Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2185(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0073/2018

Testi mressqa :

A8-0073/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.64

Testi adottati :

P8_TA(2018)0169

Testi adottati
PDF 443kWORD 54k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (FCH2 )
P8_TA(2018)0169A8-0073/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2185(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0094/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0073/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 42.
(2) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 44.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.
(5) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2185(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0094/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0073/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 42.
(2) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 44.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.
(5) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2185(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0073/2018),

A.  billi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH) ġiet stabbilita f'Mejju 2008 bħala sħubija pubblika-privata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008(1) għal perjodu li jwassal sal-31 ta' Diċembru 2017 biex tiffoka fuq l-iżvilupp ta' applikazzjonjiet tas-suq, u b'hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn utilizzazzjoni mgħaġġla tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu; billi r-Regolament (KE) Nru 521/2008 ġie emendat mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014(2);

B.  billi f'Mejju 2014 ir-Regolament (UE) Nru 559/2014 stabbilixxa l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (FCH2) biex tieħu post l-FCH għal perjodu li jwassal sal-31 ta' Diċembru 2024;

C.  billi l-membri tal-FCH huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, ir-Raggruppament tal-Industrija għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, u r-Raggruppament tar-Riċerka N.ERGHY;

D.  billi l-membri tal-FCH2 huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, in-New Energy World Industry Grouping AISBL ("ir-Raggruppament tal-Industrija"), li fl-2016 sar jismu Hydrogen Europe, u n-New European Research Grouping on Fuel Cells and Hydrogen AISBL ("ir-Raggruppament tar-Riċerka");

E.  billi l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni għall-ewwel fażi ta' attivitajiet tal-FCH2 hija ta' EUR 470 000 000 mis-Seba' Programm ta' Qafas, u billi l-kontribuzzjonijiet mill-membri l-oħra jridu jkunu tal-inqas ugwali għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni;

F.  billi l-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni lill FCH2 hija ta' EUR 665 000 000 mill-Orizzont 2020 u l-membri mir-Raggruppament tal-Industrija u mir-Raggruppament tar-Riċerka huma mistennija jikkontribwixxu riżorsi ta' mill-inqas EUR 380 000 000, li jinkludu kontribuzzjonijiet in natura fil-proġetti Orizzont 2020 iffinanzjati mill-FCH2, kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali (ta' mill-inqas EUR 285 000 000) u kontribuzzjonijiet fi flus kontanti għall-ispejjeż amministrattivi;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet annwali tal-FCH2 (ir-"rapport tal-Qorti") isib li l-kontijiet annwali tal-2016 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-FCH2 fil-31 ta' Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u t-tibdil fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tal FCH2 u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li r-regoli kontabilistiċi tal-FCH2 huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku;

2.  Jinnota l-fatt li l-baġit finali tal-FCH2 għas-sena finanzjarja 2016 kien jinkludi EUR 127 762 297 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 115 535 426 f'approprjazzjonijiet ta' pagament; jinnota li l-approprjazzjonijiet ta' impenn żdiedu b'5 % meta mqabbla mal-2015 minħabba ż-żieda fil-baġit inizjali ta' approprjazzjonijiet mhux użati minn snin preċedenti, prinċipalment użati għas-sejħa għal proposti tal-2016 u għall-approprjazzjonijiet ta' pagament li żdiedu bi 17 %, li jirriflettu ħtiġijiet ogħla ta' prefinanzjament għas-sejħa għall-proposti tal-2016;

3.  Jinnota li r-rapport ta' attività annwali josserva li l-isforz tal-awditjar ex-post ġie segwit mit-tnedija ta' 18-il awditu ġdid, għall-ewwel darba bl-użu tal-kuntratt qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni għall-awditi tas-Seba' Programm Kwadru u l-iffirmar ta' kuntratti speċifiċi ma' erba' kumpaniji esterni tal-awditjar; jinnota li r-rata tal-iżball residwu kienet ta' 2 %;

4.  Jiddispjaċih li l-eżekuzzjoni baġitarja totali tal-2016 tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament laħqet is-77,7 % u t-83,9 % rispettivament, li tirrappreżenta rata ta' eżekuzzjoni ta' impenn aktar baxxa meta mqabbla mas-sena preċedenti minħabba l-eżitu tal-evalwazzjoni għas-sejħa tal-2016; jinnota li l-eżekuzzjoni tal-pagamenti rrappreżentat l-aħjar rata ta' eżekuzzjoni ta' pagamenti għall-FCH2 s'issa;

5.  Jinnota li mill-EUR 470 000 000 tal-fondi tas-Seba' Programm Kwadru allokati lill-FCH2, sa tmiem l-2016, l-FCH2 kienet għamlet impenji ta' EUR 464 400 000 u pagamenti ta' EUR 372 000 000; jinnota li skont il-pjan ta' pagament tal-FCH għal proġetti li għadhom għaddejjin tas-Seba' Programm Kwadru, il-pagamenti operattivi pendenti ta' EUR 75 300 000 (17 %) se jintużaw sa tmiem l-2019;

6.  Jinnota li mill-EUR 470 000 000 f'kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti li għandhom isiru mill-membri tar-Raggruppament tal-Industrija u tar-Raggruppament tar-Riċerka għall-attivitajiet operattivi tal-FCH, sa tmiem l-2016, il-Bord ta' Tmexxija kien ivvalida kontribuzzjonijiet ta' EUR 299 000 000; jinnota li kontribuzzjonijiet in natura addizzjonali għal attivitajiet operattivi li jammontaw għal EUR 40 600 000 kienu ġew irrappurtati lill-FCH2 sal-aħħar tal-2016, u jenfasizza l-fatt li minħabba f'hekk, fi tmiem l-2016, il-kontribuzzjoni totali tal-membri tar-Raggruppamenti tal-Industrija u tar-Riċerka lill-Impriża Konġunta kienet tammonta għal EUR 339 600 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta' EUR 383 700 000;

7.  Jinnota li mis-EUR 665 000 000 ta' fondi allokati tal-Orizzont 2020, l-FCH2 għamlet impenji ta' EUR 288 100 000 (43 %) u pagamenti ta' EUR 77 400 000 għall-implimentazzjoni tal-ewwel mewġa ta' proġetti tagħha;

8.  Jinnota li sa tmiem l-2016, il-membri tar-Raggruppament tal-Industrija u tar-Raggruppament tar-Riċerka kienu rrappurtaw kontribuzzjonijiet in natura ta' EUR 4 900 000 għall-attivitajiet operattivi, u l-bord ta' tmexxija kien ivvalida kontribuzzjonijiet fi flus kontanti għall-ispejjeż amministrattivi tal-FCH2 li jammontaw għal EUR 1 200 000; jinnota, barra minn hekk, li mill-minimu ta' EUR 285 000 000 f'kontribuzzjonijiet in natura li għandhom isiru mill-membri l-oħra għal attivitajiet addizzjonali, sa tmiem l-2016 kienu diġà ġew irrappurtati u ċċertifikati EUR 188 600 000 (66 %); jenfasizza l-fatt li, sa tmiem l-2016, il-kontribuzzjonijiet totali mill-membri tar-Raggruppament tal-Industrija u tar-Raggruppament tar-Riċerka konsegwentement ammontaw għal EUR 194 700 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni fi flus kontanti ta' EUR 79 500 000 mill-Unjoni; jinnota li d-differenza hija dovuta għall-kontribuzzjoni għolja ta' membri oħrajn tal-FCH2 għall-attivitajiet addizzjonali tal-FCH2;

9.  Jinnota li fis-Seba' Programm Kwadru, fi tmiem l-2016, saru 69 pagament operattiv għal rapporti perjodiċi interim u finali li jammontaw għal total ta' EUR 44 900 000; jinnota li l-eżekuzzjoni tal-baġit (f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' pagament) kienet ta' 73,7 % (meta mqabbla ma' 75,7 % fl-2015);

10.  Jinnota li għall-Orizzont 2020, f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, kienu saru 15-il pagament ta' prefinanzjament għall-proġetti tas-sejħa għal proposti tal-2015; jinnota, barra minn hekk, li l-eżekuzzjoni tal-baġit (f'termini ta' pagamenti) kienet ta' 98 % (meta mqabbla ma' 99 % fl-2015); jenfasizza l-fatt li, f'termini ta' approprjazzjonijiet ta' impenn, l-eżekuzzjoni baġitarja laħqet it-78,6 %; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni hija aktar baxxa milli kienet fl-2015 (88,7 %) minħabba l-eżitu tas-sejħa u minħabba l-fatt li l-approprjazzjonijiet ta' impenn mhux użati kienu jammontaw għal EUR 25 900 000, u kienu introdotti fil-baġit tal-2017 biex jintużaw għas-sejħa għal proposti tal-2017;

11.  Jinnota li mill-31 ta' Diċembru 2016, l-istima tal-kontribuzzjonijiet in natura f'attivitajiet operattivi għat-30 proġett iffirmati f'rabta mal-Orizzont 2020 (is-sejħiet għal proposti tal-2014 u l-2015) kienet ta' EUR 16 802 191; jinnota, barra minn hekk, li l-valur totali stmat ta' kontribuzzjonijiet in natura f'attivitajiet addizzjonali għall-perjodu li jkopri mill-2014 sal-2017 huwa ta' EUR 565 200 000;

Trasferiment

12.  Jinnota li kienu saru erba' trasferimenti bejn linji baġitarji differenti mingħajr ebda ħtieġa li jsiru tibdiliet fil-baġit;

Sejħiet għal proposti

13.  Jinnota li s-sejħa għal proposti tal-2016 ġiet ippubblikata fid-19 ta' Jannar 2016, inklużi, skont il-programm ta' ħidma annwali tal-2016 tal-FCH2, 24 tema b'baġit indikattiv ta' EUR 117 500 000; jinnota, barra minn hekk, li din is-sejħa għalqet fit-3 ta' Mejju 2016 u rċeviet 81 proposta; jinnota li 16 mid-19-il ftehim ta' għotja ġew iffirmati fl-2016;

Awditjar intern

14.  Jinnota li, fl-2016, l-FCH2 ffinalizzat l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni kollha li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) dwar il-proċess ta' evalwazzjoni u ta' għażla għall-proposti ta' għoti tal-Orizzont 2020 fl-FCH2 mwettqa fl-2015 mill-IAS; jinnota li, fl-2016, l-IAS wettaq awditjar ġdid dwar il-ġestjoni tal-prestazzjoni tal-FCH2; jinnota, barra minn hekk, li fid-29 ta' Novembru 2016, l-FCH2 rċeviet rapport tal-awditjar finali mill-IAS dwar dan l-awditu, li rriżulta f'erba' rakkomandazzjonijiet; jilqa' l-fatt li l-FCH2 qablet mar-rakkomandazzjonijiet kollha u bagħtet pjan ta' azzjoni lill-IAS fit-22 ta' Diċembru 2016, li sussegwentement l-IAS qabel miegħu f'Jannar 2017;

Kontrolli Interni

15.  Jilqa' l-fatt li l-FCH2 stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante bbażati fuq rieżamijiet ta' dokumenti finanzjarji u operattivi, kif ukoll twettaq awditi ex post ta' dikjarazzjonijiet ta' spiża relatati mal-għotjiet taħt is-Seba' Programm Kwadru; jilqa' l-fatt li r-rata tal-iżball residwu għall-awditi ex post li ġiet irrappurtata fir-rapport ta' attività annwali tal-2016 tal-FCH2 kienet ta' 1,24 %;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

16.  Jinnota li matul il-workshop tal-valutazzjoni tar-riskju annwali li sar fis-17 ta' Ottubru 2016, it-tim tal-FCH2 rrifletta fuq l-istatus tar-riskji u l-pjanijiet ta' azzjoni sinifikanti li ġew identifikati fis-sena ta' qabel u vvaluta l-adegwatezza u r-rilevanza tagħhom għas-sena 2017; jilqa' l-fatt li nġabar input ikkonsolidat mill-persunal kollu tal-uffiċċji tal-programm sabiex tiġi stabbilita lista ta' riskji sinifikanti ġodda għall-2017, u ġew stabbiliti l-pjanijiet ta' azzjoni rispettivi;

Komunikazzjoni

17.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-FCH2 tikkomunika maċ-ċittadini tal-Unjoni, permezz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, rigward ir-riċerka u l-kollaborazzjoni sinifikanti li qed twettaq; jenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq it-titjib reali miksub b'konsegwenza tal-ħidma tagħha, li huwa parti importanti mill-mandat tagħha, kif ukoll il-fatt li taħdem ma' impriżi konġunti oħra fil-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-benefiċċji tax-xogħol tagħhom;

o
o   o

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment dirett tal-Impriża Konġunta fil-proċess ta' rieżami ta' nofs il-perjodu tal-Orizzont 2020 fil-qasam ta' aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-impriżi konġunti.

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u tal-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108).

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali