Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2216(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0135/2018

Testi mressqa :

A8-0135/2018

Dibattiti :

PV 02/05/2018 - 23
CRE 02/05/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2018 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0196

Testi adottati
PDF 488kWORD 69k
Il-Ħamis, 3 ta' Mejju 2018 - Brussell Verżjoni finali
Rapport annwali 2016 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi
P8_TA(2018)0196A8-0135/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar ir-Rapport Annwali 2016 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi (2017/2216(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi: Rapport Annwali 2016" (COM(2017)0383) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2017)0266, SWD(2017)0267, SWD(2017)0268, SWD(2017)0269 u SWD(2017)0270),

–  wara li kkunsidra r-rapport 2016 tal-OLAF u r-Rapport tal-Attività 2016 tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999(2) u l-analiżi tal-Kummissjoni ta' nofs it-terminu tat-2 ta' Ottubru 2017 ta’ dak ir-regolament (COM(2017)0589 u SWD(2017)0332),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(3) (id-‘Direttiva PIF’),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2015 dwar id-Diskrepanza tal-VAT ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea u dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT (COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-105/14, Taricco et al(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0135/2018),

A.  billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom responsabbiltà kondiviża għall-implimentazzjoni ta' 74 % tal-baġit tal-Unjoni għall-2016; billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-ġbir tar-riżorsi proprji, partikolarment fil-forma tal-VAT u d-dazji doganali;

B.  billi n-nefqa pubblika bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għandhom ikunu elementi ewlenin tal-politika tal-UE intiżi biex isaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini billi jiżguraw li flushom jintużaw b'mod korrett u effikaċi;

C.  billi l-kisba ta' prestazzjoni tajba permezz ta' proċessi ta' semplifikazzjoni tinvolvi l-valutazzjoni regolari tal-inputs, l-outputs, l-eżiti/ir-riżultati u l-impatti permezz ta' awditi tal-prestazzjoni;

D.  billi d-diversità li teżisti fis-sistemi ġuridiċi u amministrattivi fl-Istati Membri jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod adegwat sabiex jingħelbu l-irregolaritajiet u jiġu miġġielda l-frodi; billi l-Kummissjoni, għaldaqstant, għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ġlieda kontra l-frodi tiġi implimentata b'mod effikaċi u tipproduċi riżultati aktar tanġibbli u aktar sodisfaċenti;

E.  billi l-Artikolu 325(2) tat-TFUE jgħid li l-Istati Membri "għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess";

F.  billi l-fluttwazzjoni fl-għadd ta' irregolaritajiet tista' tkun marbuta mal-progressjoni taċ-ċikli ta' programmazzjoni pluriennali (b'livelli ogħla ta' individwazzjoni fi tmiem iċ-ċikli minħabba l-għeluq tal-programmi) kif ukoll ma' rapportar tard minn ċerti Stati Membri li għandhom it-tendenza jirrapportaw il-biċċa l-kbira tal-irregolaritajiet tal-programmi pluriennali preċedenti f'daqqa;

G.  billi l-VAT hija sors ta' dħul importanti u dejjem akbar għall-Istati Membri, u rendiet madwar EUR 1 035,3 biljun fl-2015, filwaqt li kkontribwiet EUR 18,3 biljun għar-riżorsi proprji tal-UE, li jiġu 13,9 % tad-dħul totali tal-UE, fl-istess sena;

H.  billi s-sistemi tal-VAT, b'mod partikolari kif applikati għat-tranżazzjonijiet transfruntiera, huma vulnerabbli għal strateġiji ta' frodi u ta' evażjoni tat-taxxa, fejn il-frodi MTIC (Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes, magħrufa bħala frodi karusell) waħedha kienet responsabbli għal telf ta' madwar EUR 50 biljun mid-dħul tal-VAT fl-2015;

I.  billi l-korruzzjoni taffettwa lill-Istati Membri kollha, partikolarment fl-għamla ta' kriminalità organizzata u mhux biss tqiegħed piż fuq l-ekonomija tal-UE, iżda ddgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ewropa kollha; billi ċ-ċifri eżatti, madankollu, mhumiex magħrufa, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tippubblikax id-data fir-rapport dwar il-politika tal-UE kontra l-korruzzjoni;

J.  billi l-frodi hija eżempju ta' għemil ħażin intenzjonat u tikkostitwixxi reat, filwat li "irregolarità" tfisser nuqqas ta' konformità mar-regoli;

K.  billi d-diskrepanza tal-VAT ammontat għal madwar EUR 151,5 biljun fl-2015 u tvarja minn inqas minn 3,5 % għal aktar minn 37,2 % skont il-pajjiż ikkonċernat;

L.  billi sakemm jinħoloq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u sakemm issir ir-riforma tal-Eurojust, l-OLAF huwa l-uniku korp Ewropew speċjalizzat fil-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni; billi f'diversi Stati Membri, anki wara l-istabbiliment tal-UPPE, l-OLAF se jibqa' l-uniku korp li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Individwazzjoni u rapportar ta' irregolaritajiet

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati fl-2016 (19 080 każ) naqas bi 15 % meta mqabbel mal-2015 (22 349 każ) u li l-valur tagħhom naqas bi 8 % (minn EUR 3,21 biljun fl-2015 għal EUR 2,97 biljun fl-2016);

2.  Jinnota t-tnaqqis ċkejken ta' 3,5 % fl-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti, li jikkonferma t-tendenza ta' tnaqqis li bdiet fl-2014; jittama li t-tnaqqis tal-ammonti inkwistjoni, li naqsu minn EUR 637,6 miljun fl-2015 għal EUR 391 miljun fl-2016, jirrifletti tnaqqis reali tal-frodi u mhux nuqqasijiet fl-individwazzjoni tagħhom;

3.  Jirrimarka li mhux l-irregolaritajiet kollha huma frawdolenti u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-iżbalji li saru;

4.  Huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-individwazzjoni tal-frodi mhijiex effikaċi biżżejjed; iħeġġeġ, għaldaqstant, li jittieħdu sett ta' miżuri biex jiżguraw aktar kooperazzjoni aktar mill-qrib, aktar effikaċi u aktar effiċjenti;

5.  Jiddeplora l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha adottaw strateġiji nazzjonali kontra l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv biex tgħin lill-Istati Membri joħolqu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom kontra l-frodi, partikolarment minħabba li jamministraw madwar 74 % tal-baġit tal-UE;

6.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema uniformi għall-ġbir ta' data komparabbli dwar irregolaritajiet u każijiet ta' frodi mill-Istati Membri sabiex tistandardizza l-proċess ta' rapportar u tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-differenzi persistenti bejn l-Istati Membri rigward il-proċess ta' rapportar, li jistgħu jagħtu lok għal perċezzjoni żbaljata tal-effikaċja tal-kontrolli; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha biex tgħin lill-Istati Membri jżidu l-livell u l-kwalità tal-ispezzjonijiet u jikkondividu bejniethom l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-frodi;

Id-Direttiva PIF u r-Regolament UPPE(8)

8.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva PIF, li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet fil-qasam ta' frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li tinkludi frodi tal-VAT transfruntieri li jinvolvu danni totali ta' mill-inqas EUR 10 miljun; ifakkar, madankollu, li dan il-livell minimu se jkun soġġett għal valutazzjoni tal-Kummissjoni sas-6 ta' Lulju 2022; jilqa' l-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva PIF jinkludi l-frodi tal-VAT, li hija partikolarment importanti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi transfruntiera tal-VAT; iqis id-Direttiva bħala l-ewwel pass lejn l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali Ewropea; jinnota li d-Direttiva tipprevedi definizzjoni ta' korruzzjoni u tiddefinixxi t-tipi ta' mġiba frawdolenti li għandha titqies bħala reat;

9.  Jilqa' d-deċiżjoni ta' 20 Stat Membru li jissoktaw bit-twaqqif tal-UPPE permezz ta' kooperazzjoni msaħħa; jappella għal kooperazzjoni effikaċi bejn l-OLAF u l-UPPE, ibbażata fuq il-komplementarjetà, u li jiġi evitat li jkun hemm strutturi doppji, kunflitti ta' kompetenzi u lakuni legali li jinqalgħu minħabba nuqqas ta' kompetenzi; jiddispjaċih, madankollu, li mhux l-Istati Membri kollha tal-Unjoni xtaqu jipparteċipaw f'din l-inizjattiva u jenfasizza l-importanza li jinżammu rati ta' effiċjenza ekwivalenti fl-Istati Membri kollha fejn tidħol l-individwazzjoni tal-frodi; jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva lill-Istati Membri li s'issa sabuha bi tqila li jkunu parti mill-UPPE;

10.  Jistieden lill-Istati Membri parteċipanti u lill-Kummissjoni jibdew il-ħidma preparatorja biex l-UPPE jibda jaħdem mill-aktar fis possibbli u biex iżommu lill-Parlament assoċjat mill-qrib mal-proċeduri, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ħatra tal-Kap Prosekutur; jistieden lill-Kummissjoni taħtar id-Direttur Amministrattiv ad interim tal-UPPE mill-aktar fis possibbli f'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-UPPE; jinsisti li għandhom jiġu allokati persunal u riżorsi suffiċjenti lill-UPPE anki qabel it-tnedija uffiċjali tiegħu; itenni li l-UPPE jeħtieġlu jkun indipendenti;

11.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni effettiva fost l-Istati Membri, l-UPPE, l-OLAF u l-Eurojust; ifakkar fin-negozjati pendenti dwar ir-Regolament dwar il-Eurojust; jissottolinja li jeħtieġ li l-kompetenzi rispettivi tal-Eurojust, tal-OLAF u tal-UPPE jiġu definiti b'mod ċar; jissottolinja li sabiex il-ġlieda kontra l-frodi tkun tassew effikaċi fil-livell tal-UE, jeħtieġ li l-UPPE, il-Eurojust u l-OLAF jaħdmu flimkien mingħajr xkiel kemm f'termini ta' politika kif ukoll f'termini operattivi sabiex jevitaw kwalunkwe duplikazzjoni possibbli fil-kompiti; itenni, f'dan ir-rigward, li l-arranġamenti ta' ħidma bejn dawn it-tliet korpi għandhom jitfasslu u jiġu adottati mill-aktar fis possibbli f'konformità mal-Artikoli 99 sa 101 tar-Regolament tal-UPPE, jinsisti li l-UPPE għandu jkollu s-setgħa li jsolvi l-kunflitti ta' kompetenza f'każijiet rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu;

Dħul ‒ riżorsi proprji

12.  Jinsab imħasseb dwar it-telf dovut għad-diskrepanza tal-VAT u l-frodi tal-VAT tal-UE, li fl-2015 ammonta għal EUR 159,5 biljun;

13.  Jilqa' l-adozzjoni tal-miżuri fuq terminu qasir għall-ġlieda kontra t-telf mill-VAT imsemmi fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni intitolat "Lejn żona unika tal-VAT fl-UE", ippubblikat fis-7 ta' April 2016; jenfasizza li l-problemi relatati mal-frodi transfruntiera tal-VAT jesiġu miżuri b'saħħithom, koordinati u rapidi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri tagħha sabiex tippreżenta l-proposti tagħha għal sistema definittiva tal-VAT kif previst fil-pjan ta' azzjoni, sabiex jiġi evitat it-telf tad-dħul mit-taxxa fl-UE u fl-Istati Membri;

14.  Jiddispjaċih li, għalkemm l-għadd totali ta' każijiet frawdolenti u mhux frawdolenti relatati mar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) naqas minn 5 514 fl-2015 għal 4 647 fl-2016, l-ammont totali kkonċernat żdied minn EUR 445 miljun għal EUR 537 miljun u huwa 13 % ogħla mill-medja għas-snin 2012-2016;

15.  Jinnota bi tħassib kbir li l-kuntrabandu tat-tabakk lejn l-UE sar aktar intensiv f'dawn l-aħħar snin u, skont l-istimi, jirrappreżenta telf annwali ta' EUR 10 biljun fi dħul pubbliku għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri u fl-istess ħin huwa sors ewlieni tal-kriminalità organizzata, inkluż it-terroriżmu; iqis li huwa meħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra dawn l-attivitajiet illegali, pereżempju billi jtejbu l-proċeduri għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri;

16.  Jinnota r-riżultati tat-12-il operazzjoni konġunta tad-dwana mwettqa mill-OLAF u l-Istati Membri f'kooperazzjoni ma' diversi servizzi ta' pajjiżi terzi u d-WCO, li partikolarment wasslu għall-qbid ta' 11-il miljun sigarett, 287 000 sigarru, 250 tunnellata prodotti oħrajn tat-tabakk, 8 tunnellati kannabis u 400 kg kokaina;

17.  Jinnota li l-kontrolli doganali mwettqa fil-ħin tal-iżdoganar tal-merkanzija u l-ispezzjonijiet mis-servizzi ta' kontra l-frodi kienu l-aktar metodi li kellhom suċċess fl-individwazzjoni ta' każijiet frawdolenti fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE;

18.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-kontrolli doganali u l-ġbir relatat tad-dazji doganali, li jikkostitwixxu riżorsa proprja għall-baġit tal-UE; ifakkar li huwa l-kompitu tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jwettqu ispezzjonijiet biex jivverifikaw jekk l-importaturi humiex konformi mar-regoli dwar it-tariffi u l-importazzjonijiet;

19.  Jiddeplora d-differenzi fil-kontrolli tad-dwana mwettqa fi ħdan l-UE, u l-ammonti kbar involuti fi frodi li jaffettwaw is-sistema ta' ġbir tar-riżorsi proprji; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-politika komuni dwar il-kontrolli doganali billi tipprevedi armonizzazzjoni ġenwina bil-għan li jitjieb il-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali u tiżgura s-sigurtà u l-interessi ekonomiċi tal-UE, filwaqt li tiffoka b'mod partikolari fuq l-isforzi fil-ġlieda kontra l-kummerċ fi prodotti illeċiti u kontrafatti;

20.  Jiddeplora l-fatt li bejn l-2013 u l-2016 l-importazzjonijiet ta' ħwejjeġ u żraben miċ-Ċina kienu sottovalutati meta ddaħħlu f'diversi pajjiżi fl-Ewropa, u b'mod partikolari fir-Renju Unit;

21.  Jenfasizza li l-OLAF irrakkomanda li l-Kummissjoni tirkupra mill-Gvern tar-Renju Unit nuqqas ta' qligħ ta' EUR 1,987 biljun, ammont li normalment kellu jmur għall-baġit tal-Unjoni;

22.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni mhijiex kapaċi tikkalkula l-ammont totali ta' rkupri li rriżultaw mir-rakkomandazzjonijiet għall-irkupru tal-OLAF; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta ta' kull sena l-ammont ta' riżorsi proprji tal-UE rkuprati wara rakkomandazzjonijiet magħmula mill-OLAF, tintroduċi sistema li tippermetti l-kalkolu tas-somom globali, tikkomunika l-ammonti li għad iridu jiġu rkuprati u li tippubblika dettalji tal-kooperazzjoni mar-rakkomandazzjoni u l-ammonti effettivament irkuprati fir-rapporti annwali tal-OLAF;

23.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi data annwali dwar id-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u mid-dwana u d-dħul li fil-fatt jinġabar;

Nefqa

24.  Jiddeplora l-fatt li l-irregolaritajiet mhux frawdolenti li jidħlu fin-nefqa diretta żdiedu b'16 % meta mqabbla mas-sena preċedenti, għall-kuntrarju ta' setturi oħra tal-baġit, li rreġistraw tnaqqis f'dan ir-rigward;

25.  Jiddispjaċih li din hija r-raba' sena li fiha l-irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti fl-ambitu tal-ġestjoni diretta żdiedu kemm fl-għadd (16-il każ fl-2015 u 49 każ fl-2016) kif ukoll fil-valur (EUR 0,78 miljun fl-2015 u EUR 6,25 miljun fl-2016); jistieden lill-Kummissjoni biex sal-aħħar tal-2018 tippreżenta pjan speċifiku biex jitnaqqsu l-frodi f'dan il-qasam;

26.  Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għalkemm naqsu minn 3 250 każ fl-2015 għal 2 676 każ fl-2016, għadu d-doppju ta' li kien fl-2012, iżda jixtieq jenfasizza li l-ammonti kkonċernati fl-2016 huma biss 8 % ogħla mill-2012; jinnota wkoll li, minkejja li bejn l-2015 u l-2016 l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti fl-ambitu ta' dan il-fond naqas b'16 %, l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti żdied bi 17 %, iżda madankollu, jinnota b'sodisfazzjon li l-ammonti finanzjarji involuti f'irregolaritajiet frawdolenti naqas b'aktar minn 50 %; jinnota wkoll li l-irregolaritajiet frawdolenti fil-FAEŻR matul dawn l-aħħar ħames snin jirrappreżentaw madwar 0,5 % tal-pagamenti;

27.  Jinnota li t-8 497 irregolarità frawdolenti u mhux frawdolenti marbuta mal-politika ta' koeżjoni u mas-sajd fl-2016 jirrappreżentaw tnaqqis ta' 22 % meta mqabbla mal-2015, iżda xorta waħda kienu 25 % aktar mill-medja tal-aħħar ħames snin; jinnota wkoll li l-ammonti finanzjarji milquta minn irregolaritajiet kienu 5 % inqas minn dawk fl-2015; jieħu nota tal-fatt li għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, 0,42 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn ġew affettwati minn frodi u 2,08 % minn irregolaritajiet mhux frawdolenti;

28.  Jilqa' l-fatt li l-ammonti finanzjarji marbuta mal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti fil-politiki tal-koeżjoni u tas-sajd naqsu bi kważi 50 %, minn EUR 469 miljun fl-2015 għal EUR 235 miljun fl-2016;

29.  Jinnota b'diżappunt li l-ammonti finanzjarji relatati ma' irregolaritajiet tal-fond ta' koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 baqgħu jikbru (minn EUR 277 miljun fl-2015 għal EUR 480 miljun fl-2016), meta mqabbel ma' fondi oħra (FEŻR, FSE u FES), li fihom it-tendenza hija waħda ta' stabbilizzazzjoni jew saħansitra tnaqqis;

30.  Jinsab sorpriż li għal kważi terz tal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti fil-politika ta' koeżjoni fl-2016, ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-qasam ta' prijorità kkonċernat, peress li dan in-nuqqas ta' informazzjoni jgħawweġ it-tqabbil mas-snin preċedenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrimedjaw din is-sitwazzjoni;

31.  Jesprimi tħassib fir-rigward tal-kontrolli relatati mal-istrumenti finanzjarji ġestiti minn intermedjarji u d-dgħufijiet li nkixfu fil-verifika tal-uffiċċji reġistrati tal-benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li l-iżborż ta' self dirett u indirett ikun soġġett għall-pubblikazzjoni tad-data fiskali u tal-kontabilità pajjiż b'pajjiż, u għad-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar is-sjieda effettiva tas-suġġetti benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet finanzjarji;

32.  Jistenna li s-semplifikazzjoni tar-regoli amministrattivi mixtieqa fid-dispożizzjonijiet komuni li jkopru l-perjodu 2014-2020 tippermetti li jitnaqqas l-għadd ta' irregolaritajiet mhux frawdolenti, li jiġu individwati każijiet frawdolenti u li jittejjeb l-aċċess għall-fondi tal-Unjoni għall-benefiċjarji;

33.  Jinnota t-tkomplija tax-xejra ta' tnaqqis fl-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati li jikkonċernaw l-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), li huwa dovut għat-tneħħija gradwali tal-programmi ta' qabel l-adeżjoni; jinnota, madankollu, li t-Turkija għadha l-pajjiż bl-ogħla għadd ta' irregolaritajiet (kemm frawdolenti kif ukoll mhux frawdolenti), li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-każijiet irrappurtati;

34.  Jistenna b'interess ir-riżultati miksuba mis-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) applikata mill-Kummissjoni mill-1 ta' Jannar 2016;

35.  Jappella għal kooperazzjoni aktar stretta bejn l-Istati Membri fl-iskambju tal-informazzjoni; jirrimarka li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li l-involviment tagħha f'attivitajiet transfruntiera u f'setturi li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE, bħalma huma l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni tal-flus, qed jikber b'mod kostanti; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jużaw mezzi effikaċi biex jiġġieldu l-internazzjonalizzazzjoni dejjem tikber tal-frodi u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standards komuni għal miżuri biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi;

Akkwist pubbliku

36.  Ifakkar li l-akkwist pubbliku kien wieħed mis-sorsi prinċipali ta' żbalji fl-aħħar perjodu ta' programmazzjoni u jinnota li l-livell ta' irregolaritajiet minħabba nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku għadu għoli; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex telabora bażi ta' data tal-irregolaritajiet li tkun tista' tkun ta' sies għal analiżi siewja b'mod komprensiv tal-frekwenza, tal-gravità u tal-kawżi ta' żbalji fl-akkwist pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membru jiżviluppaw u janalizzaw il-bażi ta' data għall-irregolaritajiet tagħhom stess, fosthom dawk li jsiru fl-akkwist pubbliku u biex jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jipprovdu tali data f'mod u fi żmien li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-aktar fis possibbli;

37.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri josservaw id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonalitajiet ex ante fil-politika ta' koeżjoni, partikolarment fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fl-oqsma enfasizzati fir-rapport annwali tal-Kummissjoni, b'mod partikolari rigward l-akkwist pubbliku, il-kriminalità finanzjarja, il-kunflitti ta' interess, il-korruzzjoni, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u d-definizzjoni ta' frodi;

Problemi identifikati u miżuri meħtieġa

Kontrolli aħjar

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri aktar stretti kontra l-irregolaritajiet frawdolenti; jemmen li l-irregolaritajiet li mhumiex frawdolenti jridu jiġu eliminati permezz ta' miżuri amministrattivi u partikolarment billi jiġu introdotti ħtiġijiet aktar trasparenti u aktar sempliċi;

39.  Jenfasizza li sistema li tippermetti li l-awtoritajiet jiskambjaw l-informazzjoni tiffaċilita l-kontroverifika tar-rekords kontabilistiċi għal tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar sabiex tiġi evitata l-frodi transfruntiera fir-rigward tal-fondi strutturali u ta' investiment, biex b'hekk jiġi żgurat approċċ trasversali u komprensiv għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar assistenza amministrattiva reċiproka f'dawk l-oqsma ta' finanzjament Ewropew fejn m'hemmx dispożizzjoni għal tali prattika;

40.  Jappoġġa l-programm Hercule III, li huwa eżempju tajjeb tal-approċċ "l-aħjar użu minn kull euro"; jenfasizza l-importanza ta' dan il-programm u l-kontribut tiegħu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali biex jissorveljaw il-kriminalità transfruntiera u jevitaw li merkanzija ffalsifikata u b'kuntrabandu tasal fl-Istati Membri;

41.  Jilqa' l-evalwazzjoni indipendenti ta' nofs it-terminu tal-programm Hercule III, li ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-11 ta' Jannar 2018;

42.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-frodi relatata mal-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi karusell; jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li tippermetti l-applikazzjoni ta' mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat (GRCM) mill-Istati Membri f'ċerti kundizzjonijiet stretti; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal pakkett ta' semplifikazzjoni tal-VAT u għat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità għall-SMEs sabiex toħloq ambjent li jwassal għat-tkabbir tal-SMEs u li jkun favorevoli għall-kummerċ transfruntier; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi soluzzjoni komprensiva, fit-tul u għall-UE kollha għall-problema tal-frodi tal-VAT; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha ta' attività tal-EUROFISC sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u jikkoordinaw il-politiki u jgħinu fil-ġlieda kontra dan it-tip ta' frodi li hu ta' ħsara għall-baġits tal-UE u dawk nazzjonali;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport pubbliku annwali dwar l-użu tal-fondi tal-UE u dwar it-trasferimenti monetarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) lejn strutturi offshore, inkluż l-għadd u n-natura tal-proġetti mblukkati, kummenti ta' spjegazzjoni dwar ir-raġunament wara l-imblukkar tal-proġetti u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jkunux qed jgħinu direttament jew indirettament biex issir ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE;

44.  Jinnota li trasparenza sħiħa fil-kontabilità għall-infiq hija essenzjali, speċjalment fir-rigward ta' xogħlijiet ta' infrastruttura ffinanzjati direttament permezz tal-fondi jew l-istrumenti finanzjarji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess sħiħ għal informazzjoni dwar proġetti ta' kofinanzjament;

Prevenzjoni

45.  Iqis li l-attivitajiet ta' prevenzjoni huma importanti ħafna sabiex jitnaqqas il-livell ta' frodi fl-infiq tal-fondi tal-UE;

46.  Jilqa' l-attivitajiet ta' prevenzjoni tal-Kummissjoni u tal-OLAF u jappella għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) u tas-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) u għat-tlestija tal-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli s-semplifikazzjoni tar-regolament finanzjarju u tar-regoli amministrattivi l-oħrajn kollha; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa iċ-ċarezza u l-valur miżjud tad-direzzjonijiet ta' finanzjament tal-programmi operazzjonali tal-Istati Membri;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal qafas għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi kollha fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE (is-sejħiet għal proposti, l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni, il-pagamenti) li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha;

49.  Iqis li t-trasparenza hija għodda importanti fil-ġlieda kontra l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni telabora qafas biex jintuża mill-Istati Membri biex jagħmlu pubbliċi l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-fondi Ewropej, inklużi l-pagamenti;

Informaturi ta' irregolaritajiet

50.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-informaturi ta' irregolaritajiet fil-prevenzjoni, l-individwazzjoni u r-rappurtar tal-frodi u jinsisti dwar il-ħtieġa li jkunu protetti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw livell minimu ta' protezzjoni għall-informaturi ta' irregolaritajiet fl-UE;

51.  Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 u tal-24 ta' Ottubru 2017(9) dwar il-protezzjoni tal-informaturi, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw b'ħeffa r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fihom;

52.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq b'urġenza proposta leġiżlattiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet sabiex partikolarment tiġi evitata u miġġielda b'mod effikaċi l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

53.  Jieħu nota tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa li saret mill-Kummissjoni bejn Marzu u Mejju 2017 biex tiġbor il-fehmiet dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livelli nazzjonali u tal-UE; jistenna l-inizjattiva ppjanata mill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi fl-UE fix-xhur li ġejjin; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

54.  Iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' informazzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe azzjoni diskriminatorji jew theddida;

Ġlieda kontra l-korruzzjoni

55.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma għadhiex tħoss il-ħtieġa li tippubblika r-rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni, ħaġa li xekklet il-valutazzjoni tal-kobor tal-korruzzjoni; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(10), li fiha nnota li l-Kummissjoni se tkompli bil-monitoraġġ kontra l-korruzzjoni permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew; huwa tal-fehma li f'dan il-proċess il-miżuri kontra l-korruzzjoni jistgħu jkunu ddominati minn kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji oħra; u stieden lil-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju, billi tkompli bil-pubblikazzjoni tar-rapport u timpenja lilha nnifisha favur strateġija aktar kredibbli u aktar komprensiva kontra l-korruzzjoni; jirrimarka li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija kwistjoni ta' kooperazzjoni tal-pulizija u tal-ġustizzja, li hija qasam tal-politika fejn il-Parlament huwa koleġiżlatur u għandu setgħat ta' skrutinju sħaħ;

56.  Jenfasizza li l-korruzzjoni hija sfida enormi għall-UE u l-Istati Membri, u li, mingħajr miżuri effikaċi kontriha, il-korruzzjoni tfixkel il-prestazzjoni ekonomika tal-UE, l-istat tad-dritt u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet demokratiċi, kif ukoll il-fiduċja f'dawk l-istituzzjonijiet fi ħdan l-Unjoni; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(11), li speċifikament talbet it-twaqqif ta' rapport annwali dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (Rapport Ewropew dwar id-DRF) b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inkluż attenzjoni speċifika fuq il-korruzzjoni;

57.  Jiddispjaċih li d-direttiva l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku s'issa ma wasslet għall-ebda titjib notevoli fl-individwazzjoni tal-livell tal-korruzzjoni fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi strumenti effikaċi biex tittejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta' kuntrattar u ta' sottokuntrattar;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus , bl-introduzzjoni ta' reġistru pubbliku tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji u anke tat-trusts;

59.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema ta' indikaturi stretti u kriterji uniformi u faċilment applikabbli, abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma, biex tkejjel il-livell tal-korruzzjoni fl-Istati Membri u tevalwa l-politiki tagħhom kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indiċi ta' korruzzjoni b'mod li tikklassifika lill-Istati Membri; huwa tal-fehma li indiċi ta' korruzzjoni jista' jipprovdi bażi tajba li fuqha l-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta' kontroll speċifiku għall-pajjiżi individwali meta tkun qed tikkontrolla l-infiq tar-riżorsi tal-UE;

60.  Itenni li l-prevenzjoni għandha tinvolvi taħriġ u appoġġ kostanti għall-persunal responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi fl-awtoritajiet kompetenti kif ukoll skambji ta' informazzjoni u prattiki tajba fost l-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol deċiżiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet ikkonċernati fil-ġlieda kontra l-frodi;

61.  Ifakkar li l-Kummissjoni m'għandhiex aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri bil-għan li tipprevjeni u tiġġieled kontra l-Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes (MTIC), magħrufa bħala frodi karusell; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-Eurofisc, sabiex tkun tista' twettaq kontroll u valutazzjoni aħjar u ttejjeb l-iskambju ta' data fost l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-attività tal-Eurofisc sabiex jiġi ffaċilitat u jitħaffef l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jagħtu aċċess lill-Kummissjoni għal din id-data sabiex titrawwem il-kooperazzjoni, tissaħħaħ l-affidabilità tad-data u tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera;

Ġurnaliżmu investigattiv

62.  Huwa tal-fehma li l-ġurnaliżmu investigattiv jiżvolġi rwol fundamentali fil-promozzjoni tal-livell meħtieġ ta' trasparenza fl-UE u fl-Istati Membri u li għandu jitħeġġeġ u jiġi appoġġat b'mezzi ġuridiċi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-Unjoni;

Tabakk

63.  Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx il-Ftehim PMI, li skada fid-9 ta' Lulju 2016; ifakkar li fid-9 ta' Marzu 2016(12) huwa kien talab lill-Kummissjoni ma ġġeddidx, ma testendix jew ma tinnegozjax mill-ġdid il-Ftehim PMI lil hinn mid-data tal-iskadenza tiegħu; iqis li t-tliet ftehimiet l-oħra (BAT, JTI u ITL) għandhom jintemmu b'effett mill-20 ta' Mejju 2019; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport sa tmiem l-2018 li fih tikkonċerna l-fattibilità li dawn it-tliet ftehimiet jintemmu;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-livell tal-UE, timplimenta l-miżuri kollha meħtieġa biex tittraċċa u tirrintraċċċa l-prodotti tat-tabakk PMI, u tistitwixxi proċedimenti ġuridiċi kontra kwalunkwe qbid illegali ta' prodotti tat-tali manifattur sakemm id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk isiru infurzabbli bis-sħiħ, b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda lakuna regolatorja bejn l-iskadenza tal-Ftehim PMI u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-protokoll tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC);

65.  Japprezza s-sostenn tal-Kummissjoni għal ratifika rapida tal-Protokoll tad-WTO biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, li jirrappreżenta l-ewwel strument ġuridiku multilaterali li jindirizza b'mod kumplessiv u f'livell dinji l-problema tal-kuntrabandu tat-tabakk;

66.  Ifakkar li sal-lum 32 parti kontraenti, fosthom tmien Stati Membri tal-UE biss u l-Unjoni fl-intier tagħha, irratifikaw il-Protokoll tad-WHO biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk; iħeġġeġ lin-Norveġja u lill-għaxar Stati Membri (il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, in-Netherlands, ir-Renju Unit, is-Slovenja u l-Iżvezja) li ffirmaw iżda li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk biex jagħmlu dan;

67.  Jittama li jirċievi mill-aktar fis ir-rapport finali tal-Kummissjoni dwar il-qagħda wara l-komunikazzjoni tagħha tal-2013 bit-titolu "L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigarretti u forom oħra ta' kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk - Strateġija komprensiva tal-UE" (COM(2013)0324), imħabbar għall-2018;

68.  Jilqa' pożittivament il-fatt li mindu l-laboratorju tal-Unjoni inkarigat mill-kontroll tat-tabakk fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ta' Geel (fil-Belġju) sar operattiv f'April 2016, huwa jista' jiddetermina l-profil kimiku u l-karatteristiċi distintivi tat-tabakk ikkonfiskat u b'hekk jippermetti li ssir verifika tal-awtentiċità tiegħu;

Investigazzjonijiet u rwol tal-OLAF

69.  Jinnota li, s'issa, ir-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF kellhom implimentazzjoni limitata fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li tali sitwazzjoni hija intollerabbli u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fl-Istati Membri;

70.  Jiddeplora l-fatt li minkejja għadd numeruż ta' rakkomandazzjonijiet u investigazzjonijiet tal-OLAF, ir-rata tal-prosekuzzjoni hija biss 30 % fl-Istati Membri u l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' xi Stati Membri ma jqisux ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF dwar l-infiq ħażin tal-flus tal-UE bħala prijorità, u lanqas l-OLAF ma jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'mod xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF;

71.  Jiddeplora l-fatt li madwar 50 % tal-każijiet tal-OLAF jiġu rrifjutati mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-OLAF jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-ammissibilità tal-provi mressqa mill-OLAF; jistieden lill-OLAF itejjeb il-kwalità tar-rapporti finali tiegħu sabiex tiżdied l-utilità tagħhom lill-awtoritajiet nazzjonali;

72.  Jistieden lill-OLAF japplika approċċ aktar realistiku għar-rakkomandazzjonijiet ta' rkupru tiegħu u wkoll biex jirrapporta dwar l-ammonti effettivament irkuprati;

73.  Ifakkar li r-regolament dwar l-OLAF jagħti rwol importanti lid-Direttur Ġenerali fi proċeduri ta' lmenti rigward l-investigazzjonijiet; ifakkar li l-parteċipazzjoni diretta tad-Direttur Ġenerali fl-investigazzjonijiet tal-OLAF idgħajjef ir-rwol tiegħu u b'hekk lir-regolament;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 toħloq bilanċ xieraq tal-kompetenzi bejn l-UPPE u l-OLAF, issaħħaħ il-garanziji proċedurali, tikkjarifika u ssaħħaħ il-poteri investigattivi tal-OLAF u tistabbilixxi ċertu livell ta' trasparenza tar-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-OLAF, u li tiċċara r-regoli dwar il-kooperazzjoni u l-aċċess għal data bejn l-OLAF u l-Kumitat ta' Sorveljanza tiegħu;

o
o   o

75.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u lill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF.

(1) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.
(2) ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1
(3) ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
(4) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(5) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1
(6) Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2015, Taricco et al, C-105/14, ECLI:EU:C:2015:555.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0022.
(8) Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0402.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0491.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(12) Riżoluzzjoni tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-ftehim tat-tabakk (ftehim PMI) (ĠU C 50, tad-9.2.2018, p.35).

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2018Avviż legali