Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2088(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0157/2018

Testi mressqa :

A8-0157/2018

Dibattiti :

PV 28/05/2018 - 26
CRE 28/05/2018 - 26

Votazzjonijiet :

PV 29/05/2018 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0211

Testi adottati
PDF 429kWORD 67k
It-Tlieta, 29 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-implimentazzjoni tal-għodod għall-bdiewa żgħażagħ tal-PAK fl-UE wara r-riforma tal-2013
P8_TA(2018)0211A8-0157/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-għodod għall-bdiewa żgħażagħ tal-PAK fl-UE wara r-riforma tal-2013 (2017/2088(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti(3),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar "Young farmers: Policy implementation after the 2013 CAP reform" (Il-bdiewa żgħażagħ: Implimentazzjoni tal-politika wara r-riforma tal-PAK tal-2013) ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni – u li ġie ppreżentat fil-laqgħa tal-ComAGRI tat-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ tiegħu dwar l-"Implimentazzjoni ta' politiki dwar il-bdiewa żgħażagħ wara r-riforma tal-PAK tal-2013", li saret fit-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 10/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – "Jenħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE lil bdiewa żgħażagħ ikun immirat aħjar biex jitrawwem tiġdid ġenerazzjonali effettiv",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE: kif niffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa għall-art(4),

–  wara li kkunsidra l-istudju mill-Kunsill Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ (CEJA) bit-titolu "Young farmers are key in the future CAP" (Il-bdiewa żgħażagħ huma l-qofol tal-PAK futura) li ġie ppubblikat fis-17 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar "L-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ Ewropej"(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta'd-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja, kif ukoll l-Anness 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0157/2018)

A.  billi fl-UE madwar 6 % biss ta' dawk li jmexxu l-azjendi agrikoli għandhom inqas minn 35 sena u iżjed minn nofshom għandhom aktar minn 55 sena, u billi d-disparitajiet bejn l-Istati Membri huma sostanzjali;

B.  billi dawn iċ-ċifri ma nbidlux b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għaxar snin, bil-perċentwal ta' bdiewa żgħażagħ jiċkien, filwaqt li t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-bdiewa hija problema ewlenija; billi s-sitwazzjonijiet ta' tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u għalhekk jeħtieġu approċċ flessibbli u diversifikat;

C.  billi kullimkien, għal aktar minn 50 sena, l-iżvilupp agrikolu appoġġjat mill-Politika Agrikola Komuni (PAK) wassal għal tkabbir, konċentrazzjoni ta' azjendi u kapitalizzazzjoni qawwija tal-assi tal-produzzjoni, u dan jagħmilha diffiċli għal ċerti stabbilimenti li għandhom jiġu trasferiti u/jew magħmula aċċessibbli għaż-żgħażagħ, minħabba l-ammonti ta' kapital meħtieġa sabiex jeħduhom f'idejhom;

D.  billi t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol agrikola hija partikolarment akuta fis-setturi tat-trobbija tal-bhejjem, b'mod partikolari fit-trobbija tan-ngħaġ u l-mogħoż, sforz il-limiti eżistenti fil-profitabbiltà tagħha;

E.  billi fil-perjodu 2007-2013, l-għadd ta' bdiewa żgħażagħ fl-UE inġenerali naqas minn 3,3 għal 2,3 miljuni, u l-erja tal-azjendi agrikoli kkultivati minn bdiewa żgħażagħ naqset matul dak il-perjodu minn 57 għal 53 ettaru;

F.  billi, fid-dawl ta' bidliet demografiċi bħalma huma d-depopolazzjoni u t-tixjiħ tal-popolazzjoni fiż-żoni rurali, huwa essenzjali li jinħolqu opportunitajiet għall-agrikoltura bħala industrija moderna u attraenti biex iż-żgħażagħ jitħeġġu jibdew karriera fil-biedja;

G.  billi hemm kompetizzjoni qawwija għall-aċċess għall-art bejn iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fis-settur tal-biedja u l-bdiewa li diġà huma stabbiliti sew, u f'xi każijiet, anke bejn iż-żgħażagħ u d-ditti tal-investiment li bdew jieħdu interess fl-agrikoltura;

H.  billi fil-futur, mudell sħiħ ta' żvilupp agrikolu bbażat fuq l-azjendi agrikoli tal-familja qiegħed f'riskju;

I.  billi l-PAK għandha rwol kruċjali f'dan ir-rigward;

J.  billi t-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura huwa problema li tgħaqqad żewġ aspetti, jiġifieri d-diffikultajiet esperjenzati mill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tidħol fis-settur tal-biedja u d-diffikultajiet biex titħalla f'idejn il-ġenerazzjoni attwali tal-bdiewa, u billi n-nuqqas ta' żgħażagħ li jfittxu karriera fil-biedja qiegħed jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali u t-tkabbir taż-żoni rurali, kif ukoll l-awtosuffiċjenza u s-sigurtà tal-ikel tal-UE; billi sitwazzjoni ekonomika sodisfaċenti hija l-ewwel kundizzjoni biex il-biedja ssir attraenti;

K.  billi l-aktar riforma reċenti tal-PAK ġiet ikkonfermata u introduċiet sensiela ta' għodod li jistgħu jiġu kkombinati u adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali fl-Istati Membri, b'mod partikolari l-pagament obbligatorju għall-bdiewa żgħażagħ skont l-ewwel pilastru (EUR 6,9 biljun pagabbli lil 180 000 bidwi żagħżugħ) u, taħt it-tieni pilastru, miżuri bħall-għajnuna tal-bidu, l-aċċess għall-finanzjament u l-kreditu, jew il-possibbiltà li jiġi stabbilit sottoprogramm tematiku għall-bdiewa żgħażagħ (EUR 2,6 biljun);

L.  billi fl-UE mhux l-Istati Membri kollha għandhom politika ġenwina dwar l-istabbiliment fl-agrikoltura u mhux kollha jużaw l-istrumenti kollha li l-PAK toffri biex tappoġġja bdiewa żgħażagħ, speċjalment il-miżura tat-tieni pilastru dwar "għajnuna tal-bidu għal bdiewa żgħażagħ";

M.  billi n-nisa żgħażagħ li jieħdu f'idejhom ir-responsabbiltà tal-ġestjoni ta' negozju tal-biedja jirrappreżentaw biss proporzjon żgħir ta' bdiewa żgħażagħ, iżda mhumiex grupp omoġenju u għalhekk għandhom bżonnijiet differenti meta jibdew din il-karriera;

N.  billi t-tiġdid ġenerazzjonali għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin għall-ġejjieni tal-PAK, li tipprovdi qafas ta' politika komuni għal strateġiji nazzjonali mfassla apposta, u billi l-inkoraġġiment tat-tiġdid ġenerazzjonali huwa prerekwiżit indispensabbli għall-preservazzjoni tal-agrikoltura madwar l-UE kollha u biex iż-żoni rurali jibqgħu ħajjin u attraenti, b'mod partikolari billi titrawwem id-diversità tal-azjendi agrikoli u l-promozzjoni ta' biedja sostenibbli mill-familji;

O.  billi l-aċċess għall-art ġie identifikat bħala wieħed mill-ostakli ewlenin għal bdiewa żgħażagħ u għal bdiewa ġodda, li ilu jippersisti għal snin twal u jeħtieġ soluzzjonijiet ġenwini; billi l-aċċess għall-art għandu t-tendenza li jkun ostakolat, b'mod partikolari, minn naħa, mit-telf ta' art agrikola permezz tal-issiġillar tal-ħamrija, mill-iżvilupp urban, mit-turiżmu, mill-proġetti tal-infrastruttura, mit-tibdil fl-użu u mit-tifrix tad-deżertifikazzjoni kkawżat mit-tibdil fil-klima, u, min-naħa l-oħra, mill-konċentrazzjoni tal-art; billi ż-żidiet fil-prezzijiet spekulattivi jirrappreżentaw problemi serji u li qed ikunu dejjem aktar allarmanti għall-bdiewa ġodda u l-bdiewa żgħażagħ f'ħafna Stati Membri; billi l-appoġġ attwali, filwaqt li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u l-kapital, ma jindirizzax il-kwistjoni sostanzjali tal-ksib tal-aċċess għall-art sabiex tiġi stabbilita azjenda agrikola ġdida;

P.  billi l-bdiewa ġodda, bħalma huma l-bdiewa żgħażagħ, huma partikolarment vulnerabbli għall-volatilità tal-prezzijiet, u billi dawn jiffaċċjaw diffikultajiet addizzjonali biex jiksbu aċċess għal finanzjament minn banek jew programmi oħra ta' kreditu, minħabba nuqqas ta' assi finanzjarji biex jintużaw bħala garanzija;

Q.  billi l-appoġġ tal-UE għal bdiewa żgħażagħ għandu jkun immirat aħjar sabiex jiġi żgurat it-tiġdid ġenerazzjonali u jiġu miġġielda t-tnaqqis u l-konċentrazzjoni ta' azjendi agrikoli;

R.  billi, minkejja l-miżuri ta' appoġġ tal-UE, għad hemm sfidi li jridu jkunu ffaċċjati fil-kuntest tal-installazzjoni ta' bdiewa żgħażagħ u t-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu tal-UE;

S.  billi fost il-bdiewa ġodda, in-nisa huma identifikati bħala l-bidwi primarju b'rati ogħla minn dawk tas-settur agrikolu b'mod ġenerali;

T.  billi l-qagħda demografika f'xi reġjuni tal-UE hija żbilanċjata ħafna, bi ftit żgħażagħ jew ebda żagħżugħ ma jgħix hemmhekk;

U.  billi l-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa ġodda fis-suq jirrappreżentaw sorsi importanti ta' innovazzjoni u ta' intraprenditorija fl-agrikoltura, u joffru benefiċċji bħalma huma l-introduzzjoni ta' għarfien ġdid jew tekniki, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda tan-negozju msejsa fuq l-utenti aħħarija, l-iżvilupp ta' sistemi agrikoli iktar sostenibbli, l-iżvilupp ta' mudelli organizzattivi ġodda (pereżempju l-biedja kondiviża, il-prefinanzjament u l-finanzjament kollettiv), iż-żieda fil-konnessjonijiet bejn il-biedja u l-komunità lokali, u l-adattament tal-għarfien tradizzjonali għall-iżvilupp ta' innovazzjoniiet ta' negozju (pereżempju l-produzzjoni ta' ikel artiġjanali);

V.  billi partijiet ewlenin tar-reġjuni muntanjużi jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet partikolari minħabba rati aktar baxxi ta' investiment, kundizzjonijiet speċifiċi u riżalt ostili, li jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jibqgħu jew jibdew negozji f'dawn ir-reġjuni;

W.  billi dan jistabbillixxi prerekwiżit li jikkunsidra approċċ aktar flessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali u/jew reġjonali meta japplikaw il-mekkaniżmu ta' "bidwi żagħżugħ" fil-pajjiżi b'reġjuni bħal dawn;

X.  billi l-bdiewa ġodda għandhom it-tendenza li joperaw azjendi agrikoli iżgħar u għalhekk isibuha diffiċli biex jaċċessaw l-inputs bi prezzijiet kompetittivi u biex jipproduċu l-kwantitajiet meħtieġa biex jiksbu ekonomiji ta' skala;

Y.  billi 80 % tas-sussidji tal-PAK huma distribwiti għal 20 % biss tal-azjendi agrikoli tal-UE, u d-distribuzzjoni reali tas-sussidji tista' tkun saħansitra aktar inugwali, billi l-istatistika disponibbli ma tagħmilhiex possibbli li dak li jkun jistabbilixxi xi ħaġa dwar is-sjieda u l-kontroll tal-azjendi agrikoli;

Z.  billi l-"Manifest tal-Bdiewa Żgħażagħ", li tnieda fl-2015 mill-Kunsill Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ, jitlob li jkun hemm: aċċess għall-art u l-kreditu permezz ta' miżuri ta' appoġġ pubbliku; regolament biex jitrażżnu l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel; miżuri biex titnaqqas il-volatilità tal-introjtu għall-bdiewa żgħażagħ; u appoġġ għall-investimenti u għall-aċċess għall-art sabiex tiġi ssalvagwardjata u protetta l-ħamrija u sabiex l-art tintuża bl-aħjar mod mill-bdiewa żgħażagħ għall-produzzjoni tal-ikel;

AA.  billi l-bdiewa żgħażagħ huma fundamentali għal settur agrikolu sostenibbli, diversifikat u inklużiv u l-promozzjoni tal-aċċess tagħhom għall-biedja se tgħin biex tissalvagwardja l-produzzjoni tal-ikel futura u tipproteġi l-ambjent u l-pajsaġġi rurali;

AB.  billi l-volatilità estrema tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli hija diżinċentiv kbir għal dawk li jixtiequ jibdew negozju tal-biedja, li ħafna drabi twassalhom biex jiffokaw fuq prodotti niche b'marġni ta' profitt aktar sikur;

AC.  billi d-dritt tal-UE jirrikonoxxi l-kunċetti ta' "bdiewa żgħażagħ" u "żgħażagħ li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom";

AD.  billi l-konċentrazzjoni tal-art hija proċess li qed tintensifika ruħha konsiderevolment; billi bejn l-2005 u l-2015, l-għadd ta' azjendi agrikoli naqas b'madwar 3,8 miljuni filwaqt li d-daqs medju kiber b'36 %;

AE.  billi d-Dikjarazzjoni 2.0 ta' Cork tas-6 ta' Settembru 2016 tesprimi tħassib dwar l-eżodu rurali u taż-żgħażagħ, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li ż-żoni u l-komunitajiet rurali (kampanja, irziezet, irħula u bliet żgħar) jibqgħu postijiet attraenti biex tgħix u taħdem billi jitjieb l-aċċess għas-servizzi bħall-iskejjel, l-isptarijiet, inklużi s-servizzi tal-maternità, il-faċilitajiet rikreattivi u l-broadband, flimkien mal-opportunitajiet għaċ-ċittadini rurali għat-trawwim tal-intraprenditorija f'oqsma tradizzjonalment rurali kif ukoll f'setturi ġodda tal-ekonomija;

AF.  billi, fuq kollox, it-tiġdid ġenerazzjonali jiddependi fuq rieda ġenwina min-naħa tal-politiċi eletti (tal-UE u nazzjonali) u l-professjonisti rilevanti, u b'mod partikolari fuq l-anzjani; billi din ir-rieda timplika politika ġenerali koerenti u ambizzjuża – li llum mhuwiex ġenwinament il-każ – li tinvolvi kemm l-għodod tal-PAK u diversi strumenti tal-politika nazzjonali f'oqsma differenti bħalma huma l-art, il-finanzjament, il-modi tad-dritt għaż-żamma ta' art u l-politiki dwar l-istrutturi tal-ażjendi agrikoli, it-tassazzjoni, il-liġi tas-suċċessjoni, l-iskemi tal-pensjoni, it-taħriġ, eċċ.;

AG.  billi llum il-ġurnata, il-bdiewa żgħażagħ fl-UE qed jikkompetu f'settur agrikolu li qed jevolvi b'mod rapidu; billi l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-agrikoltura ta' preċiżjoni għandhom il-potenzjal li jtejbu l-produzzjoni agrikola, filwaqt li fl-istess ħin jippermettu li jkun hemm ġestjoni aħjar tar-riżorsi;

AH.  billi l-għadd ta' applikazzjonijiet imressqa għall-miżura rigward l-introduzzjoni ta' bdiewa żgħażagħ fil-biedja taħt it-tieni pilastru tal-PAK, f'xi Stati Membri, qabeż il-valur tan-negozji ġodda fil-biedja kollha li saru provvedimenti għalihom fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;

AI.  billi l-bdiewa żgħażagħ, li, bħall-bdiewa l-oħra kollha fl-EU, jipproduċu u jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq uniku Ewropew, ma jgawdux l-istess kundizzjonijiet kummerċjali u tas-self fl-Istati Membri kollha;

AJ.  billi ġew stabbiliti inizjattivi bħal "Azzjoni tal-UE għal Irħula Intelliġenti";

AK.  billi ż-żoni rurali jeħtieġ jinżammu popolati, kemm b'żgħażagħ ta' età tax-xogħol kif ukoll b'nies kbar fl-età;

Rakkomandazzjonijiet

Baġit u aċċess għall-finanzi

1.  Isostni li tinżamm PAK b'saħħitha bil-għan tar-riforma li jmiss, peress li din tikkostitwixxi l-aktar inċentiv attraenti għaż-żgħażagħ li jixtiequ jinvolvu ruħhom f'attività agrikola;

2.  Jitlob l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet reċenti meħuda fir-Regolament (UE) 2017/2393 u li l-appoġġ għall-"Iskema għall-Bdiewa Żgħażagħ" għandu jkompli billi jiżdied il-livell massimu ta' aktar minn 2 % għall-pagamenti obbligatorji (taħt l-ewwel pilastru) u billi tiżdied ir-rata ta' appoġġ taħt it-tieni pilastru sabiex jiġi inkoraġġut it-tiġdid ġenerazzjonali; jenfasizza li t-tisħiħ mill-ġdid ta' miżura ta' għajnuna tal-bidu għall-bdiewa żgħażagħ (għotjiet għall-bdiewa żgħażagħ) għandu jiġi kkunsidrat fi kwalunkwe PAK fil-futur;

3.  Jilqa' l-fatt li, taħt ir-Regolament (UE) 2017/2393, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li tiżdied l-allokazzjoni għall-bdiewa żgħażagħ taħt l-ewwel pilastru sa 50 % tal-limiti eżistenti (qabel 25 %); jirrakkomanda li l-perjodu li fih azjenda agrikola tista' tibbenefika minn dan l-apoġġ ikun estiż sabiex jiġi mħeġġeġ it-tiġdid ġenerazzjonali; jilqa' wkoll id-deċiżjoni li jiġi rivedut, permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393, il-limitu fuq l-aċċess għall-appoġġ previst taħt l-ewwel pilastru, u ġie miżjud minn ħames sa għaxar snin mit-twaqqif tan-negozju;

4.  Jilqa' l-possibbiltà għall-bdiewa żgħażagħ, hekk kif prevista fir-Regolament (UE) 2017/2393, li jirċievu l-għajnuna għall-iżvilupp rurali għall-ewwel attività agrikola tagħhom, anki meta dawn jistabbilixxu n-negozju tagħhom b'mod konġunt ma' bdiewa oħra, kemm jekk dawn ikollhom aktar minn 40 sena, bil-għan li jkun hemm tiġdid ġenerazzjonali akbar, kif ukoll bdiewa żgħażagħ, billi jimmultiplikaw l-appoġġ;

5.  Jinnota li l-istrumenti tal-PAK għall-bdiewa żgħażagħ għandu jkun immirat lejn il-bżonnijiet speċifiċi tal-bdiewa żgħażagħ, inklużi l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom;

6.  Jirrakkomanda li l-appoġġ ikun varjat anke skont l-età tal-bdiewa żgħażagħ u l-livelli ta' taħriġ tagħhom;

7.  Jilqa' l-ħolqien ta' strument ta' garanzija agrikola, propost mill-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'Marzu 2015, li għandu jiffaċilita l-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa żgħażagħ; jirrakkomanda li l-aċċess għall-finanzjament għandu jittejjeb permezz ta' rati tal-interess sussidjati fuq self għall-bdiewa ġodda, anki minn operaturi finanzjarji privati, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji li jiżborsaw self mingħajr interessi għall-investimenti għall-bdiewa żgħażagħ; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni mtejba mal-BEI u mal-Fond Ewropew tal-Investiment sabiex jitrawwem il-ħolqien ta' strumenti finanzjarji ddedikati għall-bdiewa żgħażagħ fl-Istati Membri kollha;

8.  Iqis bħala meħtieġ li jiġu promossi forom ġodda ta' finanzjament parteċipattiv fl-agrikoltura u dawk diġà osservati fi ħdan l-UE dwar trasferiment tal-art li jistgħu jiġu kkombinati ma' dawn l-istrumenti finanjarji ġodda;

9.  Jirrakkomanda li l-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja tal-azjendi agrikoli mill-banek u l-istituzzjonijiet ta' kreditu jitjiebu, anke billi jiġu żviluppati l-istrumenti finanzjarji tal-PAK;

10.  Jirrakkomanda li jkunu magħmula aktar aċċessibbli l-opportunitajiet offruti fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, flimkien mal-appoġġ tal-PAK, biex jitfasslu u jiġu implimentati strumenti finanzjarji b'mod sinerġistiku fil-forma ta' self, garanzjia jew fondi ta' ekwità, sabiex jingħata aċċess għall-finanzjament għall-bdiewa żgħażagħ; jinnota li pjan ta' negozju agrikolu b'saħħtu ħafna drabi huwa komponent essenzjali għall-kisba ta' finanzjament u jemmen li r-regoli tas-self prudenti għandhom japplikaw; jenfasizza l-ħtieġa għal medjazzjoni għall-bdiewa u għalhekk jirrakkomanda li l-appoġġ ikun akkompanjat minn servizzi ta' konsulenza finanzjarja kwalifikati u indipendenti;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa għal promozzjoni aħjar tal-Iskema għall-Bdiewa Żgħażagħ mill-Istati Membri u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex tixtered l-informazzjoni dwar l-għodod ta' appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta' appoġġ għall-investimenti f'biedja intelliġenti, biex jiżdied l-aċċess għall-bdiewa żgħażagħ għal avvanzi teknoloġiċi;

L-amministrazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-miżuri implimentati

13.  Jilqa' l-fatt li r-riforma tal-PAK 2014-2020 introduċiet miżuri ġodda biex jappoġġjaw lill-bdiewa żgħażagħ fl-istabbiliment tal-azjendi agrikoli; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-livell tal-piżijiet amministrattivi ħafna drabi jxekklu l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri; jinnota li l-amministrazzjoni globali tal-pagamenti diretti u tal-miżuri tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali hija kkunsidrata bħala kumplessa u diffiċli ħafna, speċjalment għall-bdiewa ġodda li mhuwiex familjari mas-sistema ta' pagamenti; jirrakkomanda li jsir sforz akbar biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jitnaqqas il-ħin meħtieġ għall-approvazzjoni tal-pagamenti;

14.  Jilqa' l-emendi li jappoġġjaw liż-żgħażagħ introdotti mir-Regolament (UE) 2017/2393, billi jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-istrumenti finanzjarji u tiġi pprovduta żieda fil-pagament uniku taħt l-ewwel pilastru;

15.  Jitlob li l-appoġġ għall-konsulenza jsir sistematikament disponibbli, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ li mhumiex minn żoni rurali;

16.  Jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ il-miżuri li jippromwovu t-tiġdid ġenerazzjonali fir-riforma li jmiss tal-PAK, iżda jqis li dawn l-inizjattivi l-ġodda għandhom ikunu koperti b'baġit tal-UE suffiċjenti, għax inkella jonqsu milli jipprovdu l-effett ta' inċentiva mixtieq;

17.  Jinsab diżappuntat dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn pagamenti għall-bdiewa żgħażagħ u l-miżura ta' appoġġ stabbilita, li huma ġestiti minn awtoritajiet differenti;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ aktar olistiku li jippermetti sinerġiji akbar bejn l-appoġġi tal-Pilastru I u l-Pilastru II, u jenfasizza li dawn tal-aħħar għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri kollha;

19.  Jinnota li ħafna mill-azjendi agrikoli li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti jitpoġġew f'ambjent kompetittiv b'kundizzjonijiet li jinbidlu malajr; jirrakkomanda li l-bdiewa tal-UE jingħataw aktar flessibbiltà biex jirrispondu għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu fis-swieq bil-pjanijiet tan-negozju tagħhom; jemmen li għandu jiġi kkunsidrat tibdil fil-ħlasijiet parzjali;

20.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw aktar strumenti permezz taż-żewġ pilastri tal-PAK u jinkoraġġixxi dawk l-Istati Membri bi sfidi ġeografiċi speċifiċi, bħal reġjuni muntanjużi jew, f'xi każijiet, reġjuni inqas vantaġġjati, jikkunsidraw jintroduċu fattur multiplikatur (eż. 2), li jqis l-għadd ta' ħsad kull sena jew il-firxa ta' kultivazzjonijiet li jistgħu jikbru hemmhekk, meta jagħtu appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ joperaw f'dawn ir-reġjuni, sabiex jinċentivizzaw attivitajiet f'dawn ir-reġjuni f'tentattiv li jiġġieldu l-isfidi demografiċi t'hemmhekk;

21.  Jindika li l-prattiki kummerċjali żleali fil-katina alimentari, li l-impożizzjoni tagħhom tippermetti lill-bejjiegħ u/jew proċessur jew negozjant jisfruttaw is-setgħa ta' negozjar sinifikanti tagħhom fil-konfront tal-fornituri tagħhom, joħolqu theddida serja għall-istabbiltà tan-negozji tal-bdiewa; jistieden lill-Kummissjoni tadotta regolamentazzjoni xierqa fil-livell tal-UE;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu t-tibdil regolatorju meħtieġ biex jiżguraw li l-għajnuna biex jgħinu liż-żgħażagħ jingħaqdu mas-settur tal-biedja u jtejbu l-azjendi agrikoli għaż-żgħażagħ tiġi kklasifikata bħala għotja ta' kapital u mhux sussidju attwali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha;

23.  Jirrikonoxxi li l-bdiewa jridu jkunu kapaċi jibqgħu jieħdu ħsieb l-art tagħhom u li jekk azjenda agrikola għandha taħdem sew, hi trid tkun ħielsa u flessibbli bl-istess mod bħal kwalunkwe tip ieħor ta' negozju;

24.  Jenfasizza li l-pagamenti lill-bdiewa żgħażagħ m'għandhomx jiddewmu, iżda jsiru perjodikament u fiż-żmien previst biex il-bdiewa ma jitħallewx jispiċċaw midjuna sabiex b'hekk ma jitfixklux il-proġetti tagħhom;

25.  Iħeġġeġ li jittieħed approċċ ibbażat fuq ir-riżultati, li jistimula l-iżvilupp ta' innovazzjonijiet ġodda u ġestjoni aħjar tar-riżorsi, b'tali mod li tingħata s-setgħa lill-bdiewa żgħażagħ motivati;

26.  Jenfasizza li biex tkun ekonomikament vijabbli, azjenda agrikola trid tkun kapaċi tespandi biex tilħaq daqs kritiku li jirrifletti r-realtà ekonomika tas-suq;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li titqies id-diversità tat-territorji, b'mod partikolari f'żoni diffiċli, li jirrikjedu appoġġ imfassal apposta;

L-aċċess għall-art u l-ġlieda kontra l-"ħtif tal-art"

28.  Jinnota li l-aċċess għall-art huwa wieħed mill-akbar ostakli għall-bdiewa żgħażagħ u għall-bdiewa ġodda fl-UE u li huwa limitat mill-provvista baxxa ta' art għall-bejgħ jew għall-kiri f'bosta reġjuni, kif ukoll minn kompetizzjoni minn bdiewa, investituri u utenti residenzjali oħra, u problemi fl-akkwist tal-finanzjament; jemmen li ċ-ċirkustanzi li jillimitaw l-aċċess għall-art f'kull Stat Membru għandhom jiġu studjati aktar; jikkunsidra li l-problema tal-aċċess għall-art hija aggravata mill-istruttura attwali ta' pagamenti diretti, li tista' twassal għal żieda kemm fl-ispejjeż tal-kiri tal-art kif ukoll fil-prezzijiet tax-xiri tal-art, u talloka sussidji l-aktar abbażi ta' sjieda tal-art; jemmen li xi bdiewa, kemm jekk proprjetarji kif ukoll jekk kerrejja, huma inċentivati biex jibqgħu attivi sabiex ikomplu jibbenefikaw minn sussidji billi jużaw fornituri tas-servizzi biex itejbu arthom jew billi jagħmlu l-minimu tax-xogħol fuq l-art tagħhom; jirrakkomanda li jiżdiedu l-livelli ta' attività meħtieġa, billi jitqiesu l-mudelli tal-biedja, meta jiġu allokati l-pagamenti li jimmiraw għall-appoġġ lejn il-kisba ta' riżultati partikolari (eż. ħin tax-xogħol reali mqatta' fil-biedja, b'kunsiderazzjoni tal-innovazzjonijiet ġodda, il-produzzjoni ta' beni ambjentali jew soċjali speċifiċi), u l-projbizzjoni li jiġu kkombinati sussidji mal-pagament ta' pensjoni tal-irtirar, li għalihom ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni.

29.  Ifakkar li, biex tinkiseb agrikoltura sostenibbli, il-bdiewa żgħażagħ iridu jkunu jistgħu jinvestu u jakkwistaw kemm art agrikola kif ukoll makkinarju ġdid jew użat u jtejbu t-tekniki agrikoli tagħhom;

30.  Jenfasizza li s-sidien għandhom jkunu liberi li jbigħu lil min iridu u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita t-trasferiment tal-art, u b'mod partikolari s-suċċessjoni, sabiex tagħmilha aktar faċli biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-ispekulazzjoni tal-art agrikola, peress li l-aċċess għall-art huwa l-akbar problema li jħabbtu wiċċhom magħha l-bdiewa żgħażagħ u ġodda;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex tinkoraġġixxi politiki nazzjonali aktar attivi dwar l-aċċess għall-art ibbażati fuq l-aħjar prattiki;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lil min jidħol ġdid u lill-bdiewa żgħażagħ fl-aċċess għall-art, billi jsir użu sħiħ tal-istrumenti regolatorji li diġà ġew implimentati b'suċċess f'uħud mill-Istati Membri, skont il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar Akkwist ta' Farmland u tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea(6); iqis, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw strumenti bħal banek tal-art li jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess għall-art u tiġi mmappjata l-art mhux użata disponibbli għall-bdiewa żgħażagħ;

34.  Jemmen li huwa importanti li jkun hemm deroga għall-bdiewa żgħażagħ stabbilita fil-limitu attwali ta' 10 % għax-xiri tal-art kif stipulat fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta' Marzu 2014 dwar il-fondi strutturali u fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat;

35.  Jitlob biex aktar għajnuna tiġi mgħoddija lejn żoni iżolati jew inqas popolati, jew żoni affettwati minn nuqqas ta' tiġdid ġenerazzjonali;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-aċċess għall-art fl-Istati Membri;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta evalwazzjoni tal-impatt dirett u indirett tax-xiri mill-ġdid tal-art u tal-art agrikola minn residenti mhux tal-UE dwar id-disponibbiltà u l-prezz tal-art agrikola;

38.  Jipproponi li, bħala parti mill-politiki nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu s-servizzi konsultattivi dwar l-azjendi agrikoli u l-ġestjoni tagħhom biex jappoġġjaw u jiffaċilitaw is-servizzi tal-mobilità tal-art u tal-ippjanar tas-suċċessjoni;

39.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jintroduċu għajnuna għat-trasferiment ta' azjendi agrikoli fi sforz biex jingħata appoġġ lill-maniġers tal-azjendi agrikoli li għandhom aktar minn 55 sena u mingħajr suċċessuri, li jistgħu jsibu ruħhom f'sitwazzjoni prekarja meta jasal iż-żmien biex jirtiraw, bil-kundizzjoni li jgħaddu l-azjendi agrikoli kollha tagħhom jew parti minnhom lil persuna żagħżugħa jew aktar;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiggarantixxu sjieda konġunta tal-azjendi agrikoli, b'enfasi speċjali fuq in-nisa żgħażagħ sabiex jiżguraw li d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati;

41.  Huwa tal-fehma li d-definizzjoni ta' bidwi attiv ma tridx tirriżulta f'xi piż amministrattiv fuq dawk li jirriżultaw mill-aħħar riforma, jew jillimitaw l-aċċess għall-biedja għaż-żgħażagħ billi jimponu kundizzjonijiet eċċessivi;

42.  Jinnota li f'bosta Stati Membri, it-tiġdid ġenerazzjonali u l-aċċess taż-żgħażagħ għal art agrikola huma mfixkla minn dewmien fil-proċess ta' suċċessjoni; jikkunsidra li l-PAK attwali m'għadx għandha nuqqas ta' inċentivi għal bdiewa akbar fl-età biex jgħaddu n-negozji tagħhom lil ġenerazzjonijiet iżgħar; jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-implimentazzjoni ta' miżuri li jimmotivaw lid-detenturi akbar fl-età biex jgħaddu l-azjendi agrikoli tagħhom lil bdiewa żgħażagħ, bħall-"iskema ta' ħruġ mill-biedja" u inċentivi oħra għall-irtirar, sabiex l-art ma tispiċċax f'idejn l-azjendi agrikoli ġirien; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' strutturi legali bħal "Groupements Agricoles d'Exploitation en Commun" (GAEC), li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jistabbilixxu negozju flimkien u jiffaċilitaw it-trasferiment bejn il-ġenerazzjonijiet;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw l-użu tal-possibbiltajiet taħt l-iżvilupp rurali biex jappoġġjaw l-azzjonijiet il-ġodda biex titrawwem il-mobilità tal-art, bħal banek tal-artijiet, inizjattivi li jqabblu l-art tal-irziezet u inizjattivi oħra promossi fil-livell lokali biex jinkoraġġixxu l-aċċess għall-art għall-bdiewa ġodda;

44.  Iqis li l-bdiewa żgħażagħ fl-Unjoni kollha għandu jkollhom aċċess għal self bl-istess kundizzjonijiet u rati tal-imgħax, u li dawn m'għandhomx ivarjaw; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni, flimkien mal-Bank tal-Investiment Ewropew, tistabbilixxi miżuri ta' appoġġ xierqa u faċilitajiet ta' self għall-bdiewa żgħażagħ;

45.  Jitlob il-promozzjoni ta' mudelli ġodda ta' kollaborazzjoni bejn ġenerazzjonijiet ta' bdiewa permezz ta' sħubija, kooperattivi tal-makkinarju agrikolu, kiri fit-tul u arranġamenti fit-tul oħra, arranġamenti bejn l-irziezet u fondi għal organizzazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali involuti fil-promozzjoni u fl-iffaċilitar ta' servizzi ta' qbil bejn bdiewa żgħażagħ u dawk akbar fl-età (bħal servizzi tal-mobilità tal-art);

46.  Jindika li organizzazzjoni ikbar u iktar b'saħħitha tal-bdiewa, permezz tal-istabbiliment ta' kooperattivi u l-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) f'setturi regolati fil-livell tal-UE permezz tar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) tista' tgħin biex il-biedja tkun tista' trendi profitt ikbar u tista' tgħin biex tipproteġi l-introjtu tal-bdiewa, b'mod partikolari dak tal-bdiewa żgħażagħ, billi takkumpanja l-għażliet tal-produzzjoni u tisfrutta bl-aħjar mod il-karatteristiċi taż-żoni rurali; jinnota wkoll li jekk issir riforma strutturali tal-OP, biex isiru iktar b'saħħithom, iktar responsabbli u iktar effiċjenti, u jekk ikun hemm aggregazzjoni ikbar, ikun jista' jingħata kontribut effikaċi, l-ewwel u qabel kollox, favur il-protezzjoni u ż-żieda tal-profittabilità tas-settur matul iż-żmien;

47.  Jinnota d-differenzi li jeżistu bejn is-sitwazzjoni ta' tiġdid ġenerazzjonali fi ħdan il-familja u l-bdiewa ġodda; jemmen li t-taħriġ vokazzjonali u l-korsijiet iridu jkunu adattati għal dawk li jippjanaw li jieħdu f'idejhom negozju tal-familja jew għal dawk li qed jippjanaw li jibdew negozju ġdid, skont il-ħtiġijiet tagħhom;

48.  Jenfasizza li n-nisa żgħażagħ għandhom jiġu mħeġġa biex jieħdu r-responsabbiltà marbuta mal-ġestjoni tal-agrikoltura u għandhom jingħataw appoġġ adegwat f'termini ta' aċċess għall-art, għall-kreditu u tagħrif ulterjuri dwar ir-regoli u r-regolamenti;

49.  Jemmen li l-għażla li jirregolaw l-aċċess għal art agrikola u jistabbilixxu inċentivi jew restrizzjonijiet għal dak il-għan tappartjeni għall-Istati Membri, b'mod partikolari f'dak li jirrigwardja l-mod kif l-UE tindirizza l-fenomenu tal-ħtif tal-art u l-inkoraġġiment tal-bdiewa żgħażagħ biex jistabbilixxu negozju;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, biex ikomplu jiżviluppaw il-komunikazzjoni li ġiet adottata dan l-aħħar dwar is-sistema tal-kriterju tas-suq tal-art biex tiżgura li l-liġi tal-UE ġenwinament żżomm livell ugwali għax-xerrejja potenzjali kollha tal-art – inkluża d-diskriminazzjoni pożittiva favur il-bdiewa tal-UE – u li jsir assolutament ċar għall-Istati Membri, fil-kuntest tal-erba' libertajiet fundamentali, liema miżuri tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-art huma permessi sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu l-art b'mod aktar faċli biex tintuża għal skopijiet agrikoli u ta' forestrija; jistieden lill-Kummissjoni tissospendi l-proċedimenti ta' ksur attwali bil-għan li jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-liġijiet tal-Istati Membri mal-liġi tal-UE dwar il-bejgħ tal-art agrikola sakemm l-aħħar komunikazzjoni li fiha l-kriterji msemmija hawn fuq tkun ippubblikata;

51.  Hu tal-fehma li l-politiki nazzjonali dwar l-ippjanar tal-art, urban u tal-użu tal-art (eż. l-infrastruttura tat-trasport) għandhom iqisu l-prattiki tal-iskart tal-art u l-abbandun, u jġibu din l-art lura fis-settur agrikolu sabiex jagħmlu disponibbli aktar art agrikola lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu għadhom jibdew;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar Akkwist ta' Farmland u tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea, iżda jinnota li l-komunikazzjoni ma tirriflettix biżżejjed dwar kif għandhom jiġi rregolat ix-xiri minn gruppi korporattivi, li spiss huwa attiv fuq livell transnazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-komunikazzjoni f'dan ir-rigward;

53.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm koerenza bejn il-miżuri lokali, nazzjonali u dawk tal-UE li jikkonċernaw lill-bdiewa żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-tiġdid ġenerazzjonali, pereżempju, permezz tal-liġijiet tas-suċċessjoni u tat-tassazzjoni, ir-regoli dwar l-aċċess għall-art, l-ippjanar territorjali u l-istrateġiji ta' suċċessjoni tal-azjendi agrikoli;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lin-nisa b'aċċess ġust għal art sabiex jinkoraġġuhom jistabbilixxu ruħhom f'żoni rurali u jaqdu rwol sħiħ u attiv fis-settur agrikolu;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja studju dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art fl-UE li jqis il-fenomenu tal-gruppi korporattivi b'sussidjarji li jakkwistaw u jikkontrollaw l-art permezz ta' ftehimiet ta' negozju, u li tanalizza r-riskji li l-konċentrazzjoni tal-art toħloq, mhux biss f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-art għall-bdiewa żgħażagħ u dawk ġodda, iżda wkoll fir-rigward tal-provvista tal-ikel, l-impjiegi, l-ambjent, il-kwalità tal-ħamrija u l-iżvilupp rurali b'mod ġenerali;

56.  Huwa tal-fehma li l-UE għandu jkollha liġijiet dwar il-kwalità tal-art, peress li l-kwalità tal-art qiegħda tiddeterjora bħala riżultat ta' żvilupp agrikolu mhux adatt; jindika li dan id-deterjorament tal-art jaffettwa s-suq tal-art u l-prezzijiet tal-art, iżda jnaqqas ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni tal-artijiet mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet futuri tal-bdiewa;

57.  Jinnota li s-sistema attwali ta' pagamenti tal-PAK, u b'mod partikolari l-pagamenti diżakkoppjati, ma tippromwovix it-trasferiment ta' art agrikola u ma tipproteġix b'mod adegwat lill-bdiewa żgħażagħ mill-volatilità tal-prezzijiet agrikoli, li huma esposti iktar għaliha għal raġunijiet ċari dovuti għall-fatt li jkunu għadhom jibdew u ma jkollhomx l-esperjenza prattika jew għall-fatt li ma jkollhomx strumenti finanzjarji suffiċjenti disponibbli għalihom;

Taħriġ, innovazzjoni u komunikazzjoni

58.  Jinnota li hemm ħtieġa li jiġi mmodernizzat u jingħata aktar valur lit-taħriġ vokazzjonali pprovdut fir-reġjuni rurali, bl-involviment attiv tas-servizzi konsultattivi nazzjonali; jemmen li l-aċċess għall-Fond Soċjali Ewropew għandu jiġi ffaċilitat u li għandu jingħata baġit ikbar għat-taħriġ vokazzjonali fiż-żoni rurali;

59.  Jenfasizza l-aktar inizjattiva reċenti tal-UE, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jagħmlu volontarjat jew jaħdmu fuq proġetti fil-qasam tar-riżorsi naturali, u matul oqsma differenti bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd;

60.  Jirrakkomanda li dawn iż-żgħażagħ jissieħbu f'kooperattivi, li għandhom jipprovduhom b'konsulenza importanti dwar il-kummerċjalizzazzjoni, il-produzzjoni u aspetti oħra relatati mal-azjenda agrikola tagħhom;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni tal-kriterji bil-għan li titrawwem l-inkorporazzjoni taż-żgħażagħ f'soċjetà li fuqha m'għandhom ebda kontroll, bl-għajnuna li ż-żgħażagħ jirċievu tkun proporzjonata mal-importanza tagħhom fis-soċjetà;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru aktar opportunitajiet ta' taħriġ u konsulenza lill-bdiewa żgħażagħ potenzjali u kkonfermati, inklużi l-ħiliet għall-bidu ta' negozji agrikoli u l-ħiliet agrikoli, teknoloġiċi, ħiliet ġodda teknoloġiċi u intraprenditorjali bħall-kummerċjalizzazzjoni, in-netwerking, il-komunikazzjoni, l-innovazzjoni, il-multifunzjonalità u d-diversifikazzjoni u l-għarfien espert finanzjarju;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru aktar opportunitajiet ta' taħriġ u aktar opportunitajiet u inċentivi għall-mobilità internazzjonali; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' skema tat-tip Erasmus assoċjata ma' taħriġ vokazzjonali biex jittejbu l-ħiliet u l-esperjenza tal-bdiewa, anke fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda u mudelli ta' negozju ġodda, u biex jiġi permess lilhom trasferiment effiċjenti u effikaċi tat-tagħrif;

64.  Iqis li huwa importanti titrawwem l-estensjoni tan-netwerks tar-riċerkaturi, l-akkademiċi, il-maniġers u l-bdiewa żgħażagħ Ewropej li huma interessati fl-identifikazzjoni ta' mudelli ġodda ta' żvilupp ekonomiku biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq li qed jitfaċċaw mid-dinja l-ġdida ta' negozju rurali;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa ġodda dwar approċċi innovattivi u mhux konvenzjonali li huma l-aktar adatti biex tinbeda azjenda agrikola ġdida, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda tan-negozju msejsa fuq l-utenti aħħarija, l-iżvilupp ta' sistemi agrikoli iktar sostenibbli, l-iżvilupp ta' mudelli organizzattivi ġodda (pereżempju l-biedja kondiviża, il-prefinanzjament u l-finanzjament kollettiv), iż-żieda fil-konnessjonijiet bejn il-biedja u l-komunità lokali, u l-adattament tal-għarfien tradizzjonali għall-iżvilupp ta' innovazzjoniiet ta' negozju (pereżempju l-produzzjoni ta' ikel artiġjanali);

66.  Jitlob, bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' kumpaniji li jfallu, li jiġi introdott mekkaniżmu li jissorvelja jew jagħti parir lin-negozji bil-ħsieb li jingħata appoġġ kontinwu liż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet, tal-anqas għall-ewwel tliet snin ta' attività tal-kumpanija tagħhom;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu inizjattivi bħal "Demain je Serai paysan" Franċiża, li għandha l-għan li tippromwovi l-biedja bħala karriera fost iż-żgħażagħ u tagħtihom l-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jiksbu taħriġ rilevanti u jistabbilixxu l-azjendi agrikoli tagħhom;

68.  Huwa tal-fehma li għandu jinħoloq ambjent akkoljenti għaż-żgħażagħ fl-industrija tal-biedja, permezz ta' strutturi kollettivi u bbażati fuq is-solidarjetà bħall-gruppi tal-biedja konġunti ta' intrapriża agrikola (soċjetajiet tal-bdiewa), il-kooperattivi għall-użu tat-tagħmir agrikolu komunali, il-kooperattivi għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, il-gruppi tal-kondiviżjoni tax-xogħol, is-servizzi ta' sostituzzjoni, il-grupp tal-assistenza reċiproka, il-gruppi tal-estensjoni agrikola u l-innovazzjoni, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u tal-konsumaturi, in-netwerks bejn l-atturi agrikoli u mhux agrikoli (LEADER), eċċ.; jenfasizza li dawn it-tipi ta' organizzazzjoni jgħinu lill-professjonisti biex jaqsmu l-esperjenza, il-pariri u ċerti spejjeż, li huwa importanti għall-baġit u d-dħul taż-żgħażagħ, li ta' spiss ikollhom iħallsu spejjeż sinifikanti biex jibdew negozju;

69.  Jindika kemm hu importanti li ż-żgħażagħ fiż-żoni rurali jkollhom aċċess għall-istess servizzi u infrastruttura (pereżempju bandwidth b'veloċità għolja, skejjel u kindergartens, toroq, eċċ.) bħaż-żgħażagħ li jgħixu fil-bliet; iqis, għaldaqstant, li huwa essenzjali li jkun żgurat li l-bdiewa żgħażagħ fiż-żoni rurali jkunu f'pożizzjoni li jiżviluppaw l-azjendi agrikoli tagħhom u jappoġġjaw il-familji tagħhom;

70.  Jistieden biex l-ispirtu intraprenditorjali tan-nisa u l-inizjattivi jiġu inkoraġġuti, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tas-sjieda tan-nisa, tan-netwerks tal-bdiewa żgħażagħ nisa, l-imprendituri u l-bdiewa ġodda, u l-provvista fis-settur finanzjarju biex tiffaċilita l-aċċess għall-investimenti u l-kreditu għan-negozjanti nisa rurali, b'tali mod li jippermettilhom jiżviluppaw negozji li minnhom jaqilgħu għajxien stabbli;

71.  Huwa tal-fehma li t-tiġdid ġenerazzjonali jiddependi fuq l-attraenza tal-professjoni tal-biedja, iżda b'mod partikolari fuq il-kapaċità tagħha li tiġġenera dħul għal dawk li jixtiequ jaqilgħu l-għajxien tagħhom minnha; jenfasizza li, biex l-agrikoltura tkun vijabbli, il-PAK trid tippermetti ċertu livell ta' regolamentazzjoni tas-suq, b'mod partikolari meta s-swieq ma jkunux qed jaħdmu sew u qed jikkawżaw kriżijiet; jirrimarka li d-deregolamentazzjoni tas-swieq attwali qed ikollha impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-agrikoltura, qed tbiegħed liż-żgħażagħ mill-agrikoltura, u qed ikollha impatt serju fuq iż-żgħażagħ li diġà stabbilixxew azjendi agrikoli u għandhom djun kbar bħala riżultat tal-ispejjeż tal-bidu tagħhom;

Servizzi pubbliċi

72.  Jikkunsidra li l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli agroekoloġiċi moderni u ta' mudelli ġodda ta' negozju se jagħmel l-agrikoltura aktar attraenti għall-bdiewa żgħażagħ; jenfasizza li l-bdiewa żgħażagħ iridu jkunu mħarrġa u kkwalifikati fl-aħħar teknoloġiji biex jindirizzaw, b'mod partikolari, l-isfidi ambjentali kurrenti u futuri; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata appoġġ għall-approċċi innovattivi u mhux konvenzjonali bħall-agroekoloġija, il-mudelli ta' negozju ġodda bbażati fuq l-utenti finali, it-teknoloġija tal-biedja diġitali u s-soluzzjoni intelliġenti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe PAK futura tirrifletti dan;

73.  Jinnota li l-bdiewa żgħażagħ jirrappreżentaw potenzjal qawwi għall-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni peress li għandhom it-tendenza li jkollhom iktar ħiliet u abbiltà maniġerjali u jkunu aktar inklinati li jidħlu fi swieq ġodda, jiżviluppaw metodi ġodda ta' produzzjoni u jagħmlu l-aħjar użu ta' avvanzi teknoloġiċi u innovattivi fis-settur agrikolu, li jistgħu, b'mod partikolari, jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali li qed tiffaċċja l-agrikoltura; iqis meħtieġ, għalhekk, li dawn iż-żgħażagħ li jixtiequ jintroduċu tekniki u proċessi ta' produzzjoni innovattivi, bħal agrikoltura ta' preċiżjoni u sistemi ta' konservazzjoni, li għandhom l-għan li jtejbu l-kosteffikaċja u s-sostenibbiltà ambjentali tas-settur agrikolu, jiġu pprovduti b'appoġġ kritiku; jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riċerka dwar l-użu ta' teknoloġiji u prattiki agrikoli li jippermettu agrikoltura sostenibbli b'impatt ambjentali żgħir; jenfasizza li l-ħolqien ta' impjiegi ġodda u l-ħarsien tagħhom, u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fil-qasam tat-taħriġ agrikolu huma essenzjali għall-kompetittività tal-agrikoltura fl-UE;

74.  Jenfasizza li l-bdiewa jeħtieġu aċċess għal infrastruttura, faċilitajiet pubbliċi affordabbli u ta' kwalità għolja, u s-servizzi, inklużi kura tas-saħħa, edukazzjoni, broadband b'veloċità għolja, assistenza, taħriġ, servizzi kulturali, uffiċċji postali, trasport pubbliku u toroq aħjar; jinnota li l-istess kundizzjonijiet u l-istandard tal-għajxien għandhom jiġu żgurati għaż-żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali għal dawk li jgħixu f'żoni urbani, sabiex ma jiżdiedx aktar l-eżodu rurali u l-qasma territorjali;

75.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu impenn sod favur l-istabbiliment ta' kanali ta' kummerċjalizzazzjoni diretti li ser jippermettu lill-bdiewa żgħażagħ ibigħu l-prodotti tagħhom fis-swieq lokali b'mod iktar sostenibbli u bi profitt ikbar;

76.  Jirrimarka li, għal azjendi agrikoli żgħar u ż-żoni rurali biex ikomplu jiżviluppaw b'mod sostenibbli, hija meħtieġa bidla ġenerazzjonali;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Aġenda Rurali, li trid tinkludi miżuri kkoordinati taħt diversi politiki ta' żvilupp rurali tal-UE, reġjonali u lokali;

78.  Jenfasizza li l-PAK teħtieġ approċċi intelliġenti, peress li dawn is-soluzzjonijiet ġodda jagħmlu l-ħajja rurali u ta' rħula attraenti għaż-żgħażagħ;

Miżuri biex jitwaqqaf l-eżodu rurali

79.  Iqis li huwa meħtieġ li l-bdiewa żgħażagħ jiġu offruti prospetti fit-tul sabiex jitwaqqaf l-eżodu rurali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu inizjattivi ġodda biex jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa biex jappoġġjaw lill-intraprendituri ġodda u lill-familji tagħhom fiż-żoni rurali;

80.  Jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li tingħata kunsiderazzjoni lill-armonizzazzjoni ta' miżuri taħt il-programmi tal-iżvilupp rurali u l-ewwel pilastru tal-PAK, il-politika ta' koeżjoni tal-UE u miżuri f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex itejbu l-effikaċja tagħhom;

81.  Jirrimarka li l-innovazzjoni mhijiex biss kwistjoni ta' tekniki tal-biedja u makkinarju ġdid iżda tinkludi wkoll l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda, inkluż għodod ta' bejgħ u kummerċjalizzazzjoni, taħriġ u ġbir ta' data u informazzjoni;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni torjenta l-pagamenti diretti lejn azjendi agrikoli żgħar u lejn il-biedja agroekoloġika fir-riforma li ġejja tal-PAK, għax dan se jgħin ħafna lill-bdiewa iktar żgħażagħ u lill-bdiewa ġodda;

83.  Jirrimarka li ż-żoni rurali għandu ikollhom ukoll servizzi li jnaqqsu l-pressjonijiet tal-biedja, bħal konsulenza professjonali, pariri finanzjarji u pariri dwar il-ġestjoni ta' azjenda agrikola;

84.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti konnessjonijiet broadband f'żoni rurali u remoti; jilqa' d-diversi inizjattivi fil-qasam ta' "irħula intelliġenti", li l-għan finali tagħhom irid ikun li joħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg u jipprovdu impjieg għaż-żgħażagħ fiż-żoni rurali, kemm jekk f'forma ta' attivitajiet supplimentari fl-azjendi agrikoli kif ukoll f'attivitajiet mhux relatati mal-biedja (kura soċjali, mobbiltà, kura tas-saħħa, turiżmu, enerġija); iqis li l-produttività dejjem ikbar fl-agrikoltura u l-waqgħa kontinwa fil-prezzijiet tal-prodott agrikolu ser jagħmluha dejjem aktar diffiċli li jiġi ġġenerat biżżejjed dħul mill-attività agrikola bażika, speċjalment fl-azjendi agrikola żgħar;

85.  Jemmen li kwalunkwe strateġija ta' suċċess favur it-tiġdid ġenerazzjonali u l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ għandha tieħu approċċ olistiku, u tiffaċilita l-aċċess tal-bdiewa għall-art, il-finanzi, is-servizzi ta' konsulenza u t-taħriġ, u tqis it-tiġdid ġenerazzjonali għall-benefiċċju tal-bdiewa żgħażagħ u mhux; jenfasizza li dan għandu jagħmel il-biedja, li hija ta' importanza vitali għall-umanità, okkupazzjoni attraenti kemm għall-bdiewa żgħażagħ kif ukoll għas-soċjetà inġenerali;

86.  Jinnota li appoġġ qawwi għall-bdiewa żgħażagħ u l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda fis-settur agrikolu tal-UE huma essenzjali għall-futur taż-żoni rurali u jridu jiġu mħeġġa bħala parti mill-PAK l-ġdida ta' wara l-2020;

L-ambjent u s-sostenibbiltà

87.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura iktar konsistenza bejn il-miżuri ambjentali u tiżgura li dawn il-miżuri jiġu armonizzati; itenni li l-bdiewa żgħażagħ jeħtieġu miżuri li jkunu ċari u faċli biex jitpoġġew fil-prattika;

88.  Jemmen li, sabiex jiġu ppreżervati l-insedjamenti fiż-żoni rurali u żgurat standard simili ta' għajxien għall-persuni li jgħixu hemm meta mqabbla ma' żoni urbani, jeħtieġ li b'mod urġenti jitneħħew ostakli regolatorji u amministrattivi ħalli jiġi permess lill-operaturi tal-azjendi agrikoli jwettqu attivitajiet supplimentari agrikoli u mhux agrikoli, primarjament fil-kura soċjali, il-kura tas-saħħa, it-turiżmu, il-mobbiltà tal-anzjani u s-setturi tal-enerġija, b'tali mod li jiġi pprovdut dħul adegwat għall-operaturi tal-azjendi agrikoli u l-familji tagħhom u jitnaqqas ir-riskju ta' depopolazzjoni rurali;

89.  Jappella għal djalogu ġdid mas-soċjetà dwar il-futur tal-industrija agroalimentari b'tali mod li jkun hemm stampa realistika ta' x'tinvolvi l-biedja u jittejjeb l-għarfien ta' xi jfisser li tkun bidwi u kif jiġi prodott l-ikel;

Kwistjonijiet oħra

90.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw l-introjtu tal-bdiewa fil-konfront tar-riskji klimatiċi, ekonomiċi u tas-saħħa, u b'hekk jagħmlu l-azjendi agrikoli aktar reżiljenti, b'mod partikolari billi jintroduċu għodod ġodda għall-ġestjoni tar-riskji u jsaħħu l-għodod eżistenti;

91.  Jiġbed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tar-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE, li s-sitwazzjonijiet ambjentali, klimatiċi u tas-saħħa uniċi tagħhom huma differenti ħafna minn dawk tal-kontinent Ewropew, u għaldaqstant jitlob, kif previst fl-Artikolu 349 tat-TFUE, konsiderazzjoni ikbar ta' dawn ir-reġjuni u tal-assi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-istrumenti tal-PAK għall-bdiewa żgħażagħ, inkluż f'termini ta' aċċess għall-finanzjament;

92.  Jenfasizza li impriżi żgħar u tal-familja li joperaw f'kundizzjonijiet diffiċli u li jkunu qed ifittxu sorsi addizzjonali ta' introjtu għandhom jiġu megħjuna saħansitra iktar, pereżempju permezz tal-finanzjament ta' servizzi ta' konsulenza jew mudelli innovattivi ta' negozju;

93.  Jirrakkomanda li t-tiġdid ġenerazzjonali jrid iqis ukoll it-tiġdid interġenerazzjonali għall-benefiċċju tal-bdiewa żgħażagħ u dawk ikbar fl-età; jinnota kemm hu importanti li l-bdiewa jfasslu pjan għas-suċċessjoni tal-azjenda agrikola, u jinnota l-ħtieġa ta' pagament tranżitorju biex tiġi ffaċilitata din is-suċċessjoni;

o
o   o

94.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.
(3) ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0197.
(5) ĠU C 207, 30.6.2017, p. 57.
(6) ĠU C 350, 18.10.2017, p. 5.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali