Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2048(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0172/2018

Testi mressqa :

A8-0172/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 30/05/2018 - 13.4

Testi adottati :

P8_TA(2018)0220

Testi adottati
PDF 151kWORD 56k
L-Erbgħa, 30 ta' Mejju 2018 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni
P8_TA(2018)0220A8-0172/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2018)0165 – C8-0131/2018 – 2018/2048(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0165 – C8-0131/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2017/000 TA 2017 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0172/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiġi introdott il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG mill-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u li jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta' dan l-ammont (jiġifieri EUR 861 515 fl-2018) jista' jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta' data u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;

E.  billi l-Parlament Ewropew issottolinja b'mod ripetut il-ħtieġa li jittejbu l-valur miżjud, l-effiċjenza u l-impjegabbiltà tal-benefiċjarji tal-FEG bħala strument ta' appoġġ min-naħa tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

F.  billi l-ammont propost ta' EUR 345 000 jikkorrispondi għal madwar 0,2 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2018;

1.  Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li għandhom jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data; ifakkar fl-importanza ta' sensiela ta' statistika robusta miġbura fil-forma xierqa li tkun faċilment aċċessibbli u komprensibbli; jilqa' l-ħruġ ippjanat futur tar-Rapporti Biennali tal-2019 u jitlob li dawk ir-rapporti jiġu distribwiti pubblikament u b'mod wiesa' madwar l-Unjoni kollha;

3.  Ifakkar fl-importanza ta' sit web speċifiku għall-FEG li jeħtieġ li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u jappella għal viżibbiltà akbar; jenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu fil-komunikazzjoni wiesgħa mal-pubbliku; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tittraduċi l-elementi l-ġodda fuq is-sit web tal-FEG fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni; jitlob li l-ambjent tal-internet ikun aktar faċli għall-utent, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-valur tal-kontenut tal-pubblikazzjonijiet u tal-attivitajiet awdjoviżivi tagħha kif previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG; jissuġġerixxi lil-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni tagħha permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali u dawk alternattivi;

4.  Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC 2014), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet, kif ukoll rappurtar aħjar; jappella għal skambju aħjar ta' informazzjoni dwar il-proċessi fost il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-Istati Membri nfushom; jinnota li l-Kummissjoni ffaċilitat l-operazzjonijiet finanzjarji tal-FEG permezz tal-ħolqien ta' interfaċċja bejn is-sistema ta' skambju elettroniku tad-data u s-sistema tal-kontabilità u tal-informazzjoni finanzjarja ABAC; jinnota li huma meħtieġa biss titjib minuri ulterjuri u aġġustamenti għall-bidliet potenzjali, li jillimitaw il-kontribuzzjoni de facto tal-FEG għal dan it-tip ta' nfiq;

5.  Jieħu nota li l-Kummissjoni biħsiebha tinvesti EUR 105 000 mill-baġit disponibbli fl-ambitu tal-għajnuna teknika billi torganizza tliet laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG; jirrikonoxxi l-valur li ssir laqgħa addizzjonali tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt bħala parti mit-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss; jieħu nota wkoll tal-intenzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li tinvesti EUR 120 000 sabiex tippromwovi n-netwerking permezz ta' seminars bejn l-Istati Membri, il-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistieden lill-Parlament, skont skadenzi raġonevoli, għal laqgħat u seminars tal-Grupp ta' Esperti kollha skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(5);

6.  Jilqa' id-disponibbiltà tal-Kummisjoni li tistieden il-membri tal-Grupp ta' Ħidma tal-FEG biex jipparteċipaw fis-Seminar ta' Netwerking rigward il-FEG meta jkun possibbli; jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tistieden lill-Parlament għal tali laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali huma wkoll mistiedna jipparteċipaw;

7.  Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, b'mod li jinfirxu l-aħjar prattiki; jappoġġa, għalhekk, iż-żewġ seminars ta' netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG apparti l-laqgħat tal-Grupp ta' Esperti; jistenna li dak l-iskambju ta' informazzjoni se jikkontribwixxi wkoll għal rappurtar aħjar u aktar dettaljat rigward ir-rata ta' suċċess ta’ applikazzjonijiet fi Stati Membri, b'mod partikolari rigward b'liema rata l-benefiċjarji jsibu impjieg ġdid;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (id-diviżjonijiet, il-kompiti u r-responsabbiltajiet interni) għandhom ikunu espliċiti u maqbula bejn is-sħab kollha kkonċernati;

9.  Jissottolinja l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG kif ukoll il-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji interessati, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG.

10.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0116.
(5) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/845.)

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza