Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0259/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.2
CRE 31/05/2018 - 7.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0232

Testi adottati
PDF 137kWORD 55k
Il-Ħamis, 31 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija
P8_TA(2018)0232RC-B8-0259/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija (2018/2712(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(1), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ ta' Raif Badawi(2) u tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr(3),

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni lill-blogger Sawdi Raif Badawi fl-2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Mejju 2018 tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-aħħar arresti fl-Arabja Sawdija, fosthom id-detenzjoni arbitrarja u l-għajbien, mingħajr proċess ġust, ta' Nawaf Talal Rasheed, prinċep mid-dinastija ta' Al-Rashid, u iben il-mejjet poeta Nawaf Talal bin Abdul Aziz Al-Rashid,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2018 tal-Presidenza tas-Sigurtà Statali tal-Arabja Sawdija dwar l-arrest ta' seba' persuni suspettati,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' leġiżlazzjoni ġdida li tipprojbixxi l-fastidju, approvat mill-Kunsill Shura tal-Arabja Sawdija fit-28 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-livell domestiku u kemm fil-livell reġjonali, tas-sanzjonijiet imposti mill-Arabja Sawdija u minn pajjiżi oħra fuq il-Qatar u r-rapport dwar l-impatt tal-Kriżi tal-Golf fuq id-drittijiet tal-bniedem ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) f'Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra s-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fil-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, kif ukoll is-sħubija futura tagħha fil-Kunsill Eżekuttiv tas-CSW minn Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-Kummissarju Christos Stylianides, f'isem il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fid-dibattitu tal-4 ta' Lulju 2017 fil-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Arabja Sawdija bħala membru tas-CSW,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tad-9 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa rigward it-tielet u r-raba' rapporti perjodiċi dwar l-Arabja Sawdija, ippreżentati flimkien(4),

–  wara li kkunsidra l-preżentazzjoni konġunta dwar l-Arabja Sawdija f'isem l-ALQST, iċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem (GCHR) u l-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH) waqt id-69 sessjoni tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tas-7 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-15 ta' Mejju 2018 l-awtoritajiet Sawdin arrestaw seba' nisa – Loujain al-Hathloul, Aisha al-Mana, Madeha al-Ajroush, Eman al-Nafjan, Aziza al-Youssef, Hessah al-Sheikh, Walaa al-Shubbar – u erba' rġiel – Ibrahim Fahad Al-Nafjan, Ibrahim al-Modeimigh, Mohammed al-Rabiah u Abdulaziz al-Meshaal – għall-attiviżmu tagħhom favur id-drittijiet tan-nisa; billi, minn dakinhar 'l hawn, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem arrestati ġew mixlija li appoġġjaw l-attivitajiet ta' gruppi barranin, li rreklutaw persuni responsabbli minn karigi governattivi sensittivi u li ffinanzjaw gruppi barranin bil-ħsieb li jiddestabbilizzaw ir-Renju; billi dawn l-attivisti huma magħrufa għall-kampanja tagħhom kontra l-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan u favur it-tneħħija tas-sistema ta' tutela mill-irġiel; billi dawn ġew arrestati qabel it-tneħħija tal-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan, prevista għall-24 ta' Ġunju 2018;

B.  billi ġie rrappurtat li Madeha al-Ajroush, Walaa al-Shubbar, Aisha al-Mana u Hessah al-Sheikh inħelsu fl-24 ta' Mejju 2018;

C.  billi l-każ ta' Loujain al-Hathloul hu partikolarment allarmanti, peress li ttieħdet minn Abu Dhabi lejn l-Arabja Sawdija kontra l-volontà tagħha f'Marzu 2018 wara li pparteċipat f'sessjoni tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa li eżaminat is-sitwazzjoni fl-Arabja Sawdija; billi hi ma tħallietx tivvjaġġa aktar – sakemm ġiet arrestata reċentement – u bħalissa, x'aktarx flimkien ma' attivisti oħrajn, qed tinżamm f'iżolament;

D.  billi l-Arabja Sawdija għandha wħud mill-aktar restrizzjonijiet ibsin imposti fuq in-nisa, minkejja r-riformi governattivi li saru dan l-aħħar biex jissaħħu d-drittijiet tan-nisa fis-settur tal-impjiegi; billi s-sistema politika u soċjali Sawdija għadha antidemokratika u diskriminatorja, lin-nisa tqishom ċittadini tat-tieni klassi, ma tippermetti l-ebda libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, tiddiskrimina serjament kontra l-ħafna ħaddiema barranin fil-pajjiż u trażżan severament kwalunkwe vuċi dissidenti;

E.  billi l-ħidma u l-investigazzjoni fuq il-każ għadhom għaddejjin u huwa diffiċli tinkiseb informazzjoni dwar l-arresti minħabba l-informazzjoni limitata rilaxxata mill-awtoritajiet Sawdin;

F.  billi, fil-25 ta' Mejju 2018, l-awtoritajiet Sawdin arrestaw lil Mohammed al-Bajadi, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem u membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi Sawdija – issa interdetta – li akkużat lill-forzi tas-sigurtà b'abbużi;

G.  billi ftit jiem wara l-arresti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-mezzi tax-xandir u l-pjattaformi tal-media soċjali li jappoġġjaw lill-gvern nedew kampanja ta' malafama kontrihom, u akkużawhom li kienu "tradituri" u li kienu ta' theddida għas-sigurtà tal-Istat; billi l-esperti jemmnu li l-kampanja ta' malafama li għaddejja bħalissa kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tindika l-intenzjoni li jingħataw pieni ħorox ħafna;

H.  billi s-soċjetà Sawdija qed tinbidel bil-mod il-mod iżda l-ħin kollu, u billi l-awtoritajiet Sawdin adottaw għadd ta' miżuri biex jitjieb ir-rikonoxximent dovut tan-nisa bħala ċittadini ugwali, pereżempju billi ngħatalhom id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali, ingħatalhom aċċess għall-Kunsill Shura konsultattiv u għall-Kunsill Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, se jibdew jitħallew isuqu, u ngħatalhom aċċess għal avvenimenti sportivi pubbliċi;

I.  billi l-aġenda ta' riforma "Vision 2030", li għandha tittrasforma lill-pajjiż ekonomikament u soċjalment abbażi tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa, għandha tkun opportunità reali għan-nisa Sawdin biex jiżguraw l-emanċipazzjoni legali tagħhom, li hi assolutament kruċjali għat-tgawdija sħiħa ta' drittijiethom fil-qafas tas-CEDAW; billi, madankollu, il-mewġa reċenti ta' arresti ta' attivisti tad-drittijiet tan-nisa jidher li tmur kontra dan l-objettiv u tista' tfixkel l-aġenda ta' riforma;

J.  billi l-Prinċep Eredi Sawdi Mohammed bin Salman Al Saud offra appoġġ retoriku għar-riformi tad-drittijiet tan-nisa, speċjalment matul iż-żjara tiegħu fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, iżda s'issa dawn ir-riformi kienu limitati, u s-sistema ta' tutela mill-irġiel, l-aktar xkiel serju għad-drittijiet tan-nisa, għadha fil-biċċa l-kbira intatta; billi, barra minn hekk, bil-barka tiegħu seħħet repressjoni estensiva fil-konfront ta' attivisti, avukati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem prominenti, li żdiedet mindu beda jikkonsolida l-kontroll fuq l-istituzzjonijiet tas-sigurtà tal-pajjiż;

K.  billi l-Arabja Sawdija għandha sensiela ta' liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet ġuridiċi marbuta mal-istatus personali, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti nisa, il-Kodiċi tal-Istatus Ċivili, il-Kodiċi tax-Xogħol, l-Att dwar in-Nazzjonalità u s-sistema ta' tutela mill-irġiel, li tissuġġetta t-tgawdija ta' ħafna mid-drittijiet tan-nisa skont is-CEDAW għall-awtorizzazzjoni ta' tutur raġel;

L.  billi l-Arabja Sawdija għandha komunità attiva ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem online kif ukoll l-ogħla numru ta' utenti ta' Twitter fil-Lvant Nofsani; billi l-Arabja Sawdija qiegħda fil-lista tal-"Għedewwa tal-Internet" ta' Reporters Without Borders minħabba ċ-ċensura tal-media Sawdija u tal-internet u l-ikkastigar ta' dawk li jikkritikaw il-gvern jew ir-reliġjon; billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u tal-media, kemm online kif ukoll offline, huma prekundizzjonijiet kruċjali u katalizzaturi għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u huma kontrolli essenzjali fuq il-poter; billi r-Rebbieħ tal-2015 tal-Premju Sakharov, Raif Badawi, għadu l-ħabs għall-unika raġuni li esprima l-fehmiet tiegħu b'mod paċifiku;

M.  billi l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU għall-Arabja Sawdija għall-2015 huwa ta' 0,847, u għalhekk hija kklassifikata fit-38 post minn 188 pajjiż u territorju; billi l-Arabja Sawdija għandha Indiċi tal-Inugwaljanza bejn is-Sessi tan-NU ta' 0,257, u għalhekk hija kklassifikata fil-50 post minn 159 pajjiż fl-indiċi tal-2015; billi l-Arabja Sawdija kienet ikklassifikata fil-138 post minn 144 pajjiż fir-Rapport Globali tal-2017 dwar id-Disparità bejn is-Sessi ppubblikat mill-Forum Ekonomiku Dinji;

N.  billi r-riżerva ġenerali tal-Arabja Sawdija għas-CEDAW, skont il-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, hija inkompatibbli mal-objettiv u l-iskop tal-Konvenzjoni u mhijiex permessa skont l-Artikolu 28 tagħha; billi l-Arabja Sawdija wiegħdet li "tosserva l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem" meta applikat b'suċċess għal sħubija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2013;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin iwaqqfu kull forma ta' fastidju, anke fil-livell ġudizzjarju, kontra Eman al-Nafjan, Aziza al-Youssef, Loujain al-Hathloul, Aisha al-Mana, Madeha al-Ajroush, Hessah al-Sheikh, Walaa al-Shubbar, Mohammed al-Rabiah, u Ibrahim al-Modeimigh u kontra d-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr xkiel mhux ġustifikat u mingħajr biża' ta' tpattija;

2.  Jikkundanna r-repressjoni li għaddejja bħalissa fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, li tikkomprometti l-kredibbiltà tal-proċess ta' riforma fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u lil priġunieri oħra minħabba twemmin li ġew arrestati u kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà ta' espressjoni u talli wettqu xogħolhom b'mod paċifiku favur id-drittijiet tal-bniedem; jiddenunzja d-diskriminazzjoni kontinwa u sistematika kontra n-nisa u l-bniet fl-Arabja Sawdija;

3.  Jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu lejn in-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa Sawdin li qed jippruvaw jegħlbu kwalunkwe trattament inġust u diskriminatorju u lejn dawk li ddefendew id-drittijiet tal-bniedem minkejja d-diffikultajiet li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom;

4.  Jilqa' l-wiegħda li titneħħa l-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan fir-Renju bħala parti mill-aġenda ta' "Vision 2030";

5.  Jenfasizza li t-trattament tad-detenuti kollha, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, waqt li jkunu detenuti, irid ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU permezz tar-Riżoluzzjoni 43/173 tad-9 ta' Diċembru 1988;

6.  Jinnota li l-kumpaniji awtomobilistiċi internazzjonali, b'mod partikolari dawk ibbażati fl-UE, diġà bdew joħorġu riklami mmirati għan-nisa qabel ma tneħħiet il-projbizzjoni tan-nisa mis-sewqan;

7.  Huwa mħasseb ferm dwar il-prevalenza ta' vjolenza sessista fl-Arabja Sawdija, li fil-biċċa l-kbira tagħha għadha mhijiex irrappurtata u ddokumentata biżżejjed u hija ġustifikata b'raġunijiet bħall-ħtieġa li n-nisa taħt it-tutela tal-irġiel jiġu dixxiplinati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin jadottaw leġiżlazzjoni komprensiva biex jiddefinixxu u jikkriminalizzaw b'mod speċifiku kull forma ta' vjolenza sessista kontra n-nisa, b'mod partikolari l-istupru, inkluż l-istupru fiż-żwieġ, l-attakki sesswali u l-fastidju sesswali, u jneħħu l-ostakli kollha għall-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja;

8.  Huwa diżappuntat ferm dwar l-eżistenza tas-sistema ta' tutela mill-irġiel, li tipprevedi l-awtorizzazzjoni ta' tutur raġel f'numru ta' oqsma, inklużi l-vjaġġi internazzjonali, l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-għażla tar-residenza, iż-żwieġ, it-tressiq ta' lmenti fis-sistema ġudizzjarja, it-tluq minn ċentri ta' akkoljenza tal-istat għan-nisa abbużati, u t-tluq minn ċentri ta' detenzjoni; jissottolinja li din is-sistema hija riflessjoni tas-sistema patrijarkali b'għeruq b'saħħithom li tiddomina fil-pajjiż;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jirrevedu l-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fondazzjonijiet ta' Diċembru 2015 sabiex jippermettu lill-attivisti nisa jorganizzaw ruħhom u jaħdmu b'mod liberu u indipendenti mingħajr indħil indebitu min-naħa tal-awtoritajiet; iħeġġeġ ukoll ir-reviżjoni tal-Liġi Kontra t-Terroriżmu, tal-Liġi Kontra l-Kriminalità Ċibernetika u l-Liġi dwar l-Istampa u l-Pubblikazzjonijiet, li qed jintużaw ripetutament biex difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jittellgħu l-qorti, kif ukoll ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet diskriminatorji kollha li jinsabu fis-sistema ġuridika;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin biex jirratifikaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, jirtiraw ir-riżervi li għamlu għas-CEDAW u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tas-CEDAW, sabiex in-nisa Sawdin ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet minquxa fil-Konvenzjoni, u biex itemmu ż-żwiġijiet prekoċi, iż-żwiġijiet furzati u l-kodiċi ta' lbies obbligatorju għan-nisa; iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija toħroġ stedina permanenti biex il-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jkunu jistgħu jżuru l-pajjiż;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jippermettu l-indipendenza tal-istampa u tal-media u jiżguraw il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika għall-abitanti kollha tal-Arabja Sawdija; jikkundanna r-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dimostranti meta jipprotestaw b'mod paċifiku; jenfasizza li kampanji paċifiċi favur id-drittijiet ġuridiċi bażiċi jew l-użu ta' kummenti kritiċi permezz tal-media soċjali huma espressjonijiet ta' dritt indispensabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sawdin ineħħu r-restrizzjonijiet imqiegħda fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jipprojbuhom milli jitkellmu fil-media soċjali u mal-media internazzjonali;

12.  Ifakkar li l-Arabja Sawdija ġiet eletta fil-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa bl-appoġġ ta' xi Stati Membri tal-UE;

13.  Jistieden lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jestendu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jitlob lill-UE biex, fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tressaq riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija; jitlob lill-UE biex, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li jmiss u fil-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, tqajjem il-kwistjoni tas-sħubija tal-istati b'rekords dubjużi rigward id-drittijiet tal-bniedem, anke fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob lill-UE biex, fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tipproponi l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija;

15.  Jitlob lill-UE tinkludi diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, bħala punt permanenti fl-aġenda tas-summit annwali bejn l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, kif ukoll f'fora bilaterali u multilaterali oħra; jistieden lill-Kunsill tikkunsidra l-introduzzjoni ta' miżuri mmirati kontra individwi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li r-regoli għall-għoti tal-Premju Chaillot għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf jillimitaw l-applikazzjonijiet għal dawk li huma legalment irreġistrati u attivi "fi djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet";

16.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġjaw attivament lil gruppi tas-soċjetà ċivili u lil individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, anke permezz tal-arranġament ta' żjarat fil-ħabs, ta' monitoraġġ tal-proċessi kriminali u ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi;

17.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jkomplu jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-Arabja Sawdija dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u r-rwol inkwetanti tal-pajjiż fir-reġjun; jesprimi d-disponibbiltà tiegħu li jkollu djalogu kostruttiv u miftuħ mal-awtoritajiet Sawdin, inklużi d-deputati parlamentari, dwar l-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem; jappella għal skambju ta' għarfien espert dwar il-ġustizzja u kwistjonijiet ġuridiċi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi fl-Arabja Sawdija;

18.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwaqqfu aktar flaġellazzjonijiet fil-konfront ta' Raif Badawi, u jeħilsuh minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, peress li huwa meqjus bħala priġunier minħabba t-twemmin tiegħu, li ġie arrestat u kkundannat għall-unika raġuni li eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà ta' espressjoni; jitlob lill-UE tkompli tqajjem il-każ tiegħu fi kwalunkwe kuntatt ta' livell għoli li jista' jkollha;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jappella għal rieżami tas-sentenzi tal-mewt kollha biex ikun żgurat li dawn il-proċessi kriminali kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

20.  Jistieden lill-awtoritajiet Sawdin itemmu l-inċitament għall-mibegħda u d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, u kontra l-individwi u l-gruppi l-oħra kollha soġġetti għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom mill-Arabja Sawdija, inklużi ċ-ċittadini barranin minn pajjiżi ta' reġjuni oħra;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Maestà Tiegħu, ir-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud u lill-Prinċep Eredi Mohammad bin Salman Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, u lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija.

(1) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 64.
(2) ĠU C 310, 25.8.2016, p. 29.
(3) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 34.
(4) CEDAW/C/SAU/CO/3-4.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali