Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0265/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0233

Testi adottati
PDF 131kWORD 54k
Il-Ħamis, 31 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-Sudan, partikolarment is-sitwazzjoni ta' Noura Hussein Hammad
P8_TA(2018)0233RC-B8-0265/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-Sudan, partikolarment is-sitwazzjoni ta' Noura Hussein Hammad (2018/2713(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li r-Repubblika tas-Sudan ilha Stat parti tiegħu mill-1986,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li s-Sudan ilu Stat parti tagħha mill-1990,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar iż-żwiġijiet tat-tfal, prekoċi u furzati,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1979, u d-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa (DEVAW) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1993,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-18 ta' Diċembru 2007, ippreżentata mill-UE u mtennija fl-2008, fl-2010, fl-2012, fl-2014 u fl-2016, li tagħmel appell għal moratorju fuq il-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-ewwel Protokoll għall-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli adottata fl-1981 dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 16 u 21 tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal, li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Novembru 1999,

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' appell urġenti rigward il-każ ta' Noura Hussein Hammad mibgħuta fis-17 ta' Mejju 2018 mill-Kumitat Afrikan ta' Esperti dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal (ACERWC) lir-Repubblika tas-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tas-Sudan tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 96 (klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem) tal-Ftehim ta' Cotonou, iffirmat mill-Gvern Sudaniż fl-2005,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Noura Hussein Hammad kienet imġiegħla minn familtha tiżżewweġ lil Abdulrahman Hammad meta kienet tifla ta' 16-il sena; billi Noura stqarret li kienet l-ewwel stuprata minn żewġha bl-assistenza tal-membri ta' familtu; billi, skont dak li xehdet, fit-2 ta' Mejju 2017, tlett irġiel żammew lil Noura waqt li Abdulrahman stupraha; billi Noura, bħala awtodifiża, tat daqqiet b'arma ppuntata lil żewġha, u qatlitu, meta dan reġa' pprova jistupraha l-għada; billi eżami mediku suċċessiv indika li Noura ġiet ukoll feruta meta kienet qiegħda tissara ma' żewġha;

B.  billi Noura Hussein Hammad inżammet fil-ħabs ta' Omdurman sad-29 ta' April 2018, meta nstabet ħatja ta' omiċidju premeditat; billi Noura Hussein Hammad, li issa għandha 19-il sena, ġiet ikkundannata għall-mewt mill-Qorti Kriminali Ċentrali ta' Omdurman talli qatlet lir-raġel li missierha ġegħilha tiżżewweġ; billi waqt il-kundanna, il-familja tar-raġel għażlet il-piena tal-mewt bħal "kastig" adatt għal Hussein; billi sar rikors għal appell kontra l-kundanna tagħha;

C.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem ġabar informazzjoni skont liema ż-żwieġ furzat u l-istupru ta' Hussein kif ukoll il-forom l-oħra ta' vjolenza sessista kontriha, ma tqisux mill-Qorti bħala attenwanti tas-sentenza; billi l-espert tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Sommarji sostna li l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt, fil-każ li jkun hemm provi ċari ta' awtodifiża, tikkostitwixxi qtil arbitarju;

D.  billi s-Sudan jikklassifika fil-165 post minn 188 pajjiż kemm fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (HDI) kif ukoll fl-Indiċi ta' Inugwaljanza tal-Ġeneru tan-NU; billi l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) u l-Kumitat tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem esprimew tħassib gravi dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa fis-Sudan; billi l-ordinament ġuridiku fis-Sudan huwa bbażat fuq il-liġi tax-Xarija Iżlamika; billi l-evidenza turi li meta n-nisa ma jkunux ugwali għall-irġiel f'termini politiċi, kulturali u ekonomiċi, se jkunu suġġetti għall-vjolenza sessista, indipendentement mill-fidi, mir-razza jew min-nazzjonalità tagħhom;

E.  billi l-Kostituzzjoni Sudaniża tipprevedi li l-Istat għandu jipproteġi lin-nisa mill-inġustizzja u jippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; billi Pramila Patten, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, osservat li fis-Sudan, wara li żaret il-pajjiż mit-18 sal-25 ta' Frar 2018, hemm kultura profonda ta' ċaħda tal-vjolenza sesswali; billi ż-żwieġ furzat, l-istupru fiż-żwieġ u l-vjolenza sessista jitqiesu ħaġa normali fis-Sudan, u dawn il-forom kollha ta' vjolenza huma ġġustifikati fuq il-bażi tat-tradizzjoni, tal-kultura u tar-reliġjon; billi sal-lum l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali għadu ma investigax każ wieħed ta' vjolenza sesswali relatata ma' kunflitt;

F.  billi l-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex tindirizza l-impunità għad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju jinkludi wkoll l-atroċitajiet li jgħaddu abitwalment minnhom in-nisa, fosthom firxa wiesgħa ta' delitti sesswali u bbażati fuq il-ġeneru; billi fl-4 ta' Marzu 2009 l-QKI ħarġet mandat ta' arrest fil-konfront tal-President tar-Repubblika tas-Sudan, Omar al Bashir, fuq ħames kapijiet ta' akkuża minħabba delitti kontra l-umanità: omiċidju, sterminju, trasferiment furzat, tortura u stupru;

G.  billi ġiet varata kampanja globali bl-isem "Ġustizzja għal Noura Hussein Hammad" li timmira li tirrevoka l-piena tal-mewt; billi, minn Mejju 2018, kważi miljun ruħ iffirmaw petizzjoni intitolata "Ġustizzja għal Noura Hussein Hammad"; billi l-intimidazzjoni tal-avukati difensuri tirrappreżenta attakk kontra l-proċedura ta' proċess ġust; billi Noura Hussein Hammad, peress li ġiet stuprata, għandha bżonn appoġġ psikoloġiku;

H.  billi l-każ ta' Noura Hussein Hammad ġibed attenzjoni internazzjonali lejn id-drittijiet tan-nisa u ħareġ fid-dieher il-kwistjonijiet taż-żwieġ furzat u l-istupru fiż-żwieġ fis-Sudan, fejn l-età legali għaż-żwieġ hija biss 10 snin; billi kien biss fl-2015 li l-istupru fiż-żwieġ ġie rikonoxxut mid-dritt Sudaniż; billi, madankollu, l-awtoritajiet ġudizzjarji jirrifjutaw li jirrikonoxxuh bħala delitt;

I.  billi l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal kulma jmur żiedu l-kampanji kontra ż-żwieġ furzat tal-bniet u kontra ż-żwieġ ta' bniet taħt l-età, fenomenu mifrux fis-Sudan; billi l-prevenzjoni u r-risposta għall-forom kollha ta' vjolenza kontra l-bniet u n-nisa, inkluż iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat, jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020;

J.  billi kemm Human Rights Watch (HRW) kif ukoll l-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-Sudan fir-Rapport Dinji tiegħu tal-2017 iddikjaraw li l-forzi tas-sigurtà Sudaniżi użaw il-vjolenza sesswali, l-intimidazzjoni u forom oħra ta' abbuż biex isikktu lid-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; billi l-avukat ta' Noura Hussein Hammad ġie pprojbit mis-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà u l-Intelligence (NISSs) milli jagħmel konferenza stampa fost kampanja ta' intimidazzjoni li qed tintensifika; billi Nahid Gabralla, direttur ta' SEEMA, organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem mal-vittmi u s-superstiti tal-vjolenza sessista f'Khartoum, il-belt kapitali tas-Sudan, ġiet detenuta bosta drabi waqt il-kampanja ta' appoġġ favur Noura Hussein Hammad, minħabba li s-Sudan qed jagħmel restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni;

K.  billi s-Sudan huwa wieħed mis-seba' pajjiżi li mhumiex parti tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

L.  billi l-UE attwalment tagħti finanzjament ta' EUR 275 miljun għal proġetti fis-Sudan, prinċipalment permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) u l-Istrument li jikkontribwixxi għas-Sigurtà u l-Paċi (IcSP); billi s-Sudan ma rratifikax il-verżjoni riveduta tal-Ftehim ta' Cotonou;

M.  billi n-nisa fis-Sudan iġarrbu diskriminazzjoni, arresti arbitrarji u kastigi umiljanti; billi, skont l-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-Sudan, delitti magħrufa bħala delitti kontra l-morali pubbliċi, bħal dawk użati kontra n-nisa meqjusa li kienu lebsin "b'mod indeċenti", flimkien mal-umiljazzjoni tal-kastigi korporali, jikkostitwixxu ksur tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Artikoli 151, 152, 154 u 156 tal-Att Kriminali tas-Sudan jirrinfurzaw ir-restrizzjonijiet fuq in-nisa u l-mod kif jilbsu u jġibu ruħhom fil-pubbliku; billi l-ksur ta' dawn il-liġijiet hu punibbli b'multi u saħansitra, f'ċerti każijiet, bi swat bil-frosta;

N.  billi l-UE tappoġġa lis-Sudan b'taħlita ta' assistenza għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja, iżda tipprovdi wkoll appoġġ, fost l-oħrajn permezz tal-hekk imsejjaħ proġett ROCK, għall-operazzjonijiet ta' kontroll tal-fruntieri u kontra t-traffikar u l-kuntrabandu, li huma kontroversjali ħafna;

1.  Jiddeplora u jikkundanna s-sentenza għall-mewt ta' Noura Hussein Hammad; jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jibdlu s-sentenza għall-mewt f'waħda inqas ħarxa u jqisu għalkollox il-fatt li Hussein kienet qed taġixxi biex tiddefendi lilha nnifisha kontra t-tentattiv ta' raġel u l-kompliċi tiegħu li jistuprawha;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jikkonformaw mad-dritt nazzjonali u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Protokoll tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika, kif ukoll il-Protokoll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Afrikana, adottat fil-11 ta' Lulju 2003; ifakkar li, skont l-istandards internazzjonali, l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt meta jkun hemm provi ċari ta' awtodifiża tikkostitwixxi qtil arbitrarju, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li fihom in-nisa ġew akkużati bi qtil meta ddefendew lilhom infushom;

3.  Ifakkar lill-awtoritajiet Sudaniżi fl-obbligu tagħhom li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt ta' proċess ġust; jinsisti li jeħtieġ jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex ikun żgurat li l-proċess ta' Noura Hussein Hammad jilħaq l-ogħla standards ta' imparzjalità u proċess ġust;

4.  Itenni li huwa imperattiv li l-liġijiet ewlenin fis-Sudan, inkluż l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 u l-liġijiet li jirregolaw il-media u s-soċjetà ċivili, jiġu riveduti u riformati, sabiex jinġiebu f'konformità mal-istandards internazzjonali li jħarsu l-libertajiet tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni; jesprimi tħassib dwar il-poteri wesgħin ta' arrest u ta' detenzjoni kkonferiti lill-NISS, li jarrestaw u jżommu detenuti b'mod arbitrarju lil persuni li, f'ħafna każijiet, jiġu ttorturati u suġġetti għal trattament ħażin ieħor, waqt li l-uffiċjali tal-NISS igawdu minn immunità mill-prosekuzzjoni;

5.  Jinnota li waqt li l-każ għaddej mill-proċess ġudizzjarju, l-awtoritajiet Sudaniżi xorta għandhom l-obbligu li juru li ma jiskużawx l-istupru jew il-vjolenza sessista, u għaldaqstant, li jsalvaw il-ħajja ta' żagħżugħa li l-eżistenza tagħha diġà rvinata għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jiżguraw li l-każijiet kollha ta' vjolenza sessista u sesswali, inkluż l-istupru fiż-żwieġ u l-vjolenza domestika, jiġu proċessati u li l-awturi jinżammu responsabbli għal għemilhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jindirizzaw iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ furzat u l-istupru fiż-żwieġ;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jwettqu investigazzjoni immedjata, indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kontra l-forzi tas-sigurtà tas-Sudan għall-użu tal-vjolenza, l-intimidazzjoni u forom oħra ta' abbuż kontra n-nisa;

7.  Jiddispjaċih bil-projbizzjoni, min-naħa tal-NISSs, tal-konferenza stampa organizzata mit-tim ta' difiża ta' Noura Hussein Hammad wara l-kundanna tagħha; jikkundanna bil-qawwa l-fastidju ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u avukati fir-rigward tal-każ ta' Noura Hussein Hammad;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tal-integrità fiżika u psikoloġika ta' Noura Hussein Hammad matul id-detenzjoni tagħha, kif ukoll tal-avukati u tal-familja tagħha;

9.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f'kull ċirkostanza; jikkunsidra li l-piena tal-mewt tmur kontra d-dinjità tal-bniedem u tikkostitwixxi trattament krudili, diżuman u degradanti; jappella lill-awtoritajiet Sudaniżi jikkonformaw mal-moratorju fuq il-piena tal-mewt tan-NU; jistieden lis-Sudan jirratifika l-Konvenzjoni kontra t-Tortura (CAT) u s-CEDAW;

10.  Jirrimarka li l-awtoritajiet Sudaniżi li protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-kriminalizzazzjoni tal-istupru fiż-żwieġ jistgħu jgħinu biex jiġu salvati ħafna ħajjiet u jipprevjeni eżiti bħal dak tal-każ ta' Noura Hussein Hammad;

11.  Jikkundanna bil-qawwa ż-żwieġ prekoċi u furzat u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fis-Sudan u f'postijiet oħra; jindika li l-appell attwali kontra s-sentenza ta' Hussein, li hu limitat għall-aspetti formali u legali tas-sentenza mingħajr ebda kunsiderazzjoni tal-fatti, mhuwiex biżżejjed skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li s-Sudan irratifika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jemendaw il-liġi dwar l-istatus personali sabiex jgħolli l-età li fiha ż-żwieġ huwa legalment permissibbli;

12.  Jitlob bil-qawwa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġetti flimkien mal-awtoritajiet Sudaniżi tosserva l-prinċipju "non nocere", li jeskludi l-kooperazzjoni ma' atturi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari tal-AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali