  Jinnota li fl-2016, l-Aġenzija rċeviet 67 talba għal aċċess għal dokumenti li għalihom l-Aġenzija tat aċċess sħiħ għal 15-il talba, filwaqt li għal 38 talba, l-aċċess ingħata biss parzjalment u 10 talbiet oħra ġew irrifjutati l-aktar minħabba "Protezzjoni tas-sigurtà pubblika" u "Protezzjoni tal-privatezza u tal-integrità tal-individwu";

28.  Jinnota li erba' minn dawn ir-rifjuti ġew soġġetti għal applikazzjoni konfermatorja li rriżultat f'żewġ konfermi ta' aċċess li preċedentement ġie rrifjutat, talba waħda ngħatat aċċess parzjali u waħda aċċess sħiħ għad-dokumenti; jinnota li wieħed mir-rifjuti ntbagħat lill-Ombudsman Ewropew; jistieden lill-Aġenzija biex tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bid-deċiżjoni tal-Ombudsman u l-proċedura sussegwenti;

Kisbiet ewlenin

29.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, prinċipalment:

   l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (UE) 2016/1624 li jiddefinixxi l-mandat estiż tagħha;
   l-assistenza għal 232 Operazzjoni ta' Ritorn (+251 % meta mqabbla mal-operazzjoni assistita fl-2015) għal total ta' 10 698 persuna rimpatrijata;
   it-tnedija f'Jannar 2017 tal-ewwel pass tal-metodoloġija komuni ta' valutazzjoni tal-vulnerabbiltà;

30.  Jirrikonoxxi l-fatt li r-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ta bidu għal possibbiltajiet ġodda ta' kooperazzjoni ma' Aġenziji oħra fir-rigward tal-funzjoni tal-gwardja tal-kosta, li wasslet għal arranġament tax-xogħol trilaterali bejn il-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA); jinnota, barra minn hekk, li tkompliet kooperazzjoni mill-qrib ma' disa' aġenziji tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni (ĠAI), issaħħet il-kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA), ġie ffaċilitat l-iskambju regolari mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u matul l-2016 ġie ttestjat ftehim ta' kooperazzjoni mal-Europol;

31.  Jinnota li l-Aġenzija tikkondividi l-uffiċċji tagħha mal-Europol u l-EASO fil-qafas tat-Task Forces Reġjonali tal-Unjoni Ewropea fl-Italja u fil-Greċja;

Kontroll intern

32.  Jinnota li r-reviżjoni annwali tal-2016 tas-sistema ta' kontroll intern ipprovdiet assigurazzjoni raġonevoli lill-maniġment tal-Aġenzija fir-rigward tal-livell ta' konformità mal-kontrolli interni kollha; jirrikonoxxi li din identifikat spazju għal titjib fi tmien Standards ta' Kontroll Intern (ICS) u żviluppat strateġija biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet; kif ukoll ivvalutat l-effiċjenza tas-sistema ta' kontroll intern tagħha fl-aħħar tal-2015; jinnota, barra minn hekk, li, skont il-valutazzjoni, l-ICS ġew implimentati u qegħdin jiffunzjonaw; jinnota, madankollu li, sa miż-żieda sostantiva fl-allokazzjoni baġitarja tal-Aġenzija (riżorsi finanzjarji u umani) u l-espansjoni tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet li jiġu assenjati lill-Aġenzija, is-sistema ta' kontroll intern tirrikjedi aktar titjib fl-2017; jistieden lill-Aġenzija biex tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri li jittieħdu biex titjieb is-sistema ta' kontroll intern;

Awditjar intern

33.  Jinnota li fl-2016, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) wettaq awditu fuq "Il-Validazzjoni tad-Data u l-Garanzija tal-Kwalità għall-Analiżi tar-Riskju", li rriżulta f'erba' rakkomandazzjonijiet ikklassifikati bħala "importanti"; jirrikonoxxi mill-Aġenzija li din ippreparat pjan ta' azzjoni biex tindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Aġenzija biex tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni;

34.  Jinnota mill-konklużjonijiet tal-IAS li fl-2016 ma nħarġet l-ebda rakkomandazzjoni kklassifikata bħala "kritika";

35.  Jinnota b'sodisfazzjon li sabiex jiġi żgurat post tax-xogħol kosteffikaċi u ekoloġiku u sabiex jitnaqqsu jew jiġu bbilanċjati l-emissjonijiet ta' CO2, l-Aġenzija għandha politika ġdida dwar soluzzjonijiet għall-istampaturi u l-istampar li naqqset il-konsum tal-karta, implimentat vidjokonferenzi u qiegħda timmira li ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u tal-enerġija kif ukoll li żżid ir-riċiklaġġ; il-kantin juża prodotti ta' tindif u ta' diżinfettar bijodegradabbli kif ukoll jipprovdi metodi ta' imballaġġ għal take-away ekoloġiċi u tazzi, platti u pożati li jistgħu jiġu rriċiklati; l-ikel li jisserva fil-kantin jiġi ppreparat permezz ta' prodotti li jsiru lokalment u prodotti staġjonali kif ukoll ingredjenti li jiġu minn azjendi agrikoli ekoloġiċi;

36.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija hija impenjata biex tippromwovi l-użu ta' trasport pubbliku u ekoloġiku waqt li l-Aġenzija tgħin biex tirkupra l-ispejjeż tat-trasport pubbliku għall-persunal tagħha;

37.  Jinnota wkoll li l-bini tal-Aġenzija ġie ddisinjat u nbena skont l-ekorekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni BREEAM (Building Research Establishment Environmental Assessment Method) u issa huwa deskritt bħala wieħed mill-aktar bini sostenibbli fil-Polonja;

38.  Jinnota li l-Aġenzija ma tara l-ebda riskju finanzjarju li jinfluwenza l-operazzjonijiet tagħha minħabba Brexit;

39.  Jenfasizza l-kontribut tal-Frontex biex fl-2015 ġew salvati aktar minn 250 000 persuna fuq il-baħar; jilqa' ż-żieda fil-kapaċità ta' tiftix u salvataġġ tal-Aġenzija; jinnota, madankollu, li għad iridu jsiru sforzi konsiderevoli f'dik id-direzzjoni;

40.  Jinnota l-eżistenza ta' objettivi u indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi għal użu intern fir-rigward tal-operazzjonijiet konġunti; jiddispjaċih li dawn mhumiex pubbliċi u li l-biċċa l-kbira tal-programmi operattivi tal-Frontex għaldaqstant għandhom nuqqas ta' objettivi kwantitattivi u valuri mmirati speċifiċi għall-operazzjonijiet konġunti; jinnota bi tħassib li dan, flimkien ma' dokumentazzjoni insuffiċjenti mill-pajjiżi li jikkooperaw, jistgħu jfixklu l-evalwazzjoni ex post tal-effikaċja tal-operazzjonijiet konġunti fit-tul; jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-impatt attwali tal-operazzjonijiet konġunti għalhekk hija diffiċli; jistieden lill-Aġenzija tkompli tistabbilixxi objettivi strateġiċi rilevanti għall-attivitajiet tagħha u sistema effikaċi ta' monitoraġġ u rapportar li jkunu orjentati lejn ir-riżultati b'indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni rilevanti u li jistgħu jitkejlu;

o
o   o

41.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 12, 13.1.2017, p. 27.
(2) ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali