Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0198/2018

Dibattiti :

PV 19/04/2018 - 6.2
CRE 19/04/2018 - 6.2

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0175

Testi adottati
PDF 274kWORD 54k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Filippini
P8_TA(2018)0175RC-B8-0198/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar il-Filippini (2018/2662(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2016(1) u tas-16 ta' Marzu 2017(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliema tas-SEAE tas-16 ta' Marzu 2018 dwar il-Filippini u l-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE u tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tad-19 ta’ Jannar 2018 dwar il-valutazzjoni tal-Arranġament ta' Inċentiv Speċjali tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba (SĠP+) tal-Filippini għall-perjodu 2016-2017 (SWD(2018)0032),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar l-akkużi magħmula mill-Gvern tal-Filippini li r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem kienu involuti f'attivitajiet terroristiċi,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit kommemorattiv ASEAN-UE fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet ta' djalogu bejn l-ASEAN u l-UE, kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni ASEAN-UE (2018-2022),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Frar 2018 tal-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew, li qal li mhuwiex aċċettabbli li s-Senatur De Lima tinżamm il-ħabs mingħajr akkuża,

–  wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)), stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964 bil-ħatra tal-Ambaxxatur tal-Filippini għall-KEE,

–  wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Filippini u l-UE ilhom igawdu relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi bejniethom; billi permezz tar-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Filippini reġgħu affermaw l-impenn konġunt tagħhom favur il-prinċipji tal-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun;

B.  billi mill-1 ta' Lulju 2016 'l hawn, ġie rrappurtat li fil-Filippini nqatlu madwar 12 000 persuna, fosthom nisa u tfal, waqt il-kampanja li għaddejja kontra d-droga, magħrufa internazzjonalment bħala "l-gwerra kontra d-droga" tal-President Duterte; billi l-President Duterte wiegħed li jkompli din il-kampanja kontra d-droga sa tmiem il-mandat presidenzjali tiegħu fl-2022; billi l-UE għadha mħassba ferm dwar l-għadd kbir ta' persuni li nqatlu b'rabta mal-kampanja kontra d-droga fil-Filippini;

C.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, Victoria Tauli-Corpuz, ċittadina Filippina, ġiet akkużata b'terroriżmu u, flimkien ma' 600 individwu ieħor – fosthom mexxejja indiġeni u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – f'Marzu 2018 tpoġġiet fuq lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi mill-Gvern tal-Filippini; billi l-esperti tan-NU jgawdu mill-immunità legali; billi l-akkużi saru wara li Tauli-Corpuz ikkundannat l-attakki tal-armata fuq il-popli indiġeni Lumad f'Mindanao; billi Tauli-Corpuz innutat l-użu tal-fastidju, it-tortura u l-arresti fil-konfront ta' nies indiġeni li kienu qed iħarsu l-proprjetà tagħhom b'mod paċifiku;

D.  billi s-Senatur Leila de Lima, attivista tad-drittijiet tal-bniedem u l-aktar kritiku prominenti tal-kampanja kontra d-droga tal-President Duterte, tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha bħala president tal-Kumitat tas-Senat dwar il-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem fid-19 ta' Settembru 2016 u ġiet arrestata fit-23 ta' Frar 2017; billi s-Senatur De Lima mexxiet l-investigazzjonijiet dwar il-każijiet ta' qtil extraġudizzjarju f'Davao, fiż-żmien meta l-President Duterte kien sindku tal-belt; billi hemm tħassib serju li r-reati li ġiet mixlija bihom is-Senatur De Lima huma kważi għalkollox ivvintati u politikament motivati;

E.  billi l-attakki fil-konfront tal-popli indiġeni min-naħa tal-awtoritajiet Filippini huma ta' tħassib serju; billi, fl-aħħar ta' Diċembru, in-NU wissiet dwar il-ksur massiċċ tad-drittijiet tal-bniedem li sofrew il-Lumad fil-gżira Filippina ta' Mindanao; billi l-esperti tan-NU jikkalkulaw li, minn Ottubru 2017 'l hawn, mill-inqas 2 500 Lumad sfaw spostati; billi hemm il-biża' li xi wħud minn dawn l-attakki huma motivati minn suspetti infondati li l-Lumad huma involuti fi gruppi terroristiċi, jew mir-reżistenza tagħhom għal attivitajiet minerarji fl-artijiet tal-antenati tagħhom;

F.  billi l-Filippini ffirmaw l-Istatut ta' Ruma fit-28 ta' Diċembru 2000 u rratifikawh fit-30 ta' Awwissu 2011; billi l-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ta bidu għal eżami preliminari tas-sitwazzjoni fil-Filippini, li fih se jiġu analizzati d-delitti li allegatament twettqu fil-pajjiż, tal-inqas mill-1 ta' Lulju 2016 'l hawn, fil-kuntest tal-"gwerra kontra d-droga" varata mill-Gvern tal-Filippini;

G.  billi fid-19 ta' Marzu 2018 il-QKI ġiet notifikata uffiċjalment min-NU li, fis-17 ta' Marzu 2018, il-Filippini kienu ddepożitaw notifika bil-miktub li biha rtiraw mill-Istatut ta' Ruma;

H.  billi fis-7 ta' Marzu 2017 il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Filippini approvat abbozz ta' liġi biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; billi l-abbozz ta' liġi għad irid jirċievi l-approvazzjoni tas-Senat qabel ma l-President ikun jista' jiffirmah f'liġi; billi l-President Duterte ħadem attivament biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; billi jekk terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt, dan ikun bi ksur ċar tat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Filippini ilhom parti fih mill-2007;

I.  billi l-Filippini jinsabu fil-111-il post minn fost 180 pajjiż, f'termini ta' korruzzjoni fil-Klassifikazzjoni tal-Korruzzjoni ppubblikata ta' kull sena minn Transparency International;

J.  billi s-soċjetà ċivili qed tingħata spazju dejjem iċken; billi huwa rrappurtat li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom ma' ambjent dejjem iktar ostili fil-Filippini; billi l-President Duterte għamel dikjarazzjonijiet fejn ħeġġeġ attakki mill-pulizija kontra gruppi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi l-persuni li jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi kontra l-qtil extraġudizzjarju jiffaċċjaw ir-riskju li ma jitħallewx jidħlu fil-Filippini;

L.  billi l-President Duterte għamel għadd ta' dikjarazzjonijiet derogatorji u degradanti dwar in-nisa, u huwa rrappurtat li kemm-il darba ġġustifika l-istupru u ordna li jiġu sparati tiri fil-konfront tan-nisa;

M.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti regolarment iħabbtu wiċċhom ma' theddid, fastidju, intimidazzjoni u vjolenza talli jippruvaw jikxfu allegazzjonijiet ta' qtil extraġudizzjarju u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini; billi l-komunità LGBTI tħabbat wiċċha ma' fastidju kontinwu;

N.  billi l-Filippini huma benefiċjarji tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (SĠP+) tal-Unjoni Ewropea;

O.  billi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Filippini jitlob l-istabbiliment ta' djalogu sinifikanti dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-għamla ta' Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

1.  Jistieden lill-Gvern tal-Filippini jwaqqaf immedjatament il-qtil extraġudizzjarju bl-iskuża tal-"gwerra kontra d-droga"; jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' każijiet ta' qtil extraġudizzjarju mill-forzi armati u mill-gruppi ta' viġilanza b'rabta mal-kampanja kontra d-droga; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jesprimi tħassib serju dwar rapporti kredibbli li jgħidu li l-korp tal-pulizija tal-Filippini qed jiffalsifika l-evidenza biex jiġġustifika l-qtil extraġudizzjarju, u li dawk li qed jisfaw l-aktar fil-mira huma l-foqra taż-żoni urbani;

2.  Jinnota l-inizjattivi reċenti tal-gvern biex jiżgura approċċ aktar unifikat u integrat għall-isforzi kontra d-droga, abbażi tal-infurzar, il-ġustizzja, il-promozzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni; jilqa' r-Riżoluzzjoni tas-Senat Nru 516 irreġistrata fil-Filippini fil-25 ta' Settembru 2017, li fiha l-awtoritajiet jitħeġġu "jieħdu l-passi meħtieġa biex iwaqqfu s-sensiela ta' qtil, speċjalment ta' wliedna"; jistieden lill-gvern jagħti prijorità lill-ġlieda kontra n-netwerks tat-traffikar tad-droga u l-barunijiet il-kbar tad-droga, minflok ma jikkonċentra fuq il-konsumaturi żgħar; jenfasizza li l-awtoritajiet tal-Filippini għandhom ikomplu l-ġlieda tagħhom kontra d-drogi illeċiti b'enfasi fuq is-saħħa pubblika u f'konformità sħiħa ma' proċess ġust, bi qbil mad-dritt nazzjonali u internazzjonali; jistieden lill-gvern jadotta politiki speċifiċi mhux vjolenti;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali tan-NU; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwettqu immedjatament investigazzjonijiet imparzjali u effikaċi fir-rigward ta' dan il-qtil extraġudizzjarju u jieħdu passi kontra l-awturi tad-delitti u jressquhom quddiem il-ġustizzja; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw investigazzjoni mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti dwar il-qtil fil-Filippini, u biex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

4.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Filippini biex jeħilsu lis-Senatur Leila de Lima u biex jipprovdulha kundizzjonijiet ta' sigurtà u sanitarji adegwati matul id-detenzjoni; barra minn hekk, itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex jiggarantixxu proċess ġust u biex iwaqqgħu l-akkużi kollha politikament motivati miġjuba kontriha; jistieden lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ kontra s-Senatur De Lima;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jneħħu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mil-lista ta' terroristi, iwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom u jippermettulhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-paċi; ifakkar lill-awtoritajiet Filippini li s-Sinjura Victoria Tauli-Corpuz tibbenefika mill-immunità skont il-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-1946;

6.  Jilqa' l-inizjattiva tal-QKI li tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' delitti kontra l-umanità fil-kuntest tal-qtil waqt il-"gwerra kontra d-droga"; jistieden lill-Gvern tal-Filippini jikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-eżami preliminari tiegħu dwar il-Filippini; jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Filippini li jagħti bidu għall-irtirar tiegħu mill-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-Gvern ireġġa' lura din id-deċiżjoni;

7.  Itenni t-tħassib qawwi tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti li terġa' ddaħħal il-piena tal-mewt; jistieden għal darb'oħra lill-awtoritajiet tal-Filippini jwaqqfu immedjatament il-proċedimenti li għaddejjin biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; ifakkar li l-UE tqis il-piena tal-mewt bħala kastig krudili u inuman li jonqos milli jaġixxi bħala deterrent għal imġiba kriminali; jistieden lill-Gvern Filippin ma jbaxxix l-età minima għar-responsabilità kriminali;

8.  Jinsab allarmat dwar iż-żieda fil-livelli ta' korruzzjoni taħt l-amministrazzjoni Filippina attwali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw il-korruzzjoni b'mod effettiv; jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan ir-rigward;

9.  Jikkundanna kull theddid, fastidju, intimidazzjoni u vjolenza kontra dawk li qed ifittxu li jikxfu allegazzjonijiet ta' qtil extraġudizzjarju u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini jiżgura li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom f'ambjent favorevoli u mingħajr biża' ta' tpattija;

10.  Iħeġġeġ lill-Filippini ma jibqgħux jipprojbixxu d-dħul fil-pajjiż ta' persuni li huma pperċepiti bħala kritiċi tal-politiki tal-President Duterte;

11.  Iħeġġeġ lill-Filippini josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni, inkluż fil-kuntest ta' kunflitt armat;

12.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u jfakkar li tali vjolenza tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tan-nisa u l-bniet; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet degradanti u misoġeni tal-President Duterte dwar il-ġellieda nisa; ifakkar lill-President li min jinkoraġġixxi lill-forzi statali jwettqu vjolenza sesswali waqt kunflitt armat ikun qed imur kontra d-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-President jittratta lin-nisa b'rispett u jżomm lura milli jinċita l-vjolenza kontra n-nisa;

13.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu li jitolbu li r-Repubblika tal-Filippini titneħħa mill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti qabel jiskadi l-mandat attwali ta' sħubija tagħha fi tmiem l-2018;

14.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Filippini dwar l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, l-iskema SĠP+ u l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' konformità; jenfasizza li, filwaqt li l-progress fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet SĠP+ huwa pożittiv ħafna, għad hemm tħassib qawwi b'rabta mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-gwerra kontra d-droga; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-Filippini, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jużaw l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, biex jikkonvinċu lill-Filippini jtemmu l-qtil extraġudizzjarju relatat mal-kampanja kontra d-droga u, fin-nuqqas ta' titjib sostantiv, jieħdu l-passi proċedurali li jistgħu jwasslu għall-irtirar temporanju tal-preferenzi SĠP+; iħeġġeġ lill-UE tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tgħin lill-Gvern tal-Filippini jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Filippini, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0349.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0088.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali