Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2181(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0077/2018

Testi mressqa :

A8-0077/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.67

Testi adottati :

P8_TA(2018)0172

Testi adottati
PDF 462kWORD 57k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: Impriża Konġunta SESAR
P8_TA(2018)0172A8-0077/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0090/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(b) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0077/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 1.
(2) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 56.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0090/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(b) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0077/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 1.
(2) ĠU C 426, 12.12.2017, p. 56.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0077/2018),

A.  billi l-Impriża Konġunta SESAR ("l-Impriża Konġunta") twaqqfet fi Frar 2007 biex tmexxi l-programm ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), li huwa intenzjonat biex jimmodernizza l-ġestjoni tat-traffiku fl-Ewropa,

B.  billi wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 721/2014(1), il-Programm SESAR 2020 (“SESAR 2020”) estenda t-tul ta' żmien tal-Impriża Konġunta sal-31 ta' Diċembru 2024;

C.  billi l-Impriża Konġunta ġiet imfassla bħala sħubija pubblika-privata, bl-Unjoni u Eurocontrol bħala membri fundaturi;

D.  billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-fażi ta' attwazzjoni tas-SESAR 2020 2014 sa 2024 iffinanzjat minn Orizzont 2020 hija ta' EUR 585 000 000; billi skont il-Ftehimiet ta' Sħubija l-ġodda tal-Orizzont 2020, il-kontribuzzjoni minn Eurocontrol mistennija li tkun ta' madwar EUR 500 000 000, u l-kontribuzzjoni tas-sħab l-oħra mill-industrija tal-avjazzjoni mistennija li tkun ta' madwar EUR 720 700 000 li 90 % minnha għandha tkun in natura;

Segwitu għall-kwittanza 2015

1.  Jinnota li l-Impriża Konġunta inkorporat fil-proċeduri tagħha l-mudell komuni għad-dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess;

Ġenerali

2.  Josserva mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 (ir-"rapport tal-Qorti") li dawk il-kontijiet jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta' Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

3.  Jirrikonoxxi li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jinnota li fl-2016, il-baġit tal-pagamenti tal-Impriża Konġunta kien ta' EUR 157 100 000 (2015: EUR 136 900 000);

5.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-baġit finali 2016 disponibbli mis-Seba' Programm Kwadru ("FP7") u mill-Orizzont 2020 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 101 400 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 162 800 000;

6.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-rati ta' utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 95,7 % u 63,2 % rispettivament; jesprimi tħassib dwar il-fatt li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament hija prinċipalment dovuta għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-istudji u l-iżviluppi li twettqu mill-membri tal-Impriża Konġunta; jirrikonoxxi li waħda mir-raġunijiet ewlenin għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-pagamenti għall-istudji u l-iżviluppi tal-membri kienet id-diffikultajiet biex jiġu adattati l-għodod komuni tal-IT tal-Orizzont 2020 għall-bżonnijiet speċjali tal-Impriża Konġunta; madankollu, għandha tingħata prijorità biex jiġi żgurat li fil-futur ma jerġgħux iqumu dawn il-kwistjonijiet;

7.  Jinnota li, bħala parti mill-awditu tal-2016 ġew awditjati 383 dikjarazzjoni tal-ispejjeż, li jirrappreżentaw il-15-il Membru kollha u li jammontaw għal EUR 77 000 000 jew 10 % tal-ispejjeż totali ddikjarati ta' EUR 728 800 000, b'rata tal-iżball residwu ta' 1,34 %;

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7 u t-TEN-T

8.  Jinnota li mill-baġit operattiv u amministrattiv totali ta' EUR 892 800 000 għall-attivitajiet tal-Programm SESAR 1 (“SESAR 1”), sa tmiem l-2016 l-Impriża Konġunta SESAR kienet għamlet impenji ta' EUR 827 400 000 u pagamenti ta' EUR 704 200 000 (79 % tal-baġit disponibbli);

9.  Jinnota li mill-ammont ta' EUR 1 254 500 000 ta' kontribuzzjonijiet in natura u kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li għandhom isiru mill-membri l-oħra għall-attivitajiet operattivi u amministrattivi tal-Impriża Konġunta (EUR 670 200 000 mill-Eurocontrol u EUR 584 300 000 mill-membri tas-settur tat-traffiku tal-ajru), sa tmiem l-2016 l-Impriża Konġunta kienet ivvalidat kontribuzzjonijiet li jammontaw għal EUR 910 000 000 (EUR 427 700 000 mill-Eurocontrol u EUR 482 300 000 mis-settur tat-traffiku tal-ajru); jinnota, barra minn hekk, li sa tmiem l-2016, kienu ġew rappurtati kontribuzzjonijiet in natura li jammontaw għal EUR 133 500 000 mill-membri l-oħra lill-Impriża Konġunta (EUR 49 200 000 mill-Eurocontrol u EUR 84 200 000 mill-membri tas-settur tat-traffiku tal-ajru);

10.  Jinnota li fi tmiem l-2016, il-kontribuzzjonijiet kumulattivi fi flus kontanti mill-Unjoni kienu jammontaw għal EUR 597 100 000, meta mqabbla mat-total tal-kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti mill-Eurocontrol, li jammonta għal EUR 476 900 000, u EUR 566 500 000 mill-membri tas-settur tat-traffiku tal-ajru;

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

11.  Jinnota li mill-ammont ta' EUR 585 000 000 ta' fondi taħt Orizzont 2020 li ġew allokati lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni ta' SESAR 2020, sa tmiem l-2016, l-Impriża Konġunta kienet għamlet impenji ta' EUR 61 600 000 u pagamenti ta' EUR 49 900 000 (8,5 % tal-fondi allokati); jinnota, barra minn hekk, li l-pagamenti kienu prinċipalment pagamenti ta' prefinanzjament għall-ewwel sensiela ta' proġetti ta' SESAR 2020;

12.  Jinnota li sa tmiem l-2016, il-kontribuzzjonijiet kumulattivi fi flus kontanti mill-Unjoni għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta kienu jammontaw għal EUR 56 800 000;

13.  Jenfasizza li huwa mistenni li l-membri l-oħra jagħmlu kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti ta' EUR 1 220 700 000 għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta għal SESAR 2020 (EUR 500 000 000 mill-Eurocontrol u EUR 720 700 000 mis-settur tat-traffiku tal-ajru); jesprimi t-tħassib tiegħu li sa tmiem l-2016 l-ebda kontribuzzjoni in natura u fi flus kontanti ma kienet ġiet ivvalidata mill-Bord Amministrattiv, jinnota madankollu, li l-proġetti SESAR 2020 kienu fl-istadji bikrin tagħhom; jirrikonoxxi l-fatt li huwa mistenni li l-membri se jissottomettu l-ewwel dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tagħhom fl-2018, u wara l-Impriża Konġunta se tibda tivvalida l-kontribuzzjonijiet in natura relatati;

14.  Jinnota li l-Impriża Konġunta ffaċċjat diffikultajiet fl-adattament tal-għodod tal-IT ta' Orizzont 2020 għall-ħtiġijiet partikolari tagħha, u dan irriżulta f'dewmien fl-implimentazzjoni tal-pagamenti għall-istudji u l-iżviluppi tal-membri; jiddeplora l-fatt li EUR 14,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament – relatati ma' talbiet ta' SESAR 2020 għal proposti u attivitajiet li inizjalment kienu bbaġitjati fl-2016 – kellhom jiġu kkanċellati permezz ta' baġit emendat għall-2016 minħabba fatturi esterni lil hinn mill-kontroll tal-Impriża; huwa mħasseb dwar it-tendenza dejjem tikber ta' impenji pendenti (RAL), li żdiedu minn EUR 72,1 miljun għal EUR 83,8 miljun matul l-2016, u jitlob li din ix-xejra titreġġa' lura wara t-tranżizzjoni għal SESAR 2020;

15.  Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim imġedded tal-Impriża Konġunta Eurocontrol/SESAR fl-2016, li jiddefinixxi r-rwol il-ġdid tal-Eurocontrol bħala kofundatur ta' SESAR u li jinkludi sensiela ta' impenji u attivitajiet rigward l-implimentazzjoni ta' SESAR 2020; jilqa' wkoll iż-żieda fin-numru ta' membri għal 19-il membru, li jirrappreżenta 'l fuq minn 100 kumpanija mifruxin mas-settur kollu, li se jipparteċipaw fl-attivitajiet tar-riċerka industrijali, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta' SESAR 2020; jieħu nota tal-adozzjoni tal-ewwel edizzjoni tad-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni tal-Impriża għall-perjodu 2017-2019;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

16.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti, li fil-31 ta' Diċembru 2016, l-Impriża Konġunta kellha 44 membru tal-persunal impjegati magħha (2015: 41);

17.  Jirrimarka li l-Impriża Konġunta wettqet sitt proċeduri ta' akkwist b'valur approssimattiv ta' EUR 22 300 000 f'konformità mar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, biex tiżgura kompetizzjoni ġusta fost il-fornituri u l-aktar użu effiċjenti tal-fondi tal-Impriża Konġunta;

18.  Jinnota li fil-proċeduri tagħha għall-akkwist ta' servizzi, l-Impriża Konġunta tistabbilixxi baġit massimu għall-kuntratti; jinsab imħasseb dwar il-fatt li dan l-ammont massimu mhuwiex ibbażat fuq proċess sistematiku ta' stimar tal-ispejjeż fuq sistema raġonevoli ta' referenza għall-prezzijiet tas-suq; jinnota madankollu li dan ma jiżgurax il-kosteffettività tal-kuntratti ta' servizz pluriennali tagħha, billi l-esperjenza turi li l-biċċa l-kbira tal-offerti riċevuti kienu viċin il-baġit massimu; jilqa' l-fatt li wara l-osservazzjoni tal-Qorti, f'April 2017, l-Impriża Konġunta introduċiet metodoloġija biex tivvaluta b'mod sistematiku l-ħtiġijiet u l-ispejjeż għall-kuntratti matul il-fażi ta' ppjanar ta' akkwist;

19.  Jinnota r-riżultati tal-eżerċizzju tal-2016 ta' valutazzjoni komparattiva fil-qasam tar-Riżorsi Umani: 62 % postijiet operattivi, 30 % postijiet amministrattivi u 8 % postijiet newtrali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

20.  Jinnota li matul l-2016 twettqu disa' awditi minn kumpanija esterna tal-awditjar differenti minħabba li ġie identifikat kunflitt ta' interess ta' Membru mal-awditur statutorju; jieħu nota li l-Impriża Konġunta adottat kuntratt qafas rivedut għas-servizzi tal-awditjar ma' tliet ditti tal-awditjar esterni u l-attività ta' awditjar titwettaq biss minn dawk id-ditti; jenfasizza l-fatt li ebda kwistjoni materjali ma ġiet identifikata mill-awditi mwettqa sa issa li tkun tirrikjedi l-attenzjoni tal-Bord Amministrattiv;

Kontroll Intern

21.  Jilqa b'sodisfazzjon il-fatt li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante bbażati fuq rieżamijiet finanzjarji u operattivi fl-uffiċċju, u twettaq awditi ex post tal-benefiċjarji;

22.  Jesprimi tħassib li l-Impriża Konġunta għadha ma introduċietx gwida speċifika għall-membri u l-awdituri esterni tagħhom rigward id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri għall-proġetti taħt SESAR 2020; jinsab imħasseb barra minn hekk li l-Impriża Konġunta ma stabbilietx gwida interna dwar il-kontrolli ex ante tagħha tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż għall-proġetti SESAR 2020; jilqa' l-fatt li f'Diċembru 2016 il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta adotta d-dokument "Methodology and Validation process for In kind contributions (IKC) in the SJU (SESAR 2020 Programme only)" (Proċess ta' Metodoloġija u Validazzjoni għal Kontribuzzjonijiet in natura fl-SJU (Programm SESAR 2020 biss); jinnota li l-Impriża Konġunta għandha tinvestiga jekk ikun hemm il-ħtieġa li tadatta l-istrateġija ta' kontroll ex ante tal-Kummissjoni għall-Orizzont 2020 għal riskji speċifiċi relatati mal-proġetti SESAR 2020;

23.  Jistieden lill-Impriża Konġunta tistabbilixxi proċedura sistematika interna għall-valutazzjoni mill-ġdid ta' konstatazzjoni ta' vijabbiltà finanzjarja dgħajfa fir-rigward ta' koordinatur ta' proġett ta' għotjiet, inklużi miżuri biex itaffu r-riskju finanzjarju akbar u jikkumpensaw għalih; jinnota n-nuqqas ta' gwida speċifika għall-membri u għall-awdituri esterni tagħhom fir-rigward tad-dikjarazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura li saru mill-membri għal proġetti SESAR 2020, u jistieden lill-Impriża Konġunta tiżviluppa Termini ta' Referenza u ċertifikat mudell qabel ma tirċievi kwalunkwe kontribuzzjoni in natura fl-2018;

24.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta kompliet tapplika approċċ multidimensjonali bl-iskop li tirrieżamina, timmaniġġja u ttaffi r-riskji b'mod effettiv, u jistenna li l-Impriża Konġunta tagħti attenzjoni partikolari lir-riskji korporattivi kritiċi li tkun identifikat rigward il-Pjan Regolatorju tal-ATM u SESAR 2020; jilqa' l-fatt li l-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta adotta l-Istrateġija Kontra l-Frodi fit-18 ta' Marzu 2016;

25.  Jinnota li fir-rigward ta' SESAR 1 ġew ippjanati 21 eżerċizzju ta' awditjar f'ħames Membri magħżula, li minnhom 14 tlestew fl-2016 bħala parti mit-tielet ċiklu ta' awditjar fil-15-il Membru kollha kif deskritt fl-Istrateġija tal-Awditjar Ex Post tal-Impriża Konġunta; jinsab imħasseb dwar ir-rata tal-iżball residwu ta' 6,21 % għas-sena 2016; madankollu, huwa sodisfatt li r-rata tal-iżball residwu kumulattiva ta' SESAR 1 hija ta' 1,34 %;

Awditi interni

26.  Jinnota li f'Ottubru 2015, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar "Governanza operattiva u aġġornament tal-Pjan Regolatorju"; josserva li l-IAS ħareġ tliet rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet miftuħa li fadal;

27.  Jinnota li f'Ottubru 2016, l-IAS wettaq awditu fuq il-proċessi ta' Orizzont 2020; jinnota l-fatt li l-awditu vvaluta l-konformità tal-Impriża Konġunta mal-proċessi ta' Orizzont 2020, jiġifieri rigward l-identifikazzjoni tas-suġġett, l-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti u l-preparazzjoni tal-ftehimiet tal-għotjiet;

Sejħiet għal proposti

28.  Jinnota li għas-sejħa ristretta għal riċerka industrijali li kienet limitata għall-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta, din tat għotjiet lil konsorzji ta' proġetti, minkejja l-fatt li, f'żewġ każijiet, il-kontrolli tal-vijabbiltà finanzjarja tal-benefiċjarji li twettqu mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka kienu indikaw li l-kapaċità finanzjarja tal-membru koordinatur tal-industrija fil-konsorzji kienet dgħajfa; jinnota li dan jimplika riskju finanzjarju ogħla għall-ikkompletar ta' dawk il-proġetti, u r-riskju finanzjarju huwa ogħla wkoll għall-proġetti l-oħra li fihom dawn iż-żewġ benefiċjarji huma involuti; jinnota li f'dawn iż-żewġ każijiet, id-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv kienet ibbażata fuq valutazzjonijiet ad hoc u komplementari tar-riskju, li twettqu mill-persunal tal-Impriża Konġunta; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Impriża Konġunta għadha ma stabbilietx proċedura interna sistematika biex issir valutazzjoni mill-ġdid fejn il-vijabbiltà finanzjarja ta' koordinatur ta' proġett li ngħata għotja tkun dgħajfa, u li tkun tinkludi miżuri li jimmitigaw u jikkumpensaw għar-riskju finanzjarju akbar; jinnota li wara r-riżultati ta' valutazzjonijiet tar-riskju komplementari li twettqu f'konformità mal-linji gwida ta' Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta sabet li ċ-ċaħda tal-koordinaturi tal-proġetti fuq l-unika bażi tal-analiżi mmexxija mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka setgħet esponiet lill-Impriża Konġunta għal riskju sinifikanti ta' litigazzjoni; jinnota li l-Impriża Konġunta taqbel li għandha tiġi stabbilita proċedura interna għal valutazzjoni mill-ġdid tal-vijabbiltà finanzjarja dgħajfa ta' koordinatur ta' proġett li ngħata għotja, inklużi l-miżuri li jimmitigaw u jikkompensaw iż-żieda fir-riskji finanzjarji;

Komunikazzjoni

29.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Impriża Konġunta tikkomunika maċ-ċittadini tal-Unjoni, permezz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, rigward ir-riċerka u l-kollaborazzjoni sinifikanti li qed twettaq; tenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq it-titjib reali li twettaq bħala konsegwenza tax-xogħol tagħha, bħala parti importanti mill-mandat tagħha, kif ukoll il-fatt li taħdem ma' impriżi konġunti oħra fil-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni pubblika għall-benefiċċji tax-xogħol tagħhom;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment dirett tal-Impriża Konġunta fil-proċess ta' rieżami ta' nofs it-terminu ta' Orizzont 2020 fil-qasam ta' aktar simplifikazzjonijiet u armonizzazzjoni tal-impriżi konġunti.

Kwistjonijiet oħra

31.  Huwa sodisfatt li l-proġetti SESAR 1 ingħalqu mil-lat operattiv fi tmiem l-2016 u li 61 soluzzjoni li huma lesti għall-industrijalizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni, li jinsabu fl-ewwel edizzjoni tal-Katalogu ta' Soluzzjonijiet ta' SESAR, twasslu lill-komunità tal-avjazzjoni; jinnota li 54 soluzzjoni mibdija f'SESAR 1 se jkomplu jiġu żviluppati aktar fil-programm SESAR 2020, li jikkostitwixxi eżempju tal-isforzi biex tiġi żgurata tranżizzjoni effettiva bejn iż-żewġ programmi;

32.  Jistieden lill-Impriża Konġunta u lill-Kummissjoni jevalwaw ir-riżultati tal-mobilizzazzjoni tas-soluzzjoni SESAR, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar tal-interoperabbiltà u mal-passi 'l quddiem fit-tlestija tal-Ajru Uniku Ewropew; waqt li jqis li l-fażi ta' mobilizzazzjoni diġà hija għaddejja, jistieden lil SESAR tibda bl-iżvilupp tal-Proġett Pilota rigward arkitettura ġdida tal-ispazju tal-ajru Ewropew li se jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-effikaċja finanzjarja tal-mobilizzazzjoni;

33.  Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' "SESAR European Drones Outlook Study" f'Novembru 2016; iqis li hemm bżonn ta' varjetà ta' innovazzjonijiet, inklużi teknoloġiji relatati mal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, biex id-droni jiġu integrati b'mod sikur fl-ispazju tal-ajru Ewropew; jinnota b'interess il-ħarsa ġenerali tagħha tal-iżvilupp tas-suq Ewropew tad-droni sal-2050 u l-potenzjal enormi għall-Ewropa u l-kompetittività globali tagħha, kif ukoll l-azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu fil-ħames sa għaxar snin li ġejjin biex jiġi liberat dak il-potenzjal, inkluż l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp miksub billi tiġi stabbilita, fil-livell tal-Unjoni, ekosistema li tkopri kemm qafas regolatorju kif ukoll it-teknoloġija, u li tgħaqqad flimkien il-partijiet interessati pubbliċi u privati ewlenin, u li tirriżulta fil-forniment ta' livelli ogħla ta' finanzjament tal-Unjoni, prinċipalment bl-għan li tingħata spinta lill-SMEs fis-settur;

34.  Jinnota li l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew għadha frammentata filwaqt li l-Ajru Uniku Ewropew bħala kunċett għadu ma ntlaħaqx; itenni r-rwol kruċjali tal-Impriża Konġunta fil-koordinament u l-implimentazzjoni tar-riċerka fil-proġett SESAR, li huwa proġett pilastru tal-Ajru Uniku Ewropew, għalkemm l-iskadenza biex jintlaħqu l-objettivi tal-proġett SESAR ġiet posposta mid-data oriġinali tal-2020 għall-2035;

35.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li tiġi solvuta l-problema tal-frammentazzjoni tal-ajru Ewropew, peress li attwalment is-Suq Uniku Ewropew mhux qed jisfrutta bis-sħiħ il-vantaġġi offruti mill-Ajru Uniku Ewropew.

(1) ĠU L 192, 1.7.2014, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali