Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2571(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0190/2018

Testi mressqa :

B8-0190/2018

Dibattiti :

PV 19/04/2018 - 5
CRE 19/04/2018 - 5

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.19
CRE 19/04/2018 - 10.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0190

Testi adottati
PDF 267kWORD 53k
Il-Ħamis, 19 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja - sitwazzjoni attwali u segwitu
P8_TA(2018)0190B8-0190/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja – sitwazzjoni attwali u segwitu (2018/2571(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-kontribut tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 u tas-26 ta' Novembru 2013 dwar id-dimensjoni globali tal-edukazzjoni għolja Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 intitlata "Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa" (COM(2011)0567),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 u tad-29 ta' Novembru 2011 dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 intitolata "Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" (COM(2012)0669),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni 2006/143/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar iktar koperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ffirmata f'Bolonja fid-19 ta' Ġunju 1999 mill-Ministri tal-Edukazzjoni minn 29 pajjiż Ewropew (id-Dikjarazzjoni ta' Bolonja),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 intitolata "It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura" (COM(2017)0673),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja - sitwazzjoni attwali u segwitu (O-000020/2018 – B8‑0014/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Proċess ta' Bolonja hu inizjattiva intergovernattiva li biha l-pajjiżi jimmiraw li jilħqu għanijiet komuni ta' djalogu miftuħ u kollaborattiv permezz ta' impenji maqbula fil-livell internazzjonali, biex b'hekk jingħata kontribut għall-bini ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA); billi l-edukazzjoni għolja ta' kwalità għolja hi element ewlieni fl-iżvilupp ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien wiesa' u avvanzata, li finalment tikkontribwixxi għall-bini ta' komunità stabbli, paċifika u tolleranti billi tiżgura opportunitajiet indaqs u edukazzjoni ta' kwalità aċċessibbli għal kulħadd;

B.  billi l-Proċess ta' Bolonja ppromwova l-mobbiltà billi saħħaħ l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja u billi tejjeb il-kompatibbiltà u l-komparabbiltà ta' standards tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja differenti, filwaqt li rrispetta l-prinċipji ta' libertà akkademika u tal-awtonomija istituzzjonali u ffoka fuq it-tisħiħ tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja kif ukoll offra opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini;

C.  billi l-EHEA ġiet varata bil-għan li tiġi stabbilita sistema ta' tliet ċikli (baċellerat, masters u dottorat), u wkoll biex is-sistemi ta' edukazzjoni għolja Ewropej isiru aktar komparabbli u aktar attraenti madwar id-dinja;

D.  billi l-edukazzjoni hi waħda mill-pilastri ewlenin tas-soċjetà tagħna, u billi l-edukazzjoni għolja għandha rwol importanti x'taqdi biex trawwem l-iżvilupp personali u tal-ħiliet, tagħti spinta lill-impjegabbiltà, isaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivili, iċ-ċittadinanza attiva u l-fehim interkulturali, tippromwovi l-valuri komuni kif ukoll tindirizza l-isfidi ta' dinja li qed tinbidel b'mod rapidu;

E.  billi l-Kummissjoni varat aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja bil-għan li jiġu ssostni l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-edukazzjoni għolja; billi l-pajjiżi l-oħrajn fl-EHEA jistgħu jiġu inklużi b'mod gradwali f'dan il-proċess permezz ta' konsultazzjonijiet u ta' skambji tal-aħjar prattika;

F.  billi t-tfittxija għal EHEA miftuħa u inklużiva bbażata fuq il-kwalità u l-fiduċja reċiproka hija l-bażi tal-Proċess tal-Bolonja;

G.  billi l-Proċess ta' Bolonja u l-EHEA jħaddnu 48 pajjiż, inklużi bosta ġirien u sħab importanti tal-UE; billi l-Proċess ta' Bolonja jsaħħaħ l-effikaċja tas-sħubijiet ma' pajjiżi mhux membri tal-UE fl-edukazzjoni għolja u jipprovdi inċentivi għal riforma fl-edukazzjoni u f'oqsma oħra fil-pajjiżi rispettivi;

H.  billi, b'kunsiderazzjoni tal-progress inkonsistenti fl-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja madwar l-EHEA u d-diffikultajiet iffaċċjati f'bosta każijiet fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali maqbula, iż-żieda u t-titjib fil-mobbiltà għall-istudenti flimkien mad-diplomi konġunti jikkostitwixxu ż-żewġ kisbiet ewlenin tal-Proċess ta' Bolonja s'issa;

I.  billi fl-2015 il-Belarussja ġiet aċċettata fl-EHEA bil-kundizzjoni li tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-Pjan Direzzjonali għar-Riforma tal-Edukazzjoni Għolja fil-Belarussja; billi l-awtoritajiet tal-Belarussja naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom sal-aħħar tal-2017 u għandhom jaraw li r-riformi tagħhom jinġiebu lura fi triqithom;

1.  Jappella lill-pajjiżi parteċipanti jsaħħu l-parteċipazzjoni politika tagħhom u jrawmu l-kooperazzjoni reċiproka fl-implimentazzjoni tal-għanijiet maqbula b'mod komuni madwar l-EHEA, kif ukoll biex jiżviluppaw, fejn meħtieġ, l-oqsfa leġiżlattivi xierqa sabiex jikkonsolidaw l-iżvilupp tagħha, isaħħu l-kredibbiltà tagħha u jagħmluha punt ta' riferiment għal eċċellenza akkademika madwar id-dinja, filwaqt li jsaħħu l-opportunitajiet għall-mobbiltà bil-għan li jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-akbar numru ta' studenti possibbli;

2.  Jappella lill-pajjiżi parteċipanti jiżguraw mekkaniżmi trasparenti, aċċessibbli u ġusti għall-allokazzjoni tal-għotjiet u tal-allowances għall-mobbiltà; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex iżidu l-baġits għall-edukazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li l-edukazzjoni għolja pubblika tkun bla ħlas u aċċessibbli għal kulħadd, bil-għan li jrawmu t-tagħlim tul il-ħajja;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi parteċipanti jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-perjodi ta' studju akkademiku u tal-krediti miksuba barra 'l pajjiż, kif ukoll il-kwalifiki għal finijiet akkademiċi u professjonali, u biex jiżviluppaw sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità; jinsisti li l-Unjoni, l-Istati Membri u l-universitajiet għandhom jistabbilixxu arranġamenti biex jagħtu appoġġ finanzjarju u amministrattiv lill-istudenti, lill-akkademiċi u lill-persunal minn sfondi żvantaġġjati permezz ta' finanzjament adegwat, inkluż biex jipparteċipaw fi skemi ta' mobbiltà, kif ukoll li jiftħu l-aċċess għall-edukazzjoni għolja billi jwessgħu l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja fil-livell akkademiku, biex iħeġġu forom kumplementari ta' tagħlim bħall-edukazzjoni mhux formali u informali u jistabbilixxu mogħdijiet ta' tagħlim aktar miftuħa billi jneħħu l-ostakoli eżistenti bejn il-livelli ta' edukazzjoni differenti;

4.  Jistieden lill-partijiet interessati u lill-istituzzjonijiet rilevanti biex isibu soluzzjoni għall-problema ta' ċikli qosra fejn eżami ta' kwalifika għad-dħul fl-università hu meħtieġ għall-aċċess u l-ammissjoni għal programm ta' lawrija għall-Baċellerat;

5.  Jappella lill-pajjiżi tal-EHEA biex irawmu mobbiltà aktar inklużiva tal-istudenti, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-persunal amministrattiv, peress li l-mobbiltà tikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom kif ukoll biex tittejjeb il-kwalità tal-fehim, tat-tagħlim, tar-riċerka u l-amministrazzjoni; jirrakkomanda li l-mobbiltà tiġi inkluża fil-programmi edukattivi u biex jittejjeb it-tagħlim tal-lingwi barranin; jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu finanzjament pubbliku xieraq u jagħmlu użu aktar effikaċi minn dan il-finanzjament biex jiżguraw li l-istudenti u r-riċerkaturi jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jistudjaw barra l-pajjiż, kif ukoll biex l-isfond soċjali u ekonomiku tagħhom ma jostakolahomx;

6.  Jenfasizza li t-tixrid tal-għarfien, ir-riċerka u x-xjenza madwar il-pajjiżi tal-EHEA jifforma parti ewlenija mill-istrateġija tal-UE wara l-2020 u jikkontribwixxi bil-qawwa għat-trawwim taċ-ċittadinanza Ewropea;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Konferenza Ministerjali ta' Yerevan tal-2015 rigward il-kwalità tat-tagħlim u l-fehim u t-trawwim tal-impjegabbiltà tal-gradwati matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

8.  Jisħaq fuq l-importanza li tittejjeb id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja; jappella lill-pajjiżi tal-EHEA biex jimplimentaw b'effikaċja l-istrateġija dwar id-dimensjoni soċjali u jipprovdu opportunitajiet konkreti biex l-istudenti b'diżabbiltà u dawk li jiġu minn sfondi żvantaġġjati jkollhom aċċess għall-edukazzjoni għolja u jkunu jistgħu jikkompletawha;

9.  Jappella lill-pajjiżi tal-EHEA biex jiżguraw li l-konsultazzjonijiet u l-valutazzjonijiet kritiċi tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja tagħhom jitwettqu fil-livell internazzjonali, u biex jaħdmu favur approċċ ikkoordinat aħjar biex jimplimentaw ir-riformi maqbula b'mod komuni sabiex jilħqu l-għanijiet tal-Proċess ta' Bolonja, kif ukoll jaħdmu favur ir-rikonoxximent effikaċi tal-edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim informali biex isaħħu l-impjegabbiltà u l-parteċipazzjoni ċivika tal-istudenti;

10.  Jissottolinja l-bżonn ta' aċċess akbar għall-gruppi sottorappreżentati, partikolarment bl-istabbiliment ta' objettivi kwantitativi ddefiniti fir-rigward tar-rati ta' aċċess u ta' tlestija; jisħaq fuq l-importanza ta' garanzija u l-promozzjoni tal-aċċess għar-rifuġjati u għal dawk li jfittxu l-asil għall-istituzzjonijiet kollha tal-EHEA, u jfakkar li l-attrazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa tinsab ukoll fil-ħila tagħha li tkopri l-istudenti mingħajr l-ebda diskriminazzjoni;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonotorja l-għanijiet tad-dimensjoni soċjali tal-Proċess ta' Bolonja, kif ukoll għanijiet oħrajn ta' inklużività usa';

12.  Jappella biex il-Konferenza Ministerjali li ser issir aktar tard din is-sena f'Pariġi tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-għan stipulat matul l-aħħar Konferenza Ministerjali (Yerevan, Mejju 2015) li jiġi kkompletat l-istabbiliment tal-EHEA;

13.  Jitlob li l-Konferenza Ministerjali tal-EHEA għall-2018 f'Pariġi tipprovdi valutazzjoni kritika tal-Proċess ta' Bolonja bil-għan li (a) jiġu identifikati l-ostakoli li fadal, u s-soluzzjonijiet possibbli u tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-impenji, (b) jiġu appoġġjati pajjiżi li waqgħu lura fl-implimentazzjoni tal-impenji ewlenin tal-Proċess ta' Bolonja permezz ta' titjib fil-bini tal-kapaċitajietà, u bl-iżvilupp ta' mekkaniżmi u proċeduri speċifiċi biex jindirizzaw każijiet ta' nuqqas ta' konformità, u (ċ) jiġu esplorati għanijiet ġodda għall-EHEA wara l-2020 u jiġi msaħħaħ id-djalogu fost il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-istituti ta' riċerka, biex b'hekk jingħata kontribut għall-bini ta' EHEA aktar integrata, ta' kwalità għolja, inklużiva, attraenti u kompetittiva;

14.  Jappella lill-pajjiżi tal-EHEA biex iżommu lill-Belarussja fuq l-aġenda tal-EHEA; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi riżorsi għall operazzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjoni għar-Riforma tal-Edukazzjoni Għolja fil-Belarussja;

15.  Jappella lis-Segretarjat tal-Grupp ta' Segwitu ta' Bolonja biex jimmonitorja r-rapporti li l-istess linji gwida ġew implimentati b'mod differenti f'pajjiżi EHEA differenti u li l-isfondi u l-livelli ta' riżorsi differenti wasslu għal differenzi sinifikanti fost l-istituzzjonijiet tal-EHEA;

16.  Jissottolinja l-importanza li jissaħħu u jinħolqu opportunitajiet għal dibattitu soċjali dwar is-settur tal-edukazzjoni għolja u dwar l-isfidi ffaċċjati mill-partijiet intressati; jenfasizza dwar l-importanza tat-trawwim tal-parteċipazzjoni tal-istudenti, riċerkaturi, għalliema u persunal mhux akkademiku fil-governanza tal-edukazzjoni għolja;

17.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiżdied il-finanzjament pubbliku fl-edukazzjoni u li tiġi rispettata l-mira tal-UE ta' 3 % tal-PDG tal-Unjoni fir-riċerka u l-iżvilupp sal-2020;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 24.
(2) ĠU C 28, 31.1.2014, p. 2.
(3) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 36.
(4) ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.
(5) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 2.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali