Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2191(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0049/2018

Testi mressqa :

A8-0049/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 24
CRE 18/04/2018 - 24

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.16

Testi adottati :

P8_TA(2018)0187

Testi adottati
PDF 426kWORD 77k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni
P8_TA(2018)0187A8-0049/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (2017/2191(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 39, 42, 101 sa 109 u 174 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2016 (COM(2017)0285) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat bħala dokument ta' sostenn fl-istess data (SWD(2017)0175),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat(1),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tad-9 ta' Lulju 2014 bit-titolu ''Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE'' (COM(2014)0449),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1084 tal-14 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 f'dak li għandu x'jaqsam ma' għajnuna għal infrastruttura tal-port u tal-ajruport, livelli limitu ta' notifika għal għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna għall-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali, u l-iskemi ta' għajnuna operatorja reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (COM(2017)0142),

–  wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2016 dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni – it-triq 'il quddiem(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(7), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-snin preċedenti dwar is-suġġett,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur(8),

–  wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, id-deċiżjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0049/2018),

1.  Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Mejju 2017 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2016, li juri li, f'ambjent kompetittiv ġust, l-investiment u l-innovazzjoni huma essenzjali għall-futur tal-Ewropa;

2.  Jappoġġja bil-qawwa l-indipendenza tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) fil-missjoni tagħhom li jsawru u jinfurzaw b'mod effikaċi r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-impriżi li joperaw fl-UE;

3.  Jilqa' u jkompli jħeġġeġ l-isforzi tal-Kummissjoni li żżomm, minbarra d-djalogu strutturat mal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, kuntatt regolari mal-membri tal-kumitat kompetenti tal-Parlament u tal-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni; huwa konvint li r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni huwa eżerċizzju essenzjali f'termini ta' skrutinju demokratiku, u jilqa' l-feedback tal-Kummissjoni dwar it-talbiet speċifiċi kollha adottati mill-Parlament;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura informazzjoni u skambji regolari mal-Parlament dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ta' ftehimiet internazzjonali u ta' liġijiet mhux vinkolanti oħra li jikkonċernaw il-politika tal-kompetizzjoni, kif previst mill-Ftehim Interistituzzjonali (FII) bejn il-Kummissjoni u l-Parlament; jinnota li dan mhuwiex qed iseħħ b'mod sodisfaċenti, pereżempju fid-diskussjonijiet dwar il-ftehim UE-Kanada dwar l-iskambju ta' informazzjoni fi proċedimenti fil-qasam tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kunsill jirratifika l-ftehim UE-Kanada mill-aktar fis possibbli; biħsiebu jippromwovi skambji ta' fehmiet regolari fil-kumitat responsabbli man-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) u l-NCAs;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-ikkompletar tas-suq uniku, bħal fis-setturi tal-enerġija (inkluż l-awtokonsum) u tat-trasport, fis-suq diġitali u fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, sabiex issaħħaħ l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u tikseb applikazzjoni konsistenti tagħhom fl-Istati Membri;

6.  Jinnota li l-għajnuna mill-Istat tista' tkun għodda indispensabbli biex tiżgura l-infrastruttura u l-provvista meħtieġa kemm għas-settur tal-enerġija kif ukoll għas-settur tat-trasport, b'mod partikolari fl-Ewropa, fejn qed isseħħ tranżizzjoni lejn provvista tal-enerġija u sistemi tat-trasport aktar nodfa u li jirrispettaw aktar l-ambjent;

7.  Jinnota li l-għajnuna mill-Istat tista' tkun neċessarja biex tiżgura l-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI), inklużi l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni; jenfasizza li l-intervent mill-Istat spiss huwa l-aħjar għodda ta' politika biex jiġu pprovduti servizzi li huma kruċjali għall-appoġġ ta' reġjuni u gżejjer iżolati, remoti jew periferiċi fl-Unjoni;

8.  Iqis li huwa importanti li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni, li tinvolvi s-salvagwardja tal-possibbiltà ta' akkwisti transfruntieri fis-suq intra-Ewropew fis-servizzi finanzjarji, anke fir-rigward tal-assigurazzjoni;

9.  Jenfasizza li l-konnettività tar-reġjuni u tal-gżejjer periferiċi hija essenzjali għas-sostenn u l-iżvilupp ta' livelli aċċettabbli ta' inizjattiva ekonomika u soċjali permezz taż-żamma ta' konnessjonijiet kummerċjali vitali;

10.  Jenfasizza li l-aċċess għall-flus kontanti mill-ATMs huwa servizz pubbliku essenzjali li jrid jiġi pprovdut mingħajr ebda prattika diskriminatorja, antikompetittiva jew inġusta u, għalhekk, m'għandux jinvolvi spejjeż eċċessivi;

11.  Jilqa' l-isforzi tad-DĠ Kompetizzjoni biex ikompli jibni forza tax-xogħol stabbli u bilanċjata matul l-2016; barra minn hekk, jilqa' t-titjib fil-ġestjoni tar-riżorsi umani fid-DĠ Kompetizzjoni, u l-fatt li ċ-ċaqliq tal-persunal naqas għall-inqas livell tiegħu mindu bdew jinżammu r-rekords (minn 13,9 % fl-2015 għal 10,8 % fl-2016(10)); jitlob lill-Kummissjoni talloka mill-ġdid riżorsi finanzjarji u umani adegwati lid-DĠ Kompetizzjoni, u tiżgura finanzi stabbli għall-modernizzazzjoni tal-għodod elettroniċi u informatiċi tad-direttorat, sabiex ilaħħaq mal-volum ta' xogħol li qed jiżdied u mal-progress teknoloġiku; jappella, għal darb'oħra, għal separazzjoni stretta bejn id-dipartimenti li jfasslu l-linji gwida u dawk responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom;

12.  Jilqa' l-avvanzi li saru mid-DĠ Kompetizzjoni fil-qasam tal-opportunitajiet indaqs, inkluża rappreżentanza tan-nisa ta' 36 % fil-maniġment intermedju;

13.  Jenfasizza, għal darb'oħra, li l-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku għandha effetti serji ta' distorsjoni tas-suq fuq il-kompetittività Ewropea; itenni li l-akkwist pubbliku huwa waħda mill-attivitajiet pubbliċi l-aktar vulnerabbli għall-korruzzjoni; jenfasizza li, f'ċerti Stati Membri, l-akkwist iffinanzjat mill-UE għandu riskji ogħla ta' korruzzjoni mill-akkwist iffinanzjat fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tevita l-użu ħażin tal-fondi tal-UE u biex tistimola l-obbligu ta' rendikont fl-akkwist pubbliku; barra minn hekk, jilqa' t-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

14.  Jinnota li r-regoli tal-UE ma jistabbilux perjodi ta' żmien speċifiċi għal investigazzjonijiet antitrust, li jimplika li xi drabi d-deċiżjonijiet jittieħdu tard wisq, wara li l-kompetituri jkunu ġew obbligati joħorġu mis-suq;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta linji gwida indikattivi biex jiġi limitat it-tul tal-investigazzjonijiet antitrust u tal-proċedimenti li jirrigwardaw l-abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq, sabiex jiġu evitati l-inċertezza u l-piżijiet eċċessivi għan-negozji, u biex jissawwar ambjent kompetittiv li jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi; iwissi li perjodi ta' żmien aktar flessibbli għandhom jiġu permessi biss f'każijiet kumplessi fejn l-investigazzjonijiet ikunu jridu jiġu estiżi għal impriżi oħra;

16.  Jissottolinja li filwaqt li l-ħeffa tal-investigazzjonijiet trid tkun ibbilanċjata mal-ħtieġa li d-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-kwalità tal-investigazzjonijiet jitħarsu b'mod adegwat, perjodi ta' żmien indikattivi jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet antitrust jagħmlu użu aktar effiċjenti mir-riżorsi tagħhom; jinnota li sabiex tiżdied il-ħeffa tal-investigazzjonijiet antitrust ewlenin, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati jistgħu jżidu l-użu ta' proċeduri antitrust simplifikati u jtejbu l-aċċess għall-fajls rilevanti;

17.  Jieħu nota li l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet ta' antitrust jittieħdu fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja, filwaqt li tqis il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, il-konsistenza u l-indipendenza globali tal-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar tagħha fis-suq intern, bl-appoġġ tan-NEK; jenfasizza li l-indipendenza tal-NCAs hija importanti ferm, u għalhekk jilqa' l-proposta NEK+ tal-Kummissjoni bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-NCAs li jiżguraw infurzar aktar effikaċi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE;

18.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tivverifika li, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom b'indipendenza sħiħa, l-NCAs ikunu mgħammra adegwatament f'termini ta' riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi, u li l-elezzjoni jew in-nomina tad-diretturi u tal-maniġment superjuri tagħhom tkun trasparenti u ma tkunx influwenzata politikament; jenfasizza li l-awtonomija tal-NCAs, anke f'termini baġitarji, hija essenzjali biex jiġi żgurat l-infurzar effikaċi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-NCAs jippubblikaw rapporti annwali li jkun fihom statistika u sinteżi motivata tal-attivitajiet tagħhom, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament rigward dawn il-punti ewlenin; jemmen li l-NCAs għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri li jiżguraw li l-persunal u d-diretturi tagħhom, għal perjodu raġonevoli wara li jkunu telqu mill-kariga tagħhom, ma jaċċettawx impjiegi li jistgħu jagħtu lok għal kunflitti ta' interess fir-rigward ta' każ speċifiku li kienu involuti fih fl-NCA; jenfasizza l-importanza tan-NEK, li jipprovdi pjattaforma għal skambji regolari bejn il-Kummissjoni u l-NCAs sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effikaċi u konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-opinjoni tal-NCAs;

19.  Huwa tal-fehma li studju dwar l-għarfien u l-fehim fost l-impriżi, b'mod partikolari l-SMEs, tad-dritt tal-kompetizzjoni u tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE, jista' jkun utli sabiex jiġi intensifikat l-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE u jista' jgħin ukoll bħala gwida;

20.  Huwa tal-fehma li miżuri interim jistgħu jkunu għodda importanti, b'mod partikolari fl-ekonomija diġitali, biex jiġi żgurat li kwalunkwe mġiba illeċita matul investigazzjoni ma tagħmilx ħsara serja u irreparabbli lill-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-għażliet disponibbli biex taċċellera l-proċedimenti quddiem l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jew biex tissimplifika l-adozzjoni ta' miżuri interim; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, twettaq studju u tippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu u, jekk ikun meħtieġ, proposta leġiżlattiva lill-Parlament u lill-Kunsill;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'rabta ma' riforma possibbli tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet, teżamina bir-reqqa jekk il-proċeduri ta' valutazzjoni kurrenti jqisux biżżejjed iċ-ċirkustanzi fis-swieq diġitali; huwa tal-fehma li jista' jkun meħtieġ adattament tal-kriterji tal-valutazzjoni għall-fużjonijiet fl-ekonomija diġitali; jenfasizza wkoll li l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni m'għandhiex tiġi ggarantita biss bl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, iżda anke bl-infurzar tar-regoli Ewropej dwar il-fużjonijiet; għalhekk jisħaq fuq il-ħtieġa ta' regoli ekwivalenti fil-livell tal-UE f'dan il-qasam;

22.  Jilqa' l-isforzi sostnuti tal-Kummissjoni biex tiċċara l-aspetti differenti tad-definizzjoni ta' għajnuna mill-Istat, kif muri fl-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, li jikkostitwixxi element importanti tal-inizjattiva ta' Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat; jinnota b'mod partikolari l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiċċara l-kunċetti ta' "impriża" u "attività ekonomika"; josserva, madankollu, li l-ħolqien ta' distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet ekonomiċi u dawk mhux ekonomiċi jibqa' diffiċli, speċjalment fil-qasam tal-affarijiet soċjali; jirrimarka wkoll li huwa r-rwol tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li tiżgura l-interpretazzjoni xierqa tat-Trattat;

23.  Itenni li kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa hija importanti għall-integrità tas-suq intern u li l-parteċipanti kollha tas-suq, inklużi l-kumpaniji diġitali, għandhom iħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxi fejn jiġġeneraw il-profitt tagħhom u jikkompetu b'kundizzjonijiet ugwali; jilqa' l-investigazzjonijiet fil-fond tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward u jenfasizza li l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija meħtieġa biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku kollu u biex jiġu kkonsolidati baġits pubbliċi sodi; jenfasizza li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw ukoll għal eżenzjonijiet mit-taxxa u li huwa essenzjali li jiġu eliminati prattiki antikompetittivi li joħolqu distorsjoni, bħal benefiċċji selettivi fuq it-taxxa; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-Kummissjoni jkollha aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha skambjata bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, sabiex tivvaluta l-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet u l-arranġamenti tat-taxxa tagħhom mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni;

24.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' azzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kontra l-eliminazzjoni retroattiva ta' skemi ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli; jissottolinja li dan in-nuqqas ta' azzjoni kompla jgħawweġ il-kompetizzjoni, peress li l-investituri internazzjonali rnexxielhom jiksbu rimedju filwaqt li l-investituri lokali ma rnexxilhomx; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-effetti ta' distorsjoni tal-pagamenti ta' kapaċità eżistenti u l-pagamenti moratorji nukleari fis-swieq tal-elettriku;

25.  Jitlob li jiġu riveduti l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat dwar it-tassazzjoni biex ikopru każijiet ta' kompetizzjoni inġusta, li jmorru lil hinn mid-deċiżjonijiet tat-taxxa u l-ipprezzar ta' trasferiment;

26.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' politiki u regolamenti sempliċi u trasparenti dwar it-taxxa;

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kontra l-benefiċċji illegali tat-taxxa mogħtija lil Amazon u d-deċiżjonijiet storiċi preċedenti tagħha dwar vantaġġi selettivi illegali tat-taxxa, u jenfasizza li l-irkupru f'waqtu ta' għajnuna illegali huwa essenzjali; jinnota li l-Lussemburgu ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jappella d-deċiżjoni dwar Amazon, bħalma għamlet l-Irlanda fil-każ ta' Apple; jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha u tieħu deċiżjonijiet kontra kwalunkwe għajnuna illegali mill-Istat fil-każijiet komparabbli kollha sabiex tiggarantixxi trattament ugwali u terġa' ddaħħal kundizzjonijiet ekwi;

28.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-kumpaniji diġitali jiġu ntaxxati abbażi tal-attività ġenwina tagħhom fl-Istati Membri billi jiġi rreġistrat il-fatturat iġġenerat permezz tal-pjattaformi diġitali, u b'hekk jiġi evitat żvantaġġ kompetittiv għal dawk il-kumpaniji li jwettqu negozju permezz ta' preżenza fiżika permanenti;

29.  Iqis li kompetizzjoni ġusta fis-suq intern tista' tiġi mxekkla mill-ippjanar tat-taxxa, peress li parteċipanti u SMEs ġodda li jkunu qed iwettqu negozju f'pajjiż wieħed biss jiġu penalizzati meta mqabbla mal-korporazzjonijiet multinazzjonali, li jistgħu jċaqalqu l-profitti jew jimplimentaw forom oħra ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa permezz ta' varjetà ta' deċiżjonijiet u strumenti disponibbli għalihom biss; jinnota bi tħassib li l-obbligazzjonijiet ta' taxxa aktar baxxi li jirriżultaw jagħtu lill-korporazzjonijiet multinazzjonali profitt ogħla wara t-taxxa u joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi mal-kompetituri tagħhom fis-suq uniku, li m'għandhomx rikors għal ippjanar aggressiv tat-taxxa u jżommu r-rabta bejn il-post fejn jiġġeneraw profitt u l-post tat-tassazzjoni tagħhom;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni tidħol f'negozjati mal-istati u mat-territorji kollha li jgawdu minn aċċess tajjeb għas-suq komuni u li m'għandhomx kontrolli effikaċi tal-għajnuna mill-Istat kontra kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa;

31.  Jieħu nota tal-possibbiltà li jintużaw fondi pubbliċi biex isalvaw il-banek li huma importanti fir-reġjun tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tispjega taħt liema kundizzjonijiet dan ikun possibbli, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u r-rikapitalizzazzjoni interna; jemmen li l-qafas legali kurrenti mhuwiex ċar u jistieden lill-Kummissjoni ttejbu;

32.  Ifakkar li, skont id-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti, l-użu tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti biex jiġi evitat il-falliment ta' istituzzjoni ta' kreditu għandu jsir fi ħdan qafas definit b'mod ċar u, fi kwalunkwe każ, għandu jkun konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tevalwa fuq bażi annwali jekk ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE fis-settur finanzjarju għadhomx jiġu ssodisfati;

34.  Jemmen li, wara l-kriżi finanzjarja, il-konċentrazzjoni fis-settur bankarju żdiedet u, f'xi każijiet, ġiet imħeġġa mill-awtoritajiet tas-superviżjoni nazzjonali u Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja dan il-fenomenu u twettaq studju pajjiż pajjiż fil-livell Ewropew biex teżamina l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni;

35.  Jilqa' l-impenji meħuda mill-Kummissarju Vestager fid-djalogu strutturat mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-21 ta' Novembru 2017 biex issir riflessjoni dwar distorsjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-Programm ta' Xiri mis-Settur Korporattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u biex jingħata rapport bi tweġiba kwalitattiva; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kunċett tas-selettività fl-għajnuna mill-Istat huwa kriterju essenzjali li jeħtieġ jiġi investigat bir-reqqa; jinnota wkoll, f'dan ir-rigward, l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li fih l-hekk imsejjaħ prinċipju tal-kooperazzjoni leali;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-attivitajiet fis-settur bankarju għall-konsumatur u fis-settur tas-servizzi finanzjarji għal kwalunkwe ksur tar-regoli tal-antitrust u attività ta' kartell, u taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex tinforza r-regoli tal-antitrust tal-UE;

37.  Iqis li hija prijorità li jiġi żgurat li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu strettament u imparzjalment segwiti meta jiġu indirizzati kriżijiet bankarji fil-futur, sabiex il-kontribwenti jkunu protetti mill-piż tas-salvataġġ tal-banek;

38.  Jappoġġja s-sejba tal-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku li l-kummerċ elettroniku transfruntier jista' jikkontribwixxi għal aktar integrazzjoni tas-suq uniku, u jista' joħloq vantaġġi kompetittivi għan-negozji u jżid l-għażla tal-konsumatur, iżda l-miżuri ta' mblukkar ġeografiku jikkostitwixxu tfixkil sinifikanti għal dan; itenni li dan jista' jitqies li jmur kontra l-Artikolu 101 f'ċerti ċirkustanzi; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiffoka fuq l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE li jew kienu stabbiliti jew li nxterdu aktar minħabba l-emerġenza u s-sinifikat dejjem akbar tal-ekonomija diġitali; jilqa' bl-istess mod l-għan tal-Kummissjoni li twessa' d-djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fir-rigward tal-prattiki tal-kummerċ elettroniku;

39.  Jistieden lill-Kap Negozjatur Ewropew għall-Brexit biex, f'kooperazzjoni mal-Kummissarju Vestager, jibda mill-aktar fis possibbli diskussjoni ġusta u trasparenti dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit f'termini ta' kompetizzjoni;

40.  Jemmen li l-investigazzjonijiet kollha li għaddejjin(11) dwar ksur potenzjali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE mir-Renju Unit jew minn kumpaniji bbażati fir-Renju Unit m'għandhomx ikunu mhedda mill-aġenda tal-Brexit, u li kwalunkwe deċiżjoni finali meħuda mill-Kummissjoni wara d-29 ta' Marzu 2019 għandha tibqa' vinkolanti;

41.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni u l-konklużjoni preliminari tagħha li Google abbużat mid-dominanza tas-suq tagħha bħala magna tat-tiftix billi tat vantaġġ illegali lil prodott ieħor tagħha: is-servizz tagħha ta' tqabbil tax-xiri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpanija timplimenta r-rimedju b'mod effettiv u minnufih sabiex jiġi evitat abbuż ulterjuri minn pożizzjoni dominanti; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond u timmonitorja kif il-proposta Google tista' taħdem fil-prattika sabiex terġa' ddaħħal il-kundizzjonijiet ekwi meħtieġa biex il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni jirnexxu; jinnota li mingħajr separazzjoni strutturali totali bejn is-servizzi ta' tiftix ġenerali u speċjalizzati tal-kumpanija, approċċ ibbażat fuq l-irkant jista' ma jipprovdix trattament ugwali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-CEO ta' Google jattendu smigħ pubbliku konġunt tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur; huwa tal-fehma li l-kumpaniji kollha, anke fis-settur diġitali, għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-Parlament, fosthom billi jattendi seduti ta' smigħ pubbliċi;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi aktar ambizzjużi biex telimina ostakli illeġittimi għall-kompetizzjoni online, sabiex tiżgura xiri online mingħajr ostakli għall-konsumaturi tal-UE li jixtru mingħand bejjiegħa bbażati fi Stat Membru ieħor, filwaqt li fl-istess ħin ma jinħolqux ostakli ġodda minħabba d-differenzi eżistenti fid-dritt tal-konsumatur;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod diliġenti, twettaq u tikkonkludi mill-aktar fis possibbli l-investigazzjonijiet pendenti l-oħra kollha dwar l-antitrust, bħal Android u AdSense, u investigazzjonijiet fis-setturi tat-tiftix lokali u tal-ivvjaġġar, fejn Google allegatament qed tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha askapitu ta' kompetituri eżistenti u potenzjali, li ma tħallewx jidħlu u jiżviluppaw f'dan il-qasam; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tkun ippreparata u mgħammra sew għall-ewwel każ ta' big data, li jirrappreżenta madwar 5,2 terabytes ta' data; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-użu mill-kumpaniji kbar tat-teknoloġija ta' data personali huwa mingħajr preċedent u l-konsumaturi spiss ma jkunux konxji jew infurmati dwar kemm fil-fatt qed tintuża d-data tagħhom, pereżempju fit-tfassil ta' profili jew fir-reklamar immirat; jemmen li l-kumpaniji diġitali jikkostitwixxu sfida speċifika għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u dawk fiskali, b'mod partikolari fir-rigward tal-algoritmi, l-intelliġenza artifiċjali jew il-valur tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa politika u strumenti ta' infurzar li jindirizzaw l-iżvilupp ta' ekonomiji diġitali, filwaqt li tiżgura li jkollha disponibbli tim sħiħ ta' inġiniera u speċjalisti interni fl-aktar teknoloġiji avvanzati biex jimmonitorjaw u jieħdu azzjoni kontra sitwazzjonijiet antikompetittivi li jikkonċernaw l-ekonomija diġitali u tal-pjattaformi;

44.  Jenfasizza l-importanza tal-investigazzjonijiet li għaddejjin fis-settur farmaċewtiku, minħabba l-evidenza li nġabret ta' distorsjonijiet tas-suq f'dan il-qasam, inklużi restrizzjonijiet tal-kwantità, prezzijiet immanipulati u ostakli għad-disponibbiltà ta' mediċini ġeneriċi;

45.  Jilqa' l-iskeda informattiva tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2017 li tikkonferma t-twettiq, min-naħa tagħha, ta' spezzjonijiet għalgħarrieda li jikkonċernaw l-aċċess għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji minn servizzi f'kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' viġilanti dwar din il-kwistjoni, speċjalment meta jidħlu fis-seħħ l-Istandards Tekniċi Regolatorji dwar l-awtentikazzjoni b'saħħitha tal-konsumatur u l-komunikazzjoni sigura;

46.  Jilqa' l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kartell tat-trakkijiet u l-konklużjonijiet tagħha;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal-linji tal-ajru Ewropej u mhux Ewropej, bil-għan li tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi bejn l-operazzjonijiet tagħhom diretti lejn is-swieq Ewropej u mhux Ewropej; jemmen li, f'ċerti xenarji, l-għajnuna għar-ristrutturar tista' toħloq distorsjoni; jemmen li l-istess regoli tal-kompetizzjoni għandhom jiġu applikati għat-trasportaturi tal-ajru kollha meta jtiru lejn l-UE jew mill-UE u kemm għat-trasportaturi nazzjonali kif ukoll għal dawk "low-cost", filwaqt li titqies is-sitwazzjoni tat-trasportaturi li l-operazzjonijiet tagħhom m'għandhom ebda impatt sinifikanti fuq is-suq; jinnota li l-Kummissjoni approvat l-akkwist minn Lufthansa tas-sussidjarja ta' Air Berlin, LGW, soġġett għal konformità ma' ċerti impenji biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja s-sitwazzjoni fuq perjodu medju u twil u tindirizza l-prattiki antikompetittivi kollha fl-industrija tal-avjazzjoni li jdgħajfu l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-eġemonija li jgawdu l-linji tal-ajru "low-cost" fuq rotot tal-ajru differenti fl-Ewropa u l-mudelli tal-ipprezzar għal dawk ir-rotot; jinnota li tali pożizzjoni spiss tinkiseb permezz ta' mġiba aggressiva jew saħansitra predatorja fis-suq, li telimina l-kompetizzjoni u tħalli lill-konsumaturi jerfgħu l-piż ta' tariffi u spejjeż ogħla;

49.  Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-ftehimiet ta' fużjoni kollha bejn il-linji tal-ajru skont il-proċedura ta' kontroll tal-fużjonijiet tal-UE, inklużi l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni tas-suq u l-ħsara potenzjali li jistgħu jikkawżaw lill-konsumaturi, b'mod partikolari permezz ta' prezzijiet ogħla u restrizzjonijiet għall-aċċess dirett għad-destinazzjonijiet;

50.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkompleta l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, tiżgura trasparenza sħiħa tal-flussi ta' flus bejn il-maniġers tal-infrastrutturi u l-impriżi ferrovjarji, u tivverifika li kull Stat Membru jkollu regolatur nazzjonali tal-antitrust b'saħħtu u indipendenti;

51.  Huwa mħasseb dwar l-effetti antikompetittivi ta' sjieda komuni minn investituri istituzzjonali kbar; jemmen li l-fatt li dawn l-investituri jippossjedu parti sinifikanti mill-ishma ta' kompetituri diretti fl-istess settur, bħall-kumpaniji tal-linji tal-ajru, pereżempju, joħloq kważi oligopolija u effetti negattivi għall-konsumaturi u l-ekonomija inġenerali peress li jillimita l-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza l-effetti antikompetittivi possibbli ta' sjieda komuni; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga s-sjieda komuni u tfassal rapport, li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament, dwar l-effetti ta' sjieda komuni fis-swieq Ewropej, b'mod partikolari fuq il-prezzijiet u l-innovazzjoni;

52.  Jilqa' r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 biex tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni ġusta, tiġi żgurata r-reċiproċità u jitneħħew il-prattiki inġusti, inkluża l-allegata għajnuna mill-Istat lil-linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi, u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet regolatorji, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u kwistjonijiet ambjentali; jaqbel mal-Kummissjoni li l-aħjar azzjoni tkun dik ta' adozzjoni ta' strument legali komprensiv ġdid biex jindirizza d-distorsjoni tas-suq fit-trasport internazzjonali, ta' inkoraġġiment tal-involviment tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-kompetizzjoni reġjonali tal-linji tal-ajru, u ta' kompetizzjoni ġusta bbażata fuq ftehimiet tas-servizzi tal-ajru; jemmen li t-trasparenza fil-klawżola ta' kompetizzjoni ġusta hija element essenzjali biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi; huwa tal-fehma li dan ir-regolament, jew vetturi leġiżlattivi xierqa oħra, għandhom jipprevjenu mġiba antikompetittiva fid-distribuzzjoni tal-biljetti, bħall-impożizzjoni ta' ħlasijiet addizzjonali minn ċerti linji tal-ajru jew l-aċċess ristrett għall-informazzjoni għal dawk li jużaw mezzi ta' prenotazzjoni għajr tagħhom stess;

53.  Itenni li l-avjazzjoni tagħti kontribut vitali lill-konnettività tal-UE, kemm bejn l-Istati Membri stess kif ukoll ma' pajjiżi terzi, għandha rwol kruċjali fl-integrazzjoni u l-kompetittività tal-UE, u tagħti kontribut vitali lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi; jinnota li l-konnettività globali tal-UE tiddependi, fil-parti l-kbira tagħha, mis-servizzi tal-ajru mwettqa mit-trasportaturi tal-ajru tal-UE;

54.  Jilqa' s-simplifikazzjoni mill-Kummissjoni tar-regoli għal investiment pubbliku fil-portijiet u fl-ajruporti, fil-kultura u fir-reġjuni ultraperiferiċi; jenfasizza li, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' konnettività tar-reġjuni ultraperiferiċi u periferiċi, u bi qbil mal-Linji gwida kurrenti tal-Kummissjoni, l-ajruporti kollha ffinanzjati mill-baġit tal-UE jew mill-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom ikunu bbażati fuq analiżi pożittiva tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji u fuq vijabbiltà operattiva u ekonomika fuq perjodu medju u twil sabiex jiġi evitat il-finanzjament ta' ajruporti fittizji fl-Ewropa;

55.  Jenfasizza l-importanza li jiġu salvagwardjati t-trasparenza u n-newtralità tal-informazzjoni dwar it-titjiriet, li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq u, finalment, li tiġi protetta l-kapaċità tal-konsumaturi Ewropej li jagħmlu għażliet infurmati; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta dawn il-prinċipji meta teżamina mill-ġdid il-Kodiċi ta' Kondotta dwar sistemi kompjuterizzati ta' prenotazzjoni u r-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni ġusta fis-settur tat-trasport sabiex tikkompleta s-suq uniku, filwaqt li tqis l-interess pubbliku u kunsiderazzjonijiet ambjentali, u filwaqt li tissalvagwardja l-konnettività tar-reġjuni insulari u periferiċi; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja każijiet ta' netwerks pubbliċi ta' portijiet u ajruporti ġestiti permezz ta' monopolju;

57.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-infurzar effikaċi tal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni f'era ta' globalizzazzjoni; f'dan il-kuntest, jappoġġja l-impenn permanenti tal-Kummissjoni u tal-NCAs f'fora multilaterali bħan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni, il-Kumitat għall-Kompetizzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), il-Bank Dinji u l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD); jitlob lill-Kummissjoni tinkludi taqsimiet dwar il-kompetizzjoni fil-ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ u l-investiment; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-konverġenza tal-għodod u l-prattiki tal-politika tal-kompetizzjoni, anke permezz ta' kooperazzjoni bilaterali ma' pajjiżi terzi, skont il-ftehim ta' kooperazzjoni tat-tieni ġenerazzjoni tal-2013 bejn l-UE u l-Iżvizzera; jilqa' l-bidu tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u ċ-Ċina dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u qed isegwi b'attenzjoni l-adozzjoni miċ-Ċina ta' sistema ta' rieżami tal-kompetizzjoni ġusta mfassla biex tiżgura li l-miżuri tal-Istat ma jaffettwawx b'mod negattiv id-dħul fis-suq, il-ħruġ mis-suq u l-moviment liberu tal-merkanzija; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissarju Vestager biex tiżgura b'mod effikaċi li l-Kummissjoni tinforma u taġġorna regolarment lill-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar l-attività esterna tagħha fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni;

58.  Jenfasizza li huwa l-konsumatur li jibbenefika l-aktar minn kompetizzjoni funzjonali fis-suq uniku Ewropew; Jemmen li infurzar strett u imparzjali tal-politika tal-kompetizzjoni jista' jagħti kontribut sinifikanti lil prijoritajiet politiċi essenzjali, bħal suq intern aktar profond u aktar ġust, Suq Uniku Diġitali konness, u Unjoni tal-Enerġija integrata u li ma tagħmilx ħsara lill-klima; itenni li l-mudelli tas-suq tradizzjonali tal-politika tal-kompetizzjoni mhux dejjem ikunu adattati għas-suq diġitali, bħall-mudelli kummerċjali bbażati fuq pjattaforma jew is-swieq multilaterali;

59.  Jirrimarka li sett wieħed ta' regoli għall-kalkolu tal-bażi għat-taxxa korporattiva jista' jelimina l-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa, bħall-konklużjoni ta' ftehimiet dwar it-taxxa bejn ċerti impriżi multinazzjonali u l-Istati Membri; jieħu nota tan-negozjati li għaddejjin dwar il-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK);

60.  Jinnota l-importanza ta' qafas regolatorju favorevoli għall-ajruporti biex jattiraw u jimmobilizzaw l-investiment privat; iqis li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti, flimkien ma' konsultazzjoni effikaċi tal-linji tal-ajru/l-ajruporti, għandha tgħin biex jiġi ċċarat jekk id-dispożizzjonijiet eżistenti humiex għodda effikaċi biex titrawwem il-kompetizzjoni u biex jiġu ssodisfati l-interessi tal-konsumaturi Ewropej, jew jekk hijiex meħtieġa riforma;

61.  Jilqa' l-fatt li l-Gvern Spanjol lest jiftaħ il-ftehim dwar l-ajru bejn Spanja u r-Russja, biex b'hekk ikunu jistgħu jsiru titjiriet diretti bejn Barċellona u Tokyo;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-ftehimiet bilaterali dwar l-avjazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi sabiex tiżgura kompetizzjoni ġusta;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis u tindirizza l-effetti potenzjali tal-Brexit fuq il-kompetizzjoni fis-settur tal-avjazzjoni, u b'mod partikolari fejn tiġi affettwata s-sħubija tar-Renju Unit fil-Ftehim dwar iż-Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea (ECAA), u b'hekk jiġi ristrett l-aċċess għad-destinazzjonijiet kollha tal-UE u viċi versa;

64.  Iqis li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern jiddependi wkoll mill-isforzi biex id-dumping soċjali jiġi miġġieled b'mod deċiżiv;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tindirizza l-effetti fit-tul tad-diskussjonijiet interrotti dwar leġiżlazzjoni futura skont l-Istrateġija tal-Avjazzjoni tal-UE;

66.  Jilqa' l-valutazzjoni tal-impatt inizjali u l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar il-katina tal-provvista tal-ikel; jirrimarka li l-Parlament diġà stieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jindirizzaw it-tħassib imqajjem mill-impatt kumulattiv, kemm fuq il-parti upstream tal-katina tal-provvista tal-ikel kif ukoll fuq id-distributuri u l-konsumaturi, tal-konċentrazzjoni rapida tas-settur tad-distribuzzjoni fil-livell nazzjonali, minn naħa waħda, u tal-iżvilupp ta' alleanzi bejn distributuri fuq skala kbira fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali, min-naħa l-oħra; jemmen li din il-bidla strutturali tqajjem tħassib dwar il-possibbiltà ta' allinjamenti strateġiċi, tnaqqis fil-kompetizzjoni u marġnijiet ridotti għall-investiment fl-innovazzjoni fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel, il-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, speċjalment il-bdiewa fuq skala żgħira, u l-għażla ta' varjetajiet adattati għall-kundizzjonijiet agroekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed fis-seħħ qafas regolatorju vinkolanti fil-livell tal-UE biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali fil-katina tal-provvista tal-ikel li jaffettwaw lill-bdiewa b'mod negattiv;

67.  Jilqa' l-investigazzjoni fil-fond tal-Kummissjoni dwar il-fużjoni Monsanto-Bayer; huwa allarmat ferm dwar il-fatt li jekk il-fużjoni Monsanto-Bayer tiġi approvata, tliet kumpaniji (ChemChina-Syngenta, Du Pont-Dow u Bayer-Monsanto) se jippossjedu u jbigħu sa 60 % taż-żrieragħ bi privattiva tad-dinja u 64 % tal-pestiċidi u l-erbiċidi tad-dinja; jirrimarka li, bla dubju, tali livell ta' konċentrazzjoni jwassal għal żieda fil-prezzijiet, iżid id-dipendenza teknoloġika u ekonomika tal-bdiewa fuq ftit pjattaformi integrati globali "one-stop shop", iwassal għal diversità limitata ta' żrieragħ u biex l-attività ta' innovazzjoni titbiegħed mill-adozzjoni ta' mudell ta' produzzjoni li jirrispetta l-ambjent u l-bijodiversità u, finalment, għal inqas innovazzjoni, minħabba tnaqqis fil-kompetizzjoni; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tqis b'attenzjoni l-fatt li diversi fużjonijiet qed iseħħu simultanjament fis-settur, meta wieħed jeżamina l-livell ta' konċentrazzjoni u l-effetti kompetittivi tal-fużjoni fuq id-diversi swieq affettwati;

68.  Huwa mħasseb ferm dwar l-approvazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-fużjoni Bayer-Monsanto, billi minkejja l-iżvestiment propost tal-assi ta' Bayer, il-fużjoni tkabbar il-livell ta' konċentrazzjoni diġà għoli tas-settur agroindustrijali u, effettivamwent, timpedixxi t-tranżizzjoni minn agrikoltura dipendenti fuq is-sustanzi kimiċi għal biedja verament sostenibbli; jappella għal reviżjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni biex fil-futur tkun possibbli oppożizzjoni effikaċi ta' fużjonijiet ta' din ix-xorta; għalhekk, iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-fużjonijiet fis-settur agrikolu jistgħux iwasslu għal "ostaklu sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva", mhux permezz ta' test b'ambitu limitat li jiffoka biss fuq l-effetti ta' fużjoni fuq il-prezzijiet, l-output u l-innovazzjoni, iżda billi jiġu evalwati l-ispejjeż soċjali sħaħ ta' tali fużjonijiet, filwaqt li jitqies l-impatt usa' tagħhom fuq il-protezzjoni ambjentali, u l-obbligi internazzjonali dwar il-bijodiversità, kif preskritt fl-ArtIkolu 11 tat-TFUE;

69.  Iqis li s-sussidji u l-preferenzi kummerċjali, bħall-GSP u l-GSP+, li jingħataw lill-istati mhux tal-UE biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol iżda li ntwera wkoll li huma strumentali fil-promozzjoni tal-kompetittività tal-UE fl-isfera internazzjonali, iridu jiġu mmonitorjati u applikati b'mod adegwat b'attenzjoni għall-impatt fuq l-industriji tal-UE; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tissospendi s-sussidju jew il-preferenza jekk il-pajjiżi terzi jabbużaw minnhom;

70.  Ifakkar li, minn Ġunju 2014, il-Kummissjoni kienet qed teżamina t-trattament fiskali ta' McDonald's min-naħa tal-Lussemburgu, u ħadet id-deċiżjoni li tibda proċedura ta' investigazzjoni formali f'Diċembru 2015, iżda sal-lum għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni finali; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tieħu deċiżjoni finali malajr rigward dan il-każ;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod regolari l-effikaċja tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali min-naħa tal-Istati Membri, li hija element essenzjali tal-politiki tal-kompetizzjoni fil-qasam tas-saħħa; jenfasizza li l-protezzjoni tat-trademarks hija essenzjali għall-fini tal-identifikazzjoni u d-distinzjoni tal-prodotti fis-suq; u li mingħajr it-trademarks u l-kapaċità tal-persuni li jiddistingwu l-prodotti tagħhom, ikun diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, għall-manifatturi biex jidħlu fi swieq ġodda; barra minn hekk, iqis li jekk il-kompetizzjoni tkun iffukata fuq il-prezz, ikun diffiċli għall-manifatturi b'ishma żgħar mis-suq li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq; għalhekk, jenfasizza li t-tneħħija tat-trademarks jew il-limitazzjonijiet fuq l-użu tagħhom joħolqu ostaklu sinifikanti għad-dħul fis-suq u jdgħajfu aspett essenzjali ta' kompetizzjoni libera u ġusta fl-UE;

72.  Jappoġġja bil-qawwa d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2016, li "hekk kif il-kumpaniji jsiru globali l-istess jagħmlu l-infurzaturi tal-kompetizzjoni"; jemmen li r-regoli globali dwar il-kompetizzjoni, it-trasparenza u l-ogħla livell ta' koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, anke fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni matul proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, huma prekundizzjonijiet għall-iżvilupp globali tal-kummerċ ġust; jirrimarka li l-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, anke permezz tal-politika tal-kompetizzjoni, hija meħtieġa sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fil-livell globali li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiema, il-konsumaturi u n-negozji, u li din il-ġlieda hija waħda mill-prijoritajiet tal-istrateġija kummerċjali tal-UE; jenfasizza li d-dokument ta' riflessjoni dwar il-kontroll tal-globalizzazzjoni jsostni li l-Unjoni trid tieħu passi biex terġa' tistabbilixxi kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni, u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi politiki konkreti f'dan ir-rigward;

73.  Jitlob li l-istrumenti għad-difiża kummerċjali jiġu aġġornati biex isiru aktar b'saħħithom, aktar rapidi u aktar effikaċi; jilqa' l-metodu ġdid ta' kalkolu ta' dazji antidumping billi jiġu vvalutati d-distorsjonijiet tas-suq f'pajjiżi terzi, li jrid jirnexxilu jissalvagwardja tal-anqas l-istess livell ta' effikaċja bħall-miżuri antidumping imposti qabel f'konformità sħiħa mal-obbligi tagħna meħuda fl-ambitu tad-WTO; ifakkar fl-importanza tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effikaċi tiegħu; barra minn hekk, jenfasizza l-importanza partikolari tal-istrument kontra s-sussidji fl-indirizzar tal-kompetizzjoni globali inġusta, u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwi b'regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat;

74.  Jenfasizza li r-reċiproċità trid tkun wieħed mill-prinċipji ewlenin li jirfdu l-politika kummerċjali tal-Unjoni, bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE, partikolarment fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jenfasizza li l-isforzi mmirati lejn l-iżgurar ta' aċċess akbar għas-swieq tal-akkwist pubbliku barranin ma jridux idgħajfu l-iżvilupp tar-regoli tal-UE b'rabta mal-kriterji soċjali u ambjentali; jenfasizza l-importanza għall-Unjoni li jkun hemm strument internazzjonali dwar l-akkwist pubbliku li jistabbilixxi r-reċiproċità meħtieġa f'każijiet fejn is-sħab kummerċjali jirrestrinġu l-aċċess għas-swieq tal-akkwist tagħhom; ifakkar fil-benefiċċji tal-investiment dirett barrani, u huwa tal-fehma li l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-investimenti barranin għandha tippermetti aktar reċiproċità fil-qasam tal-aċċess għas-swieq;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħtiġijiet tal-SMEs fin-negozjati u fil-kummerċ, bil-għan li tiżgura aktar aċċess għas-swieq u li d-ditti kkonċernati jsiru aktar kompetittivi; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiġġieled il-kompetizzjoni inġusta f'każijiet prominenti, iżda jenfasizza li l-infurzar ta' kompetizzjoni ġusta fil-każ tal-SMEs huwa wkoll tal-ogħla importanza;

76.  Jenfasizza li l-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE jista' jkollhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

77.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-UE jkollha kontrolli doganali effikaċi u armonizzati fil-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tispjega aktar kif il-prattiki kummerċjali żleali jistgħu jiġu indirizzati fl-ambitu tal-politika tal-kompetizzjoni attwali;

79.  Għalhekk, jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK+), inkluża l-importanza ta' multi ta' deterrent għall-politika tal-kompetizzjoni; barra minn hekk, jenfasizza li r-rifjut tal-awtorità li ssirilha t-talba li tinforza deċiżjoni li timponi multi dejjem għandu jkun iġġustifikat debitament, u li għandha titwaqqaf sistema li permezz tagħha jkun jista' jiġi riżolt it-tilwim potenzjali bejn l-awtoritajiet f'każijiet bħal dawn;

80.  Jieħu nota tal-inkjesta tas-settur tal-kummerċ elettroniku u tar-rapport finali tagħha, li turi li fis-settur tal-kummerċ elettroniku wħud mill-prattiki kummerċjali jaffettwaw b'mod negattiv il-kompetizzjoni ġusta u jillimitaw l-għażla tal-konsumatur; jemmen li, fil-kuntest tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali, l-inkjesta għandha tkun parti minn sforz akbar ta' infurzar mill-Kummissjoni biex tapplika b'mod sħiħ il-politika tal-kompetizzjoni għall-bejjiegħa bl-imnut online;

81.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffoka l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fuq prattiki kummerċjali mifruxa li nibtu jew żviluppaw b'riżultat tat-tkabbir fil-kummerċ elettroniku, u jenfasizza li l-Kummissjoni trid tagħmel sforz ikbar fl-iżgurar tal-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fl-Istati Membri kollha, anke fir-rigward ta' prattiki kummerċjali relatati mal-kummerċ elettroniku; jissottolinja li, minħabba r-relazzjoni asimetrika bejn il-bejjiegħa bl-imnut online kbar u l-fornituri tagħhom, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jinfurzaw b'mod attiv ir-regoli tal-kompetizzjoni peress li l-fornituri, speċjalment l-SMEs, jista' jkun li mhux dejjem ikollhom aċċess kosteffikaċi għal mezzi ta' rimedju;

82.  Jappella għat-tisħiħ tal-libertà tal-għażla għall-konsumaturi fis-Suq Uniku Diġitali; iqis li d-dritt għall-portabbiltà tad-data stabbilit fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (Regolament (UE) 2016/679) huwa approċċ tajjeb għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-kompetizzjoni;

83.  Huwa tal-fehma li politika tal-kompetizzjoni effikaċi tista' tikkomplementa l-inizjattivi regolatorji fil-qasam tas-Suq Uniku Diġitali, u jqis li fejn l-impetu għal azzjoni regolatorja jkun primarjament b'reazzjoni għal azzjonijiet minn xi atturi tas-suq, il-ħsara tista' tiġi indirizzata permezz ta' miżuri ta' kompetizzjoni maħsuba biex jindirizzaw prattiki antikompetittivi, mingħajr ma jżommu lura lil dawk li jippruvaw jikkompetu;

84.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-użu ta' restrizzjonijiet kuntrattwali mill-manifatturi fuq il-bejgħ online, kif ikkonfermat mill-inkjesta dwar il-kummerċ elettroniku, u jistieden lill-Kummissjoni teżamina aktar tali klawżoli biex tiżgura li ma joħolqux restrizzjonijiet mhux ġustifikati fil-kompetizzjoni; fl-istess waqt, jitlob lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-Linji gwida dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 fid-dawl ta' dawn il-bidliet;

85.  Jieħu nota tal-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Wahl, ippreżentata fis-26 ta' Lulju 2017 fil-kawża C-230/16 Coty Germany GmbH vs Parfümerie Akzente GmbH, li r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ f'post tas-suq online fi ftehim ta' distribuzzjoni m'għandhomx jitqiesu bħala restrizzjonijiet fundamentali skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010;

86.  Jenfasizza li l-aċċess għall-ġustizzja, li jista' jinkludi wkoll id-disponibbiltà ta' rimedju kollettiv, huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; jissottolinja li n-nuqqas ta' opportunitajiet bħal dawn idgħajjef il-kompetizzjoni, il-funzjonament tas-suq intern u d-drittijiet tal-konsumatur;

87.  Ifakkar li sabiex il-prattiki antikompetittivi jiġu miġġielda b'mod effikaċi, l-Istati Membri jridu jadottaw politika ekonomika konsistenti mal-prinċipji ta' ekonomija tas-suq miftuħ ibbażata fuq il-kompetizzjoni ġusta, peress li l-miżuri purament protezzjonisti huma ta' ħsara għall-funzjonament tas-suq uniku; jissottolinja li l-aspetti kollha tal-kompetizzjoni inġusta jridu jiġu eliminati, inklużi x-xogħol mhux irreġistrat u l-evitar tar-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, mingħajr preġudizzju għall-moviment liberu tal-ħaddiema bħala waħda mil-libertajiet fundamentali tas-suq intern;

88.  Iqis li l-konsultazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni dwar it-titjib possibbli tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE hija importanti ħafna; jemmen li jridu jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat, b'mod partikolari fil-qasam diġitali, li l-fużjonijiet ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni fis-suq intern; għalhekk, jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa jekk il-proċeduri ta' valutazzjoni attwali jiħdux kont biżżejjed taċ-ċirkustanzi tas-swieq diġitali u tal-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rwol tal-aċċess għad-data u l-informazzjoni meta tkun qed tivvaluta s-saħħa fis-suq, jekk il-fużjoni tad-data u l-informazzjoni tal-konsumaturi waqt fużjoni xxekkilx il-kompetizzjoni, u sa liema punt l-aċċess ta' intrapriża għal metodi analitiċi u privattivi esklużivi jeskludi lill-kompetituri; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tispjega kif tiddefinixxi l-għadd minimu ta' parteċipanti fis-suq meħtieġa għal kompetizzjoni ġusta, u kif se tħalli l-possibbiltà li kumpaniji ġodda, b'mod partikolari negozji ġodda, jidħlu fi swieq ikkonċentrati ħafna;

89.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-infurzar xieraq tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku sabiex jindirizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, anke permezz ta' kriterji ta' protezzjoni soċjali, ambjentali u tal-konsumaturi meta dan ikun xieraq, u jippromwovu prattika tajba fil-proċessi tal-awtoritajiet pubbliċi; iqis li l-iżvilupp ta' proċeduri elettroniċi tal-akkwist pubbliku jagħmilha aktar faċli biex l-SMEs jaċċessaw l-akkwist pubbliku, iżid it-trasparenza u jiżgura monitoraġġ aktar effikaċi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi opportunitajiet ta' aċċess għas-suq għall-SMEs permezz ta' kuntratti iżgħar meta dan ikun kompatibbli ma' objettivi ewlenin ta' akkwist, u tissorvelja bir-reqqa l-infurzar tar-regoli dwar iċ-ċentralizzazzjoni tal-akkwisti fis-swieq tal-akkwist pubbliku;

90.  Jilqa' l-adozzjoni ta' regoli dwar il-portabbiltà ta' servizzi mħallsa minn qabel skont l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali li jtejbu l-kompetizzjoni fis-suq intern u jiżguraw drittijiet akbar għall-konsumaturi;

91.  Jemmen li l-kriterji biex wieħed jissieħeb f'netwerk ta' franchising jew ta' distribuzzjoni selettiva għandhom ikunu trasparenti sabiex ikun żgurat li tali kriterji ma jmorrux kontra l-politika tal-kompetizzjoni u l-funzjonament liberu tas-suq uniku; jissottolinja li tali kriterji jridu jkunu oġġettivi, kwalitattivi u nondiskriminatorji, u m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri sabiex tiżgura din it-trasparenza;

92.  Jinnota r-riskju akbar ta' kollużjoni bejn il-kompetituri minħabba, fost affarijiet oħra, softwer għall-monitoraġġ tal-prezzijiet; iqis li jistgħu jitfaċċaw prattiki miftiehma minkejja li l-kuntatt bejn il-kompetituri jkun aktar dgħajjef milli meħtieġ skont in-normi attwali, forsi anke b'mod awtomatizzat, peress li l-algoritmi jinteraġixxu ma' xulxin indipendentement mid-direzzjoni ta' parteċipant tas-suq wieħed jew aktar; jitlob lill-Kummissjoni tkun viġilanti fir-rigward ta' tali sfidi ġodda għall-kompetizzjoni libera;

93.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tingħaqad mas-sħab internazzjonali u l-fora multilaterali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni; jemmen li l-kooperazzjoni internazzjonali hija dejjem aktar essenzjali meta l-kumpaniji soġġetti għal infurzar ikunu joperaw f'bosta ġurisdizzjonijiet;

94.  Jemmen li ż-żieda tan-netwerk ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles li jinvolvu lill-Unjoni Ewropea tkun ta' benefiċċju għall-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni b'mod globali; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex opportunitajiet oħra ta' ftehimiet kummerċjali, u tinkludi regoli b'saħħithom dwar l-antitrust u l-għajnuna mill-Istat fi kwalunkwe ftehim bħal dan fil-futur;

95.  Jemmen li n-natura speċifika tas-settur agrikolu trid titqies fil-politika tal-kompetizzjoni; ifakkar li l-Artikolu 42 TFUE jagħti status speċjali lis-settur agrikolu fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, skont kif affermat fl-aħħar riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) bl-għoti ta' sensiela ta' derogi u eżenzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 tat-TFUE; jinnota li l-PAK għandha l-għan li tiżgura standard tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola fid-dawl tal-periklu ekonomiku u klimatiku kostanti; ifakkar li l-politika tal-kompetizzjoni prinċipalment tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi u ma tqisx biżżejjed l-interessi u d-diffikultajiet speċifiċi tal-produtturi agrikoli; jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni trid tiddefendi l-interessi tal-produtturi u l-konsumaturi agrikoli bl-istess mod billi tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni u għall-aċċess għas-suq intern ikunu ġusti sabiex jitrawmu l-investiment u l-innovazzjoni għall-impjieg, il-vijabbiltà tan-negozji agrikoli u l-iżvilupp bilanċjat taż-żoni rurali fl-UE filwaqt li tippromwovi t-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq;

96.  Jinsisti li l-kunċett ta' "prezz ġust" m'għandux jitqies bħala l-inqas prezz possibbli għall-konsumatur, iżda minflok għandu jkun raġonevoli u jippermetti r-remunerazzjoni ġusta ta' kull parti fil-katina tal-provvista tal-ikel;

97.  Iqis li l-attivitajiet kollettivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom (inklużi l-ippjanar tal-produzzjoni u n-negozjar tal-bejgħ u tat-termini tal-kuntratti) huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE, u għalhekk għandhom jiġu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE, meta dawn l-attivitajiet konġunti jkunu eżerċitati ġenwinament, u b'hekk jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetittività tal-bdiewa; jinnota li ma ġiex sfruttat il-potenzjal sħiħ tad-derogi taħt ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (ir-Regolament dwar l-OKS Unika) u li n-nuqqas ta' ċarezza ta' dawn id-derogi, id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tagħhom u n-nuqqas ta' applikazzjoni uniformi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tawx biżżejjed ċertezza tad-dritt lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet tagħhom; jilqa' l-fatt li r-Regolament (UE) 2017/2393(12) se jissimplifika r-regoli dwar l-organizzazzjoni kollettiva tal-bdiewa u se jiċċara r-rwol u s-setgħat tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu qed jipparteċipaw fl-attivitajiet ekonomiċi b'rabta mad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex tissaħħaħ is-setgħa tan-negozjar tagħhom filwaqt li jitħarsu l-prinċipji stipulati fl-Artikolu 39 tat-TFUE;

98.  Jilqa' l-fatt li, filwaqt li jitqiesu r-rieżamijiet inkoraġġanti tal-implimentazzjoni(13) u l-mod li bih qed jgħin biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fl-industrija tal-ħalib fil-katina tal-provvista tal-ikel, il-"Pakkett dwar il-Ħalib" tal-2012 wasal biex jiġi estiż fil-ħin skont ir-Regolament (UE) 2017/2393; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt biex tiddetermina jekk għandux jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar negozjati kuntrattwali dwar is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib biex ikopri setturi agrikoli oħrajn, peress li l-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi b'hekk ikollhom aktar libertà biex jippjanaw il-produzzjoni, id-dritt għal negozjar kollettiv u n-negozjar għall-bejgħ u għat-termini kuntrattwali li jistabbilixxu l-prezzijiet u l-volumi b'mod ċar;

99.  Jitlob li tiġi prevista eżenzjoni awtomatika espliċita mill-Artikolu 101 tat-TFUE, soġġetta għall-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità, li tippermetti lill-organizzazzjonijiet agrikoli interprofessjonali jwettqu l-kompiti assenjati lilhom mir-Regolament dwar l-OKS Unika bil-għan li jkomplu jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 39 tat-TFUE;

100.  Jipproponi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-OKS Unika li jippermettu miżuri ta' regolamentazzjoni tal-provvista għall-ġobnijiet b'denominazzjoni ta' oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta (l-Artikolu 150), għall-perżut DOP jew IĠP (l-Artikolu 172) jew għall-inbejjed (l-Artikolu 167) jiġu estiżi biex ikopru l-prodotti b'tikketta ta' kwalità sabiex jiżdiedu l-possibbiltajiet li l-provvista titqabbel mad-domanda;

101.  Jilqa' l-fatt li r-Regolament (UE) 2017/2393 jistabbilixxi proċedura li permezz tagħha grupp ta' bdiewa jista' jitlob opinjoni mhux vinkolanti mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk azzjoni kollettiva partikolari tkunx kompatibbli mal-eċċezzjoni ġenerali għar-regoli tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 209 tar-Regolament dwar l-OKS Unika; madankollu, fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tat-Task Force dwar is-Swieq Agrikoli, jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tad-deroga ġenerali għall-agrikoltura sabiex tispeċifika l-eċċezzjoni b'tali mod li trendi n-nonapplikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE, meta tkun prevista, infurzabbli u fattibbli;

102.  Jirrimarka li f'perjodi ta' żbilanċi serji ħafna fis-suq, meta s-settur agrikolu jkun f'riskju u ċ-ċittadini kollha jiġu affettwati mill-ħsara potenzjali għall-provvisti tal-ikel essenzjali, PAK orjentata lejn is-suq jeħtieġ li tipprovdi appoġġ lill-bdiewa u tagħti eżenzjonijiet addizzjonali, għal żmien limitat u ġustifikat b'mod sħiħ mir-regoli tal-kompetizzjoni; jilqa' l-fatt li, b'konsegwenza tal-bidliet li saru permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393, se jkun aktar faċli li jiskattaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tar-Regolament dwar l-OKS Unika, li jippermetti tali derogi temporanji mid-dritt tal-kompetizzjoni;

103.  Jitlob li jiġi żviluppat ulterjorment l-Istrument Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet tal-Ikel biex titjieb l-identifikazzjoni tal-kriżijiet fis-settur agroalimentari permezz ta' data aħjar u aktar diżaggregata; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa jkunu involuti fid-definizzjoni u l-ġbir tad-data;

104.  Jirrimarka li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-produtturi agrikoli jiffurmaw l-inqas livell konċentrat fil-katina tal-provvista tal-ikel waqt li l-fornituri tal-fatturi produttivi u l-klijenti tagħhom huma ta' sikwit ħafna akbar u ħafna aktar konċentrati u dan jirriżulta f'relazzjoni żbilanċjata u fi prattiki negattivi u inġusti min-naħa tal-ktajjen ta' distribuzzjoni kbar, il-proċessuri u l-operaturi tal-bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux jissolvew mill-politika tal-kompetizzjoni biss u għalhekk hija meħtieġa l-koerenza mal-politiki l-oħrajn; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod aktar ċar "pożizzjoni dominanti" u l-abbuż ta' tali pożizzjoni, filwaqt li tqis il-grad ta' konċentrazzjoni u s-saħħa ta' negozjar tas-setturi tal-input, tal-ipproċessar u tal-bejgħ bl-imnut; barra minn hekk, jinnota li r-Regolament (UE) 2017/2393 jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet dwar id-dritt għal kuntratti bil-miktub u għan-negozjar ta' termini kuntrattwali għal titjib fil-kondiviżjoni tal-valur matul il-katina tal-provvista, biex jgħin jikkalma r-relazzjonijiet bejn il-partijiet interessati, jiġġieled il-prattiki kummerċjali żleali, jagħmel lill-bdiewa aktar reattivi għas-sinjali tas-suq, itejjeb ir-rapportar u t-trażmissjoni tal-prezzijiet u jiffavorixxi l-adegwament tal-provvista għad-domanda; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiżguraw li l-komoditajiet jiġu kklassifikati u pprezzati kif suppost u li l-abbużi u l-prattiki kummerċjali żleali li jaffettwaw lill-bdiewa jiġu mmonitorjati u indirizzati permezz ta' azzjonijiet vinkolanti, u jiġu penalizzati; jemmen li l-iskemi nazzjonali eżistenti għandhom jiġu eżaminati biex tiġi determinata l-aqwa prattika li għandha tiġi applikata;

105.  Jirrikonoxxi li, sal-lum, id-dritt tal-kompetizzjoni biex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali żleali fil-katina tal-ikel la ġie applikat fil-livell Ewropew u lanqas fil-livell nazzjonali; jinnota li ġew implimentati regoli nazzjonali speċifiċi f'dan ir-rigward, iżda dawn ma kinux kompletament effikaċi biex jindirizzaw il-problema endemika tal-prattiki kummerċjali żleali u l-iżbilanċ tas-setgħa fil-katina tal-provvista tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika u tapprova mingħajr dewmien il-proposta leġiżlattiva tal-UE dwar il-prattiki kummerċjali żleali mħabbra, tipprovdi qafas legali armonizzat li jipproteġi aħjar lill-produtturi u lill-bdiewa mill-prattiki kummerċjali żleali u tiżgura konsolidazzjoni ulterjuri tas-suq intern;

106.  Jirrimarka li l-Parlament diġà stieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jirrispondu b'mod effikaċi għall-ansjetajiet li qed jinħolqu mill-impatt ikkombinat li l-konċentrazzjoni rapida tas-settur tad-distribuzzjoni fil-livell nazzjonali u l-alleanzi li qed jiġu ffurmati fost id-distributuri fuq skala kbira fil-livell Ewropew u internazzjonali qed ikollhom kemm fuq il-parti upstream tal-katina tal-provvista tal-ikel kif ukoll fuq id-distributuri u l-konsumaturi; iqis li din il-bidla strutturali tqajjem tħassib dwar il-possibbiltà ta' allinjamenti strateġiċi, tnaqqis fil-kompetizzjoni u marġnijiet ridotti għall-investiment fl-innovazzjoni fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel;

107.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprijoritizzaw it-tisħiħ tas-suq uniku wara l-Brexit billi jiżguraw konformità sħiħa mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE u d-derogi tiegħhu, kif ukoll ma' standards oħra, sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza tad-dritt u kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri;

108.  Jinnota li l-limitu massimu individwali għall-għajnuna de minimis fis-settur agrikolu ġie rduppjat fl-2013 (minn EUR 7 500 għal EUR 15 000) sabiex tiġi indirizzata ż-żieda f'daqqa fil-kriżijiet ekonomiċi, tas-saħħa u kkawżati mill-klima; jirrimarka li l-limitu massimu nazzjonali de minimis dak iż-żmien ġie aġġustat biss marġinalment (minn 0,75 % għal 1 % tal-valur tal-produzzjoni nazzjonali agrikola) u b'hekk tnaqqset il-libertà tal-Istati Membri biex jgħinu lill-azjendi agrikoli li jkunu f'diffikultà; għalhekk, jitlob li l-limitu massimu nazzjonali de minimis jiżdied għal 1,25 % tal-produzzjoni nazzjonali agrikola biex itaffi s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tal-bdiewa; jinnota li regoli koerenti dwar l-għajnuna de minimis għandhom jgħinu biex tittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa mingħajr implikazzjonijiet ta' rinazzjonalizzazzjoni tal-politika agrikola;

109.  Jenfasizza l-importanza tal-fondi bil-għan li jippermettu aċċess għal netwerks tal-broadband b'veloċità għolja sabiex jinżamm il-pass mal-avvanz teknoloġiku u tingħata spinta lill-kompetizzjoni, speċjalment fiż-żoni rurali u remoti;

110.  Jenfasizza li l-ftuħ tas-suq tal-UE għal sħab kummerċjali kompetittivi ħafna u esportaturi ewlenin tal-prodotti agrikoli soġġetti għal standards differenti varji jista' jikkostitwixxi riskju għall-aktar setturi sensittivi tal-biedja fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tqis bis-sħiħ l-effett tad-distorsjonijiet possibbli tas-suq, li jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi, fuq il-produtturi agrikoli fl-Ewropa, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja delikata tagħhom u r-rwol fundamentali tagħhom fis-soċjetà tagħna;

111.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u – meta jkun applikabbli – lil dawk reġjonali.

(1) ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.
(2) ĠU L 156, 20.6.2017, p. 1.
(3) ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1.
(4) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 71.
(5) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 71.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0434.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0027.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0428.
(9) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(10) https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/file_import/aar-comp-2016_en_0.pdf
(11) Pereżempju, l-investigazzjoni fil-fond tal-Kummissjoni dwar skema potenzjali ta' għajnuna mill-Istat rigward l-eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi (CFC) stabbilita mir-Renju Unit (SA.44896).
(12) Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il- ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal- pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).
(13) Rapporti dwar "L-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti magħmula mill-ħalib u l-operat tad-dispożizzjonijiet tal-"Pakkett tal-Ħalib""(COM(2016)0724 u COM(2014)0354).

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali