Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2951(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0188/2018

Testi mressqa :

B8-0188/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 26
CRE 18/04/2018 - 26

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0188

Testi adottati
PDF 287kWORD 57k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Retiċenza dwar it-tilqim u tnaqqis fir-rati ta' tilqim fl-Ewropa
P8_TA(2018)0188B8-0188/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar ir-retiċenza dwar it-tilqim u t-tnaqqis fir-rati ta' tilqim fl-Ewropa (2017/2951(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "L-immunizzazzjoni tat-tfal: suċċessi u sfidi tal-immunizzazzjoni Ewropea tat-tfal u t-triq 'il quddiem"(1), adottati mill-Ministri tas-Saħħa tal-Istati Membri tal-UE fis-6 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2014 dwar it-tilqim bħala għodda effettiva fis-saħħa pubblika(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 intitolata "Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika" (COM(2017)0339),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali dwar it-Tilqim (GVAP) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), approvat mill-194 stat membru tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f'Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68.6 tad-WHO, adottata mill-194 stat membru tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fis-26 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar it-Tilqim 2015-2020 tad-WHO, adottat fit-18 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tekniku taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) tas-27 ta' April 2017 intitolat "Immunisation information systems in the EU and EEA" ("Sistemi ta' informazzjoni dwar l-immunizzazzjoni fl-UE u fiż-ŻEE"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tekniku tal-ECDC tal-14 ta' Ġunju 2017 intitolat "Vaccine-preventable diseases and immunisation: Core competencies" ("Mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim u l-immunizzazzjoni: Kompetenzi ewlenin"),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika tal-laqgħa ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li saret New York fil-21 ta' Settembru 2016 dwar ir-reżistenza antimikrobika,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji ta' Marzu 2017 intitolat "Drug-Resistant Infections: A Threat to Our Economic Future" ("Infezzjonijiet Reżistenti għall-Mediċini: Theddida għall-Futur Ekonomiku Tagħna"),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/1019/UE tat-22 ta' Diċembru 2009 dwar it-tilqim kontra l-influwenza tal-istaġun(3),

–  wara li kkunsidra n-numru dejjem jikber ta' vjaġġaturi interkontinentali;

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-retiċenza dwar it-tilqim u t-tnaqqis fir-rati ta' tilqim fl-Ewropa (O-000008/2018 – B8-0011/2018 u O-000009/2018 – B8-0012/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, f'Diċembru 2010, il-mexxejja globali tas-saħħa impenjaw ruħhom li jiżguraw l-iskoperta, l-iżvilupp u l-forniment globali ta' vaċċini li jsalvaw il-ħajja, speċjalment fl-ifqar pajjiżi, u ddikjaraw l-għaxar snin li jmiss (2011-2020) bħala d-"Deċennju tal-Vaċċini";

B.  billi l-ispiża ta' pakkett sħiħ ta' tilqim għal tifel wieħed jew tifla waħda, anke bl-aktar prezzijiet baxxi globalment, żdiedet b'fattur ta' 68 bejn l-2001 u l-2014; billi din iż-żieda fil-prezz mhijiex ġustifikata u hija inkompatibbli mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli li jiġu żgurati ħajjiet b'saħħithom u jiġi promoss il-benessri fl-etajiet kollha;

C.  billi, fi ħdan l-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-pajjiżi jvarjaw b'mod konsiderevoli rigward it-tilqim rakkomandat u l-organizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa;

D.  billi l-Istati Membri tal-UE approvaw kollha kemm huma l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar it-Tilqim 2015-2020 tad-WHO;

E.  billi t-tħeġġiġ ta' rati għolja ta' tilqim jipproteġi liċ-ċittadini minn mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim u li huwa pandemiku f'pajjiżi b'rati baxxi ta' tilqim u ta' immunizzazzjoni;

F.  billi, skont stħarriġ globali mwettaq mill-grupp ta' riċerka Vaccine Confidence Project, ir-reġjun Ewropew għandu l-aktar risponsi negattivi rigward il-perċezzjoni tal-importanza tal-vaċċini, kif ukoll tas-sikurezza u l-effettività tagħhom, u dan iwassal għall-ogħla livell ta' retiċenza dwar it-tilqim fil-popolazzjoni(4);

G.  billi t-tnaqqis fir-rata ta' tilqim fl-Ewropa wassal għal tifqigħat sinifikanti tal-ħosba u każijiet ta' mewt relatati f'diversi pajjiżi Ewropej;

H.  billi, abbażi tal-approċċ "Saħħa Waħda", diversi Stati Membri jqisu t-tilqim tal-annimali agrikoli u domestiċi bħala miżura importanti, kemm għall-prevenzjoni ta' tifqigħat ta' mard transfruntier tal-annimali kif ukoll għal-limitazzjoni tar-riskju ta' kontaġju addizzjonali, u introduċew tali tilqim, inkluż kontra l-infezzjonijiet minn Coxiella burnettii u minn mard batterjali u virali ieħor li jirrappreżenta wkoll riskji għas-saħħa pubblika;

I.  billi, fil-perjodu mill-2008 sal-2015, fl-Ewropa ġew irreġistrati 215 000 każ ta' mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim, bl-esklużjoni tal-influwenza(5);

1.  Jirrikonoxxi r-rwol li l-vaċċini jistgħu potenzjalment jiżvolġu fil-ġlieda kontra r-reżistenza antimikrobika, rwol li għandu jkompli jiġi esplorat;

2.  Jirrikonoxxi r-rwol li l-vaċċini jistgħu potenzjalment jiżvolġu fit-tnaqqis tal-ħtieġa ta' antibijotiċi, u b'hekk jgħinu biex jillimitaw it-tixrid tal-AMR, rwol li għandu jkompli jiġi esplorat; jenfasizza, madankollu, li t-tnaqqis urġenti tal-użu żejjed u l-użu ħażin tal-antibijotiċi u l-esponiment mhux intenzjonat għalihom iridu jibqgħu minn ta' fuq nett fil-prijoritajiet;

3.  Jinnota li t-tilqim jipprevjeni ċifra stmata ta' 2,5 miljun każ ta' mewt kull sena madwar id-dinja u jnaqqas l-ispejjeż ta' trattamenti speċifiċi għall-mard, fosthom it-trattamenti antimikrobiċi;

4.  Jilqa' l-fatt li l-introduzzjoni ta' tilqim protettiv fuq skala kbira fl-Ewropa kkontribwiet b'mod sinifikanti għall-qerda jew għat-tnaqqis ta' ħafna mard infettiv; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fenomenu preokkupanti tar-retiċenza dwar it-tilqim, kif ukoll in-nuqqas ta' rakkomandazzjonijiet nazzjonali li jqisu t-tixjiħ tal-popolazzjoni, u jappella għal trasparenza akbar fil-produzzjoni tal-vaċċini u għal miżuri li jserrħu ras iċ-ċittadini Ewropej;

5.  Jirrimarka li l-vaċċini jiġu ttestjati b'mod rigoruż matul fażijiet differenti ta' provi qabel ma jiġu preselezzjonati mid-WHO u approvati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), u jiġu vvalutati mill-ġdid fuq bażi regolari; jirrimarka li r-riċerkaturi jeħtiġilhom jiddikjaraw kwalunkwe kunflitt ta' interess;

6.  Jipproponi li r-riċerkaturi li jkunu soġġetti għal kunflitt ta' interess jiġu esklużi mill-bordijiet ta' evalwazzjoni; jappella biex titneħħa l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-bord ta' evalwazzjoni tal-EMA; jipproponi l-pubblikazzjoni tad-data xjentifika u klinika li tinforma l-konklużjonijiet tal-bord, u li l-anonimità tagħha hija garantita minn qabel;

7.  Ifakkar li l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew "Saħħa Waħda" kontra l-AMR jiddikjara li l-immunizzazzjoni permezz tat-tilqim tikkostitwixxi intervent kosteffettiv tas-saħħa pubblika fi sforzi biex tiġi miġġielda r-reżistenza antimikrobika(6);

8.  Jilqa' l-involviment attiv tal-Kummissjoni fil-kwistjoni tat-tilqim u l-inklużjoni ta' inizjattiva dwar it-tilqim fil-Programm ta' Ħidma 2018 tal-Kummissjoni; jilqa' l-pubblikazzjoni tal-pjan direzzjonali għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni kontra mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim;

9.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-fatt li fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha kontra r-Reżistenza Antimikrobika, il-Kummissjoni tħabbar li se tipprovdi inċentivi biex jiżdied l-użu tad-dijanjostika, l-alternattivi għall-antimikrobiċi u l-vaċċini(7);

10.  Jilqa' l-varar imminenti ta' Azzjoni Konġunta kofinanzjata mill-Programm tal-UE dwar is-Saħħa bil-għan li żżid il-kopertura tat-tilqim;

11.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-bażi ġuridika għall-kopertura tal-immunizzazzjoni; jirrimarka li, skont l-objettiv 1 tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar it-Tilqim 2015-2020, l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas leġiżlattiv xieraq huma kruċjali biex jiġu definiti l-prijoritajiet nazzjonali u biex jittieħdu passi tanġibbli lejn impenn sostenibbli favur l-immunizzazzjoni;

12.  Jappoġġja bis-sħiħ il-Ftehim dwar l-Akkwist Konġunt, li jipprovdi qafas lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jakkwistaw b'mod konġunt il-vaċċini, b'mod li jgħaqqad flimkien il-kapaċità tal-akkwist tal-Istati Membri u b'hekk jiżgura li l-vaċċini pandemiċi u ta' tipi oħrajn ikunu disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti ħalli jiggarantixxu l-aċċess għall-vaċċini u li l-Istati Membri kollha parteċipanti jirċievu trattament ugwali;

13.  Jilqa' l-fatt li 24 Stat Membru ffirmaw il-Ftehim dwar l-Akkwist Konġunt, jiġifieri l-Ftehim ikopri 447,8 miljun mill-508,2 miljun ċittadin tal-UE; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-ftehim biex jagħmlu dan, sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu koperti minnu;

14.  Ifakkar fl-importanza tat-trasparenza fil-bini u ż-żamma tal-fiduċja pubblika fil-mediċini;

15.  Ifakkar fl-importanza tar-Regolament dwar il-Provi Kliniċi(8) għall-fini li jistimula u jiffaċilita r-riċerka dwar tilqim ġdid u li jiżgura t-trasparenza tar-riżultati tal-provi kliniċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-EMA jimplimentaw ir-Regolament dwar il-Provi Kliniċi mingħajr aktar dewmien, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' Portal u Bażi ta' Data Ewropej (EUPD), li l-implimentazzjoni tagħhom kienet soġġetta għal dewmien ta' aktar minn sentejn; jistieden, barra minn hekk, lill-partijiet kollha involuti biex jiżguraw li l-proċess attwali ta' rilokazzjoni tal-EMA 'l bogħod minn Londra ma jikkawżax tfixkil jew dewmien ulterjuri lill-ħidma tal-Aġenzija;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema kollha tal-kura tas-saħħa jkunu mlaqqma b'mod suffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza r-rati ta' tilqim għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa fil-proposta tagħha għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni msaħħa kontra mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim;

17.  Jemmen li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni msaħħa kontra mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim, li għandha tiġi ppreżentata fit-tieni kwart tal-2018 u li għandha l-għan li tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' tilqim, fit-tnaqqis tar-retiċenza dwar it-tilqim, fit-tisħiħ tal-provvista tal-vaċċini u fit-titjib ġenerali tal-kopertura tat-tilqim, hija pass tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu l-pożizzjoni tal-Parlament fl-abbozzar tar-rakkomandazzjonijiet;

18.  Jinnota bi tħassib li d-data epidemjoloġika dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tilqim fl-Istati Membri turi nuqqasijiet serji fl-aċċettazzjoni tat-tilqim u li r-rati ta' kopertura tat-tilqim meħtieġa biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata mhumiex suffiċjenti; jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-retiċenza dwar it-tilqim, li qed tikber u tinfirex, laħqet proporzjonijiet preokkupanti minħabba l-firxa ta' konsegwenzi marbuta mas-saħħa li qiegħda tikkawża fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex, minħabba l-utilità tat-tilqim bħala għodda preventiva, jiżguraw li l-kopertura tat-tilqim tiġi estiża lil hinn mit-tfulija bikrija u li l-gruppi kollha tal-popolazzjoni jiġu inklużi f'approċċ favur it-tilqim tul il-ħajja;

19.  Jissottolinja li t-tnaqqis tal-fiduċja tal-opinjoni pubblika madwar id-dinja fil-konfront tat-tilqim huwa kawża ta' tħassib u sfida maġġuri għall-esperti tas-saħħa pubblika; jinnota li bħalissa l-Ewropa qed tiffaċċja tifqigħat tal-ħosba li jistgħu jiġu evitati f'numru ta' pajjiżi minħabba r-retiċenza dwar it-tilqim; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-isforzi nazzjonali favur it-tilqim maħsubin biex iżidu l-kopertura;

20.  Jenfasizza li żieda fit-trasparenza fil-proċess ta' evalwazzjoni tal-vaċċini u tal-aġġuvanti tagħhom u l-finanzjament ta' programmi ta' riċerka dwar l-effetti sekondarji possibbli tagħhom ikunu ta' għajnuna biex jerġa' jkun hemm fiduċja fit-tilqim;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-infrastruttura għall-ġbir tad-data għall-fini li jirreġistraw it-tendenzi ta' mard infettiv u l-impatt reali tal-vaċċini, biex dan ikun ta' appoġġ għat-twettiq tal-programmi ta' immunizzazzjoni;

22.  Jinsab imħasseb dwar il-varjazzjoni wiesgħa rigward il-vaċċini rakkomandati, fornuti u/jew imposti mill-Istati Membri differenti; jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li din il-varjazzjoni fil-kopertura tat-tilqim qed tiggrava l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bejn l-Istati Membri u qed timmina l-isforzi biex jitnaqqas u jiġi eliminat mard li jista' jiġi evitat;

23.  Jikkundanna t-tixrid ta' informazzjoni mhux affidabbli, qarrieqa u mhux xjentifika dwar it-tilqim, li ġie ggravat b'kontroversji medjatiċi, bis-sensazzjonaliżmu tal-midja u b'ġurnaliżmu fqir; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi effettivi kontra t-tixrid ta' tali informazzjoni ħażina, biex ikomplu jiżviluppaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni bil-għan li terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fit-tilqim u biex itejbu l-edukazzjoni u d-djalogu, speċjalment għall-ġenituri, inkluż il-ħolqien ta' pjattaforma Ewropea maħsuba biex iżżid il-kopertura tat-tilqim u biex timpedixxi lill-informazzjoni qarrieqa milli tkun effettiva;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini jingħataw informazzjoni inklużiva, fattwali u bbażata fuq ix-xjenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw id-djalogu mal-partijiet interessati mis-soċjetà ċivili, il-movimenti fuq livell lokali, l-akkademiċi, il-midja u l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa sabiex jiġġieldu kontra l-informazzjoni mhux affidabbli, qarrieqa u mhux xjentifika dwar it-tilqim;

25.  Jinsab imħasseb dwar il-baġit limitat allokat speċifikament għat-tilqim f'xi Stati Membri, kif ukoll dwar il-prezzijiet għoljin u l-varjazzjonijiet kbar fil-prezz ta' wħud mill-vaċċini li jistgħu jsalvaw il-ħajja, billi hemm riskju li dan ikompli jiggrava l-inugwaljanzi li jeżistu fis-settur tas-saħħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw, mill-aktar fis possibbli, il-miżuri mitluba fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-għażliet tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għall-mediċini(9), filwaqt li jenfasizza li t-tilqim huwa fost l-aktar interventi kosteffettivi tas-saħħa pubblika għal sistemi tal-kura tas-saħħa fuq perjodu twil;

26.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-prezzijiet għoljin tal-vaċċini jaffettwaw b'mod sproporzjonat pajjiżi b'introjtu baxx u medju, inklużi pajjiżi li qegħdin jitilfu l-appoġġ tad-donaturi li qabel kienu jirċievu permezz ta' GAVI, l-Alleanza għat-Tilqim; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri bil-għan li jgħinu biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-vaċċini fil-pajjiżi kkonċernati;

27.  Jilqa' l-progress inkoraġġanti li sar fil-ġlieda kontra l-mard u l-kanċer b'rabta mal-virus tal-papilloma uman (HPV) bis-saħħa ta' programmi ta' tilqim kontra l-virus HPV; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar dawn il-programmi u jesploraw modi biex iżidu r-rati ta' kopertura u jipprevjenu forom oħra ta' kanċer, pereżempju billi jinkludu s-subien fil-programmi ta' tilqim;

28.  Jemmen li l-għoti ta' screening u servizzi ta' tilqim għall-migranti u r-rifuġjati li jidħlu fil-pajjiżi tal-UE huwa essenzjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw l-attivitajiet konkreti ta' tilqim li qed jiġu implimentati għall-migranti u r-rifuġjati li jidħlu fil-pajjiżi tal-UE u biex jindirizzaw b'mod enerġetiku l-lakuni identifikati;

29.  Jinsab imħasseb dwar l-iskarsezza tal-vaċċini u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw soluzzjonijiet biex iżidu l-provvista u d-disponibbiltà tal-vaċċini, inklużi arranġamenti għall-ħżin tal-vaċċini;

30.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu kampanji ta' sensibilizzazzjoni fost il-professjonisti fil-kura tas-saħħa li jipprovdu t-tilqim, liema kampanji għandhom jissottolinjaw l-obbligu, kemm morali kif ukoll etiku, tat-tali professjonisti li jipproteġu s-saħħa pubblika billi jagħtu lill-pazjenti (jew lill-kustodji legali tal-pazjenti) biżżejjed informazzjoni dwar il-vaċċini sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata;

31.  Jirrimarka li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa huma l-pedament tal-aċċettazzjoni pubblika tat-tilqim u li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom huma konsistentement ikkwotati bħala r-raġuni primarja għat-tilqim(10);

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jelaboraw Pjan ta' Azzjoni tal-UE kompletament komprensiv li jindirizza l-problema soċjali tar-retiċenza dwar it-tilqim, li jsaħħaħ l-impenji tal-Istati Membri għall-immunizzazzjoni bħala miżura ta' prijorità għas-saħħa pubblika, inklużi azzjonijiet ta' prijorità u speċifiċi għar-reġjuni, u li jqis iċ-ċirkostanzi differenti u l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw l-Istati Membri;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita skeda aktar armonizzata u allinjata aħjar għat-tilqim madwar l-UE, tikkondividi l-aħjar prattiki, tesplora flimkien mal-Istati Membri l-għażliet għall-ħolqien ta' pjattaforma tal-UE għall-monitoraġġ tas-sikurezza u l-effettività tal-vaċċini, tiżgura kopertura uniformi madwar l-Ewropa, tnaqqas l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u tgħin biex tagħti spinta lill-fiduċja u l-kunfidenza fil-programmi ta' tilqim u fil-vaċċini; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi inizjattivi tat-tilqim immirati, bħal "Jum Ewropew għat-Tilqim kontra l-Influwenza", li jistgħu jintużaw kull sena biex ivaraw kampanja ta' tilqim skont il-mira ta' kopertura ta' 75 % stabbilita fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-influwenza staġjonali;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri konkreti fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni "Saħħa Waħda" biex iżidu r-rati ta' tilqim kemm fost il-bnedmin kif ukoll, fejn meħtieġ, fost l-annimali permezz ta' inċentivi finanzjarji u ta' politika, u b'hekk jiġġieldu kontra mard infettiv u wkoll ir-reżistenza għall-antibijotiċi b'mod aktar kosteffettiv, fost l-oħrajn fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni futura ta' wara l-2020;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu, fi żmien debitu, data dwar it-tilqim u dwar mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim lill-Kummissjoni, lill-ECDC u lid-WHO;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 202, 8.7.2011, p. 4.
(2) ĠU C 438, 6.12.2014, p. 3.
(3) ĠU L 348, 29.12.2009, p. 71.
(4) Larson, Heidi J. et al. (2016), "The State of Vaccine Confidence 2016: Global Insights Through a 67-Country Survey", EBioMedicine; Vol. 12, 2016, pp. 295-301.
(5) Council on Foreign Relations, "Vaccine-Preventable Outbreak Maps", 2015.
(6) Ara l-pjan ta' Azzjoni, p. 10.
(7) Ara l-pjan ta' Azzjoni, p. 12.
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 1).
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0061.
(10) Leask J., Kinnersley P., Jackson C., Cheater F., Bedford H., Rowles G., "Communicating with parents about vaccination: a framework for health professionals", BMC Pediatrics, 2012, Vol. 12, pp.12-154.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali