Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2663(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0191/2018

Dibattiti :

PV 19/04/2018 - 8.1
CRE 19/04/2018 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0176

Testi adottati
PDF 268kWORD 52k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża
P8_TA(2018)0176RC-B8-0191/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża (2018/2663(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u l-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini tal-31 ta' Marzu 2018, u d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tagħha tal-5 u s-7 ta' April u tad-19 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali António Guterres tal-5 ta' April 2018, u d-dik tal-kelliem tiegħu tat-30 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, tat-8 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi żmien ta' Gwerra, tal-1949,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi tal-1990,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU "Gaza Ten Years Later" ("Gaża Għaxar Snin Wara") ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-30 ta' Marzu 2018 fl-Istrixxa ta' Gaża, ingħata bidu għall-"Mixja l-Kbira tar-Ritorn" - protesta tal-massa organizzata kull ġimgħa għal sitt ġimgħat minn gruppi tas-soċjetà ċivili; billi l-Ħamas u fazzjonijiet Palestinjani oħra appellaw lill-popolazzjoni biex tingħaqad mal-mixja; billi l-awtoritajiet Iżraeljani rrapportaw li ntefgħu ġebel u bombi tan-nar kontra l-forzi tad-difiża tagħhom u li xi dimostranti ppruvaw jagħmlu l-ħsara lir-reċint ma' Iżrael;

B.  billi fit-30 ta' Marzu, fis-6 ta' April u fit-13 ta' April 2018, il-Forzi tad-Difiża Iżraeljani fetħu n-nar fuq id-dimostranti bl-użu ta' munizzjon attiv; billi kważi 30 Palestinjan inqatlu u aktar minn 2 000 indarbu, inklużi bosta tfal u nisa;

C.  billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, il-VP/RGħ Federica Mogherini u għadd ta' atturi internazzjonali oħrajn talbu li jsiru investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti dwar dawn l-avvenimenti vjolenti, b'mod speċjali fir-rigward tal-użu ta' munizzjon attiv;

D.  billi l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi jippermettu l-użu letali tal-armi tan-nar biss fiċ-ċirkostanzi previsti fil-Prinċipju 9 tagħhom;

E.  billi l-Ħamas huwa fuq il-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u jappella għall-qerda ta' Iżrael; billi l-isparar ta' rockets mill-Istrixxa ta' Gaża lejn it-territorju Iżraeljan għadu għaddej; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm żieda fl-attakki terroristiċi kontra Iżrael bl-eskalazzjoni ta' inċidenti militari f'Gaża u fil-madwar;

F.  billi, skont data tan-NU, 1,3 miljun ruħ f'Gaża huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, 47 % tal-familji jbatu minn nuqqas gravi jew moderat ta' sigurtà alimentari, 97 % tal-ilma tal-vit mhuwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem, 80 % tal-bżonnijiet tal-enerġija mhumiex ssodisfati, u aktar minn 40 % tal-popolazzjoni fiż-żona jinsabu qiegħda;

G.  billi l-Ħamas qed ikompli jżomm lill-popolazzjoni taħt il-kontroll u l-pressjoni tiegħu fl-Istrixxa ta' Gaża, li għadha ċ-ċentru tal-organizzazzjonijiet terroristiċi rikonoxxuti internazzjonalment; billi l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, huma ferm limitati mill-awtoritajiet immexxija mill-Ħamas; billi, lil hinn mill-imblokk, id-distakk bejn il-Palestinjani nfushom ikompli jnaqqas il-kapaċità tal-istituzzjonijiet lokali f'Gaża li jipprovdu servizzi bażiċi; billi l-attentat ta' qtil riċenti tal-Prim Ministru Palestinjan Rami Hamdallah matul iż-żjara tiegħu fiż-żona kompla jaggrava l-istaġnar fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni Palestinjana;

H.  billi Avera Mengistu, li emigra lejn Iżrael mill-Etjopja, u Hisham al-Sayed, Bedwin Palestinjan minn Iżrael, li t-tnejn li huma għandhom diżabilitajiet psikosoċjali, hu mifhum li qed jinżammu f'detenzjoni illegali u f'iżolament fl-Istrixxa ta' Gaża; billi l-fdalijiet tas-suldati Iżraeljani Hadar Goldin u Oron Shaul għadhom qed jinżammu mill-Ħamas f'Gaża;

1.  Jappella għall-akbar trażżin possibbli u jissottolinja li l-prijorità trid tkun li tiġi evitata l-eskalazzjoni ulterjuri tal-vjolenza u t-telf ta' ħajjiet;

2.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għat-telf ta' ħajjiet; jikkundanna l-qtil u l-korriment ta' dimostranti innoċenti Palestinjani fl-Istrixxa ta' Gaża matul dawn l-aħħar tliet ġimgħat, u jħeġġeġ lill-Forzi tad-Difiża Iżraeljani biex joqogħdu lura milli jużaw forza letali kontra dimostranti mhux armati; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-ħtieġa li jsir possibbli li tagħmir mediku jitwassal malajr lil dawk li għandhom bżonnu, u li jkunu permessi riferimenti mediċi lejn sptarijiet barra minn Gaża għal raġunijiet umanitarji;

3.  Jirrikonoxxi l-isfidi għas-sigurtà ta' Iżrael u l-ħtieġa għal protezzjoni tat-territorju u l-fruntieri tiegħu filwaqt li jintużaw mezzi proporzjonati; jikkundanna l-attakki terroristiċi mill-Ħamas u l-gruppi militanti oħra kontra Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża, inkluż l-isparar ta' rockets, l-infiltrazzjoni fit-territorju Iżraeljan u l-bini ta' mini; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Ħamas jidher li għandu l-għan li jaggrava t-tensjonijiet; jikkundanna bil-qawwa t-tattika persistenti tal-Ħamas li juża ċ-ċivili bl-iskop li jservu ta' tarka għal attivitajiet terroristiċi;

4.  Jenfasizza d-dritt tal-Palestinjani għal protesti paċifiċi bħala eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet fundamentali tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; jistieden lil dawk li jmexxu l-protesti fl-Istrixxa ta' Gaża jevitaw kull inċitament għall-vjolenza u jiżguraw li kwalunkwe protesta, dimostrazzjoni u assemblea jibqgħu strettament mhux vjolenti u ma jkunux jistgħu jintużaw għal raġunijiet oħra; jistieden lil Iżrael jirrispetta dan id-dritt fundamentali għal protesti paċifiċi;

5.  Jappoġġja s-sejħiet għal investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti dwar dawn l-avvenimentivjolenti; jieħu nota tal-Mekkaniżmu ta' Valutazzjoni għas-Sejbien tal-Fatti stabbilit mill-Forzi tad-Difiża Iżraeljani biex jagħmel rieżami tal-azzjonijiet tal-istess Forzi u tal-inċidenti speċifiċi li seħħew fuq il-fruntiera bejn Iżrael u Gaża sa mit-30 ta' Marzu 2018; ifakkar fl-importanza tal-obbligu ta' rendikont u li l-użu intenzjonat ta' forza letali kontra d-dimostranti li ma joħolqux theddida imminenti għall-ħajja jew korriment serjujikser id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fil-kuntest ta' okkupazzjoni huwa ksur serju tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra;

6.  Jinnota bi tħassib kbir it-twissija fir-rapporti varji tan-NU li l-Istrixxa ta' Gaża jaf issir inabitabbli sal-2020; jiddeplora b'mod partikolari l-fatt li s-settur tas-saħħa wasal biex jikkollassa, bl-isptarijiet jiffaċċjaw nuqqas sever ta' mediċini, tagħmir u elettriku; jappella għal sforz internazzjonali immedjat u sinifikanti għar-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni ta' Gaża, bil-għan li tittaffa l-kriżi umanitarja; ifaħħar il-ħidma tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) fl-għoti ta' għajnuna alimentari, aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, u servizzi vitali oħra lill-popolazzjoni ta' 1,3 miljun rifuġjat Palestinjan fiż-żona;

7.  Jappella biex jintemmu immedjatament u mingħajr kundizzjoni l-imblokk u l-għeluq tal-Istrixxa ta' Gaża, li rriżultaw fi kriżi umanitarja mingħajr preċedent li qed tiddeterjora fiż-żona;

8.  Jitlob għal darb'oħra r-ritorn tal-Awtorità Palestinjana fl-Istrixxa ta' Gaża sabiex tkun tista' tassumi l-funzjonijiet governattivi tagħha, li jridu jkunu prijorità; jistieden lill-fazzjonijiet Palestinjani kollha jerġgħu jibdew l-isforzi lejn ir-rikonċiljazzjoni, li hija kruċjali wkoll biex titjieb is-sitwazzjoni tan-nies f'Gaża; jenfasizza li r-rikonċiljazzjoni Palestinjana, inklużi l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li messhom ilhom li saru, hija importanti biex tinkiseb is-soluzzjoni ta' żewġ stati u għandha tkun appoġġjata mill-UE permezz ta' azzjoni innovattiva; jappella għad-diżarm tal-gruppi militanti kollha fl-Istrixxa ta' Gaża;

9.  Jappella biex Avera Mengistu u Hisham al-Sayed jinħelsu u jiġu ritornati lejn Iżrael; jitlob li l-fdalijiet ta' Hadar Goldin u Oron Shaul jiġu ritornati u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tagħhom; jitlob li l-fdalijiet tal-Palestinjani maqtula jiġu ritornati;

10.  Jistieden għal darb'oħra lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jirrispettaw għalkollox id-drittijiet tad-detenuti u tal-priġunieri;

11.  Ifakkar li s-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża għandha titqies fil-kuntest usa' tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; itenni li l-objettiv primarju tal-UE huwa t-twettiq tas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bi Stat ta' Iżrael sigur u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u tar-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

12.  Jenfasizza li l-mezzi mhux vjolenti kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, kemm minn atturi statali kif ukoll minn atturi mhux statali, huma l-uniku mod biex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli u paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jemmen ukoll li t-tkomplija tal-vjolenza, l-attakki terroristiċi u l-inċitament favur il-vjolenza huma fundamentalment inkompatibbli mal-progress fir-rigward ta' soluzzjoni ta' żewġ stati paċifiċi; jinnota li, sabiex terġa' tinbena l-fiduċja u tiġi evitata eskalazzjoni li ddgħajjef ulterjorment il-prospettivi għall-paċi, huwa kritiku li jiġi rispettat l-impenn favur azzjoni effikaċi kontra l-vjolenza, it-terroriżmu, id-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għaliha;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Knesset, lill-President u l-Gvern ta' Iżrael, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, u lill-President tal-Awtorità Palestinjana.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali