Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2329(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0065/2018

Testi mressqa :

A8-0065/2018

Dibattiti :

PV 19/04/2018 - 4
CRE 19/04/2018 - 4

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0189

Testi adottati
PDF 556kWORD 64k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni
P8_TA(2018)0189A8-0065/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni (2016/2329(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 18, 19, 21, 79 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 20, 21, 23, 24, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, li ġiet adottata fl-20 ta' Diċembru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali adottat fis-26 ta' Awwissu 2016 mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar l-Artikolu 6 ("Nisa u Bniet b'Diżabilitajiet") tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/865(1) u (UE) 2017/866 tal-11 ta' Mejju 2017(2) dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar mill-Istati Membri kollha tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(3);

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 li għandha x'taqsam ma' kumpens għal vittmi ta' delitti(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(6), u d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin, 2012-2016" (COM(2012)0286),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni(8) (‘EPO’),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(9),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta' sanzjonijiet alternattivi(10),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta' Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja(11),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali(12),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2011 dwar Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi, b'mod partikolari fi proċedimenti kriminali(13),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini(14),

–  wara li kkunsidra l-Programm "Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza" għall-perjodu 2014-2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" ("Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019") (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu "Violence against women – an EU-wide survey" (Il-vjolenza fuq in-nisa - stħarriġ madwar l-UE kollha),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(18),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea (PE603.272) tad-Direttiva 2011/99/UE tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, magħmula mill-Unità ta' Evalwazzjoni Ex Post,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0065/2018),

A.  billi kull forma ta' vjolenza kontra l-bniedem hija ksur dirett tad-dinjità tal-bniedem tiegħu, li hija l-bażi essenzjali tad-drittijiet fundamentali kollha tal-bniedem u għalhekk trid tiġi rispettata u protetta; billi l-vjolenza fuq in-nisa hija forma brutali ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali;

B.  billi l-vittmi ta' vjolenza u abbuż qegħdin fir-riskju li jiġu suġġetti għall-vittimizzazzjoni, ritaljazzjoni u intimidazzjoni sekondarji u ripetuti; billi, għalhekk, l-għoti lilhom tal-protezzjoni meħtieġa, inkluż dik bejn il-fruntieri, tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq is-sensibilizzazzjoni tal-vittmi, is-soċjetà inġenerali u l-prattikanti kollha li jiġu f'kuntatt magħhom, inklużi l-atturi rilevanti, bħalma huma d-djar ta' kenn;

C.  billi n-nuqqas ta' għoti ta' protezzjoni adegwata ta' bniedem minn vjolenza sessista huwa detrimentali għas-soċjetà kollha kemm hi;

D.  billi wieħed mill-aspetti tas-sigurtà l-aktar importanti ta' kull soċjetà huwa l-protezzjoni tal-integrità u l-libertà personali ta' kull individwu; billi l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għandha tinkludi s-salvagwardja tas-sigurtà personali u l-protezzjoni tal-individwi kollha mill-vjolenza sessista bħala prijoritajiet;

E.  billi l-vjolenza u l-abbuż fiżiku, psikoloġiku u sesswali jaffettwaw lin-nisa b'mod sproporzjonat(19); billi mara waħda minn kull tlieta fl-UE esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali mill-età ta' 15-il sena; billi l-firxa u l-ħruxija tal-vjolenza kontra n-nisa ta' spiss huma injorati u trivjalizzati f'uħud mill-Istati Membri u għad hemm tendenza komuni inkwetanti li l-vittmi jingħataw il-ħtija; billi terz biss tan-nisa li huma abbużati fiżikament jew sesswalment mill-partner tagħhom jikkuntattjaw lill-awtoritajiet;

F.  billi l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha ta' politika huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u element essenzjali fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;

G.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul, li ġiet iffirmata iżda li mhijiex ratifikata mill-UE u mill-Istati Membri kollha(20), tistipula li d-dispożizzjonijiet kollha tagħha, b'mod partikolari l-miżuri biex jipproteġu d-drittijiet tal-vittmi, għandhom jiġu żgurati mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, u b'mod espliċitu tistieden lill-firmatarji tagħha jirrikonoxxu l-istalking bħala reat kriminali; billi r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul se jgħinu sabiex jingħelbu l-isfidi li jinħolqu mill-EPO bl-għoti ta' qafas legali Ewropew koerenti għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u biex il-vjolenza fuq in-nisa tiġi kkumbattuta;

H.  billi, sabiex jitnaqqas in-numru stmat ta' każijiet mhux irrappurtati ta' vjolenza, l-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu u jsaħħu l-istrumenti ta' twissija u ta' protezzjoni għan-nisa biex ikunu jistgħu jħossuhom sikuri u f'pożizzjoni li jirrapportaw vjolenza sessista; billi l-għadd konsiderevolment kbir ta' każijiet mhux irreġistrati ta' vjolenza sessista jista' jkun marbut ma' nuqqas ta' riżorsi pubbliċi; billi l-awtoritajiet rilevanti jeħtiġilhom ikollhom strutturi, bħal postijiet ta' kenn li jipprovdu appoġġ mediku u forensiku, konsulenza psikoloġika u għajnuna legali, li joħolqu żona sikura għan-nisa li huma vittmi tal-vjolenza sessista;

I.  billi l-libertà ta' moviment fl-UE tfisser li n-nies spiss jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor; billi l-EPO hija bbażata fuq il-bżonn li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet tal-vittmi, u b'mod partikolari jiġi rrispettat id-dritt tal-vittmi u l-vittmi potenzjali li jgawdu l-libertà ta' moviment, u li tkun żgurata l-protezzjoni kontinwa tagħhom meta jeżerċitaw dak id-dritt;

J.  billi l-prevenzjoni tal-vjolenza permezz tal-investiment f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni b'kopertura medjatika effettiva, edukazzjoni u taħriġ ta' professjonisti hija element kruċjali fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista; billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tobbliga lill-partijiet jipprevjenu l-vjolenza sessista u l-istereotipi billi jindirizzaw ir-rwol tal-midja; billi n-nuqqas ġenerali ta' għarfien fost il-vittmi li jibbenefikaw minn miżuri ta' protezzjoni nazzjonali tal-eżistenza tal-EPO għandu impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tagħha; billi kampanji ta' sensibilizzazzjoni u programmi ta' sensitizzazzjoni li jiġġieldu kontra t-trivjalizzazzjoni tal-vjolenza domestika u sessista jikkontribwixxu għal żieda fir-rieda tal-vittmi li jirrappurtaw abbużi u jitolbu ordnijiet Ewropej ta' protezzjoni, kif ukoll jibnu l-fiduċja tagħhom fl-awtoritajiet rilevanti;

K.  billi fl-2010, meta l-Kunsill Ewropew ippropona l-EPO, 118 000 mara li għandhom residenza fl-UE kienu koperti minn miżuri ta' protezzjoni relatati mal-vjolenza sessista; billi fl-2011, kien stmat li medja ta' 1 180 individwu se jkunu jeħtieġu miżuri ta' protezzjoni transkonfinali kontinwi fl-UE;

L.  billi l-NGOs ta' spiss għandhom rwol fundamentali f'bosta Stati Membri fl-appoġġ lill-vittmi;

M.  billi l-EPOs huma strumenti ta' rikonoxximent reċiproku u kooperazzjoni, li la jistgħu jiffunzjonaw b'mod korrett u lanqas jipproteġu lill-vittmi sakemm ma jkunux implimentati bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha;

N.  billi, b'mod partikolari f'każijiet ta' vjolenza, xi Stati Membri joħorġu miżuri ta' protezzjoni abbażi ta' proċeduri kriminali, filwaqt li oħrajn joħorġu ordnijiet ta' protezzjoni abbażi ta' proċeduri ċivili;

O.  billi varjetà wiesgħa ta' ordnijiet ta' protezzjoni madwar l-Istati Membri tal-UE, u minħabba sistemi ġudizzjarji differenti fl-Istati Membri, l-implimentazzjoni ta' EPOs tiffaċċja ħafna diffikultajiet u konsegwentement tista' timmina l-applikazzjoni xierqa ta' EPOs għall-vittmi u tfixkel l-għadd ta' EPOs maħruġa;

P.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri m'għandhomx sistema ta' reġistru biex jiġbru d-data dwar l-EPOs, u lanqas ma hemm sistema Ewropea ta' reġistru ċentrali biex tinġabar id-data rilevanti kollha tal-UE; billi data insuffiċjenti tagħmilha diffiċli biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-EPO u biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni jew fl-implimentazzjoni;

Q.  billi l-EPO hija applikabbli għall-vittmi tat-tipi kollha ta' kriminalità, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza sessista u l-kriminalità organizzata; billi persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli li sfaw vittmi ta' delitt jeħtieġu li jiġu ttrattati b'kunsiderazzjoni partikolari meta japplikaw għal EPO;

R.  billi hemm rabta qawwija bejn il-funzjonament tal-EPO u l-istandards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità li ġew stabbiliti permezz tad-Direttiva 2012/29/UE;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw b'mod ċar u jimpenjaw ruħhom biex jeqirdu l-forom kollha ta' vjolenza sessista u l-vjolenza fuq in-nisa, u jiżguraw politika ta' tolleranza zero għal dawn il-forom ta' vjolenza;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintroduċu perspettiva tas-sessi fil-politiki kollha tagħhom, b'mod partikolari dawk li huma potenzjalment marbuta mas-sensibilizzazzjoni u detezzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa, kif ukoll il-protezzjoni u s-salvagwardjar tal-integrità tal-vittmi;

Valutazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tad-direttiva, u rakkomandazzjonijiet biex jittejbu l-istat ta' implimentazzjoni u l-funzjonament tal-EPO

3.  Jirrikonoxxi li l-Istati Membri kollha li huma marbuta mid-Direttiva EPO innotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali;

4.  Huwa konxju tal-effett pożittiv li l-istabbiliment tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja jista' jkollu fuq il-protezzjoni transkonfinali tal-vittmi; iqis li l-EPO għandha l-potenzjal li tkun strument effettiv sabiex tipproteġi lill-vittmi f'dinja moderna kkaratterizzata minn rata għolja ta' mobilità u nuqqas ta' fruntieri interni; jinnota bi tħassib, madanakollu, li, mit-traspożizzjoni tad-Direttiva EPO, seba' EPOs biss ġew identifikati fost l-Istati Membri, għalkemm eluf ta' ordnijiet ta' protezzjoni nazzjonali ġew mitluba u maħruġa fl-Istati Membri f'dawn l-aħħar snin(21);

5.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentatx rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva EPO sal-11 ta' Jannar 2016; jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi ta' rappurtar tagħha kif stabbilit fid-Direttiva u tinkludi fir-rapport tagħha elenku ta' miżuri ta' protezzjoni nazzjonali, ħarsa ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ, analiżi tal-konformità tal-Istati Membri mad-dritt tal-vittmi għal għajnuna legali b'xejn, inkluża informazzjoni dwar jekk kienx hemm spejjeż imġarrba mill-vittmi fir-rigward ta' ordni ta' protezzjoni u elenku ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni li ġew organizzati fl-Istati Membri;

6.  Ifakkar fl-obbligu tal-istat ta' eżekuzzjoni li jirrikonoxxi l-EPO bl-istess prijorità tal-istat emittenti, minkejja d-diversi kumplessitajiet u l-isfidi legali involuti;

7.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li hemm lakuna sinifikanti bejn il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni fost l-Istati Membri meta EPO tiġi eżegwita; jistieden lill-Istati Membri biex itejbu u b'mod konġunt isaħħu l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni fir-rigward tal-EPO, peress li dan jagħti bidu għal proċeduri aktar effiċjenti u azzjoni transkonfinali simultanja fost l-Istati Membri;

8.  Jinsisti li l-ġbir tad-data statistika jeħtieġ li jittejjeb sabiex jiġu vvalutati l-kobor tal-problema u r-riżultati tal-azzjoni biex titnaqqas il-vjolenza sessista; jistieden lill-Istati Membri jistandardizzaw u jiddiġitalizzaw il-formuli u l-proċeduri tal-EPO u biex jistabbilixxu Sistema ta' Reġistru Nazzjonali ta' EPOs bl-għan li jiġbru data, u kif ukoll itejbu l-iskambju ta' informazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jikkomunikaw b'mod regolari lill-Kummissjoni data diżaggregata skont is-sess u data relatata man-numru ta' EPOs mitluba, maħruġa u infurzati, kif ukoll informazzjoni dwar it-tipi ta' delitti;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Sistema ta' Reġistru Nazzjonali biex tiġbor informazzjoni dwar EPOs mill-Istati Membri kollha;

10.  Jitlob li jkun hemm formula waħda standard, valida kemm għal proċeduri kriminali kif ukoll ċivili u fl-Istati Membri kollha, li tiġi mfassla u li tintuża għall-applikazzjoni u r-rikonoxximent ta' ordnijiet ta' protezzjoni; jitlob li tintuża wkoll sistema diġitali ta' ġestjoni biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni, id-data li tinġabar tiġi standardizzata u jitħaffu kemm il-ġestjoni tal-ordnijiet kif ukoll it-tħejjija ta' statistika operattiva fil-livell tal-UE;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippubblikaw il-lista sħiħa tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ħruġ u r-rikonoxximent tal-EPOs u tal-awtoritajiet ċentrali li jittrażmettu u jirċievu l-EPOs fl-Istati Membri, u biex jagħmlu l-lista faċilment aċċessibbli biex tippermetti lill-persuni protetti u lill-organizzazzjonijiet ta' appoġġ lill-vittmi jitolbu EPOs jew isolvu kwistjonijiet relatati; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex itejbu l-aċċessibbiltà u l-applikabbiltà tal-EPO b'mod li jwassal għall-ħruġ ta' EPOs;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni trawwem il-forom kollha ta' skambju ta' prattiki tajbin u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili sabiex jiġi salvagwardjat il-funzjonament adegwat tal-EPOs;

13.  Jenfasizza li l-vittmi tal-kriminalità li għandhom jew li jistgħu jikkunsidraw li jiksbu ordni ta' protezzjoni nazzjonali għandhom jiġu infurmati u mfakkra b'mod awtomatiku u xieraq minn awtorità responsabbli speċifika, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, dwar il-possibbiltà li jitolbu EPO waqt il-proċedimenti kriminali; jenfasizza li l-persuna protetta ma għandhiex teħel spejjeż finanzjarji meta titlob li tinħareġ EPO;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni individwali, billi jadottaw approċċ sensittiv għall-ġeneru, fir-rigward tal-għoti ta' assistenza u miżuri ta' appoġġ meta jintalbu EPOs;

15.  Jiddeplora n-nuqqas ta' aċċess għall-ġustizzja u l-għajnuna legali lill-vittmi ta' kull tip ta' delitt f'uħud mill-Istati Membri li jirriżulta f'informazzjoni fqira pprovduta lill-vittma dwar il-possibbiltà li titlob EPO; iqis li l-għoti ta' għajnuna legali b'xejn, appoġġ amministrattiv u informazzjoni adegwata dwar l-EPO lill-persuni protetti għandhom jiġu żgurati mill-Istati Membri peress li dan huwa kruċjali għall-użu u l-effikaċja tal-istrument, kemm fil-fażi tal-ħruġ kif ukoll tal-infurzar; jistieden lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi ddedikati għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa f'żoni rurali;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-persuni protetti dwar ir-riżorsi addizzjonali ta' għajnuna soċjali disponibbli fl-istat ospitanti, fosthom benefiċċji tal-familja, akkomodazzjoni eċċ. peress li dawn il-miżuri jinsabu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-EPO;

17.  Jenfasizza li, bħala parti mill-protezzjoni u l-ħidma soċjali komplementari, għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal vittmi u lit-tfal tal-vittmi ta' azzjonijiet kriminali, speċjalment meta jkunu fir-riskju ta' attakk sesswali;

18.  Jiddeplora l-fatt li s-servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni fil-lingwa li l-vittma tifhem mhumiex iggarantiti mill-Istati Membri qabel, matul u wara l-ħruġ ta' EPO;

19.  Jenfasizza li l-vittmi dejjem għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu waqt il-proċeduri tal-EPO; jenfasizza li s-servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni jeħtieġ li jkunu disponibbli u mingħajr ħlas matul il-proċess kollu tal-EPO; jenfasizza, għalhekk, li d-dokumenti kollha rilevanti għandhom jiġu tradotti f'lingwa li tinftiehem mill-vittma;

20.  Jiddeplora n-nuqqas ta' miżuri speċjali implimentati mill-Istati Membri għall-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew vittmi bi bżonnijiet speċifiċi; jikkunsidra li t-tnaqqis fl-infiq pubbliku spiss jaffettwa b'mod negattiv ir-riżorsi disponibbli għal dawn il-miżuri speċjali; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-organizzazzjonijiet rilevanti li jaħdmu fil-qasam tal-protezzjoni tal-vittmi, jadottaw linji gwida u miżuri speċjali li jiffaċilitaw l-EPO għall-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew vittmi bi bżonnijiet speċifiċi;

21.  Jenfasizza li minħabba t-tendenza dejjem tikber u perikoluża tat-traffikar tal-bnedmin, l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni tista' tkun strument ta' benefiċċju kbir għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinkorpora lill-EPO fi ħdan strateġija tal-UE sabiex tikkumbatti t-traffikar tal-bnedmin;

22.  Iqis li, sabiex tilħaq il-potenzjal tagħha u biex jiġu żgurati miżuri ta' protezzjoni kemm fl-istat emittenti kif ukoll fl-istat ta' eżekuzzjoni, il-ħruġ ta' ordni ta' protezzjoni jrid ikun kemm jista' jkun rapidu, effettiv, effiċjenti u awtomatiku u jinvolvi burokrazija minima; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas ta' żmien ċar u qasir ta' ġimagħtejn għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta joħorġu EPOs u jinnotifikaw dwarhom sabiex jevitaw li jżidu l-inċertezza ta' persuni protetti u l-pressjoni li jkunu taħtha, u biex jinkiseb l-istess għan, jagħtu istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu informazzjoni suffiċjenti lill-vittmi waqt il-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni dwar it-talbiet tagħhom għal EPO, inkluż li jinnotifikawhom dwar kwalunkwe inċident li jseħħ waqt din il-proċedura; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'dan il-kuntest, jallokaw biżżejjed riżorsi lill-awtoritajiet li jaħdmu fuq EPOs sabiex jiffaċilitaw sistema effiċjenti li tqis is-sitwazzjoni tal-vittma;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu b'mod dovut l-interessi tal-persuna protetta u jkunu żona sikura għall-persuni li jirrappurtaw vjolenza billi jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligu li ma jinfurmawx lill-persuna li tikkawża l-periklu dwar il-post u dettalji oħra rigward il-persuna protetta – sakemm ma jkunx strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-ordni ta' protezzjoni; jenfasizza li kull meta s-sitwazzjoni tirrikjedi li l-awtur tar-reat jiġi infurmat dwar kwalunkwe dettall fir-rigward tal-EPO, il-vittma jeħtiġilha tiġi infurmata b'dik id-deċiżjoni;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu proċeduri speċjali biex jiffaċilitaw il-ħruġ ta' EPOs biex jipproteġu lill-membri tal-familja li jgħixu mal-vittma li diġà hija protetta b'EPO;

25.  Jenfasizza l-effiċjenza dejjem tiżdied ta' teknoloġiji ġodda bħalma huma s-sistemi ta' monitoraġġ tal-GPS u l-applikazzjonijiet tal-ismartphone li jattivaw allarm meta l-periklu jkun imminenti bħala mezz biex tittejjeb l-effiċjenza u l-adattabbiltà tal-EPOs kemm fi ħdan l-istat emittenti kif ukoll dak ta' eżekuzzjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li għadd limitat ta' Stati Membri jużaw tali teknoloġiji ġodda;

26.  Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-EPOs fl-istat ta' eżekuzzjoni fir-rigward tat-theddida li għaliha l-vittma tkun esposta sabiex jiddetermina jekk il-miżuri ta' protezzjoni adottati jkunux ġew implimentati sew u jekk ikunx hemm bżonn li jiġu riveduti;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta' din id-direttiva u tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur mingħajr dewmien kontra l-Istati Membri kollha li jiksruha;

28.  Iħeġġeġ, b'mod konformi mal-viżjoni li spiss itennu l-assoċjazzjonijiet tal-vittmi tal-vjolenza sessista, biex jiġu ppruvati proċeduri li jbiddlu l-approċċ tradizzjonali dwar kif jitqies il-kunċett ta' protezzjoni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; jenfasizza li, pjuttost mill-konċentrazzjoni fuq miżuri għall-vittmi, kif spiss ikun il-każ, it-tekniki biex jiġu evitati r-riskji għandhom jinkludu miżuri ta' prevenzjoni, sorveljanza, kontroll u monitoraġġ tal-persuni li jikkawżaw il-ħsara, u li l-miżuri preventivi użati għandhom jinkludu, bħala prijorità, ir-riedukazzjoni obbligatorja għall-awturi tar-reati;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu eżami bir-reqqa tal-possibbiltajiet ta' kif itejbu l-leġiżlazzjoni relatata mal-EPO u l-implimentazzjoni effettiva tagħha fl-Istati Membri kollha tal-UE u appoġġ prattiku sabiex jiggarantixxu d-drittijiet għall-protezzjoni internazzjonali u għall-assistenza u l-appoġġ li jgawdu l-vittmi ta' vjolenza protetti fil-livell nazzjonali;

30.  Jistieden lill-aġenziji tal-UE bħall-FRA u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva b'mod regolari;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal monitoraġġ u rappurtar tas-soċjetà ċivili sabiex ittejjeb il-funzjonament tal-istrument tal-EPO fl-Istati Membri u għal dan il-għan tagħmel fondi tal-UE disponibbli għall-NGOs;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sejħiet għall-promozzjoni tar-riċerka dwar l-użu ta' ordnijiet ta' protezzjoni nazzjonali u Ewropej, u biex tikkoordina programmi biex tibda kampanji ta' sensibilizzazzjoni fi ħdan l-Istati Membri biex tinforma lill-vittmi tal-kriminalità bil-possibbiltà li japplikaw għal EPO u dwar il-miżuri protettivi transkonfinali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-ħidma tagħhom mal-NGOs u jipprovdu korsijiet ta' taħriġ obbligatorji bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, orjentati lejn is-servizzi, prattiċi u intersezzjonali għall-uffiċjali pubbliċi kollha li jaħdmu mal-vittmi fuq bażi professjonali f'relazzjoni mal-EPO u li huma essenzjali għall-implimentazzjoni korretta ta' din id-direttiva; jenfasizza li taħriġ u korsijiet speċifiċi u regolari dwar l-EPOs għall-pulizija, il-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u għall-prattikanti legali, il-ħaddiema u l-assoċjazzjonijiet soċjali u l-NGOs li jittrattaw vittmi ta' vjolenza sessista għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri kollha; jitlob li l-persunal li jaħdem f'każijiet ta' vjolenza sessista jirċievi taħriġ adegwat dwar l-apprezzament tal-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa li jkunu vittmi ta' vjolenza u li jiġu allokati biżżejjed riżorsi sabiex il-vjolenza sessista tingħata prijorità;

34.  Jistieden lill-Istati Membri biex, minħabba l-fatt li l-misoġinija u s-sessiżmu għandhom għeruq fondi fis-soċjetajiet tagħna u l-fatt li t-tfal u l-adolexxenti qed ikunu dejjem aktar esposti għall-vjolenza onlajn, jinkludu edukazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nonvjolenza fil-kurrikulu tal-iskola primarja u sekondarja billi jaraw li l-istudenti jieħdu sehem f'diskussjonijiet u billi jagħmlu użu mill-opportunitajiet kollha possibbli tat-tagħlim;

35.  Jenfasizza li l-mezzi ġodda ta' komunikazzjoni, pereżempju permezz ta' pjattaformi diġitali, qed jintużaw bħala forma ġdida ta' vjolenza sessista li jinkludu wkoll it-theddid u l-fastidju; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membrji jinkludu dawn l-aspetti meta joħorġu u/jew jeżegwixxu EPO;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali relatati mal-vjolenza sessista

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-protezzjoni taċ-ċittadini kollha, speċjalment dawk li jinsabu fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, b'enfasi fuq il-vittmi tal-kriminalità bħat-traffikar tal-bnedmin jew il-vjolenza sessista, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu, li wkoll jeħtieġu attenzjoni speċjali, appoġġ u rikonoxximent soċjali;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kampanji biex tinkoraġġixxi lin-nisa jirrappurtaw kwalunkwe forma ta' vjolenza fuq il-bażi tas-sess, biex b'hekk jistgħu jkunu protetti u sabiex l-eżattezza tad-data dwar il-vjolenza sessista tkun tista' tittejjeb;

38.  Jenfasizza li, b'konformità mar-rapport ta' valutazzjoni mfassal mill-EPRS tal-Parlament, l-ewwel kawża tal-livelli differenti tal-użu tal-ordnijiet ta' protezzjoni nazzjonali u Ewropej hija li l-vittmi u ħafna professjonisti mhumiex konxji dwar il-possibbiltajiet li toffri din id-Direttiva; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jassumu responsabbiltà sħiħa għaċ-ċittadini tagħhom u – bl-involviment tal-NGOs rilevanti – iniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' sensitizzazzjoni intersezzjonali fit-tul dwar l-istrumenti disponibbli u l-użu tagħhom, li jkunu mmirati lejn a) is-soċjetà kollha kemm hi, b) il-vittmi potenzjali, speċjalment in-nisa b'ordnijiet ta' protezzjoni nazzjonali fis-seħħ, u c) il-professjonisti, bħall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali fis-sistema ġudizzjarja u dawk li jipprovdu għajnuna legali u s-servizzi soċjali u ta' emerġenza, li huma l-ewwel li jittrattaw il-vittmi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipprovdi finanzjament biex tniedi programmi ta' informazzjoni;

39.  Jirrikonoxxi l-eżistenza ta' portal tal-ġustizzja elettronika ġestit mill-Kummissjoni b'kontributi mill-Istati Membri; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex testendi t-"taqsima tal-vittmi" eżistenti fi ħdan il-portal tal-ġustizzja elettronika u biex tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti dwar id-drittijiet tal-vittmi, inklużi linji gwida speċifiċi għall-pajjiżi dwar każijiet ta' vjolenza; jenfasizza l-ħtieġa li titfassal "taqsima tal-vittmi" bħala għodda prattika li tintuża faċilment u sors ta' informazzjoni li għandha tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sit web faċli għall-utent iddedikat għad-drittijiet tal-vittmi li jinkludi wkoll l-EPO u pjattaforma ta' rappurtar diġitali biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta' vjolenza sessista, u li tkun faċilment aċċessibbli pereżempju permezz ta' portali nazzjonali tal-informazzjoni dwar il-ġustizzja;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-ħidma tagħhom mal-NGOs li jipproteġu lill-vittmi tal-vjolenza sabiex ifasslu strateġiji li jinkludu miżuri proattivi u reattivi fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-funzjonament tal-istrument EPO u l-bidliet meħtieġa fil-leġiżlazzjoni u l-appoġġ;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta att legali li jappoġġja lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u t-trażżin ta' kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza sessista;

42.  Jistieden lill-Kunsill jattiva l-klawżola passerelle billi jadotta deċiżjoni unanima biex tiġi identifikata l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħra ta' vjolenza sessista) bħala reat kriminali skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

43.  Iħeġġeġ, bħala kwistjoni ta' urġenza, li tittieħed azzjoni li twassal għal konverġenza progressiva tal-leġiżlazzjoni dwar imġiba vjolenti li tirriżulta f'ordnijiet ta' protezzjoni; jenfasizza li attakki li jkollhom fil-mira n-nisa b'mod partikolari huma kwistjoni serja u għandhom ikunu punibbli bħala reat fl-Istati Membri kollha, u l-miżuri ta' protezzjoni f'każijiet ta' vjolenza sessista għandhom ukoll jinħarġu mill-qrati;

Għal qafas legali koerenti tal-UE li jipproteġi lill-vittmi

44.  Jilqa' l-iffirmar, fit-13 ta' Ġunju 2017, tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul, li ssegwi approċċ olistiku, komprensiv u kkoordinat, li jpoġġi d-drittijiet tal-vittma fiċ-ċentru u li għandu jkun konness b'mod sħiħ mal-EPO; jistieden lill-Istati Membri jikkonkludu adeżjoni wiesgħa mal-Konvenzjoni sabiex jipprevjenu l-vjolenza fuq in-nisa, jikkumbattu l-impunità u jipproteġu l-vittmi; jenfasizza l-importanza ta' dan l-istrument biex jingħeleb wieħed mill-ostakoli għall-applikazzjoni tal-EPOs, jiġifieri n-nuqqas ta' rikonoxximent ta' stalking bħala reat kriminali fl-Istati Membri kollha; f'konformità mar-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, jitlob lill-Kummissjoni taħtar koordinatur tal-UE dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa li jkun responsabbli għall-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki, l-istrumenti u l-miżuri tal-UE sabiex tipprevjeni u tiġġieled il-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u jaġixxi bħala rappreżentant tal-UE għall-Kumitat tal-Partijiet għall-Konvenzjoni;

45.  Jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan, biex jirratifikaw u jinfurzaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista, inkluż bl-għoti ta' setgħa lin-nisa u l-bniet, billi jipproteġu lill-vittmi u billi jgħinuhom jingħataw kumpens;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw taħriġ, proċeduri u linji gwida xierqa għall-professjonisti kollha li jittrattaw il-vittmi tal-atti kollha ta' vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, sabiex jiġu evitati diskriminazzjoni jew rivittimizzazzjoni matul il-proċedimenti ġudizzjarji, mediċi, u dawk immexxija mill-pulizija;

47.  Jilqa' l-obbligu stipulat mill-Konvenzjoni ta' Istanbul li jiġu stabbiliti linji telefoniċi għall-għajnuna mingħajr ħlas mifruxa mal-istat kollu 24/7 sabiex dawk il-persuni li jċemplu jingħataw parir fir-rigward tal-forom kollha ta' vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw din l-għodda f'każijiet rilevanti u jipprovdu lill-vittmi b'informazzjoni relatata mal-EPO;

48.  Jenfasizza li n-nuqqasijiet ġudizzjarji u prattiċi fl-implimentazzjoni ta' din id-direttiva jistgħu jiġu kontrobilanċjati mill-interazzjoni xierqa bejn id-diversi strumenti tal-UE għall-protezzjoni tal-vittmi, bħad-Deċiżjoni Qafas 2009/829/ĠAI dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja u d-Deċiżjoni Qafas dwar miżuri ta' probation, ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili u d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, appoġġ u protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, li stabbiliet id-dritt li wieħed jirċievi informazzjoni u li jirċievi servizzi ta' interpretazzjoni u traduzzjoni ta' informazzjoni bla ħlas u li tadotta approċċ komprensiv għall-vittmi bi bżonnijiet speċjali, inklużi l-vittmi ta' vjolenza sessista;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-vittmi dwar miżuri oħra ta' protezzjoni fil-każ li l-istat ta' eżekuzzjoni ma jibqax jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni bil-għan li tirrevedi l-istrumenti eżistenti ta' protezzjoni legali għall-vittmi tal-kriminalità u tistabbilixxi qafas legali koerenti tal-UE għaliha;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif din id-direttiva hija applikata b'rabta mal-istrument relatat f'materji ċivili, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 606/2013 u biex tipproponi linji gwida dwar kif dawn iż-żewġ strumenti legali tal-UE li qegħdin ifittxu li jipproteġu lill-vittmi billi jirrikonoxxu miżuri ta' protezzjoni adottati skont proċeduri legali ċivili jew kriminali jistgħu jiġu applikati b'mod aktar effiċjenti mill-Istati Membri;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

(1) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11.
(2) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0329.
(4) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(5) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 15.
(6) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(7) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(8) ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
(9) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
(10) ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102.
(11) ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20.
(12) ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.
(13) ĠU C 187, 28.6.2011, p. 1.
(14) ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.
(15) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.
(16) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 35.
(17) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 2.
(18) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.
(19) Ir-rapport tal-FRA bit-titolu "Violence against Women: an EU-wide survey. Main results report" (Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE. Ir-rapport tar-riżultati ewlenin) juri li mara minn kull tlieta (33 %) esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali mill-età ta' 15-il sena; mara waħda minn kull ħamsa (18 %) esperjenzat stalking u mara waħda minn kull tnejn (55 %) ħabbtet wiċċha ma' xi forma jew aktar forom ta' fastidju sesswali. Minħabba dan, il-vjolenza kontra n-nisa ma tistax titqies bħala kwistjoni marġinali li tolqot biss il-ħajja ta' ftit nisa.
(20) https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/210/signatures?desktop=true
(21) L-istudju tal-EPRS bit-titolu "European Protection Order Directive 2011/99/EU – European Implementation Assessment jirrapporta li "huwa stmat li fl-2010 aktar minn 100 000 mara li għandhom residenza fl-UE kienu koperti minn miżuri ta' protezzjoni relatati ma' vjolenza sessista".

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali