Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2328(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0168/2018

Testi mressqa :

A8-0168/2018

Dibattiti :

PV 29/05/2018 - 19
CRE 29/05/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 30/05/2018 - 13.13

Testi adottati :

P8_TA(2018)0229

Testi adottati
PDF 587kWORD 74k
L-Erbgħa, 30 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni proviżorja
Standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità
P8_TA-PROV(2018)0229A8-0168/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (2016/2328(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 18, 19, 21, 79 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 20, 21, 23, 24, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi tal-Ġustizzja għall-Vittmi tal-Kriminalità u l-Abbuż tal-Poter, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-29 ta' Novembru 1985,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/865(1) u (UE) 2017/866(2) tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2006)8 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar assistenza għall-vittmi tal-kriminalità,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri tal-31 ta' Marzu 2010 dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2013 dwar il-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda fl-UE u tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija(11),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta' April 2014, dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta' April 2014 li għandha x'taqsam ma' kumpens għal vittmi ta' delitti(13),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "How can the EU and the Member States better help victims of terrorism?" (Kif tista' l-UE u l-Istati Membri jgħinu aħjar il-vittmi tat-terroriżmu?), ippubblikat mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali f'Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-istudju mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu "Second European Union minorities and discrimination survey" (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni), ippubblikat f'Diċembru 2017,

–   wara li kkunsidra l-istudju mill-FRA bit-titolu "Child-friendly justice -Perspectives and experiences of children involved in judicial proceedings as victims, witnesses or parties in nine EU Member States" (Il-ġustizzja li tqis l-interessi tat-tfal - Perspettivi u esperjenzi ta' tfal involuti fi proċedimenti ġudizzjarji bħala vittmi, xhieda jew partijiet f'disa' Stati Membri tal-UE), ippubblikat fi Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-FRA dwar id-Drittijiet Fundamentali għall-2017, ippubblikat f'Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-FRA dwar id-Drittijiet Fundamentali għall-2016, ippubblikat f'Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-FRA bit-titolu "Victims of crime in the EU:the extent and nature of support for victims" (Il-vittmi tal-kriminalità fl-UE: il-livell u n-natura tal-appoġġ għall-vittmi), ippubblikat f'Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-FRA bit-titolu "Severe labour exploitation: workers moving within or into the European Union" (L-isfruttament sever tal-ħaddiema: il-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew li jidħlu fiha), ippubblikat f'Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-FRA bit-titolu "Severe labour exploitation: an EU-wide survey" (L-isfruttament sever tal-ħaddiema, stħarriġ madwar l-UE), ippubblikat f'Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Proġett IVOR bit-titolu "Implementing Victim-Oriented Reform of the criminal justice system in the EU" (Nimplimentaw ir-Riforma orjentata lejn il-vittmi tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fl-UE), ippubblikat fis-6 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) bit-titolu "An analysis of the Victims’ Rights Directive from a gender perspective" (Analiżi tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi mill-perspettiva tas-sessi),

–  wara li kkunsidra l-"Yogyakarta Principles plus 10" adottati fl-10 ta' Novembru 2017 ("Il-Prinċipji u l-Obbligi tal-Istat dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem Rigward l-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess"),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(14),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2012/29/UE tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, magħmula mill-Unità ta' Evalwazzjoni Ex-Post,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0168/2018),

A.  billi d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità ("id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi") tfittex li tpoġġi lill-vittma tar-reat fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, u għandha l-għan li ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità sabiex kwalunkwe vittma tkun tista' tiddependi fuq l-istess livell ta' drittijiet, irrispettivament minn fejn twettaq ir-reat, min-nazzjonalità tagħha jew mill-istatus ta' residenza tagħha;

B.  billi 23 mis-27 Stat Membru ttrasponew id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sa Settembru 2017; billi l-Kummissjoni bdiet 16-il proċedura ta' ksur kontra Stati Membri li għadhom mhumiex kompletament konformi fil-prattika; billi d-Direttiva għamlitha possibbli li jibda l-progress lejn it-trattament tal-vittmi tal-kriminalità fi Stat Membru ieħor; billi għad fadal nuqqasijiet fil-każ tas-sitwazzjonijiet transfruntiera;

C.  billi jeżistu fis-seħħ standards u strumenti magħquda fil-livell ta' UE biex itejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini tal-UE, iżda l-vittmi tal-kriminalità għadhom jiġu ttrattati b'mod differenti bejn pajjiż u ieħor;

D.  billi minkejja ħafna bidliet introdotti fl-Istati Membri, il-vittmi xorta spiss huma nieqsa mis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, dan jimmina l-effikaċja fil-prattika tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u b'mod partikolari l-aċċess għar-rekwiżi tal-informazzjoni;

E.  billi, apparti l-għajnuna legali, il-gruppi ta' appoġġ għall-vittmi jikklassifikaw il-ħtiġijiet tal-vittmi f'erba' kategoriji: id-dritt għall-ġustizzja, id-dinjità, il-verità u l-memorja, fejn din tal-aħħar tfisser diżapprovazzjoni mhux kundizzjonata tat-terroriżmu;

F.  billi xi Stati Membri juru nuqqas ta' servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u nuqqas ta' koordinazzjoni bejniethom fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, u dan jagħmilha diffiċli għall-vittmi biex jaċċessaw servizzi ta' appoġġ eżistenti;

G.  billi d-djar ta' kenn, iċ-ċentri u l-linji telefoniċi ta' għajnuna għan-nisa, huma aġenziji ewlenin għall-appoġġ tal-vittmi nisa tal-vjolenza u t-tfal tagħhom; billi hemm nuqqas ta' provvediment għal djar ta' kenn u ċentri għan-nisa fl-Ewropa; billi huma meħtieġa b'mod urġenti aktar djar ta' kenn għan-nisa peress li jipprovdu sikurezza, akkomodazzjoni, konsulenza u appoġġ għal nisa li jesperjenzaw il-vjolenza domestika u għat-tfal tagħhom; billi n-nuqqas ta' djar ta' kenn għan-nisa jista' jikkostitwixxi riskju għal ħajja;

H.   billi f'każijiet meta jseħħ attakk terroristiku fi Stat Membru partikolari u l-vittma tkun residenti fi Stat Membru ieħor, iż-żewġ Stati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiffaċilitaw l-assistenza għall-vittma;

I.  billi jekk l-entitajiet governattivi u l-istituzzjonijiet nazzjonali jieħdu azzjoni effikaċi u protettiva biex jgħinu lill-vittmi, iċ-ċittadini jappoġġjaw u jafdaw lill-istituzzjonijiet, u dan jista' jagħti spinta lir-reputazzjoni tagħhom;

J.  billi firxa wiesgħa ta' professjonisti tas-saħħa huma aktarx li jiġu f'kuntatt mal-vittmi, b'mod speċjali l-vittmi tal-vjolenza sessista, u spiss jiġu inizjalment ikkuntattjati mill-vittma biex jirrapportaw reat; billi l-evidenza turi li l-professjonisti tas-saħħa, bħat-tobba u professjonisti kliniċi oħra, jirċievu taħriġ limitat fir-rispons effikaċi għall-vjolenza sessista;

K.  billi l-vittmi nisa ta' vjolenza sessista dejjem jirrikjedu appoġġ u protezzjoni speċjali, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom għal vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta;

L.  billi għad hemm sottorapportar sistematiku tal-inċidenti jew tal-awturi tal-vjolenza fl-UE, b'mod partikolari fil-każijiet li jinvolvu l-minoranzi, il-migranti, persuni bi status ta' residenza dipendenti jew prekarju, il-persuni LGBTI, ir-reati anti-Semitiċi, l-abbuż sesswali tat-tfal, il-vjolenza domestika u sessista, u t-traffikar u l-vittmi ta' xogħol furzat; billi kważi żewġ terzi mill-vittmi nisa ta' vjolenza sessista ma jirrapportawx lil awtorità, minħabba li jibżgħu mir-ritaljazzjoni, l-imbarazzament u l-istigma soċjali;

M.  billi r-reati ta' mibegħda kontra l-persuni LGBTI huma realtà fl-UE kollha; billi dawn id-delitti mhumiex irrapportati biżżejjed u d-drittijiet tal-vittmi huma għaldaqstant mhux rispettati;

N.  billi l-istudju tal-FRA bit-titolu "Making hate crime visible in the European Union: acknowledging victims' rights" (Nagħmlu r-reat ta' mibegħda viżibbli fl-Unjoni Ewropea: nirrikonoxxu d-drittijiet tal-vittmi) jiddikjara li status ta' immigrant iżid ir-riskju li wieħed jiġi vittimizzat kriminalment, indipendentement minn fatturi ta' riskju magħrufa oħra;

O.  billi r-reati ta' mibegħda razzisti kontra l-migranti u l-persuni li jfittxu asil żdiedu madwar l-Istati Membri; billi l-għadd tal-awturi ta' dawn ir-reati ta' mibegħda li jitressqu quddiem il-ġustizzja huwa wieħed żgħir ħafna;

P.  billi minkejja li l-vittmi tal-kriminalità kollha jingħataw drittijiet ugwali mingħajr diskriminazzjoni skont l-Artikolu 1, fir-realtà l-parti l-kbira tal-Istati Membri ma daħħlux fis-seħħ politiki jew proċessi biex jiżguraw li l-vittmi mhux iddokumentati jistgħu jirrapportaw b'mod sigur l-isfruttament sever tal-ħaddiema, il-vjolenza sessista, u forom oħra ta' abbuż mingħajr ir-riskju ta' penalitajiet tal-immigrazzjoni; billi dan jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet, li huma anke aktar esposti għat-traffikar u l-isfruttament sesswali; billi l-istħarriġ tal-FRA "Second European Union Minorities and Discrimination Survey" (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni) jiddikjara li wieħed biss minn kull tmien rispondenti rrapporta jew ressaq ilment dwar l-inċident l-aktar riċenti tad-diskriminazzjoni li esperjenza minħabba l-isfond etniku jew ta' immigrant tiegħu;

Q.  billi l-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddikjara li d-drittijiet stabbiliti fiha għandhom japplikaw għall-vittmi b'mod mhux diskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istatus ta' residenza tagħhom;

R.  billi l-kampanja #MeToo enfasizzat li s-sistema ġudizzjarja ma tipprovdix ġustizzja u protezzjoni adegwati lin-nisa u l-bniet u li, bħala konsegwenza, il-vittmi tal-vjolenza sessista ma jirċevux l-appoġġ meħtieġ;

S.  billi r-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul jipprovdu qafas legali Ewropew koerenti biex tiġi pprevenuta u miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u biex jiġu mħarsa l-vittmi tagħha; billi d-definizzjoni tal-vjolenza sessista għandha li tkun ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta' Istanbul, u għandha tirrikonoxxi n-natura strutturali tal-vjolenza kontra n-nisa u forom oħra ta' vjolenza sessista u r-rabtiet tagħhom mal-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li tibqa' prevalenti fis-soċjetà; billi l-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib trid titqies minn perspettiva tas-sessi, peress li taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat;

T.  billi n-nisa huma l-aktar esposti għall-istalking, li huwa forma komuni ta' vjolenza sessista, u billi l-istalking bħala reat speċifiku ma ġiex meqjus fil-kodiċijiet kriminali ta' seba' Stati Membri;

U.  billi trid tingħata attenzjoni speċifika għas-sikurezza u l-protezzjoni tat-tfal ta' vittmi nisa ta' vjolenza sessista u vjolenza domestika;

V.  billi l-vittmi ta' spiss mhumiex infurmati sew dwar il-proċess u l-eżiti tiegħu; billi l-vittmi ta' spiss jiġu infurmati b'mod mhux mistenni dwar ir-rilaxx tal-awtur tar-reat mill-midja jew minn fatturi esterni oħra, minflok mill-awtoritajiet kompetenti;

W.  billi l-vittmi u l-membri tal-familja ma jingħatawx biżżejjed informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom meta jkun seħħ reat fi Stat Membru ieħor għajr fejn tkun qed tirrisjedi l-vittma; billi l-Istati Membri għandhom definizzjonijiet differenti tal-kunċett ta' "vittma"; billi, bħala konsegwenza ta' dan, il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jvarja (xi kultant jestendi biex ikopri l-membri tal-familja, pereżempju);

X.  billi n-numri ta' linji telefoniċi għall-għajnuna faċilment aċċessibbli u pubbliċizzati b'mod wiesgħa huma għal ħafna nisa l-ewwel pass lejn il-kisba tal-għajnuna u l-appoġġ li jeħtieġu meta jkunu qed jesperjenzaw il-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib;

Y.  billi huma biss 27 % tal-Ewropej li huma familjari man-numru tat-telefon ta' emerġenza uniku Ewropew 112; billi mhux kulħadd għandu aċċess għalih;

Z.  billi f'numru konsiderevoli ta' każijiet, il-vittma hija l-aktar xhud importanti fil-proċess u teħtieġ tkun protetta minn imġiba possibbilment ritaljatorja jew ta' theddid mill-awtur tar-reat, inkluż billi tiġi pprevenuta vittimizzazzjoni ripetuta jew sekondarja; billi d-dikjarazzjoni tax-xhieda hija kruċjali għall-funzjonament tajjeb u l-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja kriminali u essenzjali għall-investigazzjoni effikaċi u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità organizzata u gruppi terroristiċi, li tista' twassal għaż-żarmar tagħhom; billi l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu b'mod effikaċi lix-xhieda u jżidu l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam;

AA.  billi ġew irrapportati nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, b'mod partikolari fir-rigward ta':

   l-għoti ta' servizzi xierqa lill-vittmi skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom,
   l-implimentazzjoni xierqa tar-rekwiżiti biex tiġi ggarantita valutazzjoni individwali tal-vittmi,
   l-istabbiliment xieraq tal-mekkaniżmi li jippermettu lill-allegat awtur tar-reat li jkollu kopja tal-ilment,
   l-iżgurar ta' aċċessibbiltà ugwali għall-vittmi u s-servizzi ta' appoġġ speċjalizzat għall-vittmi kollha, inklużi l-persuni b'diżabilità, il-persuni LGBTI, il-vittmi tfal, il-vittmi ta' vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-vittmi ta' reati ta' mibegħda u unur, irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom,
   il-garanzija ta' proċeduri rapidi, effiċjenti u sensittivi għall-vittmi fil-każijiet fil-qorti kriminali, li jikkunsidraw il-bżonnijiet speċifiċi tal-gruppi ta' persuni l-aktar vulnerabbli,
   il-ġbir ta' data dwar u l-analiżi tal-kultura tal-vjolenza, il-misoġenija u l-istereotipi tas-sessi, u r-rabta tagħhom mal-inċidenza tar-reati ta' mibegħda,
   tingħata informazzjoni lill-vittmi dwar is-sitwazzjoni penali u proċedurali tat-trasgressuri tagħhom,

AB.  billi l-vittmi tal-kriminalità jirrapportaw b'mod regolari li t-tbatija tal-proċess tal-ġustizzja nnifsu huwa tip ta' vittimizzazzjoni – vittimizzazzjoni sekondarja jew rivittimizzazzjoni; billi l-fatturi li għandhom impatt fuq kif il-vittmi jesperjenzaw is-sistema jinkludu kif jiġu ttrattati matul il-proċess, u l-ammont ta' kontroll u aċċess parteċipatorju li jingħatalhom;

AC.  billi l-vittmi tat-terroriżmu kienu soġġetti għal attakki li huma maħsuba fl-aħħar mill-aħħar biex jagħmlu ħsara lis-soċjetà jew grupp ikbar li jirrappreżentaw; billi dawn għalhekk jeħtieġu attenzjoni speċjali, appoġġ u rikonoxximent soċjali minħabba n-natura partikolari tar-reat kommess kontrihom;

AD.  billi ċerti drittijiet, bħad-dritt għal għajnuna u kumpens finanzjarju, ma kinux implimentati jew mogħtija kif xieraq lill-vittmi tal-attakki terroristiċi tal-2016 fi Brussell skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva

1.  Jikkritika n-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tissottometti rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi sa Novembru 2017, skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw u jibagħtu d-data u l-istatistika rilevanti kollha lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-valutazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

2.  Jikkritika l-fatt li li sentejn wara li t-traspożizzjoni kienet dovuta, kienu biss 23 mis-27 Stat Membru li uffiċjalment ittrasponew id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi sa Settembru 2017, u fost dawn, xi wħud huma biss parzjalment konformi u ma' xi dispożizzjonijiet biss;

3.  Jinnota l-implimentazzjoni b'suċċess minn xi Stati Membri ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, jiġifieri:

   id-dritt għal interpretar u traduzzjoni,
   id-dritt għal smigħ,
   il-protezzjoni ta' vittmi li huma tfal,
   id-drittijiet tal-vittmi meta jagħmlu lment,
   id-dritt li tingħata informazzjoni mal-ewwel kuntatt li jsir ma' awtorità kompetenti;

4.  Jiddeplora, madankollu, in-nuqqasijiet importanti li jifdal fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva f'ħafna Stati Membri, b'mod partikolari fir-rigward ta':

   il-kumplessità ta' proċeduri għall-aċċess tas-servizzi ta' appoġġ u nuqqasijiet fis-sistema ta' appoġġ għall-vittmi, inkluż nuqqas ta' aċċess għall-għajnuna legali u kumpens, nuqqas ta' appoġġ finanzjarju u koordinazzjoni bejn is-servizzi ta' appoġġ, u mekkaniżmi inkonsistenti ta' referenza,
   il-fatt li spiss ma tingħatax informazzjoni ċara f'aktar minn lingwa waħda, li jagħmilha diffiċli de facto għall-vittmi li jfittxu l-protezzjoni barra mill-pajjiż fi Stat Membru ieħor,
   in-nuqqas ta' preżenza leġiżlattiva f'każijiet transfruntiera u d-drittijiet tal-vittmi residenti fi Stati Membri oħra, u n-nuqqas li jieħdu miżuri biex jiżguraw li n-nuqqas ta' status ta' residenza jew status inċert ma joħolqux ostaklu għall-kapaċità tal-vittmi li jasserixxu d-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva;

5.  Jenfasizza kemm huwa essenzjali li l-ewwel kuntatt mal-vittma jsir kif xieraq, b'mod speċjali fil-każ ta' vittmi ta' vjolenza sessista; jinnota, madankollu, li uħud mill-vittmi l-aktar vulnerabbli – bħal minorenni u vittmi bla edukazzjoni, b'diżabilità jew anzjani, kif ukoll (għal raġunijiet ta' lingwa) migranti u vittmi ta' traffikar tal-bnedmin – jista' jkollhom diffikultajiet biex jifhmu l-informazzjoni li tiġi kkomunikata lilhom u, bħala riżultat, id-dritt tagħhom għall-informazzjoni stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva ma jiġix eżerċitat bis-sħiħ, u għalhekk huwa neċessarju li tiġi żgurata l-preżenza ta' espert ikkwalifikat biex jgħin lill-vittmi; jinnota li l-Artikolu 4 huwa wieħed mill-punti b'saħħithom tad-Direttiva, peress li jgħin lill-vittmi jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-appoġġ disponibbli kif stabbilit fid-Direttiva;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-aċċess faċli għall-ġustizzja u għajnuna legali adegwata bla ħlas, għaliex dan jikkontribwixxi bil-kbir biex jinkiser is-silenzju u biex iżid il-fiduċja tal-vittma fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, inaqqas il-possibbiltà tal-impunità u jippermetti lill-vittma li tibda l-proċess tal-irkupru psikoloġiku;

7.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effikaċi d-dritt garantit mill-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi għall-vittmi u l-vittmi potenzjali kollha għall-informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-mekkaniżmi ta' informazzjoni fi ħdan l-Istati Membri sabiex il-vittmi mhux biss ikunu jafu bid-drittijiet tagħhom, iżda jkunu jafu wkoll fejn għandhom imorru biex jeżerċitawhom; ifakkar li l-professjonisti li jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittmi għandhom ikunu l-ewwel punt ta' kuntatt għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-programmi mfassla biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li jwasslu għal vittimizzazzjoni; jissottolinja li n-nuqqas ta' provvista ta' informazzjoni lill-vittmi qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali jirriżulta fi tgawdija fqira tad-drittijiet tal-vittmi u n-nuqqas ta' sodisfazzjoni lejn is-sistema ġudizzjarja u jiskoraġġixxi lill-vittmi milli jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċedimenti kriminali;

8.  Jiddeplora l-fatt li wisq Stati Membri naqsu milli jimplimentaw, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, valutazzjonijiet individwali tal-vittmi, li jwassal għal ineffiċjenza fid-detezzjoni u fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, fit-trattament tagħhom b'rispett u dinjità u, bħala konsegwenza, biex jingħataw protezzjoni skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

9.  Jinnota li n-nuqqas ta' traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva f'ċerti Stati Membri jfisser li ċ-ċittadini ta' dawk l-Istati Membri jsofru diskriminazzjoni f'dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej;

10.  Jiddeplora l-fatt li d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tillimita l-eżerċizzju tad-dritt tal-vittmi għal għajnuna legali minħabba d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipprovdu l-għajnuna legali biss meta l-vittma jkollha l-istatus ta' parti għall-proċedimenti kriminali u jistipulaw li l-kundizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li taħthom il-vittmi jkollhom aċċess għal għajnuna legali għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali; jenfasizza li dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu partikolarment onerużi għall-vittmi ta' vjolenza sessista li ma jagħmlux ilmenti u li l-każijiet tagħhom qatt ma jiġu trattati bħala parti mis-sistema tal-ġustizzja kriminali;

11.  Jinnota li strumenti oħra li jindirizzaw żidiet suċċessivi simili għad-drittijiet tal-vittmi jikkomplikaw il-koerenza mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

12.  Ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini ta' pajjiż terz li sfaw vittmi tal-kriminalità fi Stat Membru ieħor jistgħu jgawdu wkoll id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni offruta minn din id-Direttiva irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom, u li vittmi ta' reati kriminali kommessi fi Stat Membru għajr dak fejn il-vittima tirrisjedi jistgħu jressqu l-ilment tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' residenza; jinnota, madankollu, li dan id-dritt spiss jiġi mminat mill-inċertezza tad-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru dwar l-extraterritorjalità; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-istatus ta' residenza tagħhom mhuwiex kriterju għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-vittmi u biex jiċċaraw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-extraterritorjalità; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għal servizzi ta' appoġġ għall-vittmi mhux residenti ta' reati u informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, u biex jadottaw miżuri speċifiċi li jiffukaw b'mod partikolari fuq id-drittijiet tal-vittmi kollha għal kumpens u fi proċedimenti kriminali; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni adatta biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jew l-entitajiet li jipprovdu appoġġ speċjalizzat biex jiġi żgurat l-aċċess effikaċi tal-vittmi għal din l-informazzjoni u għal dawn is-servizzi;

13.  Ifakkar lill-Istati Membri li l-vittmi f'sitwazzjoni ta' residenza irregolari għandu jkollhom ukoll aċċess għal drittijiet u servizzi, inklużi djar ta' kenn u servizzi speċjalizzati skont din id-Direttiva, bħal protezzjoni legali u appoġġ psikosoċjali u finanzjarju mill-Istati Membri, mingħajr il-biża' li jiġu deportati; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri biex jiżguraw li dawn id-drittijiet u s-servizzi jsiru disponibbli mingħajr diskriminazzjoni; jilqa' l-passi meħuda minn xi Stati Membri li jagħtu lill-vittmi mhux iddokumentati permess ta' residenza għal raġunijiet umanitarji jew sakemm il-proċedimenti kriminali, li jistgħu jinkoraġġixxu lill-vittmi jirrapportaw ir-reati u jiġġieldu l-klima ta' impunità; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromulgaw leġiżlazzjoni li tipprovdi toroq għal vittmi bi status ta' residenza dipendenti biex jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta' abbuż billi jagħmluha possibbli li jinkiseb status ta' residenza indipendenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-iskambju u l-evalwazzjoni ta' prattiki tajba eżistenti fost l-Istati Membri, li jintegraw il-perspettivi tal-vittmi u s-soċjetà ċivili;

Rakkomandazzjonijiet

Valutazzjoni individwali

14.  Ifakkar li wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi huwa li tittejjeb il-pożizzjoni tal-vittmi tal-kriminalità madwar l-UE u biex il-vittma titpoġġa fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja kriminali;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu d-drittijiet tal-vittmi ta' reati ta' mibegħda, inklużi dawk kontra l-persuni LGBTI jew b'raġunijiet razzisti;

16.  Jenfasizza l-fatt li l-valutazzjonijiet individwali huma kruċjali fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-vittmi billi jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, u d-dritt li jagħmlu deċiżjonijiet fil-proċedimenti li huma involuti fihom u, jekk il-vittma tkun tifel jew tifla, id-dritt li jkollha aċċess għas-salvagwardji proċedurali speċifika li japplika għalihom mill-bidu nett tal-proċedimenti legali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod xieraq fil-leġiżlazzjoni tagħhom valutazzjonijiet individwali fil-ħin tal-vittmi, inkluż waqt l-ewwel kuntatt ma' awtorità kompetenti jekk ikun meħtieġ, bħala pass proċedurali essenzjali biex jiġu rikonoxxuti u identifikati l-ħtiġijiet tal-vittma, biex wara tingħata protezzjoni speċifika skont dawk il-ħtiġijiet, u tiġi pprevenuta vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, intimidazzjoni u ritaljazzjoni; jenfasizza li l-valutazzjonijiet individwali jeħtieġ li jiġu rieżaminati fuq bażi regolari biex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet ta' appoġġ kontinwu, u li l-vittmi għandhom jiġu pprovduti b'analiżi ta' segwitu f'perjodu ta' żmien xieraq wara li jkun seħħ ir-reat, abbażi tal-għarfien eżistenti ta' reazzjonijiet trawmatiċi; ifakkar li l-valutazzjonijiet individwali huma partikolarment meħtieġa għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-vittmi tfal li sofrew minn abbuż sesswali, minħabba r-riperkussjonijiet soċjali, fiżiċi u psikoloġiċi ta' dawn ir-reati; ifakkar li l-valutazzjonijiet individwali kollha għandhom ikunu sensittivi għall-ġeneru, ladarba n-nisa u l-vittmi LGBTQI ta' vjolenza sessista jirrikjedu attenzjoni u protezzjoni speċjali minħabba riskju għoli ta' vittimizzazzjoni ripetuta, u għalhekk għandhom ikunu żgurati miżuri speċifiċi u appoġġ speċjalizzat;

Is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi

17.  Jiddispjaċih għad-diffikultajiet esperjenzati mill-vittmi biex jiksbu aċċess għas-servizzi ta' appoġġ; jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri, is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi għadhom ma twaqqfux; jenfasizza li s-servizzi u d-drittijiet ta' appoġġ għall-vittmi għandhom jingħataw lill-vittmi kollha madwar l-UE u għandhom ikunu aċċessibbli anke meta persuna tkun għadha ma ppruvatx jekk hijiex vittma tal-kriminalità, jew qabel ma jkunu seħħew kwalunkwe proċedura jew att uffiċjali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għal, u jżidu n-numru u jtejbu l-aċċessibbiltà tan-nisa, is-servizzi ta' djar ta' kenn u ċentri għan-nisa, l-appoġġ għall-vittmi nisa tal-forom kollha ta' vjolenza sessista, u jiżguraw li s-superstiti nisa ta' vjolenza qatt ma jiġu mċaħħda minn post; jinsisti li s-servizzi jeħtieġ jiġu estiżi biex b'mod aktar adegwat jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nisa kollha, b'mod partikolari nisa b'abbiltajiet differenti u nisa migranti, inklużi nisa migranti mhux iddokumentati; jenfasizza li dawn is-servizzi għandhom jinkludu wkoll appoġġ speċjalizzat mhux residenzjali, bħal informazzjoni u konsulenza, akkumpanjament il-qorti u servizzi ta' komunikazzjoni; iqis li d-djar ta' kenn għan-nisa għandhom jgħinu lin-nisa kollha li qed jaffaċċjaw vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, u għandhom ikunu disponibbli 24/7 u bla ħlas għan-nisa u t-tfal tagħhom, b'tali mod li n-nisa jkunu jistgħu jħossuhom sikuri u kapaċi jirrapporta vjolenza sessista;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-valutazzjoni individwali tat-tfal u tal-vittmi li huma tfal ta' kwalunkwe tip ta' kriminalità, b'mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin, inkluż l-isfruttament sesswali, il-vjolenza sessista u l-abbuż u l-isfruttament sesswali; ifakkar li l-vittmi li huma tfal għandhom dejjem jiġu kkunsidrati li għandhom ħtiġijiet ta' protezzjoni speċifiċi minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom kif previst fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva; jenfasizza l-ħtieġa li l-vittmi li huma tfal u żgħażagħ jiġu trattati b'mod li jqis b'mod xieraq il-vulnerabbiltà tagħhom;

Taħriġ

19.  Jenfasizza li l-iżgurar ta' aktar programmi ta' taħriġ fil-livell tal-UE huwa ta' importanza kbira għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri madwar l-Istati Membri u l-iżgurar tat-trattament ugwali għaċ-ċittadini Ewropej;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ speċifiku għal dawk responsabbli biex jgħinu lill-vittmi ta' atti terroristiċi, kif ukoll jagħtuhom ir-riżorsi meħtieġa għal dan il-għan;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu programmi ta' taħriġ li huma sensittivi għall-ġeneru u linji gwida għall-professjonisti kollha involuti fit-trattament tal-vittmi tal-kriminalità, bħal dawk li jipprattikaw il-liġi, l-uffiċjali tal-pulizija, il-prosekuturi, l-imħallfin, il-professjonisti tas-saħħa, il-ħaddiema soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw l-fondi tal-UE b'mod adegwat għal dawn l-iskopijiet ta' taħriġ; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod speċifiku jiżguraw li huma jikkonformaw mal-obbligi kollha dwar it-taħriġ għall-uffiċjali tal-pulizija, sabiex ikunu jistgħu jwettqu valutazzjonijiet individwali aħjar u fil-ħin ladarba r-reat ikun sar; jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu vittimizzazzjoni ulterjuri jew vittimizzazzjoni sekondarja esperjenzata mill-vittmi tal-kriminalità, biex jipprovdu lill-vittmi b'informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi li jistgħu jaċċessaw, u li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom, bħala mezz biex jitnaqqas l-istress postrawmatiku; jenfasizza li dan it-taħriġ għandu jkun inkluż ukoll fi programmi edukattivi, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-NGOs, u li taħriġ obbligatorju u speċifiku għandu jkun regolarment disponibbli kollha għall-professjonisti kollha involuti fit-trattament tal-vittmi tal-kriminalità, bil-għan li tiġi żviluppata attitudni xierqa biex tittratta l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull tip ta' vittma, tgħin lill-professjonisti jipprevjenu l-vjolenza u tipprovdi appoġġ adegwat għal gruppi vulnerabbli, bħat-tfal, in-nisa vittmi ta' vjolenza sessista, il-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabilità; ifakkar li t-taħriġ personali huwa element neċessarju biex l-objettivi tad-Direttiva jiġu implimentati b'mod effikaċi; iqis li dan it-taħriġ għandu jinkludi gwida dwar kif għandu jiġi żgurat li l-vittmi jkunu protetti minn koerċizzjoni, abbuż u vjolenza u li l-integrità fiżika u mentali tagħhom tiġi rispettata; jemmen, barra minn hekk, li kull sessjoni ta' taħriġ għandha tenfasizza l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni – pedament tad-Direttiva;

22.  Ifakkar li t-tfal vittmi tal-kriminalità huma partikolarment vulnerabbli, u li għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-taħriġ tal-professjonisti li jittrattaw mal-vittmi tal-kriminalità relatata mat-tfal, speċjalment f'każijiet ta' abbuż sesswali u sfruttament sesswali, b'kunsiderazzjoniet tal-ħtiġijiet assoċjati mal-gruppi ta' etajiet differenti; jenfasizza li dawn il-professjonisti għandhom jikkomunikaw b'mod adatt għat-tfal;

23.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipprovdi kontenut prattiku għall-jum internazzjonali tal-vittmi tat-terroriżmu billi torganizza, mill-inqas darbtejn fis-sena, laqgħa internazzjonali mmirata speċifikament lejn l-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u statali tal-Istati Membri u l-ġbir ta' xiehda mill-vittmi; jikkunsidra li dan għandu jgħin biex tiġi żgurata traspożizzjoni rapida, uniformi u sħiħa tad-Direttiva, l-identifikazzjoni bikrija ta' problemi komuni ta' applikazzjoni, u proċess għall-valutazzjoni għaddejja ta' din il-kapaċità li titqajjem sensibilizzazzjoni, u tiżdied dimensjoni operattiva għal wirjiet ta' solidarjetà u appoġġ istituzzjonali u soċjali għall-vittmi;

24.  Jissottolinja l-fatt li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa huma essenzjali biex jidentifikaw vittmi ta' vjolenza domestika, ladarba l-vjolenza fuq in-nisa f'relazzjonijiet mill-qrib taffettwa kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali fuq terminu twil; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u d-drittijiet tal-vittmi hija aċċessibbli għal professjonisti tas-saħħa, u li jiġi pprovdut taħriġ immirat għal firxa wiesgħa ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa, inklużi t-tobba tal-familja, it-tobba speċjalizzati f'assistenza f'emerġenza, l-infermiera, l-assistenti mediċi, il-ħaddiema soċjali kliniċi u l-persunal tal-akkoljenza, bil-ħsieb li tiġi pprovduta tweġiba effikaċi għall-vittma, b'mod partikolari f'każijiet ta' vjolenza sessista, b'tali mod li tippermetti lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa jidentifikaw każijiet ta' abbuż potenzjali, u jinkoraġġixxu lill-vittmi nisa jikkuntattjaw awtorità kompetenti;

Dimensjoni transfruntiera

25.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna finanzjarja u legali lill-membri tal-familja f'każijiet fejn ikun seħħ reat serju – eż., fejn il-vittma tkun mietet jew imweġġa' serjament – fi Stat Membru għajr dak li fih huma residenti, b'mod partikolari f'każijiet fejn il-familja ma jkollhiex riżorsi finanzjarji biex tivvjaġġa lejn dak l-Istat Membru biex tattendi l-qorti, biex tiffinanzja appoġġ psikoloġiku jew biex tirripatrija lill-vittmi;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-proċeduri aktar flessibbli u jgħaġġlu l-proċess ta' trażmissjoni tas-sentenzi għall-vjolenza sessista mogħtija f'pajjiż, b'mod speċjali fil-każijiet ta' koppji internazzjonali, sabiex l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-konjugi jkunu jistgħu jaġixxu kif meħtieġ kemm jista' jkun malajr u jipprevjenu li l-kustodja tat-tfal tingħata lil ġenitur akkużat bi vjolenza sessista f'pajjiż ieħor;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jiżviluppaw id-drittijiet tal-vittmi sabiex l-UE jkun jista' jkollha rwol ewlieni fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi;

Id-drittijiet proċedurali

28.  Jenfasizza l-importanza li tingħata għajnuna legali mingħajr ħlas filwaqt li jiġi żgurat li l-piż burokratiku għall-vittma jkun kemm jista' jkun baxx;

29.  Jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri kunfidenzjali u anonimi biex jirrapportaw ir-reati, partikolarment f'każijiet ta' abbuż sesswali u l-abbuż ta' persuni b'diżabilità u minorenni, bil-għan li jiġu mmonitorjati u evalwati l-għadd ta' rapporti u jiġi żgurat li l-vittmi mhux iddokumentati jistgħu jressqu lment mingħajr ir-riskju ta' konsegwenzi relatati ma' immigrazzjoni;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri legali fi proċeduri kriminali li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-vittmi tfal, inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tfal ta' vjolenza sessista, partikolarment f'każijiet fejn l-omm tat-tifel jew tifla tinqatel mis-sieħeb tagħha, matul il-proċedimenti kriminali kollha, u biex jiġi żgurat li huma jirċievu assistenza u appoġġ soċjali u psikoloġiku minn hemm 'il quddiem, sabiex jiġi evitat li l-vittmi tfal jiġu esposti għal vittimizzazzjoni sekondarja; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-miżuri speċifiċi biex itejbu r-rwol tal-linji telefoniċi nazzjonali fil-kuntest tal-vittmi tfal, meta jitqies li l-awtorapportar tat-tfal huwa limitat;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-inċidenti sinifikanti ta' vjolenza sessista, inkluż il-vjolenza domestika, meta jiddeterminaw id-drittijiet ta' kustodja u ta' żjara, u jqis li d-drittijiet u l-ħtiġijiet tax-xhieda tfal għandhom jitqiesu wkoll meta l-vittmi jiġu pprovduti b'servizzi ta' protezzjoni u ta' appoġġ;

32.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-rekwiżit li jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretar mingħajr ħlas, u jinnota li nuqqas ta' informazzjoni f'lingwi oħra jista' jikkostitwixxi ostakolu għall-protezzjoni effikaċi tal-vittmi u forma ta' diskriminazzjoni kontrihom;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod attiv u jikkooperaw mill-qrib f'kampanji ta' informazzjoni biex iżidu s-sensibilizzazzjoni ġenerali pubblika dwar id-drittijiet tal-vittmi kif stabbilit mid-dritt tal-UE, inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi li huma tfal; jenfasizza li dawn il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għandhom jiġu organizzati wkoll fl-iskejjel sabiex it-tfal jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u jiġu pprovduti bl-għodda biex jirrikonoxxu kwalunkwe forma tal-kriminalità li huma setgħu sofrew jew kienu xhieda tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwaqqfu kampanji biex iħeġġu n-nisa u l-persuni LGBTQI jirrapportaw kwalunkwe forma ta' vjolenza sessista sabiex ikunu jistgħu jiġu protetti u jirċievu l-appoġġ li jeħtieġu;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki għal approċċ orjentat lejn il-vittmi għall-uffiċjali tal-pulizja fil-ħidma ta' kuljum tagħhom;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod attiv, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak nazzjonali, f'kampanji ta' prevenzjoni kontra l-vjolenza sessista u l-vittimizzazzjoni mill-ġdid fis-sistema ġudizzjarja u fil-midja, u biex jippromwovu bidla kulturali fl-opinjoni pubblika sabiex jipprevjenu attitudnijiet jew imġiba li jagħtu tort lill-vittma, li jistgħu jirriżultaw fi trawma addizzjonali għall-vittmi ta' reati speċifiċi bħal vjolenza sessista jew abbuż sesswali; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lis-settur privat, is-settur tal-IT u lill-midja biex jagħmlu użu mill-potenzjal tagħhom u jipparteċipaw fil-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmi biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-proċess biex il-vittmi jirrapportaw ir-reati li jkunu sofrew;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri speċifiċi fil-każ ta' attakki li jirriżultaw f'għadd kbir ta' vittmi, sabiex fil-proċedimenti kriminali jkunu jistgħu jipparteċipaw għadd kbir ta' vittmi;

38.   Ifakkar lill-Istati Membri li għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-riskju ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni u għall-ħtieġa li tiġi mħarsa d-dinjità u l-integrità fiżika tal-vittmi, inkluż waqt is-smigħ u x-xhieda tagħhom biex jiġu ddeterminati l-ammont u l-limitu ta' protezzjoni meħtieġa għal dawn il-persuni waqt il-proċedimenti kriminali;

39.  Jenfasizza l-importanza tal-obbligu li l-vittmi jinżammu infurmati dwar il-progress tal-proċedimenti kriminali miġjuba kontra l-atturi tar-reati kontrihom, b'mod partikolari meta jkunu ngħataw sentenzi ta' priġunerijajew meta dawn ikunu qed jiġu skontati;

Perspettiva istituzzjonali

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi ta' rapportar tagħha kif stabbilit fid-Direttiva;

41.  Jenfasizza l-importanza ta' data komparabbli diżaggregata rilevanti dwar ir-reati kollha, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-vjolenza fuq in-nisa u t-traffikar tal-bnedmin, sabiex jiġi żgurat fehim aħjar tal-problema, u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi vvalutata u mtejba l-azzjoni tal-Istati Membri għall-appoġġ tal-vittmi;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra n-nuqqasijiet ġudizzjarji u prattiċi fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva permezz ta' interazzjoni xierqa tad-diversi strumenti tal-UE għall-protezzjoni tal-vittmi, bħad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni, id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u d-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jirratifikaw u jinfurzaw b'mod sħiħ il-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa(15), biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u jimplimentaw dawn l-istrumenti importanti b'mod koerenti sabiex jiżguraw li l-vittmi fl-Ewropa jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi eżamijiet settorjali fil-monitoraġġ u r-rapportar tagħha, u tiżgura applikazzjoni uniformi tad-Direttiva biex il-vittmi kollha jiġu protetti irrispettivament mir-raġunijiet tal-vittimizzazzjoni jew karatteristiċi speċifiċi, bħar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, is-sess, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, il-karatteristiċi tas-sess, id-diżabilità, l-istatus ta' migrazzjoni jew kwalunkwe status ieħor;

44.  Ifakkar li l-membri tal-familja tal-vittmi huma inklużi fid-definizzjoni ta' "vittma", u jistieden lill-Istati Membri jinterpretaw it-terminu "membri tal-familja" – u termini ewlenin oħra, bħal "partikolarment vulnerabbli" – b'mod wiesa', sabiex ma jirrestrinġux il-lista ta' detenturi tad-drittijiet potenzjali bla bżonn;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jiżguraw li l-komunikazzjonijiet bil-miktub u orali jikkonformaw ma' standards tal-lingwa sempliċi, u huma adattati għall-minorenni u l-persuni b'diżabilità, b'lingwa li l-vittma tista' tifhem, sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jinżammu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom b'mod komprensibbli, adegwat u mmirat qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li fejn l-eżerċizzju tad-drittijiet ikun limitat minn perjodi ta' preskrizzjoni, għandu jitqies id-dewmien li jirriżulta minn diffikultajiet ta' traduzzjoni u interpretazzjoni;

47.  Sforz il-fatt li huwa forma komuni ta' vjolenza sessista li jeħtieġ miżuri ta' prevenzjoni speċifiċi, jistieden lis-seba' Stati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jilleġiżlaw ħalli jagħmlu l-istalking reat kriminali, kif mitlub mill-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi dwar id-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza, id-dritt għall-protezzjoni u, b'mod partikolari, id-dritt li jiġi evitat kuntatt mal-awtur tar-reat jew, fejn ikun il-każ, ma' awturi jew kompliċi potenzjali oħra tar-reat;

48.  Jitlob lill-Istati biex jipprevjenu vittimizzazzjoni ulterjuri permezz ta' umiljazzjonijiet u attakki kontra l-unur tal-vittma min-naħa tas-setturi soċjali relatati mal-attakkant; ifakkar li dawn l-espressjonijiet jikkostitwixxu vittimizzazzjoni oħra u mhumiex protetti mil-libertà ta' espressjoni skont l-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem(16);

49.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li tkun qed titħaddem linja telefonika ta' informazzjoni ta' emerġenza wara l-attakk jew preferibbilment, li jinkludu dan is-servizz fil-lista ta' servizzi tan-numru ta' emerġenza Ewropew 112, u li jsiru dispożizzjonijiet biex jipprovdu assistenza f'lingwa barranija; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri kollha biex immedjatament jimplimentaw l-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fil-leġiżlazzjoni tagħhom;

50.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li, f'każ li vittma ta' terroriżmu ma tirrisjedix fl-Istat Membru fejn l-att seħħ, dan l-Istat Membru għandu jikkoopera mal-Istat Membru ta' residenza sabiex jiffaċilita l-assistenza għall-vittma;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu linja telefonika nazzjonali, miftuħa 24/7 u bla ħlas, għan-nisa u persuni LGBTQI li jkunu vittmi ta' vjolenza sessista;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-assistenza lill-vittmi mis-servizzi tal-appoġġ għall-vittmi qabel, matul u wara l-proċedimenti kriminali, inkluż appoġġ psikoloġiku; jissottolinja r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fl-appoġġ tal-vittmi; iqis, madankollu, li l-gvernijiet m'għandhomx joqogħdu biss fuq l-NGOs biex jipprovdu s-servizzi ta' appoġġ ewlenin lill-vittmi ("il-volontarjat"); jinsisti li l-Istati Membri jiżguraw li jiżdiedu l-fondi u r-riżorsi għal NGOs li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-vittma u jridu jibnu l-kapaċità biex jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' appoġġ għall-vittmi, li jinvolvu l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali u s-soċjetà ċivili;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ speċjalizzat għall-vittmi tat-terroriżmu fl-ippjanar tar-rispons għal emerġenza biex tkun żgurata l-provvista ta' servizzi ta' appoġġ xierqa, kemm immedjatament wara attakk kif ukoll fuq terminu twil;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri speċifiċi biex jiżguraw il-provvista ta' informazzjoni lil vittmi mhux residenti fit-territorju ta' Stat Membru fejn ikun seħħ l-attakk terroristiku; jemmen li dawn il-miżuri għandhom, b'mod partikolari, jiffokaw fuq id-drittijiet ta' vittmi mhux residenti fi proċedimenti kriminali u fuq kumpens;

55.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jiġġieldu l-impunità dejjem u jiżguraw li l-awturi tar-reat jitressqu quddiem il-ġustizzja, sabiex il-vittmi jkunu jistgħu jħosshom protetti; jistieden lill-Istati Membri kollha, barra minn hekk, jaħdmu b'mod transsettorjali biex jidentifikaw u jindirizzaw fatturi sistemiċi li jikkontribwixxu għall-vittimizzazzjoni ripetuta ta' persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u/jew li jiffaċċjaw livelli għoljin ta' diskriminazzjoni, għaliex jekk ma jsirx dan jista' jkollha impatt serju fuq il-proċess ta' rkupru psikoloġiku tal-vittma;

56.  Jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmi legali li jikkriminalizzaw il-glorifikazzjoni ta' att speċifiku ta' terroriżmu fil-każ li dan jumilja lill-vittmi u jikkawża vittimizzazzjoni sekondarja billi jagħmel ħsara lid-dinjità u l-irkupru tal-vittmi;

57.  Jikkunsidra li l-vittmi tat-terroriżmu għandu jkollhom post ċentrali fis-soċjetà Ewropea, bħala simbolu tad-difiża tal-pluraliżmu demokratiku; jistieden, f'dan ir-rigward, li jitħejjew kungressi, imfakar, materjal awdjoviżiv biex tinħoloq sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej u reġistru tal-vittmi Ewropej għal użu amministrattiv;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni aktar b'saħħitha għall-vittmi ta' vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza sesswali, bħala mezz ta' titjib tal-aċċess għall-ġustizzja u l-effiċjenza tal-proċedimenti kriminali;

59.  Ifakkar in-natura speċifika tal-vittmi ta' attakki terroristiċi, li jaqgħu f'kategorija separata u għandhom ħtiġijiet speċifiċi; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tabbozza direttiva speċifika dwar il-protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu;

60.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu s-servizzi ta' appoġġ, bħal appoġġ għat-trawma u konsulenza, u aċċess għall-kura tas-saħħa meħtieġa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva, bħala parti mill-appoġġ immirat għall-vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi, bħat-tfal, il-vittmi nisa ta' vjolenza sessista, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-persuni LGBTI, u l-persuni b'diżabilità;

61.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità adegwati biex jivvalutaw jekk laħqux ir-rekwiżiti għall-istandards sensittivi għall-ġeneru u li jqisu l-interessi tan-nisa u t-tfal fir-rigward tad-dispożizzjonijiet magħmula mis-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi biex jinkoraġġixxu r-rapportar tar-reati u biex il-vittma tiġi protetta b'mod effikaċi;

62.  Jistieden lill-Istati Membri jgħinu lill-vittmi jittrattaw il-kwistjonijiet legali, finanzjarji u prattiċi kif ukoll ir-riskju ta' aktar vittimizzazzjoni;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-użu potenzjali tal-proġett iffinanzjat mill-UE "Infovictims", bħala għodda biex tinforma u tikkomunika mal-vittmi dwar proċessi kriminali permezz ta' metodi ta' komunikazzjoni differenti, bħal fuljetti u kartelluni; iqis li dan il-proġett isaħħaħ il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex jiġu infurmati l-vittmi tal-kriminalità;

64.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi kkoordinati għall-ġbir tal-informazzjoni dwar il-vittmi ta' attakki terroristiċi li jseħħu fit-territorju tagħhom, u, permezz tal-ħolqien u l-iżvilupp ta' one-stop shop, jipprovdu lill-vittmi b'portal tal-internet u linja telefonika ta' emerġenza jew b'mezzi oħra ta' komunikazzjoni, bħall-email jew għodda ta' messaġġi multimedjali, li jagħtu aċċess għal informazzjoni sikura, personalizzata, speċifika u rilevanti skont il-ħtiġijiet tal-utent, b'servizz ta' appoġġ kunfidenzjali, bla ħlas u faċilment aċċessibbli; jenfasizza li dan is-servizz ta' appoġġ irid ikun kapaċi jipprovdi assistenza u appoġġ lill-vittmi tat-terroriżmu f'konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, bħal appoġġ emozzjonali u psikoloġiku, u pariri u informazzjoni dwar kwalunkwe kwistjoni legali, prattika jew finanzjarja, irid ikun kapaċi jassisti lill-vittmi li qed jikkomunikaw ma' diversi dipartimenti amministrattivi u, jekk meħtieġ, jirrappreżentahom f'dan ir-rigward immedjatament wara l-attakk u waqt kwalunkwe proċediment kriminali, kif ukoll assistenza għal proċeduri nazzjonali għal talba ta' kumpens;

65.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa biex kemm jista' jkun jipprevjenu, attakki fuq il-ħajja privata tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta' attivitajiet investigattivi u matul il-proċeduri legali;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tibdel il-portal tal-Ġustizzja elettronika attwali fi pjattaforma aktar faċli għall-utent li tipprovdi lill-vittmi b'informazzjoni konċiża u faċli li tinftiehem dwar id-drittijiet tagħhom u l-proċeduri li huma jeħtieġ isegwu;

67.  Jistieden lill-Istati Membri, fir-rispett sħiħ tal-libertà tal-espressjoni, jinvolvu ruħhom mal-midja u l-ġurnalisti biex jadottaw miżuri ta' awtoregolazzjoni wara attakk terroristiku sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ħajja privata tal-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom u, barra minn hekk jirrikonoxxu l-valur tal-kooperazzjoni ma' servizzi speċjalizzati għal assistenza u appoġġ tal-vittmi biex jgħinu lill-vittmi jittrattaw l-attenzjoni tal-midja li jirċievu;

68.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni biex jiżguraw it-tranżizzjoni effikaċi tal-appoġġ għall-vittmi minn kura sensittiva għall-ġeneru immedjata wara r-reat, għall-assistenza li huma jeħtieġu fuq medda itwal ta' żmien; jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu l-maġġoranza tas-servizzi ta' assistenza għall-vittmi għandhom ikunu inklużi fl-istadji kollha tal-ippjanar, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni; jenfasizza li mekkaniżmi bħal dawn għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-vittmi jiġu riferiti servizzi fuq terminu twil, b'organizzazzjonijiet differenti jipprovdu appoġġ matul il-fażijiet diversi; iqis li dawn il-mekkaniżmi għandhom jaqdu wkoll funzjoni transfruntiera sabiex jipprovdu servizzi ta' appoġġ għall-vittmi, u jiggarantixxu d-dritt tal-vittma li tkun infurmata, megħjuna u kkumpensata fil-post tar-residenza tagħha, meta r-reat ikun seħħ fi Stat Membru għajr dak li fih tirrisjedi l-vittma;

69.  Jistieden lill-Istati Membri, f'każ ta' attakk terroristiku, biex jistabbilixxu ċentru ta' koordinazzjoni li jgħaqqad flimkien organizzazzjonijiet u esperti bl-għarfien espert meħtieġ biex jipprovdu informazzjoni, appoġġ u servizzi prattiċi lill-vittmi u lill-familji u l-qraba tagħhom; jenfasizza li dawn is-servizzi għandhom ikunu kunfidenzjali, bla ħlas u aċċessibbli faċilment għall-vittmi kollha tat-terroriżmu, u għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

   (a) Appoġġ emozzjonali u psikoloġiku speċjalizzat, bħall-appoġġ tat-trawma u l-konsulenza speċifikament adatti għall-ħtiġijiet tal-vittmi tat-terroriżmu;
   (b) Servizzi ta' rijabilitazzjoni vokazzjonali biex jgħinu lill-vittmi li jsofru minn korrimenti u ħsara biex isibu impjiegi ġodda jew jibdlu l-karrieri;
   (c) Iffaċilitar ta' konnessjonijiet virtwali sikuri għall-vittmi ma' vittmi oħra u ma' gruppi ta' appoġġ immexxija mill-vittmi;
   (d) Servizzi ta' appoġġ ibbażati fuq il-komunita;
   (e) Servizzi li jinfurmaw lill-membri tal-familja dwar l-identifikazzjoni tal-vittmi u l-fdalijiet tagħhom u biex jintbagħtu lura l-fdalijiet tagħhom lejn pajjiżhom;

70.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, meta mqabbel mal-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi huwa aktar limitat fir-rigward tal-protezzjoni tal-vittmi ta' vjolenza sessista (inklużi persuni affettwati mill-FGM); jilqa, madankollu, il-mekkaniżmu ta' obbligu ta' rendikont aktar b'saħħtu tad-Direttiva u jenfasizza li ż-żewġ strumenti għandhom jiġu promossi flimkien sabiex tiġi mmasimizzata l-protezzjoni offruta lill-vittmi ta' vjolenza sessista;

71.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu materjal ta' informazzjoni adegwat u għajnuna legali bla ħlas lill-vittmi tat-terroriżmu li jkunu wkoll partijiet fi proċedimenti kriminali, biex ikunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar kumpens;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' fond Ewropew ta' għajnuna lill-vittmi ta' atti terroristiċi;

73.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu:

   a) Sit web dedikat permanenti li minnu tkun tista' tiġi aċċessata l-informazzjoni pubblika kollha dwar is-servizzi ta' appoġġ stabbiliti wara li jkun seħħ attakk terroristiku f'dak l-Istat Membru, u li għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja, li għandha ssir disponibbli bħala kwistjoni ta' urġenza: id-dettalji ta' kuntatt ta' kwalunkwe organizzazzjoni responsabbli biex tipprovdi appoġġ u informazzjoni lill-vittmi, il-membri tal-familja u l-membri tal-pubbliku wara attakk terroristiku, u informazzjoni dwar l-attakk u miżuri stabbiliti bħala reazzjoni għalih, inkluża informazzjoni dwar is-sejbien jew il-kuntatt ma' vittmi nieqsa u miżuri biex jgħinu lill-vittmi jirritornaw lejn djarhom, li għandhom jinkludu:
   i. Kif terġa' tinkiseb kwalunkwe proprjetà mitlufa bħala riżultat ta' attakk;
   ii. Reazzjonijiet psikoloġiċi normali ta' vittmi ta' attakk u gwida lill-vittmi dwar modi kif tiġi mmitigata kwalunkwe reazzjoni negattiva, u informazzjoni dwar korrimenti mhux viżibbli possibbli, bħal pereżempju t-telf tas-smigħ;
   iii. Informazzjoni dwar kif jiġu ssostitwiti dokumenti ta' identifikazzjoni;
   iv. Informazzjoni dwar kif tikseb assistenza finanzjarja, kumpens jew benefiċċji tal-gvern;
   v. Informazzjoni dwar id-drittijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu u l-membri tal-familja, inklużi d-drittijiet fi proċedimenti kriminali kif preskritt fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;
   vi. Kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa sabiex tiżgura li l-vittmi jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, is-sikurezza tagħhom, jew is-servizzi disponibbli għalihom;
   b) Sit web b'aċċess privat, disponibbli għall-vittmi ta' attakki terroristiċi u l-membri tal-familja tagħhom, li jipprovdi informazzjoni lill-vittmi li mhix pubblikament disponibbli;
   c) Ippjanar dwar kif il-membri tal-familja jiġu infurmati dwar is-sitwazzjonijiet tal-vittmi;
   d) Il-ġbir uniformi tal-informazzjoni dwar il-vittmi mill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kollha responsabbli għall-akkoljenza, it-trattament u l-assistenza tal-vittmi; l-informazzjoni għandha tinġabar b'mod konformi mal-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet kollha involuti fir-rispons għal attakk terroristiku u b'appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom;

74.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu netwerk nazzjonali ta' servizzi ta' appoġġ għall-vittmi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet u għall-varar ta' gruppi ta' ħidma biex jiġu kkondiviżi l-aħjar prattiki, jiġi żviluppat it-taħriġ u tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-vittmi tal-kriminalità;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Istati Membri sabiex jonqsu d-diskrepanzi kbar(17) fil-kumpens finanzjarju nazzjonali mogħti minn kull Stat Membru lill-vittmi ta' attakki terroristiċi;

76.  Jenfasizza li huwa essenzjali li l-Istati Membri jirreaġixxu mal-vittmi tal-kriminalità b'mod rispettuż, sensittiv u professjonali sabiex jinkoraġġixxu lill-vittmi tal-kriminalità jirrapportaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-persunal mediku;

77.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-hotline ta' emerġenza 112 ikun għalkollox aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u li jiġu varati kampanji biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwaru;

78.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, strateġija Ewropea għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull vjolenza sessista, inkluż att legali biex jappoġġja lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u t-trażżin tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u ta' vjolenza sessista; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill jattiva l-klawżola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet kif ukoll forom oħrajn ta' vjolenza sessista bħala reat kriminali skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

79.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi għall-irkupru ta' ħlasijiet ta' kumpens adegwati mingħand l-awturi tar-reat;

80.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effiċjenti, b'riżorsi ekonomiċi u finanzjarji biżżejjed u b'kooperazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni u atturi rilevanti oħra, inkluża s-soċjetà ċivili, id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-prijorità tas-salvagwardja tas-sigurtà personali u l-protezzjoni tal-individwi kollha mill-vjolenza sessista u interpersonali fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;

o
o   o

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11.
(2) ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13.
(3) ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1.
(4) ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
(5) ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.
(6) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
(7) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(8) ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
(9) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(10) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(11) Testi Adottati, P8_TA(2017)0501.
(12) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.
(13) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 15.
(14) Testi adottati, P8_TA(2017)0329.
(15) Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul.
(16) Sentenza tal-Awla tas-16 ta' Lulju 2009, Féret vs il-Belġju, C-573.
(17) Il-kumpens finanzjarju nazzjonali jvarja minn euro simboliku f'ċerti Stati Membri għal EUR 250 000 u aktar f'oħrajn.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Mejju 2018Avviż legali