Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2628(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0186/2018

Testi mressqa :

B8-0186/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0183

Testi adottati
PDF 293kWORD 57k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u ta' Martina Kušnírová
P8_TA(2018)0183B8-0186/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u ta' Martina Kušnírová (2018/2628(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 4, 5, 6, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7, 8, 10, 11, 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 34 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 19 tal-ICCPR (Libertajiet ta' opinjoni u ta' espressjoni),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2141 (2017) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-24 ta’ Jannar 2017 dwar l-attakki fuq il-ġurnalisti u l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni fl-Ewropa;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni, tat-30 ta' April 2014, tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-operaturi l-oħra fis-settur tal-mezzi tal-komunikazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-impenji tal-OSKE fl-oqsma tal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, tal-libertà ta' espressjoni u tal-fluss liberu tal-informazzjoni;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar l-istat tad-dritt f'Malta(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u segwitu għar-riżoluzzjoni CRIM(4),

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa tas-6 ta' Marzu 2018 mibgħuta mis-17-il organizzazzjoni għal-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni lill-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa: il-każ tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u ta' Martina Kušnírová,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u tal-valuri u tal-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE u fi strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem huma obbligi għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha u jridu jiġu rrispettati;

B.  billi l-Artikolu 6(3) TUE jikkonferma li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni;

C.  billi l-UE topera abbażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jaġixxu f'konformità mad-demokrazija, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-KEDB, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-ICCPR;

D.  billi l-mezzi tal-komunikazzjoni liberi, indipendenti u bla xkiel jikkostitwixxu wieħed mill-pedamenti ta' soċjetà demokratika; billi l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li, fit-territorju tagħhom, il-libertà tal-istampa u l-ġurnalisti jkunu protetti;

E.  billi d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni u għal-libertà ta' opinjoni huma kundizzjonijiet indispensabbli għar-realizzazzjoni sħiħa tal-prinċipji tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont;

F.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu l-impenn li jirrispettaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni, kif ukoll id-dritt għall-informazzjoni u l-libertà ta' espressjoni minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fl-Artikolu 10 tal-KEDB u fl-Artikolu 19 tal-ICCPR; billi l-funzjonijiet ta' kontroll pubbliku tal-mezzi tal-komunikazzjoni huma kruċjali biex ikunu sostnuti dawn id-drittijiet kif ukoll għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali l-oħrajn kollha;

G.  billi l-Unjoni għandha l-possibbiltà li taġixxi bil-għan li tipproteġi l-valuri komuni li fuqhom issejset; billi l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għandhom ikunu applikati b'qawwa ndaqs fl-Istati Membri kollha;

H.  billi l-ġurnalist investigattiv Slovakk, Ján Kuciak, u s-sieħba tiegħu, Martina Kušnírová, instabu maqtula f'darhom f'Veľká Mača fil-25 ta' Frar 2018;

I.  billi d-dritt għall-aċċess indipendenti u trasparenti għall-ġustizzja jikkostitwixxi komponent fundamentali tal-istat tad-dritt; billi l-awturi ta' dawn l-assassinji, iżda wkoll dawk tal-każijiet preċedenti, għad iridu jittellgħu quddiem il-ġustizzja u trid tiġi kkundannata kultura ta' impunità;

J.  billi dan huwa l-ħames każ ta' qtil ta' ġurnalist fi Stat Membru tal-UE f'dawn l-aħħar għaxar snin(5), u t-tieni qtil ta' ġurnalist investigattiv li kien qiegħed jaħdem fuq il-każ tal-Panama Papers fl-UE wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia f'Malta f'Ottubru 2017; billi l-attakki fuq il-ġurnaliżmu investigattiv huma delitti kontra l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

K.  billi Ján Kuciak kien jispeċjalizza fl-investigazzjoni tal-iskandli ta' evażjoni tat-taxxa fuq skala kbira, tal-frodi fiskali, tal-korruzzjoni u tal-ħasil tal-flus, u fl-aħħar artiklu tiegħu, ippubblikat b'mod postumu, eżamina l-estorsjoni potenzjali ta' sussidji agrikoli tal-UE mill-organizzazzjoni kriminali Taljana 'Ndrangheta, li setgħet involviet ukoll xi uffiċjali governattivi qrib politiċi ta' livell għoli;

L.  billi l-qtil qanqal l-akbar protesti u dimostrazzjonijiet fit-toroq b'mod paċifiku mir-Rivoluzzjoni tal-Bellus tal-1989 'l hawn, favur il-ġustizzja, l-obbligu ta' rendikont, l-istat tad-dritt, ir-rispett tal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-azzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi d-dimostranti u l-pubbliku Slovakk urew nuqqas serju ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-istat, u fl-uffiċjali inklużi fil-pulizija; billi għandha terġa' tinġieb il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-Istat;

M.  billi, skont il-Kunsill tal-Ewropa, l-abbużi u d-delitti kommessi fil-konfront ta' ġurnalisti jħallu effett inibitur profond fuq il-libertà ta' espressjoni u jkabbru l-fenomenu tal-awtoċensura;

N.  billi l-Organised Crime and Corruption Reporting Project (Proġett ta' Rappurtar dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni) irrapporta li l-informazzjoni personali ta' Ján Kuciak setgħet inkixfet wara bosta talbiet għal-libertà ta' informazzjoni ppreżentati lill-awtoritajiet statali Slovakki; billi Ján Kuciak ippreżenta kwerela lill-Uffiċċju tal-Prosekutur wara li kien ġie mhedded minn negozjant Slovakk, u sussegwentement stqarr li 44 ġurnata wara l-preżenazzjoni, il-każ ma ġiex assenjat lil uffiċjal tal-pulizija u ngħalaq mingħajr ma nstemgħu x-xhieda;

O.  billi l-protezzjoni tal-ġurnalisti u tas-sorsi ġurnalistiċi, fosthom l-informaturi (whistleblowers), tvarja bejn l-Istati Membri u fil-maġġor parti tal-każijiet ma tinkludix l-għoti ta' protezzjoni kontra ritaljazzjoni, akkużi ta' malafama, theddid, kawżi intimidatorji jew konsegwenzi negattivi oħra; billi l-protezzjoni inadegwata mogħtija lill-ġurnalisti minn ċerti Stati Membri, kif ukoll l-atteġġjament dejjem aktar ostili fil-konfront tagħhom min-naħa ta' ċerti personalitajiet pubbliċi, qegħdin jimminaw sostanzjalment il-libertajiet bażiċi tagħhom;

P.  billi l-Media Pluralism Monitor (Osservatorju tal-Pluraliżmu fil-Mezzi tal-Komunikazzjoni), fir-rapport tiegħu tal-2016 dwar is-Slovakkja, identifika livelli għoljin ta' riskju rigward l-indipendenza politika, primarjament minħabba l-fatt li mezzi tal-komunikazzjoni lokali huma ffinanzjati mill-muniċipalitajiet, u spiss huma ta' proprjetà ta' dawn tal-aħħar, u huma esposti għal pressjoni politika potenzjali; billi r-rapport isemmi wkoll is-salvagwardji eżistenti għall-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi bħall-istħarriġ ġudizzjarju u d-definizzjonijiet ġuridiċi;

Q.  billi skont l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2017 ta' Reporters mingħajr fruntieri, fis-Slovakkja l-piena għall-malafama hija sa tmien snin priġunerija, l-eħrex piena għal dan ir-reat fl-UE; billi, madankollu, is-Slovakkja hija kklassifikata fis-17-il post f'dan l-indiċi;

R.  billi huwa u jżur Bratislava fit-2 ta' Marzu 2018, is-Segretarju Ġenerali ta' Reports mingħajr fruntieri ddeplora l-klima tal-waħx għall-ġurnalisti li kienet sostnuta u saħansitra maħluqa f'ċerti Stati Membri minn bosta politiċi Ewropej, inklużi mill-kapijiet ta' gvernijiet;

S.  billi mill-2007 fis-Slovakkja kienu rrapportati bosta attakki fuq ġurnalisti u tnejn minn dawn għadhom neqsin;

T.  billi skont il-Forum Ekonomiku Dinji (2017), is-Slovakkja tikklassifika fil-117-il post f'termini ta' korruzzjoni minn fost 137 pajjiżi eżaminat; billi n-numru ta' prosekuzzjonijiet għal reati marbuta mal-korruzzjoni naqas konsiderevolment; billi r-rapport tal-2018 tas-Semestru Ewropew dwar is-Slovakkja jiddikjara li l-ebda progress ma sar fl-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

U.  billi l-Parlament organizza missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Slovakkja mis-7 sad-9 ta' Marzu 2018, komposta minn Membri tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit;

V.  billi fir-rendikont tal-missjoni tad-delegazzjoni tal-Parlament ġie espress tħassib gravi, primarjament dwar il-kunflitti ta' interess possibbli, bħal dawk bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali u l-organi li għandhom jikkontrollaw l-attività tiegħu u bejn il-Ministru tal-Intern u l-kap tal-pulizija; billi, barra minn hekk, is-selezzjoni tal-ogħla prosekuturi ġiet deskritta bħala politiċizzata ħafna u n-nuqqas ta' korp kompetenti indipendenti għall-eżami tal-ilmenti kontra l-pulizija kien suġġett għal kritika; billi tqajmu dubji rigward l-adegwatezza tal-protezzjoni tal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u tas-sjieda tagħhom;

W.  billi meta l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar Slovakk wettaq eżerċizzju li kopra l-awtoritajiet intermedji u ta' ġestjoni kollha tal-fondi tal-UE, irriżultat problematika biss l-Aġenzija tal-Pagamenti Agrikoli (APA) Slovakka; billi l-Uffiċċju tal-Awditjar għadda l-konklużjonijiet tiegħu lill-Prosekutur Ġenerali Slovakk u lill-Aġenzija nazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tal-ġurnalist investigattiv Slovakk, Ján Kuciak, u tas-sieħba tiegħu, Martina Kušnírová,

2.  Jinsab imwaħħax bil-fatt li, f'dawn l-aħħar sitt xhur, dan huwa t-tieni attakk fatali fuq ġurnalist fl-UE, wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata f'Malta fis-16 ta' Ottubru 2017;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Slovakki jirrikorru għar-riżorsi kollha neċessarji biex jiżguraw investigazzjoni sħiħa, bir-reqqa u indipendenti tal-qtil ta' Ján Kuciak u Martina Kušnírová, u li ttella' quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli; jilqa' pożittivament l-intenzjoni tal-awtoritajiet Slovakk li jikkollaboraw bis-sħiħ mal-awtoritajiet internazzjonali inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi kif ukoll mad-Direttorat Investigattiv Anti-Mafja (DIA) tal-Italja matul l-investigazzjoni; jirrakkomanda bil-qawwa l-ħolqien ta' skwadra ta' investigazzjoni konġunta mmexxija anki mill-Europol u li din titħalla taċċedi b'mod totali għall-fajl tal-każ;

4.  Jistieden lill-Prosekutur Ġenerali Slovakk jerġa' jeżamina l-kwerela ppreżentata minn Ján Kuciak wara li kien ġie mhedded, u jinvestiga r-rapporti skont liema l-informazzjoni personali nkixfet wara li ppreżenta bosta talbiet għal-libertà ta' informazzjoni lill-awtoritajiet Slovakki;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Slovakki jiżguraw il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi minn kull forma ta' intimidazzjoni, akkużi ta' malafama, theddid jew attakki fiżiċi, u jieħdu miżuri effikaċi għall-protezzjoni ta' dawk li jeżerċitaw id-dritt ta' espressjoni tagħhom kontra l-attakki mmirati li jsikktuhom;

6.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li jiżvolġu l-ġurnalisti investigattivi bħala kontrolluri għall-ġid tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jikkundanna l-kummenti offensivi tal-politiċi tal-UE fil-konfront tal-ġurnalisti; josserva li l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi u tal-informaturi huwa fl-interessi vitali ta' soċjetà fl-intier tagħha; jinkoraġġixxi kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jressqu proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi għall-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-UE li huma suġġetti regolarment għal azzjonijiet legali maħsuba li jiċċensurawlhom xogħolhom jew jintimidawhom, inklużi r-regoli pan-Ewropej anti-SLAPP (Strategic Lawsuit Against Public Participation - azzjonjiet legali kontra l-parteċipazzjoni pubblika);

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja, tippromwovi u tapplika l-valuri stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll fl-ICCPR, u, f'dan il-kuntest, tissorvelja u tindirizza l-isfidi għal-libertà u għall-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni fl-UE kollha, fir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà; jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat bis-sħiħ dwar l-azzjonijiet li jittieħdu;

8.  Jindika li l-informaturi wrew li huma riżorsa kruċjali għall-ġurnaliżmu investigattiv u għal stampa indipendenti, u li l-garanzija tal-kunfidenzjalità tas-sorsi hija fundamentali għal-libertà tal-istampa; jenfasizza, għalhekk, li l-informaturi jikkontribwixxu għad-demokrazija, għat-trasparenza fil-politika u għall-ekonomija, kif ukoll għal pubbliku infurmat; jistieden lill-awtoritajiet Slovakki, u lill-Istati Membri kollha, jiżguraw il-protezzjoni tas-sikurezza personali u tas-sussistenza tal-ġurnalisti investigattivi u tal-informaturi; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi direttiva tal-UE effikaċi, komprensiva u orizzontali dwar il-protezzjoni tal-informaturi, billi tapprova totalment ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-14 ta' Frar 2017(6) u tal-24 ta' Ottubru 2017;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq skema permanenti ta' appoġġ finanzjarju, li tinkludi baġit iddedikat, billi tirrialloka r-riżorsi eżistenti bħala appoġġ favur il-ġurnaliżmu investigattiv indipendenti;

10.  Jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti tiegħu jressaq proposta dwar il-mod kif il-Parlament jista' jonora xogħol Daphne Caruana Galizia u Ján Kuciak, u jikkunsidra li jsemmi t-traineeship tal-Parlament għal Ján Kuciak;

11.  Josserva li r-Rapport tal-2016 dwar il-Pluraliżmu tal-Mezzi tal-Komunikazzjoni taċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Mezzi tal-Komunikazzjoni (CMPF) identifika li fis-Slovakkja r-riskju ta' konċentrazzjoni ta' sjieda tal-mezzi tal-komunikazzjoni huwa minn medju sa għoli; iqis li l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni f'għadd ta' Stati Membri jinsab mhedded mill-kontroll ta' dawn il-mezzi minn korpi politiċi jew individwi jew minn ċerti organizzazzjonijiet kummerċjali; jissottolinja l-fatt li, bħala prinċipju ġenerali, il-gvernijiet ma għandhomx jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom billi jinfluwenzaw il-mezzi tal-komunikazzjoni; jirrakkomanda l-inklużjoni ta' informazzjoni aktar dettaljata dwar is-sjieda tal-mezzi tal-komunikazzjoni fil-Media Pluralism Monitor;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva "Investigative Journalism for the EU" (IJ4EU) li l-għan tagħha huwa li trawwem u ssaħħaħ il-kollaborazzjoni transfruntiera fost il-ġurnalisti investigattivi fl-UE;

13.  Jinsab imħasseb dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni, approprjazzjoni indebita ta' fondi tal-UE, abbuż ta' poter u kunflitti ta' interess fis-Slovakkja li jistgħu jikkawżaw id-deterjorament tad-demokrazija; jistieden lill-awtoritajiet superviżorji u ġudizzjarji Slovakki u lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jinvestigaw l-allegati irregolaritajiet u frodi kollha, inklużi l-frodi karusell tal-VAT u dawk relatati mal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mal-fondi strutturali l-oħra;

14.  Jesprimi tħassib kbir rigward l-involviment possibbli tal-kriminalità organizzata f'dan il-qtil u rigward ir-riskju ta' infiltrazzjoni fis-setturi tal-politika, tal-gvern fil-livelli kollha, tal-ekonomija u tal-finanza; jisħaq fuq il-fatt li dan il-fenomenu ma għandux ikun sottovalutat; ifakkar li x-xbieki kriminali internazzjonali huma ferm attivi u li l-kriminalità organizzata qiegħda tespandi u ssir aktar sofistikata; jistieden lis-Slovakkja u lill-Istati Membri l-oħra jtejbu l-kooperazzjoni u l-koordinament bil-għan li jagħtu spinta lill-iżvilupp ta' proċeduri standard komuni, ibbażat fuq il-prattiki tajba tal-ordinamenti ġuridiċi l-aktar evoluti f'dik li hi l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

15.  Josserva li l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar Slovakk ħareġ tliet rapport kritiċi dwar l-APA; jistieden lill-awtoritajiet Slovakki jiżguraw investigazzjoni bir-reqqa tal-konklużjonijiet tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri twettaq investigazzjoni u tippubblika Rapport Speċjali dwar il-pagamenti agrikoli fis-Slovakkja;

16.  Jinkoraġġixxi lill-Kumitat Speċjali dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa tevalwa l-allegazzjonijiet ta' frodi tal-VAT, ħasil tal-flus u approprjazzjoni indebita ta' fondi Ewropej, kif ukoll jekk ir-regoli nazzjonali dwar il-qbid ta' assi humiex biżżejjed b'segwitu għall-attività kriminali f'dan il-kuntest, b'attenzjoni partikolari lix-xogħol ta' Ján Kuciak u ta' ġurnalisti investigattivi oħrajn;

17.  Jistieden lill-Kunsill jikkollabora mal-Istati Membri parteċipanti fil-ħolqien ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-aktar fis possibbli, fl-interessi tal-azzjoni kkoordinata kontra l-frodi fl-UE u reati oħra li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

18.  Jesprimi tħassib dwar il-konklużjonijiet tar-rapport imfassal mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit b'segwitu għall-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tagħhom fis-Slovakkja, li fih jintqal li s-selezzjoni tal-ogħla prosekuturi hija politiċizzata ħafna u li kien hemm għadd ta' allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-konfront ta' uffiċjali għoljin li ma wasslux għal investigazzjoni xierqa; jistieden lill-awtoritajiet Slovakki jsaħħu l-imparzjalità tal-eżekuzzjoni tal-liġi u biex jindirizzaw is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-rapport dwar il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Parlament; jitlob lill-Gvern Slovakk u lill-Parlament biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex terġa' tiġġedded il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-istat, inkluż fil-pulizija;

19.  Itenni d-dispjaċir tiegħu bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tippubblikax ir-Rapport kontra l-Korruzzjoni fl-2017, u jistieden lill-Kummissjoni tissokta, mingħajr dewmien, bil-monitoraġġ annwali tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta' indikaturi rigorużi u kriterji uniformi u faċilment applikabbli biex jitkejjel il-livell tal-korruzzjoni fl-Istati Membri u tevalwa l-politiki tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, konformement mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-8 ta' Marzu 2016 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE(7);

20.  Jisħaq fuq il-fatt li huwa ta' importanza vitali li jiġi garantit li l-valuri komuni Ewropej imsemmija fl-Artikolu 2 TUE jkunu sostnuti bis-sħiħ u li d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jkunu garantiti;

21.  Jappella bil-qawwa favur proċess regolari ta' monitoraġġ u djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha bil-għan li jiġu salvagwardjati l-valuri bażiċi tal-UE tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, bl-involviment tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament, kif kien propost fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt għad-DRF);

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tar-Repubblika Slovakka.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0402.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0438.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0403.
(5) Ara: https://rsf.org/en/journalists-killed
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0022.
(7) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 2.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali