Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2180(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0095/2018

Testi mressqa :

A8-0095/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.66
CRE 18/04/2018 - 12.66

Testi adottati :

P8_TA(2018)0171

Testi adottati
PDF 447kWORD 55k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: l-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni
P8_TA(2018)0171A8-0095/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2180(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-impriża konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-impriża konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0089/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferilha l-vantaġġi fuqha(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0095/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-impriża konġunta għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 31.
(2) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 31.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2180(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-impriża konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-impriża konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0089/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferilha l-vantaġġi fuqha(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0095/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 31.
(2) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 31.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2180(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0095/2018),

A.  billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (l-‘Impriża Konġunta’) ġiet stabbilita f'Marzu 2007 għal perjodu ta' 35 sena permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom(1);

B.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-Euratom, u pajjiżi terzi li kkonkludew ftehim ta' kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata;

C.  billi l-objettivi tal-Impriża Konġunta huma: (a) li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-proġett internazzjonali ITER għall-enerġija mill-fużjoni; (b) li timplimenta l-ftehim ta' approċċ usa' bejn l-Euratom u l-Ġappun; u (c) li tipprepara għall-kostruzzjoni ta' reattur dimostrattiv tal-enerġija mill-fużjoni;

D.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Marzu 2008;

Ġenerali

1.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (‘il-Qorti’) dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016 (ir-‘rapport tal-Qorti’) isib li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta, fl-aspetti materjali kollha, jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2016 kif ukoll li r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, huma konformi mar-regolament finanzjarju tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

2.  Jirrikonoxxi l-fatt li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016, fl-aspetti materjali kollha, huma legali u regolari;

3.  Jenfasizza li l-Impriża Konġunta hija responsabbli għall-ġestjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-proġett ITER u li l-limitu massimu tal-baġit ta' EUR 6 600 000 000 sal-2020 irid jinżamm kif inhu; jinnota li din iċ-ċifra ma tinkludix is-EUR 663 000 000 proposti mill-Kummissjoni fl-2010 biex ikopru l-kontinġenzi potenzjali;

4.  Jinnota li f'Novembru 2016, il-Kunsill tal-Organizzazzjoni ITER (il-‘Kunsill tal-ITER’) approva linja bażi ġdida tal-proġett ITER għall-ambitu, l-iskeda u l-ispejjeż tal-proġett; jinnota, barra minn hekk, li l-iskeda ta' żmien ġenerali għall-operazzjonijiet "l-Ewwel Plażma" u "Dewterju-Tritju" ġiet approvata, jinnota l-fatt li wara l-approvazzjoni tal-linja bażi l-ġdida tal-proġett ITER, l-Impriża Konġunta stabbiliet l-iskeda l-ġdida u kkalkulat mill-ġdid l-ispiża relatata fil-ħin tat-tlestija tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett;

5.  Jesprimi tħassib kontinwu li d-data stmata tat-tlestija tal-fażi kollha tal-kostruzzjoni hija attwalment ippjanata b'dewmien ta' madwar 15-il sena meta mqabbel mal-linja bażi oriġinali; jinnota l-fatt li l-iskeda l-ġdida li ġiet approvata mill-Kunsill tal-ITER tiddefinixxi approċċ imqassam f'erba' stadji, li fih Diċembru 2025 huwa d-data ta' skadenza biex jitlesta l-ewwel stadju strateġiku tal-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett ("L-Ewwel Plażma") u Diċembru 2035 huwa d-data stmata tat-tlestija għalkollox tal-fażi kollha tal-kostruzzjoni; jagħraf il-fatt li l-għan tal-approċċ il-ġdid imqassam fi stadji huwa li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun allinjata aħjar mal-prijoritajiet u l-limitazzjonijiet tal-Membri kollha tal-Orgaizzazzjoni ITER.

6.  Jinnota li fir-rapport tal-Qorti nstab li r-riżultati, li ġew ippreżentati lill-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta f'Diċembru 2016, indikaw rekwiżit mistenni ta' finanzjament addizzjonali għal dak li diġà kien impenjat ta' EUR 5 400 000 000 għall-fażi tal-kostruzzjoni wara l-2020, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 82 % meta mqabbel mal-baġit approvat ta' EUR 6 600 000 000; itenni l-fatt li s-somma ta' EUR 6 600 000 000 adottata mill-Kunsill fl-2010 sservi bħala limitu massimu għall-infiq tal-Impriża Konġunta sal-2020; jirrikonoxxi li l-finanzjament addizzjonali meħtieġ biex jitlesta l-proġett ITER irid jinvolvi impenji tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali;

7.  Jenfasizza li, flimkien mal-fażi tal-kostruzzjoni, l-Impriża Konġunta se jkollha tikkontribwixxi għall-fażi operattiva tal-ITER wara l-2035 u għall-fażijiet sussegwenti tad-diżattivazzjoni u tad-dekummissjonar tal-ITER; huwa kkonċernat li dawk il-kontribuzzjonijiet għadhom ma ġewx stmati; jistieden lill-Impriża Konġunta tagħmel stima tal-ispejjeż ta' dawn il-fażijiet mill-aktar fis possibbli;

8.  Jenfasizza li fl-14 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni bit-titolu "Il-kontribuzzjoni tal-UE lejn il-proġett ITER riformat"(2), li fiha tfittex l-appoġġ tal-Parlament kif ukoll mandat mill-Kunsill biex il-Kummissjoni tapprova l-linja bażi l-ġdida f'isem l-Euratom;

9.  Jagħraf il-fatt li, filwaqt li l-previżjonijiet li saru mill-Impriża Konġunta għall-Ewwel Plażma huma kompatibbli mal-iskeda ta' żmien tal-Organizzazzjoni ITER għall-proġett, l-iskeda hija kkunsidrata bħala l-aktar data kmieni sa meta huwa teknikament possibbli li dan isir;

10.  Jenfasizza li minkejja li l-linja bażi l-ġdida ma tinkludix kontinġenza, il-Kummissjoni ssuġġeriet fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq mill-14 ta' Ġunju 2017 li kontinġenza ta' sa 24 xahar f'dik li hi skeda u kontinġenza ta' 10 % sa 20 % f'dak li hu baġit ikunu xierqa; jinnota, barra minn hekk, li l-miżuri li ttieħdu biex jiġi rrispettat il-limitu massimu tal-baġit ta' EUR 6 600 000 000 kienu jinkludu l-posponiment tal-akkwist u l-installazzjoni tal-komponenti kollha li mhumiex essenzjali għall-Ewwel Plażma; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li ttieħdu passi pożittivi biex jittejbu l-ġestjoni u l-kontroll tal-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett ITER, għad hemm ir-riskju ta' aktar żidiet fl-ispejjeż u aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett meta mqabbel mal-linja bażi l-ġdida li ġiet proposta; jinnota li r-rikonoxximent ta' dawn ir-riskji jrid jiġi apprezzat mill-Impriża Konġunta u, fil-fatt, mill-partijiet kollha tal-proġett;

11.  Jenfasizza li fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew dwar id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni u mill-Euratom; jinnota li qed jiġi negozjat ftehim li jispjega l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu; jinnota li, f’diversi okkażjonijiet, ir-Renju Unit esprima l-interess tiegħu li jipparteċipa ulterjorment fl-attivitajiet tal-UE fil-qasam tal-enerġija mill-fużjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-komunitajiet tal-enerġija mill-fużjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit esprimew it-tama tagħhom li l-esperiment tal-JET (Joint European Torus) f’Culham fir-Renju Unit ikompli, wara l-2018, sabiex jitwettaq ix-xogħol ta’ preparazzjoni vitali għall-proġett ITER.

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

12.  Jinnota li l-baġit finali 2016 disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 488 000 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 724 510 000; jinnota li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 99,8 % u ta' 98 % rispettivament;

13.  Jinnota li mill-EUR 488 000 000 disponibbli għall-approprjazzjonijiet ta' impenn, kważi 100 % ġew implimentati permezz ta' impenji individwali diretti;

14.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-implimentazzjoni kważi sħiħa tal-baġit 2016 u r-riport awtomatiku jagħmlu l-livell ta' approprjazzjonijiet kanċellati baxx ħafna għall-2016, b'mod li jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-baġit; josserva li l-approprjazzjonijiet kanċellati, li jammonta għal EUR 1 202 662, jikkorrispondu għall-ammonti mhux imħallsa fl-2016 fuq impenji amministrattivi miftuħa riportati mill-2015;

15.  Jinnota li, fl-2015, il-bilanċ tal-eżitu tal-baġit ammonta għal EUR 5 880 000;

16.  Jesprimi tħassib li l-Impriża Konġunta tilfet l-opportunità li ddaħħal informazzjoni dettaljata dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tagħha fl-2016 meta mqabbel mal-2015 (tranżazzjonijiet ta' pagament, impenji globali u individwali, noti u kummenti importanti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit); jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi din id-data lill-awtorità ta' kwittanza bħala segwitu għal dan ir-rapport;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

17.  Jinnota li f'Ġunju 2015 il-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta adotta strateġija ta' kontra l-frodi u pjan ta' azzjoni korrispondenti, li l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet tiegħu ġew implimentati fl-2016; jinnota, madankollu, l-Impriża Konġunta ma stabbilietx għodda speċifika biex tiffaċilita l-monitoraġġ tal-azzjonijiet tagħha fir-rigward tal-proċeduri ta' akkwist, b'mod partikolari dawk relatati mal-valutazzjoni tar-riskju u mal-fażijiet tal-evalwazzjoni, tan-negozjar u tal-għoti tal-proċeduri; jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta bħalissa qed tiddefinixxi r-rekwiżiti biex tipparametrizza l-għodda li se tippermetti lill-Impriża Konġunta tiġbor b'mod sistematiku informazzjoni relatata ma' indikaturi ta' kontra l-frodi dwar il-proċeduri tal-akkwist u se toffri wkoll il-possibilità lill-persunal tal-Impriża Konġunta li jdaħħal informazzjoni addizzjonali relatata ma' każijiet li jiġbdu suspett dwar kwalunkwe proċedura ta' akkwist;

18.  Jilqa' l-fatt li matul l-2016, l-uffiċjal tal-etika u kontra l-frodi flimkien mal-unitajiet rispettivi implimenta ulterjorment l-istrateġija ta' kontra l-frodi tal-Impriża Konġunta, li ġiet ivverifikata mill-Qorti bħala parti minn żjarat regolari tagħha;

19.  Jinnota li wara l-adozzjoni tar-regoli tal-Impriża Konġunta dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fl-2015, ġie abbozzat proċess ta' implimentazzjoni, li jistabbilixxi mappa tal-proċess konċiża u dettaljata ta' kif irregolaritajiet gravi u għemil ħażin jistgħu jiġu rrappurtati u qed jiġu segwiti fi ħdan l-Impriża Konġunta;

Selezzjoni u reklutaġġ tal-persunal

20.  Jinnota li l-Impriża Konġunta ma ħaditx l-opportunità standard li tintroduċi informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri tagħha tas-selezzjoni u r-reklutaġġ tal-persunal fl-2016 (numru ta' uffiċjali tal-Unjoni, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u persunal interim, l-għadd ta' pożizzjonijiet vakanti ppubblikati, eċċ.), u jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi dik id-data lill-awtorità ta' kwittanza bħala segwitu għal dan ir-rapport;

Kontroll Intern

21.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Impriża Konġunta għandha sistema biex twettaq awditi fil-bini tal-kuntratturi bil-għan li tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti tagħha għall-garanzija tal-kwalità; jagħraf il-fatt li l-awditi jkopru diversi aspetti tal-implimentazzjoni, inkluż il-pjan tal-kwalità, kwalunkwe sitwazzjoni ta' nuqqas ta' konformità ma' rekwiżit speċifiku, il-kontroll tax-xiri u l-ġestjoni tas-sottokuntrattar, il-ġestjoni tad-dokumentazzjoni u tad-data, il-ġestjoni tal-bidliet u tad-devjazzjonijiet, il-pjan ta' kontroll tal-kwalità għax-xogħlijiet ċivili, l-iskeda dettaljata tal-proġett, il-ġestjoni tar-riskju tal-kuntratti u l-pjan ta' kontroll tal-kwalità għax-xogħlijiet tekniċi. jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li d-29 awditu li twettqu fl-2016 identifikaw 47 sitwazzjoni ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ta' garanzija tal-kwalità u 202 qasam li kellhom bżonn titjib; u jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi dikjarazzjoni komprensiva dwar l-iskambju tad-data lill-awtorità ta' kwittanza;

22.  Jirrikonoxxi l-fatt li f'Settembru 2016, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) lesta għalkollox awditu dwar l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' akkwist u l-Impriża Konġunta qed timplimenta pjan ta' azzjoni b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw minnu; japprezza l-fatt li l-IAS ta wkoll segwitu lill-awditu tiegħu dwar il-ġestjoni tal-kuntratti u kkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet relatati kollha tiegħu kienu ġew implimentati b'mod adegwat mill-Impriża Konġunta;

23.  Jinnota li fl-2016, il-kapaċità tal-awditjar intern tal-Impriża Konġunta tat segwitu lill-awditu tagħha tal-akkwist fil-qasam tal-binjiet tal-ITER u għarfet il-ħidma importanti mwettqa mill-Impriża Konġunta fil-formalizzazzjoni u t-tfassil tal-proċess, il-linji gwida, ir-regoli u l-għodod relatati mal-attivitajiet ta' akkwist; jinnota wkoll il-fatt li l-kapaċità tal-awditjar intern għamlet ukoll sitt rakkomandazjonijiet oħra għal titjib fil-proċeduri; jilqa' l-fatt li minn Lulju 2017, ġew implimentati ħamsa mis-sitt rakkomandazzjonijiet ġodda tal-IAC u r-rakkomandazzjoni li għadha għaddejja tirrigwarda d-definizzjoni mill-ġdid tar-rwol tal-grupp tar-rieżami intern;

24.  Jinnota li r-rata ta' żbalji residwi għall-pagamenti tal-għotjiet ma ġietx ikkalkulata minħabba li dawn il-pagamenti jirrappreżentaw proporzjon żgħir tal-baġit tal-Impriża Konġunta u minħabba l-għadd żgħir ta' awditi ex post li twettqu; japprezza l-fatt li fl-2016, l-Aġenzija Ewropea għar-Riċerka varat awditu ex post ta' benefiċjarju f'isem l-Impriża Konġunta; jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta ħadet l-azzjoni meħtieġa biex tikkoreġi l-iżbalji li ġew identifikati fl-awditi li twettqu fis-snin preċedenti.

Akkwist u għotjiet operattivi

25.  Jinnota li, matul l-2016, ġew varati 40 proċedura ta' akkwist operattiv u ġew iffirmati 52 kuntratt ta' akkwist;

26.  Jinnota bi tħassib li l-medja taż-żmien għall-konklużjoni ta' kuntratt għall-akkwisti ta' 'l fuq minn EUR 1 000 000 żdiedet (minn 140 għal 162 jum) matul l-2016 meta mqabbla mal-2015; jinnota li l-medja tal-perjodu għall-proċeduri ta' akkwist ta' inqas minn EUR 1 000 000 żdiedet ukoll (minn 59 għal 71 jum) iżda għall-għotjiet naqset b'mod sinifikanti (minn 103 għal 61 jum) b'konformità maċ-ċifri tal-2015; u li għandha tittieħed azzjoni ċara mill-Impriża Konġunta biex tindirizza b'mod adegwat iż-żieda inkwetanti fiż-żmien għall-konklużjoni ta' kuntratti għall-akkwist għaż-żewġ ammonti kemm ogħla u kemm inqas mil-limitu ta' EUR 1 000 000;

Kwistjonijiet oħra

27.  Jistieden lill-Impriża Konġunta tuża l-benefiċċji tan-netwerk tal-impriżi konġunti, li sservi bħala pjattaforma ta' kooperazzjoni bejn l-impriżi konġunti;

28.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Impriża Konġunta tikkomunika maċ-ċittadini tal-Unjoni, permezz tal-istituzzjonijiet, fir-rigward tar-riċerka u l-kollaborazzjoni sinifikanti li qed twettaq, jenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq it-titjib reali li nkiseb bħala konsegwenza ta' xogħolha, li huma parti importanti mill-mandat tagħha, kif ukoll il-fatt li taħdem ma' impriżi konġunti oħra fil-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-benefiċċji tax-xogħol tagħhom.

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi fuqha (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).
(2) COM(2017)0319.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali