Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/0070(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0319/2017

Testi mressqa :

A8-0319/2017

Dibattiti :

PV 29/05/2018 - 3
CRE 29/05/2018 - 3

Votazzjonijiet :

PV 29/05/2018 - 7.10
CRE 29/05/2018 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0213

Testi adottati
PDF 138kWORD 54k
It-Tlieta, 29 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi ***I
P8_TA(2018)0213A8-0319/2017
Riżoluzzjoni
 Test
 Anness

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (COM(2016)0128 – C8-0114/2016 – 2016/0070(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0128),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0114/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati mressqa, fi ħdan il-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, mill-Parlament Bulgaru, mis-Senat Ċek u l-Kamra tad-Deputati Ċeka, mill-Parlament Daniż, mill-Parlament Estonjan, mill-Parlament Kroat, mill-Parlament Latvjan, mill-Parlament Litwan, mill-Parlament Ungeriż, mis-Sejm Pollakk u mis-Senat Pollakk, mis-Senat Rumen u l-Kamra tad-Deputati tar-Rumanija u mill-Parlament Slovakk, li jaffermaw li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Diċembru 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-11 ta' April 2018, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0319/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 75, 10.3.2017, p. 81.
(2) ĠU C 185, 9.6.2017, p. 75.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-29 ta' Mejju 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi
P8_TC1-COD(2016)0070

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2018/957.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

L-Artikolu 3(7), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 96/71/KE, kif emendata mid-Direttiva adottata llum, li tistabbilixxi li l-allowances speċifiċi għall-istazzjonament għandhom jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni, sakemm ma jitħallsux bħala rimborż tal-ispejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonament, bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ. Huwa jistipula wkoll li "min iħaddem jenħtieġ li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1(h), jirrimborża lill-ħaddiema għal tali spejjeż f'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' impjieg tal-ħaddiem stazzjonat."

Il-Kummissjoni tifhem li "l-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' impjieg tal-ħaddiem stazzjonat", fil-prinċipju, huma l-liġi nazjonali u/jew il-prattika tal-Istat Membru ta' domiċilju, sakemm mhux determinat mod ieħor skont ir-regoli tal-UE dwar il-liġi internazzjonali privata. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-396/13 (il-paragrafu 59), ir-rimborż ikopri wkoll is-sitwazzjoni fejn min iħaddem iħallas l-ispejjez tal-ħaddiema fejn dawn tal-aħħar ma kellhomx jagħmlu ħlas minn qabel u jitolbu r-rimborż tiegħu.

Il-Kummissjoni tinnota li l-approċċ tad-Direttiva llum jipprevedi li, minħabba n-natura tax-xogħol mobbli ħafna tat-trasport internazzjonali bit-triq, ir-regoli riveduti dwar il-kollokament ser japplikaw għal dak is-settur biss mid-data tal-applikazzjoni ta' att leġiżlattiv li jemenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward tar-rekwiżiti ta' infurzar u jistabbilixxi regoli speċifiċi fir-rigward tad-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/KE għall-kollokament tax-xufiera fil-qasam tat-trasport bit-triq.

Il-Kummissjoni tappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw dak l-att malajr sabiex ir-regoli jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' ħaddiema kollokati fis-settur filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tat-trasport bit-triq.

Sad-data tal-applikazzjoni tal-att leġiżlattiv speċifiku għas-settur, id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE jibqgħu fis-seħħ fit-trasport bit-triq. Dawn l-atti leġiżlattivi ma japplikawx għal operazzjonijiet ta' trasport bit-triq li ma jikkostitwixxux kollokament.

Il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja mill-qrib l-infurzar tajjeb tar-regoli attwali b'mod partikolari fis-settur tat-trasport bit-triq u tieħu azzjoni fejn adatt."

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali