Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2619(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0189/2018

Testi mressqa :

B8-0189/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0184

Testi adottati
PDF 262kWORD 50k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Strument għall-Valuri Ewropej biex jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromvovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali fl-Unjoni Ewropea
P8_TA(2018)0184B8-0189/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit Strument għall-Valuri Ewropej biex jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali fl-Unjoni Ewropea fil-livell lokali u nazzjonali (2018/2619(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar 2017 dwar "It-Tisħiħ tad-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku – Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE" (COM(2017)0030),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Challenges facing civil society organisations working on humanrights in the EU" (L-isfidi li jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE), ippubblikat f'Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar "Il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020"(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Financing of Civil Society Organisations by the EU" (Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili min-naħa tal-UE) adottat fid-19 ta' Ottubru 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-valuri fundamentali komuni Ewropej minquxa fl-Artikolu 2 TUE, partikolarment ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u l-prinċipji tal-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, ma jistgħux jittieħdu bħala ħaġa fatta u jeħtieġ li jiġu kontinwament ikkultivati u protetti, peress li d-deterjorament tagħhom fi kwalunkwe Stat Membru jista' jkollu effetti negattivi għall-UE kollha kemm hi;

B.  billi soċjetà ċivili attiva u żviluppata tajjeb fl-Istati Membri kollha tal-UE tikkostitwixxi l-aħjar protezzjoni kontra l-erożjoni ta' dawn il-valuri;

C.  billi ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) ikomplu jippromwovu dawn il-valuri minkejja li qed jiffaċċjaw diffikultajiet dejjem akbar biex jiksbu l-finanzjament meħtieġ ħalli jiżviluppaw u jwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod indipendenti u effettiv;

D.  billi l-UE tipprovdi finanzjament dirett lill-OSĊ li joperaw f'pajjiżi terzi biex jippromwovu dawn il-valuri, iżda l-possibilitajiet ta' finanzjament għall-OSĊ li qed ifittxu dan l-objettiv fi ħdan l-UE huma limitati ħafna, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-OSĊ li joperaw fil-livell lokali u nazzjonali;

1.  Itenni li l-OSĊ huma essenzjali għaż-żamma u l-promozzjoni tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva fl-UE, kif ukoll biex jiffaċilitaw dibattitu pubbliku msejjes fuq informazzjoni bħala parti minn demokrazija pluralista;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tiżviluppa modi ġodda u effettivi biex tipproteġi u tippromwovi dawn il-valuri fi ħdan l-Unjoni;

3.  Jemmen, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tipprovdi għajnuna finanzjarja mmirata lill-OSĊ li huma attivi fil-livell nazzjonali u lokali fil-promozzjoni u l-protezzjoni ta' dawn il-valuri;

4.  Jappella lill-UE twaqqaf strument ta' finanzjament – li jista' jissejjaħ l-Istrument għall-Valuri Ewropej – iddedikat għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 TUE, b'mod partikolari d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, fi ħdan il-baġit tal-UE skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss għal wara l-2020, b'livell ta' finanzjament li jikkorrispondi mill-anqas għal dak tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, li jservi għanijiet simili lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni; jirrakkomanda li l-prijorità strutturali tal-istrument tkun li jinħoloq settur b'saħħtu u sostenibbli tal-OSĊ fil-livell lokali u nazzjonali bil-kapaċità li jaqdi r-rwol tiegħu fil-ħarsien ta' dawn il-valuri;

5.  Iqis li l-istrument għandu jipprovdu għotjiet operattivi (finanzjament ta' bażi kif ukoll għotjiet għal proġetti u inizjattivi) lill-OSĊ li huma involuti fil-promozzjoni u l-protezzjoni ta' dawn il-valuri fl-UE;

6.  Jisħaq fuq il-punt li l-istrument għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni, li għandha tiżgura proċeduri rapidi u flessibbli għall-konċessjoni tal-għotjiet; jirrakkomanda, b'mod partikolari, li l-proċedura tal-applikazzjoni tkun faċli biex tintuża u faċilment aċċessibbli għall-OSĊ lokali u nazzjonali;

7.  Iqis li l-istrument għandu jkun immirat speċifikament lejn proġetti u inizjattivi li jippromwovu l-valuri Ewropej fil-livell lokali u nazzjonali, bħalma huma proġetti ta' parteċipazzjoni ċivika, attivitajiet ta' promozzjoni u attivitajiet oħra ta' sorveljanza, u li proġetti u inizjattivi transnazzjonali għandhom jaqdu rwol sussidjarju biss; jemmen li għandha titqiegħed enfasi partikolari fuq il-bini tal-kapaċità tal-OSĊ biex jinvolvu lill-pubbliku ġenerali sabiex jitkabbar l-għarfien tiegħu ta' demokrazija pluralista u parteċipattiva, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li l-istrument għandu jkun komplementari għal strumenti u attivitajiet diġà eżistenti fil-livell Ewropew u nazzjonali li jippromwovu u jipproteġu dawn il-valuri, u għalhekk ma għandux isir a skapitu ta' fondi u attivitajiet oħra nazzjonali jew Ewropej f'dan il-qasam;

9.  Jissottolinja li l-obbligu ta' rendikont finanzjarju kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju jrid jiġi żgurat fil-ġestjoni tal-istrument il-ġdid, b'mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-obbligi legali, it-trasparenza sħiħa dwar l-użu tar-riżorsi, il-ġestjoni finanzjarja soda u l-użu prudenti tar-riżorsi;

10.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tħejji rapport annwali dwar il-prestazzjoni tal-istrument u tippubblika lista tal-organizzazzjonijiet u tal-attivitajiet li tkun iffinanzjat;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0075.
(3) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 9.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali