Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2670(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0194/2018

Testi mressqa :

B8-0194/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.14

Testi adottati :

P8_TA(2018)0185

Testi adottati
PDF 250kWORD 48k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-każ taż-żewġ suldati Griegi arrestati u detenuti fit-Turkija
P8_TA(2018)0185B8-0194/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-każ ta' żewġ suldati Griegi arrestati u detenuti fit-Turkija (2018/2670(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-arrest, fl-1 ta' Marzu 2018, u t-tkomplija tad-detenzjoni mill-awtoritajiet Torok ta' żewġ suldati Griegi, li sostnew li tilfu triqithom f'temp ħażin,

–  wara li kkunsidra l-fatt li dik il-parti partikolari tal-fruntiera, fiż-żona forestali ta' Kastanies tul ix-Xmara Evros/Meriç, hija punt ta' qsim ewlieni għall-migranti, ir-rifuġjati u t-traffikanti, u li l-logutenent u s-surġent inkwistjoni kienu għaddejjin bir-ronda regolari tal-fruntiera,

–  wara li kkunsidra l-appelli minn uffiċjali tal-UE u tan-NATO, b'mod partikolari mill-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018 u matul il-Laqgħa tal-Mexxejja tal-UE u tat-Turkija tas-26 ta' Marzu 2018, biex is-suldati jinħelsu,

–  wara li kkunsidra l-isforzi tal-Gvern Grieg biex jiżgura l-ħelsien u r-ritorn tas-suldati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jistqarr li "Kull min ikun arrestat għandu jiġi infurmat minnufih, b'lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet tal-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-4 ta' Marzu 2018, qorti Torka f'Edirne ddeċidiet li ż-żewġ suldati, li bħalissa qed jinżammu f'ħabs b'sigurtà massima u li huma akkużati li daħlu fit-Turkija illegalment, għandhom jibqgħu detenuti;

B.  billi ż-żewġ suldati Griegi ilhom miżmuma f'ħabs Tork għal aktar minn xahar mingħajr ma tressqu akkużi kontrihom, u għalhekk għadhom ma jafux b'liema reat qed jiġu akkużati;

C.  billi fil-passat każijiet simili ta' qsim aċċidentali tal-fruntiera minn suldati Griegi jew Torok ġew solvuti fuq il-post fil-livell tal-awtoritajiet militari lokali taż-żewġ naħat;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jikkonkludu l-proċess ġudizzjarju malajr u jeħilsu ż-żewġ suldati Griegi u jirritornawhom il-Greċja;

2.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri kollha tal-UE juru solidarjetà mal-Greċja u jappellaw għall-ħelsien immedjat taż-żewġ suldati Griegi fi kwalunkwe kuntatt jew komunikazzjoni mal-mexxejja u l-awtoritajiet Torok, fl-ispirtu tad-dritt internazzjonali u tar-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jsegwu skrupolożament il-proċedimenti ġudizzjarji u jirrispettaw bis-sħiħ, għal dawk kollha kkonċernati, id-drittijiet tal-bniedem minquxa fid-dritt internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tat-Turkija u tal-Greċja, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lin-NATO.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali