Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2651(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0220/2018

Testi mressqa :

B8-0220/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2018 - 7.7

Testi adottati :

P8_TA(2018)0197

Testi adottati
PDF 154kWORD 61k
Il-Ħamis, 3 ta' Mejju 2018 - Brussell Verżjoni finali
Pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4)
P8_TA(2018)0197B8-0220/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Mejju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' ikel u għalf li huma prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D055630–01 – 2018/2651(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' ikel u għalf li huma prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (KM-ØØØH71-4) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D055630-01),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tad-19 ta' Marzu 2018, li matulha ma ngħatat l-ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fis-26 ta' Ottubru 2017, u ppubblikata fis-16 ta' Novembru 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw l-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-12 ta' Novembru 2004, KWS SAAT AG u Monsanto Europe S.A. ressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf prodotti mill-pitrava zokkrija H7-1 ("pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1");

B.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/692/KE(5) awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkunu prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1; billi, qabel dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fil-5 ta' Diċembru 2006, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli, skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fl-14 ta' Diċembru 2006(6) ("EFSA 2006");

C.  billi fl-20 ta' Ottubru 2016, KWS SAAT SE u Monsanto Europe S.A./N.V. ressqu b'mod konġunt applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Deċiżjoni 2007/692/KE;

D.  billi fis-26 ta' Ottubru 2017, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fis-16 ta' Novembru 2017(7) ("EFSA 2017");

E.  billi l-ambitu tal-applikazzjoni għat-tiġdid jirrigwarda l-ikel u għalf prodotti mill-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1, jew ikel li jkun fih ingredjenti prodotti minnha, għall-importazzjoni u l-ipproċessar(8); billi eżempji ta' dawn il-prodotti jinkludu z-zokkor, il-ġulepp, il-polpa mnixxfa u l-melassa, li lkoll huma derivati mill-għerq tal-pitrava zokkrija; billi l-polpa u l-melassa jintużaw, fost oħrajn, bħala għalf(9);

F.  billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;

G.  billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur kemm għall-EFSA 2006(10) u għall-EFSA 2017(11), l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi; billi l-Istati Membri kkritikaw, fost affarijiet oħra, il-fatt li ma sar l-ebda test b'porzjonijiet ta' għeruq li ta' sikwit jitħalltu mal-melassa u mitmugħa bħala griebeb, li l-istudju ta' tliet ġimgħat dwar il-prestazzjoni tal-għalf fuq in-nagħaġ ma jistax jitqies bħala rappreżentattiv peress li mhuwiex ċar jekk ġewx evalwati l-parametri tossikoloġiċi rilevanti, li ma ntgħatat l-ebda evidenza xjentifika li ssostni l-affermazzjoni li "l-esponiment uman għall-proteina huwa negliġibbli", li fir-rigward tal-allerġeniċità, ma saru l-ebda testijiet esperimentali bl-organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM) innifsu, li l-istudji li saru bil-proteina iżolata mhumiex prova konvinċenti li mhumiex ta' ħsara, u li l-analiżi tal-kompożizzjoni ma għandhiex data dwar il-fosforu u l-manjeżju rakkomandati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi;

H.  billi l-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 tesprimi l-proteina CP4 EPSPS li tagħti tolleranza għall-glifosat; billi, bħala konsegwenza, huwa mistenni li l-pjanti tal-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 se jkunu esposti għal dożi ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat li mhux biss iwasslu għal kwantità akbar ta' residwi fil-ħsad iżda jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-kompożizzjoni tal-pjanti u l-karatteristiċi agronomiċi tagħhom;

I.  billi, peress li l-glifosat tipikament jinbexx fuq il-weraq tal-pjanti, huwa jista' jakkumula fl-għeruq minħabba t-trażlokazzjoni tul il-pjanta jew assorbiment mill-ħamrija; billi l-assorbiment tal-glifosat permezz tal-għeruq intwera f'bosta speċijiet ta' għelejjel, inkluż il-pitravi; billi din il-mogħdija ta' esponiment hija sinifikanti minħabba li l-għeruq huma l-kollettur prinċipali tal-glifosat fl-ilma tax-xeba'(12);

J.  billi informazzjoni dwar il-livelli ta' residwi ta' erbiċidi u l-metaboliti tagħhom, kif ukoll dwar id-distribuzzjoni tagħhom fil-pjanta sħiħa, hija essenzjali għal valutazzjoni tar-riskju bir-reqqa ta' pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida; billi skont il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM, il-livelli tar-residwu tal-glifosat ma jaqgħux taħt ir-responsabilità tiegħu; billi r-residwi tal-glifosat fil-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 u kwalunkwe tibdil possibbli fil-kompożizzjoni u l-karatteristiċi agronomiċi tagħha b'riżultat tal-esponiment għall-glifosat ma ġewx ivvalutati mill-EFSA;

K.  billi, b'mod ġenerali, skont il-bord tal-EFSA dwar il-pestiċidi, ma jistgħux isiru konklużjonijiet dwar is-sikurezza ta' residwi mill-bexx ta' għelejjel ġenetikament modifikati b'formazzjonijiet ta' glifosat(13); billi l-addittivi u t-taħlitiet tagħhom użati f'formulazzjonijiet kummerċjali tal-glisofat għall-bexx jistgħu juru tossiċità ogħla minn ingredjenti attivi waħedhom(14); billi l-Unjoni diġà neħħiet mis-suq addittiv magħruf bħala "POE tallowamine" minħabba tħassib dwar it-tossiċità tiegħu; billi addittivi u taħlitiet problematiċi jistgħu, madankollu, xorta waħda jiġu permessi f'pajjiżi fejn tiġi kkultivata l-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 (l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ġappun);

L.  billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku, filwaqt li, f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ikkonkludiet li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kklassifikat il-glifosat bħala probabbilment karċinoġeniku għall-bnedmin; billi l-Parlament stabbilixxa kumitat speċjali dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi, li se jgħin biex jiġi stabbilit jekk l-EFSA u l-ECHA rrispettawx l-istandards xjentifiċi internazzjonali rilevanti u jekk kienx hemm influwenza mhux dovuta mill-industrija fuq il-konklużjonijiet tal-aġenziji tal-Unjoni dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat;

M.  billi l-Istati Membri bħalissa mhumiex mitluba mill-Kummissjoni biex jivvalutaw ir-residwi tal-glifosat fil-pitrava zokkrija sabiex jiżguraw konformità mal-livelli massimi ta' residwu bħala parti mill-programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2018, l-2019 u l-2020, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/660(15); billi, bl-istess mod, ir-residwi tal-glisofat fil-pitrava zokkrija mhumiex se jiġu vvalutati mill-Istati Membri biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/555(16); billi għalhekk mhuwiex magħruf jekk ir-residwi tal-glifosat fil-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 importata humiex konformi mal-limiti massimi ta' residwi tal-Unjoni;

N.  billi l-EFSA kkonkludiet li bl-eċċezzjoni ta' wieħed, l-użi rappreżentattivi tal-glifosat għall-għelejjel konvenzjonali (jiġifieri għelejjel li mhumiex ġenetikament modifikati) jirrappreżentaw "riskju għall-vertebrati terrestri selvaġġi mhux fil-mira", filwaqt li identifikat ukoll riskju għoli fuq terminu twil għall-mammiferi għal uħud mill-użi ewlenin għall-għelejjel konvenzjonali(17); billi l-ECHA kklassifikat il-glifosat bħala tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b'mod li jħalli effetti dejjiema; billi l-impatti negattivi tal-użu tal-glifosat fuq il-bijodiversità u l-ambjent huma dokumentati b'mod wiesa'; billi, pereżempju, studju tal-Istati Uniti tal-2017 sab korrelazzjoni negattiva bejn l-użu tal-glifosat u l-abbundanza ta' friefet adulti tar-razza Monarch, partikolarment f'żoni fejn hemm konċentrazzjoni ta' agrikoltura(18);

O.  billi l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tal-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 għat-tqegħid fis-suq se tkompli toħloq domanda għat-tkabbir tagħha f'pajjiżi terzi; billi, kif imsemmi hawn fuq, dożi ogħla u ripetuti ta' erbiċida jintużaw għal pjanti ġenetikament modifikati li jittolleraw l-erbiċida (meta mqabbel ma' pjanti mhux ġenetikament modifikati), peress li dawn ġew iddisinjati speċifikament għal dan l-iskop;

P.  billi l-Unjoni hija firmatarja tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, li skontha l-partijiet għandhom jiżguraw li l-attivitajiet fi ħdan il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll tagħhom ma jikkawżawx dannu għall-ambjent ta' Stati oħra jew ta' żoni lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom(19); billi d-deċiżjoni dwar jekk tiġix imġedda l-awtorizzazzjoni għall-pitrava zokkrija ġenetikament modifikata H7-1 hija fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni;

Q.  billi l-iżvilupp ta' għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna fuq għelejjel ġenetikament modifikati; billi fl-2015 fuq livell globali kien hemm mill-inqas 29 speċi ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat(20);

R.  billi fid-19 ta' Marzu, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ivvota li ma jagħti l-ebda opinjoni;

S.  billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kellhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-rinviju tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-proċedura b'mod ġenerali, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi din il-prattika wkoll ġiet ikkundannata mill-President Juncker bħala mhijiex demokratika(21);

T.  billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari(22) l-proposta leġislattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

U.  billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tiddikjara li jenħtieġ li l-Kummissjoni, kemm jista' jkun, timxi b'tali mod li topponi kwalunkwe pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment meta dak l-att jikkonċerna kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(23), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sa ma tiġi riveduta l-proċedura ta' awtorizzazzjoni b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;

5.  Jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenji tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika billi tissospendi l-importazzjonijiet kollha ta' pjanti ġenetikament modifikati li huma tolleranti għall-glifosat;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza l-ebda pjanta ġenetikament modifikata tolleranti għall-erbiċida mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida, irrispettivament minn jekk il-pjanta ġenetikament modifikata tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għall-ikel u l-għalf;

8.  Itenni l-impenn tiegħu li jmexxi 'l quddiem il-ħidma dwar il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 sabiex jiżgura li, fost oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tal-OĠM, kemm jekk għall-kultivazzjoni kif ukoll għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fuq l-istess proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5065
(4)—————————————————————— - Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (ĠU C 399, 24.11.2017, p. 71).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 19).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikamenta MON 87708 × MON 89788 (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 17).Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikamenta FG72 (MST-FGØ72-2) (ĠU C 35, 31.1.2018, p. 15).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta minn dawk l-eventi (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 108).Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4)) (ĠU C 86, 6.3.2018, p. 111).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0388).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0389).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (Testi adottati, P8_TA(2016)0386).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (Testi adottati, P8_TA(2016)0387).Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (Testi adottati, P8_TA(2016)0390).Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122× MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0123).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0215).Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2017)0214).Riżoluzzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0341).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0377).Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0378).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0396).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0397).Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-kolza ġenetikament modifikata MON 88302 x Ms8 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8× ACS-BNØØ3-6), MON 88302 x Ms8 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8) u MON 88302 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACS-BNØØ3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0398).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 (DAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2018)0051).Riżoluzzjoni tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 89034 × NK603 (MON-87427-7 × MON-89Ø34-3 × MON-ØØ6Ø3-6) u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn mill-eventi MON 87427, MON 89034 u NK603 u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/420/UE (Testi adottati, P8_TA(2018)0052).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/692/KE tal-24 ta' Ottubru 2007 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf prodotti mill-pitravi ħelu ġenetikament modifikat H7-1 (KM-ØØØH71-4) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 283, 27.10.2007, p. 69).
(6) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/431
(7) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5065
(8) EFSA 2017, p. 3: http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5065
(9) EFSA 2006, p. 1 u p.  7: http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/431
(10) Anness G – kummenti tal-Istati Membri: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2004-164
(11) Anness E – kummenti tal-Istati Membri: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2017-00026
(12) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5606642/
(13) Konklużjoni tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva glifosat. Journal tal-EFSA 2015, 13 (11): 4302: http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.2903/j.efsa.2015.4302/epdf
(14) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC3955666
(15) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/660 tas-6 ta’ April 2017 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2018, l-2019 u l-2020 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 94, 7.4.2017, p. 12).
(16) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/555 tad-9 ta' April 2018 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2019, l-2020 u l-2021 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 92, 10.4.2018, p. 6).
(17) https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2015.4302
(18) https://onlinelibrary.wiley.com/doi/abs/10.1111/ecog.02719
(19) Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, l-Artikolu 3: https://www.cbd.int/convention/articles/default.shtml?a=cbd-03
(20) https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5606642/
(21) Pereżempju, fid-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).
(22) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 165.
(23) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Novembru 2018Avviż legali