Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2256(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0160/2018

Testi mressqa :

A8-0160/2018

Dibattiti :

PV 29/05/2018 - 18
CRE 29/05/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 30/05/2018 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0228

Testi adottati
PDF 177kWORD 58k
L-Erbgħa, 30 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport annwali dwar il-Funzjonament taż-Żona Schengen
P8_TA(2018)0228A8-0160/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen (2017/2256(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2017 dwar l-ippreservar u t-tisħiħ ta' Schengen (COM(2017)0570),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Lura lejn Schengen – Pjan ta' direzzjoni" (COM(2016)0120),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta(1) (‘ir-Regolament EBCG’),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 17 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur)(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0160/2018),

A.  billi ż-żona Schengen hija arranġament uniku u waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea li tippermetti l-moviment ħieles tal-persuni fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; billi dan sar possibbli permezz ta' diversi miżuri ta' kumpens bħat-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni permezz tal-istabbiliment tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex tiġi verifikata l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen mill-Istati Membri u titrawwem fiduċja reċiproka fil-funzjonament taż-żona Schengen; billi l-fiduċja reċiproka titlob ukoll is-solidarjetà, is-sigurtà, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, il-protezzjoni konġunta tal-fruntieri esterni tal-UE, fehim komuni u politiki komuni dwar il-migrazzjoni, il-viżi u l-asil, u r-rispett tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew f'dan il-qasam;

B.  billi f'dawn l-aħħar snin bosta fatturi kellhom impatt fuq il-funzjonament taż-żona Schengen; billi dawn il-fatturi jinkludu l-impatt tal-movimenti internazzjonali u tal-flussi turistiċi li inizjalment kienu dawk li mmotivaw il-leġiżlazzjoni hekk imsejħa tal-"fruntieri intelliġenti" kif ukoll l-għadd sinifikanti ta' persuni li jfittxu asil u migranti irregolari b'movimenti sekondarji relatati u l-introduzzjoni mill-ġdid u t-titwil sussegwenti tal-kontrolli tal-fruntieri interni minn xi Stati Membri mill-2014; billi l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni jidher li hija relatata ma' perċezzjoni ta' theddid għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna b'rabta mal-moviment tal-persuni u t-terroriżmu, l-għadd ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali u migranti irregolari li jaslu aktar milli evidenza soda tal-eżistenza reali ta' theddid serju jew l-għadd reali ta' dawk li qed jaslu; billi dawn il-fatturi jinkludu wkoll it-terroriżmu u theddida ogħla għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna tal-Istati Membri;

C.  billi t-tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-UE u l-introduzzjoni ta' verifiki sistematiċi ma' bażijiet ta' data rilevanti, inkluż għaċ-ċittadini Ewropej, kienu parti mill-miżuri implimentati biex jipproteġu ż-żona Schengen;

D.  billi xi Stati Membri rreaġixxew għall-wasliet ta' persuni li jfittxu asil u tar-rifuġjati billi introduċew mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom, sabiex "jirregolaw" il-moviment ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jfittxu protezzjoni internazzjonali, minkejja li l-Artikolu 14(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jistipula li l-"proċedura tal-fruntieri normali" ma tapplikax għall-persuni li jfittxu asil; billi għandha tiġi implimentata sistema ġusta ta' responsabilità kondiviża għall-valutazzjoni tat-talbiet għall-asil;

E.  billi, minn Marzu 2016, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' miżuri bl-għan li tirkupra l-funzjonament normali taż-żona Schengen; billi l-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen għadu ma ġiex lura għan-normal u jiddependi primarjament fuq l-Istati Membri, il-fiduċja li għandhom f'xulxin, is-solidarjetà li juru b'appoġġ tal-pajjiżi tal-ewwel wasla, l-adozzjoni ta' miżuri adegwati u l-implimentazzjoni ta' tali miżuri, b'mod partikolari mill-Istati Membri;

F.  billi l-inċentivi biex l-Istati Membri jadottaw miżuri biex iż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona tajjeb jiddependu l-aktar fuq in-nonrinnovabilità tat-talbiet ta' kontrolli fil-fruntieri;

G.  billi ż-żamma tal-kontrolli fil-fruntieri interni fl-Unjoni jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta' tali kontrolli fiż-żona Schengen għandha impatt serju fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini Ewropej u ta' dawk kollha li jgawdu mill-prinċipju tal-moviment liberu ġewwa l-UE u timmina serjament il-fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej u l-integrazzjoni; billi ż-żamma jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tinvolvi spejjeż operattivi u ta' investiment diretti għall-ħaddiema, it-turisti, it-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq u l-amministrazzjonijiet pubbliċi transfruntieri, b'effetti debilitanti fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri; billi l-istimi tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri jistgħu jvarjaw bejn EUR 0,05 biljun u EUR 20 biljun fi spejjeż ta' darba u EUR 2 biljun fi spejjeż operattivi annwali(4); billi r-reġjuni transfruntieri huma partikolarment affettwati;

H.  billi l-bini ta' ħitan u ċnut fil-fruntieri esterni u interni tal-UE minn diversi Stati Membri qed jiżdied u billi dan qed jintuża bħala deterrent għad-dħul u t-tranżitu ta' persuni li jfittxu asil, inter alia, fit-territorju tal-UE; ifakkar li, skont it-Transnational Institute (TNI), huwa stmat li l-pajjiżi Ewropej bnew aktar minn 1 200 kilometru ta' ħitan u fruntieri bi spiża ta' mill-anqas EUR 500 miljun u li mill-2007 sal-2010, il-fondi tal-UE kkontribwew għall-iskjerament ta' 545 sistema ta' sorveljanza fuq il-fruntieri li jkopru 8 279 kilometru ta' fruntieri esterni tal-UE u 22 347 apparat ta' sorveljanza;

I.  billi ż-żona Schengen tinsab f'salib it-toroq u teħtieġ azzjonijiet deċiżivi u konġunti biex iġġib lura l-benefiċċji kollha li tipprovdi liċ-ċittadini; billi teħtieġ ukoll fiduċja reċiproka, kooperazzjoni u solidarjetà fost l-Istati Membri; billi ma għandux ikun hemm diskors politiku li jkollu l-għan li jitfa' l-ħtija fuq Schengen;

J.  billi t-tkabbir taż-żona Schengen għadu strument ewlieni biex jiġu estiżi l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mid-dritt għall-moviment liberu ta' persuni, servizzi, oġġetti u kapital, għall-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li titrawwem il-koeżjoni u jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni; billi l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fl-Istati Membri kollha li ssodisfaw il-kriterji għall-konklużjoni b'suċċess tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen, hija essenzjali għall-ħolqien ta' qafas ta' sigurtà legali kkoordinat u robust; billi r-rieda tar-Rumanija u l-Bulgarija biex jissieħbu fiż-Żona Schengen ġiet imħabbra f'diversi okkażjonijiet mill-President tal-Kummissjoni u ġiet enfasizzata wkoll mill-Parlament fil-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija(5) u mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu;

K.  billi l-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju ta' Schengen segwa mill-qrib l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen permezz tas-sejbiet tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni, tal-metodoloġija ta' valutazzjoni tal-vulnerabilità, tas-seduti tas-smigħ tal-kumitati u tal-missjonijiet lejn Stati Membri u pajjiżi terzi; billi huwa identifika l-miżuri li ġew implimentati jew li waslu biex jiġu implimentati, in-nuqqasijiet ewlenin fil-funzjonament taż-żona Schengen u l-azzjonijiet meħtieġa li se jittieħdu fil-futur;

Kwistjonijiet Ewlenin

Il-progress li sar fl-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati

1.  Jirrimarka li l-leġiżlatur tal-UE adotta għadd ta' miżuri f'dawn l-aħħar tliet snin li ġew imfassla biex isaħħu l-integrità taż-Żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; jilqa' l-effikaċja tal-miżuri li ttieħdu fil-fruntieri esterni u l-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA); jinnota l-isforzi tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni tar-regolament il-ġdid, speċjalment permezz ta' operazzjonijiet konġunti fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri u r-ritorn, u billi tappoġġa lill-Istati Membri soġġetti għal livelli ogħla ta' migrazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jinżamm rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali kif stipulat fir-Regolament EBCG; jagħraf l-importanza tal-mekkaniżmu ta' valutazzjoni tal-vulnerabilità li għadu kif ġie introdott li kixef dgħufijiet fil-fruntieri esterni komuni u pprevjena kriżijiet; jenfasizza l-isforzi konġunti u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u partijiet interessati oħra fl-organizzazzjoni tal-approċċ 'hotspot' fil-qasam tat-taħriġ;

2.  Jinnota l-passi meħuda permezz tal-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-introduzzjoni ta' kontrolli obbligatorji sistematiċi mal-bażijiet ta' data rilevanti fil-fruntieri esterni mad-dħul u l-ħruġ għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u għaċ-ċittadini tal-UE filwaqt li tinżamm il-viġilanza dwar l-effetti, in-neċessità u l-proporzjonalità ta' dawn il-miżuri fuq il-qsim tal-fruntieri miċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li f'xi każijiet verifiki sistematiċi mandatorji fil-fruntieri esterni ta' Schengen ġew sostitwiti minn kontrolli mmirati minħabba l-impatt sproporzjonat tagħhom fuq il-fluss tat-traffiku; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawn il-konsegwenzi meta twettaq l-evalwazzjoni prevista fir-Regolament (UE) 2017/458;

3.  Jilqa' r-riforma li għaddejja tas-SIS u t-tnedija fil-5 ta' Marzu 2018, mill-eu-LISA, tal-pjattaforma tas-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' tas-SIS II (AFIS), li tintroduċi kapaċità ta' tiftix bijometriku fis-sistema, li se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir użu aħjar mill-għodod eżistenti, jiġifieri biex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tas-sistemi eżistenti u biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi strutturali fl-informazzjoni f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u r-rispett tal-prinċipji tad-dritt għall-privatezza, tan-nondiskriminazzjoni, tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

5.  Jilqa' l-ħidma li saret fil-qasam tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija u dik ġudizzjarja u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-ħidma tal-Eurojust u tal-Europol, biex tiġġieled il-kriminalità transfruntiera u l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu permezz tal-intelligence, l-iskambju tal-informazzjoni u l-investigazzjonijiet konġunti;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa l-kunċett u l-istrateġija tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea (IBM) fuq il-bażi ta' dak li ġie ppubblikat fl-14 ta' Marzu 2018 sabiex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet fir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta; jesprimi dubji rigward l-effikaċja tagħha fl-iffissar tal-objettivi u l-għanijiet mixtieqa fil-qasam tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea, u b'mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ u l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali u komponenti oħra tal-istrateġija;

7.  Jara valur kbir fil-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen imġedded peress li jippromwovi t-trasparenza, il-fiduċja reċiproka u r-responsabilità bejn l-Istati Membri billi jiskrutinizza l-mod kif jimplimentaw l-oqsma differenti tal-acquis ta' Schengen;

Nuqqasijiet kritiċi li ġew identifikati

8.  Jesprimi tħassib rigward in-nuqqasijiet kritiċi u d-defiċjenzi skoperti permezz tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen u l-valutazzjoni tal-vulnerabilità;

9.  Jesprimi tħassib profond dwar in-nuqqasijiet serji ħafna fl-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen misjuba matul l-evalwazzjoni tal-użu proviżorju tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen mir-Renju Unit u, fl-interess tal-integrità ta' din is-sistema, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom f'diskussjonijiet mal-Parlament dwar segwitu xieraq għal dawn is-sejbiet;

10.  Jikkundanna t-tkomplija tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-verifiki fil-fruntieri interni peress li din timmina l-prinċipji bażiċi taż-żona Schengen; huwa tal-fehma li ħafna mill-prorogi mhumiex konformi mar-regoli attwali dwar l-estensjonijiet, in-neċessità jew il-proporzjonalità tagħhom u għalhekk huma illegali; jiddispjaċih li l-Istati Membri ma ħadux il-miżuri xierqa biex jiżguraw il-kooperazzjoni ma' Stati Membri affettwati oħra biex jimminimizzaw l-effetti ta' dawn il-miżuri, u li lanqas ma ġġustifikaw biżżejjed ir-raġunijiet ta' dawn il-kontrolli u lanqas ma pprovdew biżżejjed informazzjoni dwar ir-riżultati tagħhom, u għalhekk xekklu l-analiżi mill-Kummissjoni u l-iskrutinju mill-Parlament; jiddispjaċih ukoll li teżisti l-prattika mill-Istati Membri li jibdlu b'mod artifiċjali l-bażi legali għall-introduzzjoni mill-ġdid biex jestenduha lil hinn mill-perjodu massimu possibbli fl-istess ċirkostanzi fattwali; iqis li l-impatti ekonomiċi, politiċi u soċjali ta' din il-prattika huma ta' detriment għall-unità taż-żona Schengen u ta' ħsara għall-prosperità taċ-ċittadini Ewropej u għall-prinċipju tal-libertà ta' moviment; itenni li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta ħafna miżuri f'dawn l-aħħar tliet snin biex isaħħaħ il-fruntieri esterni u l-kontroll fil-fruntieri esterni; jissottolinja li ma kien hemm l-ebda reazzjoni korrispondenti f'termini tat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni;

11.  Jenfasizza li rriżulta li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija ħafna aktar faċli mit-tneħħija ta' dawk il-kontrolli fil-fruntieri interni ladarba jkunu ġew introdotti mill-ġdid;

12.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni f'għadd ta' oqsma tar-regolamentazzjoni li jirregolaw ċerti oqsma tal-kontroll tal-fruntieri esterni bħall-konsultazzjoni sistematika tal-bażijiet tad-data waqt il-verifiki fil-fruntieri u l-verifika bir-reqqa tal-kundizzjonijiet tad-dħul rikjesti; huwa mħasseb ukoll dwar in-nuqqas ta' disponibilità okkażjonali ta' ċerti bażijiet tad-data bħas-SIS u l-VIS f'ċerti punti ta' qsim tal-fruntieri; jinnota li hija prevalenti f'ħafna Stati Membri nonkonformità ċara fl-istabbiliment taċ-Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni f'konformità mar-Regolament li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur); jenfasizza għal darb'oħra li, sabiex il-leġiżlazzjoni dwar il-fruntieri interni u esterni tkun effettiva, huwa essenzjali li l-miżuri miftiehma fil-livell tal-Unjoni jiġu implimentati kif xieraq mill-Istati Membri;

13.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom għodod oħra għad-dispożizzjoni tagħhom għajr il-kontroll fil-fruntieri interni, inkluż – kif rakkomandat mill-Kummissjoni – kontrolli tal-pulizija mmirati dment li dawn il-kontrolli ma jkollhomx il-kontroll fil-fruntieri bħala objettiv, ikunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali tal-pulizija jew esperjenza rigward theddid possibbli għas-sigurtà pubblika, u jkollhom l-għan, b'mod partikolari, li jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera, u jkunu mfassla u eżegwiti b'mod li jkun distint b'mod ċar minn kontrolli sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni; ifakkar li tali kontrolli jistgħu jkunu aktar effettivi mill-kontrolli tal-fruntieri interni, speċjalment peress li huma aktar flessibbli u jistgħu jkunu adattati aktar faċilment għall-iżvilupp tar-riskji;

14.  Ifakkar li żjarat Schengen fuq il-post għal għarrieda jistgħu isiru fil-fruntieri interni mingħajr notifika minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat;

15.  Jikkundanna l-kostruzzjonijiet ta' ostakoli fiżiċi, inklużi reċinti, bejn l-Istati Membri u jfakkar id-dubji tiegħu dwar il-kompatibilità ta' dawn l-azzjonijiet mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-kostruzzjonijiet eżistenti u futuri u tirrapporta lill-Parlament;

16.  Jirrikonoxxi, bħala parti mill-isforzi biex il-funzjonament ta' Schengen jitreġġa' għan-normal, il-proposta għall-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli ċari u li dawn il-bidliet għandhom sempliċement jirriflettu sfidi ġodda u jxejnu theddidiet għas-sigurtà interna mingħajr ma titħeġġeġ l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni; ifakkar li kwalunkwe bidla ma għandhiex tkun mezz ulterjuri biex jiġu estiżi l-kontrolli fil-fruntieri interni; huwa mħasseb li l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija bbażata fuq valutazzjoni tar-"riskju perċepit" minflok fuq evidenza rigoruża u soda u l-eżistenza ta' theddida serja u li l-hekk imsejħa "valutazzjoni tar-riskji" proposta għandha tiġi fdata kompletament lill-Istat li jerġa' jintroduċi l-kontrolli fil-fruntieri; iqis li dawn il-passi għandhom isiru b'attenzjoni sabiex ma jikkawżawx ħsara irriversibbli lill-idea bażika tal-moviment liberu, speċjalment billi jiġu stabbiliti garanziji proċedurali sostanzjali, b'mod partikolari sabiex jinżamm limitu strett ta' żmien għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni;

17.  Jissottolinja li estensjoni ulterjuri tal-kontrolli fil-fruntieri interni eżistenti – jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta' oħrajn ġodda – timponi spejjeż ekonomiċi kbar fuq l-UE kollha kemm hi billi tagħmel ħsara kbira lis-Suq Uniku;

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu

18.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati mingħajr dewmien in-nuqqasijiet kritiċi identifikati sabiex ikun hemm ritorn lejn il-funzjonament normali taż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni;

19.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw b'mod sħiħ ir-regolamenti eżistenti u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod deċiżiv fi kwistjonijiet relatati mal-ksur ta' regoli maqbula b'mod komuni billi timponi miżuri proporzjonati u meħtieġa fuq l-Istati Membri inkwistjoni sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-Istati Membri l-oħrajn u tal-Unjoni kollha kemm hi, inklużi l-proċeduri ta' ksur;

20.  Jenfasizza l-importanza tar-riforma u tal-adattament tas-SIS biex tiffaċċja sfidi ġodda rapidament, jiġifieri fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal f'riskju jew tfal nieqsa, l-iskambju immedjat u obbligatorju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu f'konformità mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-ħarsien tas-salvagwardji fuq il-protezzjoni tad-data u l-privatezza u l-iskambju ta' informazzjoni obbligatorju dwar id-deċiżjonijiet ta' ritorn; jenfasizza li tali riforma ma tridx timmina l-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità; jissottolinja li jekk is-sistema trid tiffunzjona kif xieraq, it-twissijiet iridu jirrikjedu azzjoni u għandhom jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fis-sistema; jirrileva ż-żieda sostanzjali mistennija fl-attività tal-Bureau tat-Talba għal Informazzjoni Supplimentari fil-Punti ta' Dħul Nazzjonali (SIRENE) u jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu billi jiżguraw li jkollu riżorsi finanzjarji u umani adegwati sabiex iwettaq il-funzjonijiet il-ġodda tiegħu;

21.  Jenfasizza n-natura kritika tas-sejbiet tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom; jenfasizza wkoll il-valutazzjoni tal-vulnerabilità u jistieden lill-Istati Membri jaġixxu b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport komprensiv annwali lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa skont ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013;

23.  Jinsisti b'determinazzjoni biex il-Kummissjoni ma ġġeddidx aktar it-talbiet ta' deroga minn Schengen jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx implimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula lilu bħala parti mill-mekkaniżmu ta' valutazzjoni ta' Schengen;

24.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha, inklużi dawk mingħajr fruntiera tal-art esterna, għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw livell għoli ta' kontroll fil-fruntieri esterni tagħhom billi jallokaw riżorsi suffiċjenti permezz tal-persunal, l-apparat u l-għarfien espert filwaqt li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali – inkluż fil-kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni internazzjonali u man-non-refoulement – jistabbilixxu l-istrutturi ta' kmand u kontroll meħtieġa u jifformulaw analiżi tar-riskju aġġornata f'konformità mar-Regolament EBCG għal-livelli kollha ta' kmand biex jiffaċilitaw operazzjonijiet effettivi u jipprovdu infrastrutturi adegwati għall-qsim tal-fruntieri sikur, ordnat u mexxej;

25.  Huwa tal-fehma li kieku jiġi rivedut il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen, kwalunkwe proposta għandha tindirizza d-dewmien kbir bejn iż-żjara fuq il-post u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-pjanijiet ta' azzjoni u għandha tiffaċilita azzjoni ta' rimedju rapida min-naħa tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-valur taż-żjarat fuq il-post għal għarrieda fil-kuntest tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen jista' jissaħħaħ kieku dawn iż-żjarat isiru verament għal għarrieda (mingħajr avviż minn 24 siegħa qabel);

26.  Ifakkar li l-Parlament għandu jiġi infurmat minnufih u bis-sħiħ dwar kwalunkwe proposta biex jiġi emendat jew sostitwit il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen; jinnota li l-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-operat tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tar-rapporti kollha ta' evalwazzjoni li jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet koperti mill-ewwel programm ta' evalwazzjoni pluriennali u tgħaddi dan kollu lill-Parlament;

27.  Jinsisti fuq l-iżvilupp tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen flimkien mal-għodda tal-valutazzjoni tal-vulnerabilità b'mod li jipprevjeni rikaduti imprevisti fil-ġestjoni ġenerali tal-fruntieri esterni u jtejjibha, isaħħaħ ir-rispett tal-acquis ta' Schengen u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-konformità mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra li ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha u jiffaċilita skrutinju bir-reqqa u trasparenza bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari l-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni u s-segwitu tal-evalwazzjonijiet ta' Schengen u l-valutazzjonijiet ta' vulnerabilità; jistieden lill-Kummissjoni torganizza żjarat fuq il-post fil-fruntieri interni li jkunu ġenwinament għal għarrieda u biex tivvaluta n-natura u l-impatt tal-miżuri fis-seħħ;

28.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jtejbu l-ġbir tal-informazzjoni u d-data statistika dwar il-ġestjoni nazzjonali tar-riżorsi u l-kapaċitajiet relatati mal-kontroll tal-fruntieri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli fi żmien xieraq l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-mekkaniżmu tal-valutazzjoni tal-vulnerabilità;

29.  Jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk affettwati direttament, jippreparaw u jittestjaw biżżejjed il-pjanijiet ta' kontinġenza meħtieġa biex jimmitigaw sitwazzjonijiet ta' żieda fil-livell tal-migrazzjoni, kif ukoll biex isaħħu l-kapaċità ta' reġistrazzjoni u akkomodazzjoni tagħhom fl-eventwalità li jiġru tali sitwazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom biex jindividwaw il-frodi tad-dokumenti u d-dħul irregolari filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tan-non-refoulement u d-drittijiet fundamentali b'mod sħiħ; jitlob biex isiru sforzi miftiehma fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu b'mod partikolari sabiex jiġu identifikati l-organizzazzjonijiet kriminali u l-finanzjament tagħhom b'aktar preċiżjoni;

30.  Jenfasizza li aċċess sikur u legali għall-UE, inkluż fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen, se jikkontribwixxi għall-istabilità ġenerali taż-żona Schengen;

31.  Iqis l-istat attwali ta' implimentazzjoni tal-istrateġija tal-IBM bħala inadegwata; jirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti kif stipulati fir-Regolament EBCG u jibdew l-evalwazzjonijiet tematiċi tal-IBM fl-Istati Membri fi żmien debitu; jistieden lill-Istati Membri jġibu l-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom f'konformità mal-kunċett tal-IBM billi japplikaw approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-fruntieri fuq il-bażi tal-prinċipji fundamentali sottostanti tiegħu u b'mod partikolari billi jiggarantixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, b'attenzjoni speċifika fuq gruppi vulnerabbli u l-minorenni fl-attivitajiet kollha tal-ġestjoni tal-fruntieri u ta' ritorn, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta' non-refoulement; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija IBM fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali u l-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali, u għaldaqstant tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni filwaqt li jitħarsu d-drittijiet fundamentali;

32.  Jinsisti fuq il-ħtieġa tal-introduzzjoni fil-pront tal-istrateġija IBM implimentata b'mod sħiħ, kif maqbul bejn l-istituzzjonijiet, l-istrateġija teknika u operazzjonali mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-istrateġiji nazzjonali sussegwenti tal-Istati Membri; huwa konxju bis-sħiħ tal-inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija IBM fl-Istati Membri u jenfasizza li l-eżekuzzjoni sħiħa tal-istrateġija IBM fl-Istati Membri kollha hija essenzjali għall-funzjonament adegwat taż-żona Schengen;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolament Eurosur fid-dawl tal-akbar nuqqasijiet li tfaċċaw fl-implimentazzjoni tar-regolament attwali, u jikkunsidra li tali proposta għandha tinkoraġġixxi użu akbar tal-Eurosur biex tinvolvi ruħha u tgħin fl-iskambju tal-informazzjoni, l-analiżi tar-riskju u f'operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ;

34.  Itenni l-appoġġ tal-Parlament għall-adeżjoni immedjata tal-Bulgarija u r-Rumanija maż-żona ta' Schengen, u l-adeżjoni tal-Kroazja malli tissodisfa l-kriterji għas-sħubija; jistieden lill-Kunsill japprova l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija bħala membri sħaħ taż-żona Schengen;

Kwistjonijiet oħra b’impatt fuq Schengen

35.  Jenfasizza li l-istat attwali ta' Schengen u l-persistenza ta' kontrolli fil-fruntieri interni mhumiex ikkawżati, primarjament, minn problemi fl-istruttura u fir-regoli taż-żona Schengen innifisha imma pjuttost mill-oqsma relatati tal-acquis, bħan-nuqqasijiet fil-qasam tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, inkluż nuqqas ta' rieda politika, il-kondiviżjoni tas-solidarjetà u r-responsabilità, ir-Regolament ta' Dublin u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni;

Il-progress li sar fl-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati

36.  Jenfasizza l-miżuri ta' appoġġ u ta' bini tal-kapaċità meħudin sabiex jiġu indirizzati l-kawżi ta' oriġini tal-migrazzjoni irregolari u sabiex jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiżi ta' oriġini;

37.  Iqis li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi hija element wieħed biex jittaffew iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-migrazzjoni furzata u irregolari; jenfasizza n-natura komprensiva tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa;

Nuqqasijiet kritiċi li ġew identifikati

38.  Jiddispjaċih li ħafna persuni ġew irrapportati mejta jew nieqsa fil-Baħar Mediterran f'dawn l-aħħar snin; jenfasizza wkoll li t-tfittix u s-salvataġġ huwa komponent individwali tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea kif stabbilit fir-Regolament EBCG; huwa tal-fehma li rispons tal-Unjoni permanenti, robust u effikaċi fl-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fuq il-baħar huwa kruċjali għall-prevenzjoni tat-telf ta' ħajjiet fuq il-baħar; iqis li huwa essenzjali li l-aspetti u l-kapaċitajiet adegwati ta' tiftix u salvataġġ marittimi jiġu inkorporati fl-ippjanar operazzjonali kollu tas-sorveljanza tal-fruntieri fuq il-baħar u fl-implimentazzjoni ta' tali operazzjonijiet mill-EBCGA, kif previst mir-Regolament (UE) Nru 656/2014;

39.  Jesprimi tħassib kbir rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament EBCG u jissottolinja l-ħtieġa li l-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fir-regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-impenji għall-kontribut ta' riżorsi umani u tagħmir tekniku suffiċjenti kemm għal operazzjonijiet konġunti kif ukoll għar-riżerva ta' tagħmir tar-reazzjoni rapida u li jallokaw riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tal-valutazzjoni ta' vulnerabilità; huwa mħasseb dwar ir-riżorsi u l-ippjanar finanzjarju tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-istimi li fuqhom huma bbażati l-finanzjament tal-operazzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet rikjesti mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu taħriġ xieraq dwar id-drittijiet fundamentali għall-gwardji tal-fruntieri nazzjonali;

40.  Iqis li l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali bejn servizzi tal-infurzar tal-liġi differenti, il-militar, il-gwardji tal-fruntieri, id-dwana u l-awtoritajiet ta' tiftix u salvataġġ marittimi hija ta' spiss inadegwata u twassal għal għarfien tas-sitwazzjoni frammentat u effikaċja baxxa; jinnota li n-nuqqas ta' strutturi ta' kooperazzjoni jista' jwassal għal miżuri mhux effettivi u/jew sproporzjonati; ifakkar li l-ebda ammont ta' miżuri b'intenzjoni tajba fil-livell tal-Unjoni ma jistgħu jpattu għal nuqqas ta' kooperazzjoni interna bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri;

41.  Jinnota l-istabbiliment ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira oħrajn kif ukoll l-objettiv tat-titjib tal-interoperabilità tagħhom filwaqt li jinżammu s-salvagwardji neċessarji, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni u l-privatezza tad-data;

42.  Iqis li l-ħidma fuq il-proposti ta' interoperabilità tas-sistemi ta' informazzjoni għandha tkun opportunità biex jittejbu u jiġu armonizzati parzjalment is-sistemi tal-IT nazzjonali u l-infrastrutturi nazzjonali fil-punti ta' qsim tal-fruntieri;

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu

43.  Jinkoraġġixxi lill-Aġenziji u lill-Istati Membri jkomplu jimplimentaw l-operazzjonijiet b'diversi għanijiet u jiżguraw li jittieħdu l-passi xierqa sabiex jinkludu t-tiftix u s-salvataġġ marittimu fl-operazzjonijiet permezz ta' assi u riżorsi umani xierqa; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ilmenti u r-riżorsi relatati għall-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-persunal b'appoġġ tiegħu;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw proċeduri ta' ritorn rapidi u effikaċi, b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u f'kundizzjonijiet umani u dinjitużi, ladarba tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn;

45.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom l-opportunità offruta mid-Direttiva 2001/40/KE li jirrikonoxxu u jimplimentaw deċiżjoni ta' ritorn meħuda minn Stat Membru ieħor minflok ma joqogħdu jieħdu deċiżjoni ta' ritorn ġdida jew jibgħatu lill-migrant irregolari lura lejn l-ewwel Stat Membru emittenti;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi speċifiċi biex jiżguraw infrastruttura, akkomodazzjoni u kundizzjonijiet tal-għajxien adegwati għall-persuni kollha li qed ifittxu asil, speċjalment billi jqisu l-ħtiġijiet tal-minuri mhux akkumpanjati u l-familji b'minuri kif ukoll tan-nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw il-faċilitajiet ta' detenzjoni tagħhom mar-rekwiżiti tal-aħjar prattiki internazzjonali u man-normi u l-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, biex jilħqu l-kapaċità li jissodisfaw id-domanda, filwaqt li jżommu f'moħħhom li d-detenzjoni tikkostitwixxi miżura ta' meta ma jkun hemm l-ebda għażla oħra, u ma hijiex fl-aħjar interess tat-tfal, u biex iżidu l-użu ta' miżuri alternattivi għad-detenzjoni; jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenji ta' rilokazzjoni tagħhom, kif miftiehma mill-Kunsill tal-Ewropa f'Settembru 2015 u kkonfermati mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja f'Settembru 2017, sabiex tiġi rkuprata l-ordni fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u jitrawmu s-solidarjetà u l-kooperazzjoni fi ħdan l-UE;

47.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw in-natura indipendenti tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari billi jipprovdu riżorsi finanzjarji u persunal suffiċjenti biex jissodisfaw il-kompiti tagħhom li dejjem jiżdiedu; jistieden lill-awtoritajiet ta' kontroll indipendenti tal-Istati Membri jiżguraw l-awditi meħtieġa u l-użu tas-sistemi ta' informazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw strumenti biex jabilitaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data li jagħmlu lmenti u jirrikjedu l-informazzjoni personali tagħhom u jqajmu l-kuxjenza pubblika dwar is-sistemi ta' informazzjoni;

48.  Jinsisti li l-operazzjonijiet bi skopijiet multipli għandhom jitmexxew mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bl-għan li jwieġbu għall-ħtieġa li jkunu preżenti l-assi marittimi ta' tiftix u salvataġġ (kif previst mir-Regolament (UE) Nru 656/2014) fiż-żoni rilevanti; ifakkar li l-awtoritajiet nazzjonali tal-gwardja tal-fruntiera għandhom ukoll jipprovdu riżorsi adegwati għall-operazzjonijiet tagħha, b'mod partikolari għat-tiftix u s-salvataġġ; jissottolinja li l-kontroll tal-fruntiera għandu jsir minn uffiċjal gwardjan tal-fruntiera mħarreġ jew taħt superviżjoni stretta tal-awtorità kompetenti;

49.  Jinnota li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ngħatat mandat akbar li tista' tuża biex ikollha rwol fl-appoġġ tal-Istati Membri fl-operazzjonijiet ta' ritorn koordinati;

50.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni reċiproka tranfruntiera tal-pulizija permezz tal-valutazzjoni tat-theddid, l-analiżi tar-riskji u l-pattulji konġunti; jitlob li ssir l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Prüm u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI, u l-adeżjoni mal-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta' Informazzjoni u l-Inizjattiva Żvediża; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-istrutturi tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi nazzjonali tagħhom u tal-istrutturi ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni u jtejbu l-kooperazzjoni prattika, b'mod partikolari mal-Istati Membri ġirien;

51.  Ifakkar fil-prijorità għolja mogħtija lir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) bħala parti minn approċċ olistiku li jindirizza l-isfidi li jaffettwaw il-politiki dwar ir-rifuġjati, persuni li jkunu qed ifittxu asil u l-migranti u l-Aġenda tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni; jinnota li l-Parlament Ewropew ripetutament enfasizza li l-ftuħ ta' kanali legali għall-migranti u r-rifuġjati huwa l-aħjar mod biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin u b'hekk anki l-migrazzjoni irregolari; jistieden lill-Kunsill isegwi lill-Parlament rapidament fl-adozzjoni ta' mandat għan-negozjati dwar kull proposta f'dan ir-rigward, b'mod partikolari fir-rigward tar-Regolament ta' Dublin; jirrileva li l-Aġenzija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Asil għad trid tiġi approvata u jħeġġeġ lill-Kunsill jiżblokka dan il-fajl bħala kwistjoni ta' urġenza;

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb is-sigurtà tal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi standards għall-elementi ta' sigurtà u l-elementi bijometriċi integrati fil-karta tal-identità bħal fil-każ tal-passaporti;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

(1) ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.
(2) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
(3) ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11.
(4) Wouter van Ballegooij, The Cost of Non-Schengen: Civil Liberties, Justice and Home Affairs aspects’ (Il-prezz tan-Non-Schengen), Cost of Non-Europe Report (Ir-rapport dwar il-Prezz tan-Non-Ewropa), Unità tal-Valur Miżjud Ewropew, 2016, paġna 32.
(5) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 160.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali