Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2119(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0163/2018

Testi mressqa :

A8-0163/2018

Dibattiti :

PV 28/05/2018 - 24
CRE 28/05/2018 - 24

Votazzjonijiet :

PV 29/05/2018 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0210

Testi adottati
PDF 371kWORD 62k
It-Tlieta, 29 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur fis-settur tas-sajd tal-UE
P8_TA(2018)0210A8-0163/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur fis-settur tas-sajd tal-UE (2017/2119(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxu organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tas-sajd,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, b'mod partikolari l-Artikolu 35 tiegħu dwar l-għanijiet tal-organizzazzjoni tas-suq komuni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 13, 41 sa 44, 48, 63, 66, 68 u 70 sa 73 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) (2017-2020), li timmira għas-sostenibbiltà tas-swieq tal-ħut tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-istat tal-istokkijiet tal-ħut u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd fil-Mediterran(2),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għal "Sħubija strateġika mġedda u msaħħa mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea” ("A renewed and reinforced strategic partnership with the outermost regions of the European Union"), ippubblikata fl-24 ta' Ottubru 2017 (COM(2017)0623),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-traċċabbiltà ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd fir-Reġjuni Ultraperiferiċi(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0163/2018),

A.  billi s-settur tas-sajd tal-UE qed iħabbat wiċċu ma' sfidi dejjem aktar diffiċli u kumplessi; billi l-qagħda tar-riżorsi u ż-żieda fl-ispejjeż, b'mod partikolari l-varjazzjonijiet fil-prezz tal-fjuwil, jistgħu jolqtu d-dħul tas-sajjieda; billi, f'dan il-kuntest, il-varjazzjonijiet 'l isfel tal-kwoti tas-sajd ifissru li l-komunitajiet lokali jiffaċċjaw sitwazzjonijiet kumplessi minħabba t-tnaqqis fl-attivitajiet ta' estrazzjoni; billi minbarra ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport, li tirriżulta mill-impatt doppju taż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, huma jħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni minn importazzjonijiet ta' prodotti minn pajjiżi terzi, li, minkejja li din il-problema hi rikonoxxuta bħalma huma rikonoxxuti problemi oħrajn, jibqgħu fil-biċċa l-kbira jikkawżaw l-iggravar tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fis-settur, fosthom il-formazzjoni inadegwata tal-prezz tal-ħut fl-ewwel bejgħ;

B.   billi s-settur tas-sajd għandu importanza strateġika billi jforni l-ħut għall-pubbliku u jżomm il-bilanċi tal-ikel tal-Istati Membri f'ekwilibriju, kif ukoll billi jagħti kontribut mill-akbar għall-benessri soċjoekonomiku tal-komunitajiet tal-kosta, għall-iżvilupp lokali, għall-impjiegi, għaż-żamma u l-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi kemm 'il fuq u kemm 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet, u għall-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali lokali;

C.   billi s-sajd fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u s-sajd tal-kosta jirrappreżentaw 83 % tal-bastimenti tas-sajd attivi fl-UE u 47 % tal-impjiegi totali fis-settur tas-sajd tal-UE; billi r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi li "l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħtu aċċess preferenzjali għal sajjieda ta' skala żgħira, artiġjanali jew kostali" u billi dan il-fatt mhux qed jiġi rispettat;

D.   billi l-konformità mar-regoli tal-Unjoni hi obbligatorja għall-parti l-kbira tad-distributuri tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, bħas-supermarkets; billi madankollu, l-impatt ta' din il-konformità fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda u fuq id-dħul tagħhom ivarja, u dan huwa inġust għall-bastimenti tas-sajd iżgħar;

E.  billi jeħtieġ li jitqiesu d-differenzi evidenti bejn il-flotot, taqsimiet ta' flotot, speċijiet fil-mira, rkaptu tas-sajd, produttività, preferenzi tal-konsumaturi u l-konsum ta' ħut per capita fil-pajjiżi tal-UE, kif ukoll il-karatteristiċi speċjali tal-industrija tas-sajd li jirriżultaw mill-istruttura soċjali tagħha, il-forom ta' kummerċjalizzazzjoni, u l-inugwaljanzi strutturali u naturali bejn ir-reġjuni tas-sajd differenti;

F.  billi biex jidħlu fit-taqsimiet ġodda tas-suq, is-sajjieda artiġjanali jeħtieġu għajnuna u appoġġ finanzjarji;

G.  billi d-dħul u s-salarji tas- sajjieda professjonali mhumiex siguri, minħabba l-mod kif issir il-kummerċjalizzazzjoni tas-settur, minħabba l-mod kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ u minħabba n-natura irregolari tal-attività minnha nfisha, u dan jimplika, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jinżammu l-għajnuniet pubbliċi, nazzjonali u Komunitarji għas-settur;

H.  billi l-analizzar tal-punti ewlenin tal-katina tal-valur tal-prodotti tas-sajd jista' jwassal biex is-sajjieda u l-produtturi lokali jżommu sehem akbar mill-valur iġġenerat bil-ftuħ ta' swieq lokali ġodda u l-involviment tal-partijiet interessati lokali, li jista' jħalli effetti pożittivi għall-komunitajiet lokali bis-saħħa tal-ħolqien ta' attività ekonomika dinamika, li ġġib il-qligħ u sostenibbli;

I.  billi l-Artikolu  349 tat-TFUE jirrikonoxxi s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi, li hija aggravata minn fatturi strutturali (il-bogħod, l-insularità, iċ-ċokon, it-topografija u l-klima diffiċli, id-dipendenza minn għadd żgħir ta' prodotti, eċċ.) li n-natura permanenti tagħhom u l-fatt li jeżistu flimkien jillimitaw severament l-iżvilupp ta' tali reġjuni u l-katina tal-valur fis-settur tas-sajd;

J.  billi l-produtturi primarji, minkejja li għandhom rwol essenzjali fil-katina tal-valur, mhux dejjem jibbenefikaw mill-valur miżjud iġġenerat fi stadji sussegwenti ta' din il-katina;

K.  billi l-PKS tfasslet biex issaħħaħ is-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur tas-sajd u l-akkwakultura tal-Unjoni;

L.  billi mod wieħed li bih tiġi ggarantita l-kompetittività tal-prodotti tas-sajd mir-reġjuni ultraperiferiċi huwa li jiġi żgurat li l-prezz tal-ħut minn dawk ir-reġjuni ma jogħliex b'riżultat tal-ispejjeż tat-trasport meta jilħaq is-swieq ta' destinazzjoni ewlenin;

M.   billi l-UE tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

N.   billi l-kummerċ tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huwa influwenzat minn ħafna fatturi, bħal pereżempju l-preferenzi tal-konsumaturi fiż-żoni ġeografiċi differenti;

O.  billi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) fil-qasam tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tistabbilixxi l-mira li tiżdied it-trasparenza u l-istabbiltà tas-swieq, b'mod partikolari fir-rigward tal-għarfien ekonomiku u l-komprensjoni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tal-UE tul il-katina tal-provvista;

P.   billi r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura jistabbilixxi fl-Artikolu 38 tiegħu l-obbligu tal-indikazzjoni taż-żona tal-qabda jew tal-produzzjoni u, fil-każ tal-prodotti tas-sajd maqbuda fil-baħar, id-denominazzjoni bil-miktub tas-subżona jew diviżjoni elenkata fiż-żoni tas-sajd tal-FAO;

Q.   billi t-trasparenza hija mezz li bih jiġi żgurat id-dritt tal-konsumaturi li jkunu jafu, bil-preċiżjoni massima, il-karatteristiċi tal-prodotti li huma jixtru; billi dan jeħtieġ titjib fit-tikkettar, bl-obbligu li tidher l-istess informazzjoni preċiża dwar l-oriġini tal-ħut kemm meta jinbiegħ frisk kif ukoll fil-prodotti pproċessati;

R.  billi d-dinamika attwali tal-bejgħ ma tippermettix li l-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni, inkluż il-fjuwil, jiġu riflessi fil-prezzijiet tal-ħut, u billi l-prezzijiet medji tal-ewwel bejgħ ma evolvewx maż-żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur aħħari;

S.  billi l-istudju ppubblikat mid-Dipartiment Tematiku tal-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni fl-2016 bl-isem "Is-swieq tas-sajd fuq skala żgħira: il-katina tal-valur, il-promozzjoni u t-tikkettar", jindika b'mod ċar li t-tikkettar tal-prodotti tas-sajd tal-UE jaf jikkonfondi lill-konsumaturi;

T.  billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ta' prodotti tas-sajd u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-prodotti tal-akkwakultura (‘organizzazzjonijiet tal-produtturi’) jaqdu rwol fundamentali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS u tal-OKS, u biex dawn jitħaddmu kif suppost;

U.   billi l-Unjoni hija impenjata li tissalvagwardja livelli għolja ta' kwalità fil-prodotti tas-sajd, b'mod partikolari fid-dawl tar-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

V.   billi s-settur tal-ipproċessar u l-ippreservar huwa importanti;

W.  billi l-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs) huma parti essenzjali mill-qafas tal-PKS biex jitfasslu u jiġu implimentati strateġiji multisettorjali u integrati ta' żvilupp lokali parteċipattiv li jissodisfaw il-ħtiġijiet taż-żona tas-sajd lokali tagħhom; billi huma rikonoxxuti bħala strument siewi li jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni fl-attivitajiet tas-sajd;

X.  billi l-katina tal-provvista tas-sajd ma teżistix f'iżolament u billi l-ħolqien ta' rabtiet transsettorjali huwa importanti ħafna biex jiġu żviluppati prodotti innovattivi li jippermettu l-aċċess għal swieq ġodda u titjib tal-promozzjoni tagħhom;

Y.  billi jeżisti nuqqas ta' koordinazzjoni u ta' assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd f'ċerti Stati Membri tal-UE;

Z.   billi s-setturi tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi (ORs) huma suġġetti għall-eżiġenzi tagħhom, rikonoxxuti fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni, u dan jinfluwenza l-istrutturazzjoni tagħhom;

AA.  billi l-organizzazzjonijiet interprofessjonali (kif issemmi diġà fl-OKS) għandhom il-potenzjal li jtejbu l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni tul il-katina tal-provvista u li jagħmlu progress b'miżuri ta' interess għas-settur kollu kemm hu;

AB.  billi, ladarba l-istokkijiet tal-ħut huma riżorsi kondiviżi, l-isfruttar sostenibbli u effiċjenti tagħhom, f'ċerti każijiet, jista' jitwettaq b'mod aktar adegwat minn organizzazzjoniiet magħmula minn membri minn Stati Membri differenti u minn reġjuni differenti tal-EU u jenħtieġ, għalhekk, li jiġu ttrattati u studjati abbażi ta' kull reġjun għalih;

AC.   billi s-settur tas-sajd huwa ċentrali għas-sitwazzjoni soċjoekonomika, għall-impjiegi, u għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni ultraperiferiċi, li l-ekonomiji tagħhom ibatu minn limitazzjonijiet strutturali permanenti u li ftit għandhom possibilitajiet ta' diversifikazzjoni ekonomika;

AD.  billi n-nuqqas ta' professjonisti żgħażagħ huwa ostaklu għall-modernizzazzjoni u t-titjib tas-settur, u huwa theddida serja għas-sopravivenza ta' ħafna komunitajiet kostali;

AE.  billi jingħata profil baxx ħafna lir-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd, minkejja l-fatt li dawn tipikament jagħmlu x-xogħol ta' wara l-kwinti, bħall-appoġġ loġistiku jew il-burokrazija marbuta mal-attività, filwaqt li jaħdmu wkoll bħala sajjieda u kaptani f'xi bastimenti tas-sajd;

AF.   billi l-obbligu ta' ħatt l-art jirrappreżenta eżiġenza ekonomika u soċjali reali, li tnaqqas il-profittabbiltà finanzjarja u tolqot il-katina tal-valur, u jkun tajjeb li tiġi minimizzata;

AG.   billi jeħtieġ tiġi promossa kuxjenza akbar fost il-konsumaturi dwar l-importanza ta' dieta tajba għas-saħħa u produzzjoni sostenibbli;

AH.   billi fost il-kawżi li qed jikkontribwixxu biex is-sitwazzjoni soċjoekonomika taggrava jridu jitqiesu wkoll it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ħut fl-ewwel bejgħ u l-ispejjeż dejjem jogħlew tal-fjuwil;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-awtoritajiet reġjonali, jistabbilixxu gruppi ta' esperti inkarigati li janalizzaw u jipproponu miżuri korrettivi fir-rigward tal-użu tad-diversi linji tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex jiġu identifikati r-raġunijiet għan-nuqqas ta' eżekuzzjoni u t-telf possibbli ta' fondi, kif ukoll biex jiġi żgurat livell adegwat ta' kontroll u trasparenza u biex l-amministrazzjonijiet rilevanti jintalbu jtejbu l-ġestjoni;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u joffru aċċess preferenzjali reali għall-opportunitajiet tas-sajd lill-flotot fuq skala żgħira u artiġjanali tal-UE;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiffaċilitaw il-ħolqien ta' organizzazzjoni tal-produtturi, filwaqt li jneħħu l-ostakli burokratiċi fil-proċedura stabbilita u jbaxxu l-limiti minimi ta' produzzjoni sabiex jinkoraġġixxu d-dħul ta' produtturi żgħar; jirrimarka li huwa meħtieġ ukoll li tingħata spinta lill-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi, biex b'hekk tingħatalhom aktar saħħa u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-appoġġ finanzjarju meħtieġ ħalli jkunu jistgħu jwettqu varjetà usa' ta' kompiti minbarra l-ġestjoni ta' kuljum tas-sajd, filwaqt li jirrispettaw qafas definit mill-għanijiet tal-PKS, b'mod partikolari għall-ORs, li għandhom ikunu kapaċi lokalment jadattaw il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali fit-territorji tagħhom, li huma karatterizzati minn insularità, iżolament, daqs żgħir, il-prevalenza tas-sajd artiġjanali u livell għoli ta' vulnerabbiltà għall-importazzjonijiet;

4.  Isostni li l-programmi operattivi jridu jinkoraġġixxu lill-organizzazzjoni tal-produtturi, – billi jipprovdu l-appoġġ finanzjarju neċessarju – biex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom direttament, billi jaħdmu fi ħdan il-katina tal-valur, peress li dan ikun jippermettilhom jisfruttaw il-produzzjoni tagħhom u jkabbru l-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuniet għas-sikurezza abbord u għall-iġjene ma jsirux parti minn proċess kompetittiv u li jiġi assenjat baġit akbar lis-settur tas-sajd artiġjanali;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jippromovu li l-OPs jinkludu l-katina tal-valur fil-pjanijiet ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni, bl-għan li l-provvista tiġi adattata għad-domanda, jiġi żgurat dħul ekwu għas-sajjieda u jiġi garantit li l-konsumaturi Ewropej isibu prodotti li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, meta jitqiesu l-għażliet differenti; josserva li, f'dan il-kuntest, l-istrateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni adatti għall-ispeċifiċitajiet lokali huma għodda essenzjali u għandhom jinkludu l-possibbiltà tal-bejgħ dirett, fejn jinkludu kampanji settorjali u/jew abbażi ta' prodott u jgħinu biex jittejbu l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-immarkar u t-tikkettar li jipprovdu tagħrif li jinftiehem;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex isaħħu l-pożizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira billi jinkoraġġixxu l-konsum lokali permezz ta' kummerċjalizzazzjoni diretta u aktar speċjalizzata, kanali tal-kummerċ żero kilometri, inkluża kooperazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u s-settur tas-sajd permezz tal-forniment lil stabbilimenti pubbliċi bħall-iskejjel u l-isptarijiet bi prodotti tal-ħut lokali, kif ukoll kampanji ta' promozzjoni li għandhom jikkoperaw ukoll ma' inizjattivi privati biex jippromwovu prodotti tal-ikel lokali, bħall-inizjattiva Slowfish, u biex jirrispettaw l-istaġunalità ta' ċerti qabdiet. Fl-istess waqt jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn is-setturi tas-sajd u tat-turiżmu u sabiex ifasslu lista ta' prattiki tajba dwar l-esperjenzi li jiffaċilitaw forom ġodda ta' kollaborazzjoni;

8.   Jenfasizza li wieħed mill-pedamenti ta' dawn l-istrateġi ta' kummerċjalizzazzjoni hu l-indikazzjoni obbligatorja tat-tikketti ta' oriġini tal-prodotti tas-sajd, kemm dawk mibjugħa friski kif ukoll dawk proċessati;

9.   Jitlob li jinħolqu sistemi bil-għan li jittejbu l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ, sabiex igawdu s-sajjieda billi jitjieb id-dħul tagħhom għax-xogħol li jagħmlu, u li jkunu promossi distribuzzjoni ġusta u xierqa tal-valur miżjud tul il-katina ta' valur tas-settur, billi jitnaqqsu l-marġnijiet operattivi, jiżdiedu l-prezzijiet li jitħallsu l-produtturi, u jiġu limitati l-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi; itenni li fejn jeżistu żbilanċi serji fil-katina, l-Istati Membri għandu jkollhom is-setgħa jintervjenu, pereżempju billi jistabbilixxu marġnijiet massimi tal-intermedjazzjoni għal kull attur fil-katina;

10.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu l-moviment ta' organizzazzjoni ta' sajjieda fuq skala żgħira tal-UE bl-iżvilupp ta' logo speċifiku li jiggarantixxi: prodott tal-ħut frisk, kwalità eċċellenti, standards tas-saħħa kkontrollati, konformità mar-rekwiżiti ta' żero kilometri (niffavorixxu prodotti lokali flok prodotti trasportati mill-bogħod), qrubija għall-konsumaturi, rispett għat-tradizzjonijiet, eċċ.;

11.   Jindika li, għall-finijiet tat-trasparenza u għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-konsumaturi se jkun meħtieġ li jiġi rivedut l-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 1536/92 dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti preservati;

12.   Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimplimentaw sistema tat-tikkettar tal-ħut, kemm dak frisk kif ukoll dak ipproċessat, li tindika b'mod ċar il-pajjiż ta' oriġini;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu koordinazzjoni akbar u assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd;

14.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi klawżola fil-ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi bl-istandards ta' kwalità tal-UE, b'tali mod li jkun meħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu konformi mal-istess regoli bħall-prodotti tas-sajd tal-UE;

15.  Sabiex jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura importati u dawk tal-UE, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw mill-qrib il-konformità tal-prodotti importati fl-UE mal-leġizlazzjoni attwali tas-sikurezza, l-iġjene u l-kwalità tal-UE, kif ukoll mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008(5) dwar sajd IUU;

16.   Jinsisti fuq implimentazzjoni aktar stretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tikkettar u l-informazzjoni għall-konsumaturi, kemm fis-swieq tal-konsumaturi kif ukoll fis-settur tal-lukandi, ristoranti u catering (HORECA); jemmen li dan huwa importanti għall-prodotti kollha tas-sajd, kemm dawk importati kif ukoll dawk prodotti fl-UE; jemmen li l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll (KE) Nru 1224/2009 għandha tissaħħaħ għal dan l-għan fl-Istati Membri kollha, u li r-regolamenti għandhom jiġu adottati biex ikopru l-istadji kollha tal-katina tal-provvista;

17.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt tal-importazzjonijiet fuq is-sajd lokali;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tawtorizza li jsir użu konvenjenti mir-reġjonalizzazzjoni, b'attenzjoni partikolari għall-ORs, u li ssir differenzjazzjoni fl-għodod ta' appoġġ, u li dawn ikunu jistgħu jiġu adattati għal diversi tipi ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

19.   Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati politiki li jippermettu lill-komunitajiet tal-kosta lokali joffru servizzi integrati, jisfruttaw is-sinerġiji li jirriżultaw mid-diversi setturi tal-produzzjoni u li għandhom il-possibbiltà li jġibu magħhom u jħeġġu l-iżvilupp fil-livell lokali; jinsisti, għaldaqstant, li l-finanzjament mill-PKS jiġi kombinat ma' programmi Eworpej oħra fil-Fond Soċjali Ewropew jew fl-PAK; jindika li dan il-kombinament ta' riżorsi u programmi għandu jappoġġa l-inizjattivi tal-komunitajiet u l-imprendituri lokali ffokati fuq l-iżvilupp rurali, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-konċiljazzjoni u b'mod partikolari id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' dħul;

20.   Iqis li huwa kruċjali li jinżamm, u preferibbilment jiżdied, l-appoġġ mogħti lir-reġjuni ultraperiferiċi għat-trasport tal-ħut, sakemm jasal fis-suq internazzjonali, bil-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta ma' prodotti minn postijiet oħra;

21.   Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li toħloq, mill-aktar fis, strument finanzjarju biex jipprovdi appoġġ speċifiku għas-settur tas-sajd, abbażi tal-POSEI għas-settur agrikolu fir-reġjuni ultraperiferiċi, bil-kapaċità li jtejjeb ġenwinament il-potenzjal tas-settur tas-sajd tagħhom; jemmen li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu inklużi f'dan l-istrument speċifiku, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 (Għajnuna mill-Istat), l-Artikolu 13(5) (Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni kondiviża), l-Artikolu 70 (Sistema ta' kumpens), l-Artikolu 71 (Kalkolu tal-kumpens), l-Artikolu 72 (Pjan ta' kumpens) u l-Artikolu 73 (Għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' kumpens) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);

22.   Jemmen li dawn il-pjanijiet lokali ta' żvilupp għall-komunitajiet tal-kosta għandhom jappoġġaw attivitajiet u negozji ġodda li jippermettu l-integrazzjoni ta' materji primi ta' kwalità, il-proċessi speċifiċi ta' trasformazzjoni u l-patrimonju kulturali u storiku ta' dawn il-komunitajiet fil-katina tal-valur. jindika, barra minn hekk, li għandhom jippromwovu mekkaniżmi ta' kummerċjalizzazzjoni, bħat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini tal-prodotti, li jgħollu l-profil ta' dawn il-kwalitajiet fis-suq u jiżguraw li l-parti l-kbira tal-introjtu ġġenerat imur lura għand dawn il-komunitajiet.

23.   Jenfasizza wkoll l-importanza tal-baħar, tar-riżorsi marittimi u tal-prodotti tas-sajd fil-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-reġjuni ultraperifiċi u fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tirrispetta l-Artikolu 349 tat-TFUE, anke fir-rigward tas-sajd, billi terġa' tintroduċi b'mod sħiħ u indipendenti il-programm POSEI-Sajd, li ġie eliminat fil-qafas tar-riforma tal-FEMS attwali;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali, kif ukoll ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi fuq livell transnazzjonali (kif previst diġà fl-OKS), ibbażati fir-reġjuni bijoġeografiċi jew fil-livell tal-UE; jindika li din hija għodda essenzjali biex tingħata aktar setgħa lill-organizzazzjonijiet ta' produtturi u biex dawn jingħataw aktar setgħa ta' negozjar;

25.   Jitlob li dan il-proċess jingħata spinta u jiġi żviluppat b'enfasi speċjali fuq il-politiki tal-ġeneru biex ikun garantit li n-nisa jkunu rappreżentati adegwatament f'dawn l-organizzazzjonijiet. jindika li b'dan il-mod jiġi rifless il-piż attwali tan-nisa fis-settur, u jgħinhom ikollhom rwol akbar fih;

26.   Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u s-sajd biex jiġu indirizzati id-dependenzi u d-dgħufijiet kumplessi fil-proċessi tal-katina ta' valur bl-għan ta' titjib u biex ikun hemm aktar benefiċċji għall-partijiet interessati;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni żżid, tippromwovi u tiġġeneralizza l-użu tal-informazzjoni pprovduta permezz tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA) sabiex l-operaturi kollha fil-katina jkollhom informazzjoni trasparenti, affidabbli u aġġornata għat-teħid effiċjenti ta' deċiżjonijiet ta' negozju; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipprovdi data aġġornata dwar l-isfidi l-ġodda għan-negozjanti, bħall-bejgħ online jew it-tibdil fix-xejriet tal-konsum;

28.   Jindika l-ħtieġa ta' reviżjoni ambizzjuża tal-OKS għall-prodotti tas-sajd, bl-għan li jiżdied il-kontribut tagħha għall-introjtu tas-settur, l-istabbiltà tas-suq, u kummerċjalizzazzjoni aqwa tal-prodotti tas-sajd u żieda fil-valur miżjud tagħhom;

29.   Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-prodotti tas-sajd fil-proposta għal regolament biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali, li hi problema ġenerali fis-settur tal-prodotti tal-ikel;

30.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tas-sistema għat-tikkettar tal-prodotti tas-sajd stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 abbażi taż-żoni tas-sajd tal-FAO, li tfasslu aktar minn 70 sena ilu għar-rappurtar tal-qabdiet u ma kinux maħsuba biex jipprovdu gwida lill-konsumatur, minħabba li s-sistema toħloq il-konfużjoni u ma tgħinx biex tkun ipprovduta informazzjoni ċara, trasparenti u sempliċi;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali janalizzaw in-nuqqas ta' kwalifiki professjonali fis-settur tas-sajd, u b'mod speċjali ta' professjonisti żgħażagħ, b'tali mod li jiggarantixxu u jiffokaw il-programmi ta' taħriġ tal-professjonisti tas-settur tas-sajd fuq il-ħtiġijiet reali tas-settur u b'hekk jgħinu biex is-settur jiġi modernizzat u mtejjeb, filwaqt li jżommu lill-popolazzjoni fil-lokalitajiet tas-sajd, kif ukoll biex joħolqu opportunitajiet ta' impjieg adegwati fiż-żoni bl-akkwalkultura, u fiż-żoni rurali u tal-kosta, fiż-żoni ultraperiferiċi u f'reġjuni li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd;

32.   Jindika l-importanza li jinħolqu swieq lokali għall-prodotti tradizzjonali ta' kwalità partikolari, li jkunu appoġġati minn fieri, negozji żgħar u l-industrija tal-ikel, bħala mezz ta' kif jiżdied il-valur miżjud tal-prodotti lokali u jiġi promoss l-iżvilupp lokali;

33.   Jenfasizza l-importanza li jitfasslu strateġiji speċifiċi ta' taħriġ fil-ħiliet diġitali li jiffokaw fuq il-ġestjoni, u speċjalment fuq il-kummerċjalizzazzjoni, bħala għodda bażika biex titjieb il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-valur;

34.   Jindika li dawn il-pjanijiet tat-taħriġ għandhom ikopru l-professjonijiet tradizzjonali, prattikati fis-settur prinċipalment min-nisa, kif ukoll pjanijiet speċifiċi ffokati biex iżidu l-impjegabbiltà u l-intraprenditorjat tan-nisa; jenfasizza li l-inklużjoni ta' dawn l-ispeċjalitajiet fit-taħriġ akkreditat għandha tħalli wkoll l-effetti legali konsegwenti u ttejjeb l-istatus ta' dawn il-professjonisti fis-suq tax-xogħol;

35.   Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi aħjar ta' kif tippromwovi l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd ipproċessati b'valur miżjud ogħla, fosthom il-prodotti fil-bottijiet, billi jiġi segwit l-eżempju ta' ċerti prodotti agrikoli, u programmi għall-promozzjoni esterna tal-prodotti tas-sajd tal-UE, inkluża l-preżentazzjoni tagħhom f'kompetizzjonijiet u fieri internazzjonali;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jgħinu lill-atturi ekonomiċi tas-settur tas-sajd biex jaċċedu għall-għarfien, in-netwerks u l-finanzjament meħtieġa ħalli jwettqu attivitajiet innovattivi u jiddisinjaw prodotti ġodda (‘novel foods’) b'mod partikolari fil-valutazzjoni ta' speċijiet maqbuda diġà li jkollhom valur ekonomiku baxx, u jinvolvu lill-organizzazzjonijiet u l-istituzzjoni tar-riċerka, bħall-istituti oċeanografiċi, sabiex jibbenefikaw mill-għarfien estensiv tagħhom tal-materja prima bażika u l-karatteristiċi bijoloġiċi, nutrittivi u organolettiċi tagħha; fi sforz biex tiġi evitata l-ħela, ikun massimizzat il-valur tal-prodotti friski u jiġu stimulati s-sinerġiji bejn il-partijiet differenti tal-katina tal-valur u biex is-settur isir aktar reżiljenti;

37.   Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw kampanji ta' informazzjoni maħsuba għall-konsumaturi li jkunu effikaċi u ffokati fuq prodotti konkreti, biex iqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet bħall-importanza tal-konsum ta' prodotti tas-sajd lokali, jiżguraw li l-impatt tas-settur fuq l-impjieg lokali u l-koeżjoni soċjali tal-komunitajiet tal-kosta jista' jkun viżwalizzat, jenfasizzaw il-kwalitajiet nutrittivi tal-ħut frisk u jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa li ninkludu l-prodotti tas-sajd f'dieta tajba għas-saħħa, eċċ.;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni ċara u tfassal is-sisien ta' programm futur Ewropew ta' appoġġ għas-sajd artiġjanali li jgħin biex titjieb is-sostenibbiltà ambjentali u soċjoekonomika tal-industrija tas-sajd fl-UE, li jippermetti l-identifikazzjoni, id-differenzjazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-prodotti minn sajd artiġjanali sabiex jinkoraġġixxi l-konsum tagħhom, li jinkoraġġixxi l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jaħdmu fis-settur tas-sajd sabiex ikun hemm tiġdid ġenerazzjonali, jiżgura kwoti deċenti għas-sajjieda u għas-sajd artiġjanali u kontroll ikbar tar-riżorsi, u b'hekk tiżdied il-koeżjoni soċjali fil-komunitajiet kostali tal-UE;

39.   Jistieden lill-Kummissjoni tvara konsultazzjonijiet pubbliċi online speċifiċi fil-livell tal-UE biex tinġabar data dwar il-katina tal-provvista, kwistjonijiet tat-trasparenza tas-suq, kondiviżjoni tal-valur, tikkettar u ħtiġijiet tal-konsumatur mingħand firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fis-settur tas-sajd tal-UE;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-benefiċċji li l-katini ta' valur globali jistgħu jġibu magħhom għas-sajd artiġjanali, biex jintegraw aktar faċilment fl-ekonomija globali, billi jżidu l-valur miżjud tal-prodotti tagħhom filwaqt li jkunu jistgħu jżommu l-attività tagħhom u tal-komunitajiet lokali; jenfasizza l-importanza tat-taħriġ fil-ħiliet diġitali għal dan l-għan;

41.   Jemmen li l-katina tal-valur tal-prodotti tas-sajd hi kumplessa, u tinvolvi l-produtturi, diversi intermedjarji u l-bejjiegħa bl-imnut jew ir-ristoranti; jenfasizza li s-sensara u dak li jipproċessaw il-ħut għandhom rwol importanti fil-katina tal-valur; jinnota li, bħala medja, il-marġini fil-katina tal-valur hu li 10 % biss imorru għand il-produtturi, filwaqt li 90 % jmorru għand l-intermedjarji; jenfasizza li t-tqassir tal-katina tal-valur, partikolarment permezz tal-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma atturi ewlenin minħabba l-produzzjoni u l-pjanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom, hu mezz inizjali biex jitjieb l-introjtu tas-sajjieda fuq skala żgħira, iżda wkoll ta' kif jiġi offrut prodott aqwa (probabilment bi prezz aħjar) lill-konsumatur;

42.   Jenfasizza l-importanza tal-investiment fi professjonisti żgħażagħ sabiex il-ġenerezzjoni tas-sajjieda li jmiss tiġi involuta u tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħha, u jitlob li jinħolqu opportunitajiet għas-sajjieda żgħażagħ biex jiżviluppaw ħiliet ġodda, jibnu negozji reżiljenti, ikunu membri attivi fil-komunitajiet lokali tagħhom u jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-katina tal-valur fis-settur tas-sajd;

43.   Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mill-appoġġ tal-Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd biex jaġġustaw l-operazzjonijiet għall-ħtiġijiet lokali f'ħafna oqsma, bħalma huma t-taħriġ u d-diversifikazzjoni ta' attivitajiet ibbażati fuq l-innovazzjoni, fost ħafna oħrajn, u jassistu lis-sajjieda u l-membri tal-komunitajiet lokali fl-aċċess għal fondi u programmi ta' appoġġ eżistenti tal-UE;

44.   Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tistabbilixxi proċess biex isir użu mill-qabdiet aċċessorji li jkun marbut mal-obbligu tal-ħatt l-art fl-interess ekonomiku u soċjali tal-atturi fil-katina tal-valur, speċjalment is-sajjieda, u billi jiġu appoġġati inizjattivi lokali;

45.   Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jagħtu spinta lit-trasferiment tal-informazzjoni dwar skemi ta' appoġġ eżistenti u jsaħħu l-appoġġ amministrattiv, pereżempju permezz ta' pjattaformi ta' informazzjoni;

46.   Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġa inizjattivi li jippromwovu selettività akbar biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji u titjieb il-vijabbiltà finanzjarja tas-sajd permezz ta' mira fuq speċijiet li jilħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika tas-sajd sabiex ikun jidher ċar ir-rwol importanti li jaqdu n-nisa fis-settur tas-sajd tal-UE u sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rabtiet bejn id-dinja tax-xogħol u dik akkademika, pereżempju billi jaraw li l-iskejjel tekniċi nawtiċi jinkludu fil-pjanijiet tal-istudji tagħhom kwistjonijiet relatati mas-sajd u l-akkwakultura;

49.   Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-attivitajiet proposti f'dan ir-rapport bl-għan li l-attivitajiet tas-sajd iħallu aktar qligħ;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kunsilli Konsultattivi.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0316.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0255.
(3) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 40.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0195.
(5) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali