Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2714(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0239/2018

Testi mressqa :

B8-0239/2018

Dibattiti :

PV 29/05/2018 - 2
CRE 29/05/2018 - 2

Votazzjonijiet :

PV 30/05/2018 - 13.10
CRE 30/05/2018 - 13.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0226

Testi adottati
PDF 128kWORD 52k
L-Erbgħa, 30 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji
P8_TA(2018)0226B8-0239/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji (2018/2714(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 intitolata "Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi – Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027" (COM(2018)0321),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għas-snin 2021sal-2027 u s-sistema ta' Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea (riżorsi proprji),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-Baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (COM(2018)0324),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020(1) u dwar riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2018 il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 dwar il-QFP 2021-2027 u s-sistema ta' riżorsi proprji tal-UE, li stabbilew il-bażi għan-negozjati li ġejjin; ifakkar li l-pożizzjoni tal-Parlament hija esposta b'mod ċar f'żewġ riżoluzzjonijiet li ġew adottati b'maġġoranzi kbar ħafna fl-14 ta' Marzu 2018, li jikkostitwixxu l-mandat tiegħu għan-negozjati;

2.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżgura li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss jirrifletti viżjoni ċara u pożittiva tal-ġejjieni tal-Unjoni u jirrispondi għall-ħtiġijiet, il-preokkupazzjonijiet u l-istennijiet taċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza li d-deċiżjoni dwar il-QFP se jeħtiġilha tipprovdi lill-Unjoni l-mezzi finanzjarji meħtieġa biex tkun tista' tilqa' għal sfidi importanti u twettaq il-prijoritajiet u l-objettivi politiċi tagħha matul il-perjodu ta' seba' snin li jmiss; jistenna, għalhekk, li l-Kunsill jaġixxi b'mod konsistenti mal-impenji politiċi li diġà assuma u li jkun kuraġġuż fl-approċċ tiegħu; huwa mħasseb li l-proposta tal-Kummissjoni ddgħajjef il-politiki ewlenin tal-UE dwar is-solidarjetà, u biħsiebu jinnegozja mal-Kunsill bil-għan li jibni QFP aktar ambizzjuż għall-ġid taċ-ċittadini;

3.  Jesprimi l-istagħġib u t-tħassib tiegħu għall-fatt li d-data komparattiva li l-Kummissjoni rrilaxxat uffiċjalment fit-18 ta' Mejju 2018, wara t-talba qawwija mill-Parlament, tikxef ċerti diskrepanzi fil-mod kif dawn iċ-ċifri ġew ippreżentati u kkomunikati mal-proposti għall-QFP; jinnota, b'mod partikolari, li ż-żidiet għal bosta programmi tal-UE fil-fatt huma sostanzjalment aktar baxxi, filwaqt li t-tnaqqisiet għal programmi oħra huma sostanzjalment akbar milli kif kienu ppreżentati oriġinarjament mill-Kummissjoni; jissottolinja l-ħtieġa li l-Parlament u l-Kunsill jaqblu mill-bidu fuq metodoloġija ċara fir-rigward taċ-ċifri; jiddikjara li sejjer juża l-kalkoli proprji tiegħu, ibbażati fuq prezzijiet kostanti u fil-qies tal-ħruġ tar-Renju Unit, għall-finijiet ta' din ir-riżoluzzjoni;

4.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-livell globali propost għall-QFP li jmiss, stabbilit fil-livell ta' EUR 1,1 triljun, li jirrappreżenta 1,08 % tal-ING tal-UE-27, wara t-tnaqqis tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (bħalissa 0,03 % tal-ING tal-UE barra l-baġit tal-UE); jissottolinja li dan il-livell globali f'termini ta' perċentwal tal-ING huwa aktar baxx, f'termini reali, mil-livell tal-QFP kurrenti, minkejja l-finanzjament addizzjonali meħtieġ għall-prijoritajiet politiċi ġodda u għall-isfidi li qed ifeġġu quddiem l-Unjoni; ifakkar li l-QFP kurrenti huwa anqas minn dak ta' qablu (il-QFP 2007-2013) u li rriżulta li ma kienx adegwat biex jiffinanzja l-ħtiġijiet urġenti tal-Unjoni;

5.  Jiddeplora l-fatt li din il-proposta twassal direttament għal tnaqqis sew fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) u sew fil-Politika ta' Koeżjoni, bi 15 % u b'10 % rispettivament; huwa partikolarment kontra kwalunkwe tnaqqis radikali li se jkollu impatt negattiv fuq l-istess natura u fuq l-objettivi ta' dawn il-politiki, bħat-tnaqqis propost għall-Fond ta' Koeżjoni (b'45 %), jew għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (b'aktar minn 25 %); jikkontesta, f'dan il-kuntest, il-proposta li l-Fond Soċjali Ewropew jitnaqqas b'6 %, minkejja l-ambitu mwessa' tiegħu u l-integrazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

6.  Jerġa' jikkonferma l-pożizzjoni soda tiegħu dwar il-livell ta' finanzjament meħtieġ għal politiki ewlenin tal-UE fil-QFP 20121-2027, biex ikunu jistgħu jaqdu l-missjoni tagħhom u jilħqu l-objettivi tagħhom; jenfasizza, b'mod partikolari, is-sejħa biex il-finanzjament tal-PAK u tal-Politika ta' Koeżjoni għall-UE-27 jinżamm tal-anqas fil-livell tal-baġit 2014-2020 f'termini reali, filwaqt li jirrispetta l-arkitettura kumplessiva ta' dawn il-politiki, biex il-baġit kurrenti għall-programm Erasmus+ jiġi ttripplikat, biex il-finanzjament speċifiku għall-SMEs u għall-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jiġi rduppjat, biex il-baġit kurrenti għar-riċerka u l-innovazzjoni jiżdied b'tal-anqas 50 % ħalli jilħaq il-livell ta' EUR 120 biljun, biex il-programm Life+ jiġi rduppjat, li l-investiment permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jiżdied b'mod sostanzjali, u biex jiġi żgurat finanzjament addizzjonali għas-siġurtà, għall-migrazzjoni u għar-relazzjonijiet esterni; jissottolinja, konsegwentement, il-pożizzjoni tiegħu li l-livell tal-QFP 2021-2017 għandu jkun stabbilit fil-livell ta' 1,3 % tal-ING tal-UE-27;

7.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipji orizzontali li għandhom jirfdu l-QFP u l-politiki tal-UE kollha relatati; jerġa' jsostni, f'dan il-kuntest, il-pożizzjoni tiegħu li l-UE jeħtiġilha twettaq l-impenn tagħha li tkun minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, u jiddeplora l-fatt li l-proposti għall-QFP ma fihomx impenn ċar u viżibbli f'dak is-sens; jitlob, għaldaqstant, li l-SDGs jiġu integrati fil-politiki u fl-inizjattivi kollha tal-UE fil-QFP li jmiss; jenfasizza, barra minn hekk, li l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni hija vitali għat-twettiq tal-impenji tal-UE favur Ewropa inklussiva, u jiddeplora n-nuqqas tal-integrazzjoni tal-ġeneri u tal-impenji dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki tal-UE, kif ippreżentati mal-proposti għall-QFP; jissottolinja wkoll il-pożizzjoni tiegħu li, wara l-Ftehim ta' Pariġi, l-infiq relatat mal-klima għandu jiżdied b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-QFP kurrenti u jilħaq 30 % mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-2027;

8.  Jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni dwar riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, li tirrappreżenta parti pożittiva ħafna mill-introjtu fil-pakkett tal-QFP 2021-2027; jilqa', għalhekk, l-introduzzjoni proposta ta' tliet riżorsi proprji ġodda tal-UE, kif ukoll is-semplifikazzjoni tar-riżorsa proprja kurrenti bbażata fuq il-VAT; jissottolinja li dawn il-proposti, li huma mnebbħa direttament mix-xogħol tal-Grupp interistituzzjonali ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, kienu wkoll parti mill-pakkett imressaq mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018; jinnota b'sodisfazzjoni li dawn ir-riżorsi l-ġodda jikkorrispondu għal żewġ objettivi strateġiċi tal-Unjoni, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistenna l-appoġġ tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex isaħħu r-rwol tal-Parlament fil-proċedura għall-adozzjoni ta' riżorsi proprji; ifakkar għal darb'oħra fil-pożizzjoni tiegħu li kemm in-naħa tan-nefqa kif ukoll dik tad-dħul fil-QFP li jmiss għandhom jiġu ttrattati bħala pakkett wieħed fin-negozjati li ġejjin, u li ma jista' jintlaħaq l-ebda qbil dwar il-QFP mingħajr ma jsir progress korrispondenti dwar ir-riżorsi proprji;

9.  Jilqa', barra minn hekk, il-prinċipju li d-dħul futur li jirriżulta minn politiki tal-UE għandu jmur fil-baġit tal-UE, u jappoġġja bis-sħiħ l-eliminazzjoni ta' kull ribass u korrezzjoni; jistaqsi b'liema ritmu se jiddaħħlu dawn ir-riżorsi proprji ġodda ħalli jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali; jikkontesta, madankollu, l-assenza ta' proposti tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' riserva speċjali fil-baġit tal-UE li fiha jmorru t-tipi kollha ta' dħul ieħor mhux previst, inklużi multi tal-kompetizzjoni imposti fuq kumpaniji, kif ukoll taxxa fuq kumpaniji kbar fis-settur diġitali u t-Taxxa fuq it-Tranżazzjonjiet Finanzjarji bħala riżorsi proprji ġodda tal-UE;

10.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur li jitwaqqaf mekkaniżmu li, permezz tiegħu, l-Istati Membri li ma jirrispettawx il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu soġġetti għal konsegwenzi finanzjarji; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar "Il-protezzjoni tal-Baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri", li ġiet imressqa bħala parti mill-pakket kumplessiv tal-QFP; biħsiebu jeżamina bir-reqqa l-elementi kollha ta' din il-proposta, u jdaħħal id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jiggarantixxu li l-benefiċjarji aħħarin tal-baġit tal-Unjoni bl-ebda mod ma jkunu jistgħu jiġu affettwati minn ksur tar-regoli li ma jkunux responsabbli għalih;

11.  Huwa konvint mill-ħtieġa li jkun hemm rieżami obbligatorju u vinkolanti f'nofs it-terminu tal-QFP, liema rieżami għadu jiġi propost u deċiż f'waqtu biex il-Parlament u l-Kummissjoni li jmiss ikunu jistgħu jagħmlu aġġustament sinifikattiv tal-qafas għall-2021-2017; biħsiebu jtejjeb il-formulazzjoni tal-Artikolu propost fir-Regolament dwar il-QFP;

12.  Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-flessibbiltà jirrappreżentaw bażi tajba għan-negozjati; jilqa', b'mod partikolari, diversi proposti li jtejbu d-dispożizzjonijiet kurrenti, speċifikament l-użu mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet diżimpenjati għar-riserva tal-Unjoni, iż-żieda fl-allokazzjonijiet ta' strumenti speċjali, it-tneħħija ta' kwalunkwe restrizzjoni għall-Marġni Globali għall-Pagamenti, bi qbil mat-talbiet tal-Parlament f'dan il-qasam; biħsiebu jinnegozja titjibiet addizzjonali, kull fejn ikunu meħtieġa;

13.  Jieħu nota li l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu Ewropew għall-istabilizzazzjoni tal-investiment, li se jikkomplementa l-funzjoni ta' stabilizzazzjoni tal-baġits nazzjonali f'każijiet ta' xokkijiet asimetriċi maġġuri; biħsiebu jeżamina din il-proposta bir-reqqa, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-objettivi u l-volum tagħha;

14.  Jenfasizza li l-proposti tal-Kummissjoni jvaraw uffiċjalment perjodu ta' negozjati intensi fi ħdan il-Kunsill, iżda wkoll bejn il-Kunsill u l-Parlament bil-għan li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu għar-Regolament dwar il-QFP; jissottolinja li l-elementi kollha tal-pakkett dwar il-QFP/riżorsi proprji, inklużi ċ-ċifri tal-QFP, għandhom jibqgħu fuq il-mejda tan-negozjati sa ma jintlaħaq qbil finali; jesprimi r-rieda tiegħu li minnufih jibda djalogu strutturat mal-Kunsill, biex l-istennijiet tal-Parlament ikunu mifhuma aktar u biex jiffaċilita qbil f'waqtu; iqis, għaldaqstant, li l-varar reċenti ta' laqgħat regolari bejn il-presidenzi suċċessivi tal-Kunsill u t-tim tan-negozjaturi tal-Parlament huwa punt ta' tluq essenzjali fil-proċedura li sejra twassal għall-adozzjoni tal-QFP li jmiss;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħrajn ikkonċernati, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0075.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0076.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali