Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2064(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0155/2018

Testi mressqa :

A8-0155/2018

Dibattiti :

PV 30/05/2018 - 23
CRE 30/05/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0235

Testi adottati
PDF 187kWORD 62k
Il-Ħamis, 31 ta' Mejju 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur: reviżjoni tal-qafas legali tal-UE
P8_TA(2018)0235A8-0155/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur: reviżjoni tal-qafas legali tal-UE (2017/2064(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 91(1) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151(3), ir-Regolament(KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008(5) u r-Regolament Nru 39 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropea b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli(7),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) ta' Novembru 2017 intitolat "It-tbagħbis tal-odometri - miżuri għall-prevenzjoni"(8) u l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew korrispondenti tiegħu, "Il-manipulazzjoni tal-odometri fil-vetturi bil-mutur fl-UE(9)",

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Assoċjazzjoni tal-Awtoritajiet tar-Reġistrazzjoni Ewropej tal-Vetturi u s-Sewwieqa bl-isem "Reġistrazzjoni tal-Kilometraġġ tal-Vetturi"(10),

–  wara li kkunsidra l-"Istudju tas-Suq tal-Konsumaturi dwar il-funzjonament tas-suq tal-karozzi użati minn perspettiva tal-konsumatur" tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0030/2016 tal-11 ta' April 2016 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-kilometraġġ fis-suq tal-karozzi użati,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0155/2018),

Is-sitwazzjoni attwali

A.  billi t-tbagħbis tal-odometri, jiġifieri l-prattika ħażina ta' alterazzjoni intenzjonata jew mhux awtorizzata tal-kilometraġġ reali ta' vettura muri fuq l-odometru tagħha, huwa problema serja u mifruxa madwar l-Unjoni, speċjalment fil-kuntest tal-kummerċ transfruntier u tagħmel ħsara lill-pajjiżi terzi li jimportaw karozzi użati mill-Unjoni;

B.  billi l-profitt ekonomiku tat-tbagħbis tal-odometri jista' jkun sinifikanti meta jitqiesu l-prezzijiet baxxi tat-tagħmir meħtieġ u ż-żieda artifiċjali fil-valur tal-karozzi użati; billi studji jistmaw li s-sehem tal-vetturi mbagħbsa jilħaq bejn 5  u 12 % tal-bejgħ tal-karozzi użati fil-livell nazzjonali, u bejn 30  u 50 % tal-bejgħ transfruntier, li jakkumula għal totali ta' bejn EUR 5,6 u 9,6 biljun fi ħsara ekonomika fl-Unjoni;

C.  billi l-għadd ta' kilometri misjuqa huwa wieħed mill-aktar parametri importanti li abbażi tiegħu xerrej jista’ jivvaluta l-kundizzjoni teknika ta' vettura, u billi l-qari tal-kilometraġġ għandu impatt sinifikanti fuq il-valur tas-suq ta' vettura;

D.  billi l-qari tal-odometru huwa maħżun u muri b'mod diġitali, filwaqt li l-aċċess estern għal fini ta’ rikonfigurazzjoni huwa faċli, billi l-livell ta' protezzjoni tal-odometri huwa inqas milli dak ta' komponenti oħra fil-vettura;

E.  billi t-tbagħbis tal-odometri jagħmel ħsara lill-konsumaturi, lin-negozjanti tal-karozzi użati, lill-assiguraturi u lill-kumpaniji tal-kiri, filwaqt li joffri benefiċċju finanzjarju lil dawk li jwettqu din il-frodi, u jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet bil-għan li jsir aktar diffiċli għan-nonprofessjonisti biex ibagħbsu l-odometri;

F.  billi l-livell ogħla ta' tkagħbir minħabba l-użu tal-karozzi b'odometri li kienu ġew imbagħbsa, jolqot b'mod negattiv is-sikurezza fit-toroq, billi min jixtri tali karozzi jista' jġarrab spejjeż ogħla ta' manutenzjoni u tiswija milli dawk mistennija minħabba li l-karozzi ma jiġux spezzjonati abbażi tal-kilometraġġ veru tagħhom;

G.  billi karozzi b'odometri li kienu ġew imbagħbsa, jistgħu juru konsum ogħla u iktar emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu milli mistenni, u b'hekk jiksru r-rekwiżiti tad-durabilità tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip;

H.  billi s-suq tal-karozzi użati fl-Unjoni, li huwa minn darbtejn sa tlett darbiet akbar mis-suq għaall-karozzi l-ġodda, għandu l-inqas fiduċja tal-konsumatur fost is-swieq tal-oġġetti skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-Swieq tal-Konsumatur - 2014(11) u t-tbagħbis tal-odometri jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-telf ta' fiduċja tal-konsumaturi fin-negozjanti ta' karozzi użati, u għalhekk ifixkel il-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta;

I.  billi l-konsumaturi mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-modi possibbli ta' prevenzjoni tal-manipulazzjoni tal-qari tal-odometri fil-karozzi użati u dwar it-tekniki eżistenti għall-monitoraġġ tal-kilometraġġ u l-prevenzjoni tal-frodi f'dan il-qasam, u modi ta' ksib ta' aċċess għal dawk it-tekniki;

J.  billi bosta Stati Membri għadhom qed jonqsu milli jipprovdu lill-konsumaturi bl-għodod meħtieġa li jippermettulhom jivverifikaw il-passat ta' vettura użata;

K.  billi l-frodi tal-kilometraġġ taffettwa b'mod sproporzjonat lill-gruppi soċjali u ż-żoni ġeografiċi b'introjtu aktar baxx, u jesponi lill-konsumaturi fl-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni fi jew wara l-2004 u fil-pajjiżi ġirien tal-Unjoni (b'mod partikolari il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fejn il-karozzi użati mill-Unjoni jiġu importati mingħajr ebda dazju jew soġġetti għal ammont insinifikanti ta' dazju ) għal riskju ogħla li tinxtara karozza b'odometru manipulat u għaldaqstant spiss huma milquta minn dik il-prattika ħażina;

L.  billi fl-assenza ta' sistema integrata komuni għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, hemm riskju akbar li jiġi legalizzat qari ta' kilometraġġ li diġà ġie manipulat qabel l-ivverifikar inizjali fil-pajjiż fejn eventwalment tiġi reġistrata l-karozza u fejn diġà hemm miżuri għar-reġistrazzjoni tal-vettura u l-ivverifikar tal-kilometraġġ tagħha;

M.  billi l-ġlieda kontra l-frodi tal-odometri permezz tal-istabbiliment ta' regoli uniformi għall-prevenzjoni tal-manipulazzjoni fundamentalment issaħħaħ is-sigurtà u ċ-ċertezza fix-xiri transfruntier tal-vetturi, u għaldaqstant tnaqqas l-iskala ta' prattiki inġusti u toffri benefiċċji sostanzjali għal miljuni ta' konsumaturi fl-Unjoni;

Miżuri eżistenti li jindirizzaw il-frodi tal-odometri

N.  billi xi Stati Membri diġà introduċew strumenti biex jimminimizzaw il-manipulazzjoni tal-odometri, bħal "Car-Pass" fil-Belġju u "Nationale AutoPas" (NAP) fin-Netherlands; billi ż-żewġ Stati Membri jużaw bażi tad-data li tiġbor fiha l-qari tal-odometru f'kull manutenzjoni, servizz, tiswija jew spezzjoni perjodika tal-vettura, mingħajr ma tinġabar ebda data personali, u t-tnejn li huma kważi qerdu l-frodi tal-odometri fid-dominji rispettivi tagħhom fi żmien qasir;

O.  billi s-sistema Belġjana titħaddem fuq bażi ta’ liġi minn organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ u s-sistema fin-Netherlands titħaddem minn aġenzija governattiva; billi ż-żewġ sistemi joperaw bi spiża raġonevoli u s-suċċess tagħhom huwa akkumpanjat u mrawwem minn kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni kif ukoll minn qafas legali b'saħħtu li jistabbilixxi regoli ċari u penali dissważivi;

P.  billi l-għadd ta' karozzi manipulati sostanzjalment ogħla f'pajjiżi mingħajr aċċess għal dawk il-bażijiet tad-data juri li l-iskambju transfruntier tad-data u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma kruċjali għas-suċċess tagħhom;

Q.  billi is-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (Eucaris), diġà tipprovdi infrastruttura u organizzazzjoni għall-iskambju ta' data armonizzata relatata mat-trasport bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, u tintuża mill-Istati Membri kollha biex jissodisfaw l-obbligi taħt id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12) filwaqt li l-funzjonalitajiet tagħha diġà jinkludu reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ;

R.  billi jeżistu wkoll soluzzjonijiet tekniċi, kemm fir-rigward tal-hardware kif ukoll tas-software, li jistgħu jiġu integrati f'vetturi mill-manifatturi u b'hekk tiġi evitata l-manipulazzjoni tal-odometru mill-bidu, billi "Moduli tas-Sigurtà tal-Hardware" u "Estensjonijiet Siguri tal-Hardware" diġà qed jintużaw biex jipproteġu unitajiet ta' kontroll elettroniċi (ECU) fil-vetturi kontra l-aċċess mhux awtorizzat, il-manipulazzjoni jew is-serq tal-karozzi, u l-ispiża tagħhom għal kull vettura hija stmata li tammonta għal EUR 1;

S.  billi, sabiex tinkiseb l-approvazzjoni tat-tip għal vettura, ir-Regolament (UE) 2017/1151 jobbliga lill-manifatturi jimplimentaw strateġiji sistematiċi ta' protezzjoni kontra t-tbagħbis u karatteristiċi "write-protect" li jiskoraġġixxu r-riprogrammazzjoni tal-odometri, filwaqt li jqis ukoll karatteristiċi għall-iskambju mill-bogħod ta' data; billi din tirrikjedi biss informazzjoni u spjegazzjonijiet ipprovduti mill-manifattur u ma tipprevedi ebda ttestjar biex jiġi vverifikat jekk l-odometru huwiex sigur kontra t-tbagħbis meta jeżistu proċessi ċertifikati u rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, bħall-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni; billi proċessi rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, bħall-Kriterji Komuni (ISO/IEC 15408) jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni kontra t-tbagħbis;

Leġiżlazzjoni u lakuni

T.  billi filwaqt li l-manipulazzjoni tal-odometru hija projbita f'26 Stat Membru iżda huma biss għaxar Stati Membri li għandhom miżuri addizzjonali biex jivverifikaw il-kilometraġġ disponibbli għall-klijenti u sitta biss jirrikonoxxu l-manipulazzjoni tal-odometru bħala reat kriminali(13); billi l-hardware u s-software użati għat-tbagħbis tal-odometri huma liberament disponibbli fl-Unjoni u mhumiex ikklassifikati bħala reat kriminali, u billi aktar Stati Membri qed jikkriminalizzaw attivitajiet marbuta mal-manipulazzjoni illegali tal-qari tal-miter;

U.  billi l-frodi tal-odometru tirrappreżenta theddida għall-affidabilità stradali, kif indikat fid-Direttiva 2014/45/UE, li tirrikjedi li l-Istati Membri huma mistednin jimponu penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi għal manipulazzjonijiet bħal dawn; billi l-Kummissjoni għandha teżamina ulterjorment il-fattibilità li jiġu konnessi l-pjattaformi nazzjonali bil-għan li jkun jista' jsir skambju transfruntier tal-informazzjoni dwar l-affidabilità stradali, li tinkludi l-qari tal-odometri;

V.  billi d-Direttiva 2014/45/UE fiha obbligu ta' reġistrazzjoni tal-kilometraġġ matul l-ispezzjoni teknika perjodika (PTI - periodical technical inspection) u tagħmel dawn ir-reġistrazzjonijiet disponibbli għal PTIs sussegwenti, iżda tindirizza biss reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ matul it-testijiet tal-affidabilità stradali mill-ewwel spezzjoni tal-affidabilità stradali 'l quddiem; billi l-ewwel PTI jista' jseħħ sa erba' snin wara l-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura, li jħalli biżżejjed ħin għal manipulazzjoni tal-odometru qabel l-ewwel spezzjoni kif ukoll bejn l-ispezzjonijiet, u jista' wkoll jirriżulta f'reġistrazzjoni uffiċjali ta' kilometraġġ żbaljat;

W.  billi la d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 dwar l-approvazzjoni tat-tip, u lanqas ir-Regolament Nru 39 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE Regolament Nru 39) ma jirreferu għall-frodi tal-kilometraġġ jew għall-odometri siguri kontra t-tbagħbis; billi Regolament (KE) Nru 661/2009 jirreferi għar-Regolament 39 tal-UNECE dwar ir-rekwiżiti ta' approvazzjoni għall-ispidometru, iżda ma jipprovdix għar-rekwiżiti fir-rigward ta’, jew il-karatteristiċi essenzjali tal-odometri;

Żvilupp futur fis-settur awtomobilistiku

X.  billi l-industrija awtomobilistika għamlet progress kbir fl-iżvilupp u fil-produzzjoni ta' vetturi li huma konnessi, jużaw l-ITS u jikkomunikaw mal-ambjent tagħhom, biex b'hekk ħafna mill-karozzi li jidħlu fis-suq diġà huma mogħnija b'funzjonijiet ta' konnettività u għaldaqstant fit-toroq tal-Unjoni qed issir tranżizzjoni lejn flotta ta' vetturi konnessi;

Y.  billi, skont diversi sondaġġi, l-età medja tal-karozzi fit-toroq fl-Unjoni hija ta' bejn 7 sa 11-il sena u qed tiżdied b'mod kostanti, filwaqt li fl-Istati Membri li aderew mal-Unjoni fi jew wara l-2004, il-karozzi qabżu sew l-età medja, u dan jirriżulta fi flotta li tikkonsisti f'karozzi ġodda u konnessi ħafna u karozzi relattivament qodma mingħajr ebda funzjoni ta' konnettività;

Z.  billi vetturi moderni diġà jibagħtu regolarment is-settijiet ta' data lill-manifatturi inkluż il-kilometraġġ attwali u l-ħin totali ta' tħaddim, u b'hekk titwassal data ewlenija għall-verifika tal-plawżibilità tar-rekord tal-kilometraġġ;

AA.  billi t-teknoloġija tal-blockchain tista' tkun soluzzjoni waħda għall-ħżin ta' data mill-odometri;

AB.  billi CarTrustChain huwa proġett ta' suċċess dwar kif tista' tintuża t-teknoloġija blockchain biex telimina l-frodi tal-odometri, li kien kofinanzjat mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, abbażi tal-Artikoli 91(1) u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), tissottometti qafas leġiżlattiv li jirrikjedi li l-Istati Membri joħolqu ostakli legali, tekniċi u operattivi biex ma jippermettux li ssir manipulazzjoni tal-odometri, wara r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni u fl-Anness tagħhom, fi żmien 12-il xahar wara l-adozzjoni mill-Parlament ta' din ir-riżoluzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-rekwiżiti statutorji tar-Regolament (UE) 2017/1151;

2.  Jistieden lil Kummissjoni tiżgura li l-istess ostakli legali u tekniċi jiġu applikati wkoll għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

3.  Jilqa' soluzzjonijiet tekniċi bħal HSM u SHE, li diġà jintużaw b'mod wiesa' biex jipproteġu data sensittiva fil-karozzi, u jissottolinja l-fatt li l-qari tal-odometri għandu jibbenefika mill-istess livell ta' protezzjoni bil-għan li tiġi impedita l-manipulazzjoni tal-odometri;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-approvazzjoni tat-tip għas-sigurtà fil-karozza stess, speċjalment għal miżuri tekniċi kontra l-frodi tal-odometri iżda wkoll fid-dawl taż-żieda fil-karozzi konnessi;

5.  Jilqa' li l-Kummissjoni inkludiet rekwiżiti b'rabta mas-sigurtà teknoloġika għall-odometri fir-Regolament (UE) 2017/1151; josserva, madankollu, li m'hemm l-ebda dispożizzjoni dwar kif għandu jsir monitoraġġ ta' dawn ir-rekwiżiti, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji ċari biex is-sigurtà tal-odometri tiġi kkontrollata b'mod effikaċi, tirranġa dawk il-kriterji jekk meħtieġ, fl-iqsar żmien possibbli, u tinforma lill-Parlament dwar l-effikaċja ta’ dak ir-Regolament;

6.  Jinnota li soluzzjonijiet nazzjonali li jużaw bażijiet tad-data ta' qari frekwenti tal-odometri mill-PTI, żjarat fil-garaxxijiet u spezzjonijiet oħra tal-vetturi kisbu suċċess kbir fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-odometri fl-Istati Membri rispettivi, u għaldaqstant jipproponi li dawk l-Istati Membru li s'issa naqsu milli jaġixxu kif jitolbu ċ-ċirkostanzi biex jistabbilixxu soluzzjonijiet xierqa mill-aktar fis possibbli;

7.  Jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Istati Membri kollha għandu jkollhom reġistri nazzjonali u jipparteċipaw fl-iskambju transfruntier tad-data minn dawk ir-reġistri, peress li dan huwa l-uniku mod ta' kif il-frodi tal-kilometraġġ tista' tiġi miġġielda b'mod effikaċi fl-Unjoni ; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, li tipproponi qafas leġiżlattiv għall-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' ġbir ta' data nazzjonali komparabbli u reċiprokament kompatibbli, abbażi tal-aqwa prattiki eżistenti, li jipprovdu ġbir ta' data dwar il-kilometraġġ frekwenti u affidabbli minn meta tiġi reġistrata għall-ewwel darba vettura, u li tippermetti l-iskambji internazzjonali;

8.  Jisħaq fuq il-punt li l-aċċess transfruntier għall-qari tal-odometri għandu jkun possibbli u li l-aċċess faċli għal dik l-informazzjoni min-naħa ta' xerrej ta' vettura użata jkun kontribut kbir għall-protezzjoni tal-konsumaturi; jissottolinja l-fattli xerrej ta' vettura użata għandu jkun jista' jivverifika l-eżattezza tal-qari tal-odometru tal-karozza, indipendentement mill-Istat Membru fejn kienet reġistrata qabel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw lill-konsumaturi u lill-partijiet ikkonċernati, b’mod proattiv, dwar il-miżuri eżistenti kontra l-frodi tal-odometri u dwar mezzi biex tiġi identifikata u impedita l-manipulazzjoni tal-odometru;

9.  Jisħaq li l-Eucaris toffri infrastruttura eżistenti għal skambju kosteffikaċi tal-qari tal-odometri madwar l-Unjoni fuq il-bażi ta' soluzzjoni ta' bażi tad-data; jiddispjaċih li fl-2017 kienu biss il-Belġju, in-Netherlands u s-Slovakkja li għamlu użu mill-pjattaforma Eucaris biex jiskambjaw informazzjoni dwar il-qari tal-odometri, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri japprofittaw mill-opportunitajiet ipprovduti minn din is-sistema;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel parteċipazzjoni fl-Eucaris obbligatorja u timplimentaha bħala pjattaforma ta' informazzjoni tal-vetturi u b'hekk tiffaċilita l-verifika tal-kilometraġġ fl-Unjoni bil-ħsieb li jitnaqqsu l-possibilitajiet li jiġu manipulati l-odometri;

11.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-reġistru elettroniku pprovdut fid-Direttiva 2014/45/UE għadu ma ġiex stabbilit u li l-penali tal-Istati Membri mhumiex dissważivi biżżejjed, u b'konsegwenza ta' dan ma ntlaħqux l-objettivi f'dak li jikkonċerna l-iskambju tad-data;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi qafas ġuridiku li jippermetti lill-Istati Membri jirreġistraw qari tal-odometri obbligatorju mill-PTI, minn kull ispezzjoni, servizz, operazzjoni ta' manutenzjoni u tiswija li jsiru, u minn żjarat fil-garaxxijiet oħra, ibda mill-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura;

13.  Jenfasizza li soluzzjoni bbażata fuq il-blockchain tista' tkun aktar kosteffikaċi u jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi kost-benefiċċji għal din is-soluzzjoni fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni mill-Parlament ta' din ir-riżoluzzjoni, inklużi s-sigurtà, it-trasparenza u l-protezzjoni tad-data; jisħaq li, sakemm ma ssir l-applikazzjoni potenzjali ta' din it-teknoloġija għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien soluzzjonijiet effikaċi, li jistgħu jintużaw faċilment u jitħaddmu malajr, b’mod partikolari l-bażijiet tad-data;

14.  Jisħaq li applikazzjoni usa' ta' teknoloġiji kriptografiċi avvanzati, bħal soluzzjonijiet ibbażati fuq l-HSM jew l-SHE tista' tipprovdi protezzjoni addizzjonali kontra l-manipulazzjonijiet tal-odometri, u tipproteġi l-odometri minn aċċess mhux awtorizzat permezz ta' ċipep ta' sigurtà;

15.  Jenfasizza li l-vetturi qed isiru dejjem aktar kapaċi li jkunu konnessi u li dan l-iżvilupp ser ikompli u b'hekk se jippermetti li d-data tal-odometru tiddaħħal awtomatikament f'bażi tad-data jew f'netwerk tal-blockchain; jilqa' l-isforzi tal-industrija tal-karozzi biex jiżviluppaw varjetà ta' salvagwardji tekniċi kontra t-tbagħbis tal-odometru fosthom il-kriptaġġ tad-data, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà iżda wkoll jitlob lill-manifatturi biex itejbu aktar l-effikaċja tas-soluzzjonijiet tekniċi tagħhom;

16.  Jenfasizza li l-miżuri kollha li jinvolvu t-trażmissjoni u l-ħżin tad-data għandhom isegwu l-acquis Ewropew għall-protezzjoni tad-data, u jiġu prattikati biss għall-prevenzjoni tat-tbagħbis tal-odometru u bl-ogħla livell ta' protezzjoni ċibernetika;

17.  Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu jew jemendaw il-leġiżlazzjoni dwar it-tbagħbis tal-odometru sabiex jagħmluh reat kriminali – inkluż il-forniment ta' hardware, software u s-servizzi relatati meħtieġa għal manipulazzjoni mhux awtorizzata – minħabba li t-tbagħbis iwassal għall-valutazzjoni mhux korretta tal-kundizzjoni tal-vettura, u b'hekk għandu impatt negattiv fuq is-sikurezza tat-toroq; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-infurzar effikaċi, mhux diskriminatorju u proporzjonat ta' tali leġiżlazzjoni;

18.  Jemmen li t-tibdil ta' odometru ta' vettura b'wieħed li juri qari ta' kilometraġġ aktar baxx, jekk l-għan huwa li jinħeba l-kilometraġġ reali u għaldaqstant isir profitt, jenħtieġ li jitqies bħala frodi tal-kilometraġġ ta' vettura;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tal-Artikoli 91(1) u 114 tat-TFUE, tissottometti proposta għal att dwar miżuri li jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-odometri, skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' hawn taħt;

o
o   o

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) Id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51).
(2) Id-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta' vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE, (ĠU L 127, 29.4.2007, p. 134).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1).
(5) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tal-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).
(6) Ir-Regolament Nru 39 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) – Id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tat-tagħmir tal-ispeedometer inkluża l-installazzjoni tiegħu (ĠU L 120, 13.5.2010, p. 40).
(7) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 57.
(8) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/602012/IPOL_STU%282017%29602012_EN.pdf
(9) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/615637/EPRS_STU%282018%29615637_EN.pdf
(10) https://www.ereg-association.eu/media/1122/final-report-ereg-topic-group-xiii-vehicle-mileage-registration.pdf
(11) https://ec.europa.eu/info/files/consumer-markets-scoreboard-2014-edition_en
(12) Id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, (ĠU L 288, 5.11.2011, p. 1).
(13) Ara Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net, 2015), Xiri transfruntier ta' karozzi: minn xiex għandek toqgħod attent meta tkun qed tfittex karozza bi prezz irħis, p. 236.
(14) Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ("Direttiva Kwadru") (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

It-trawwim ta' soluzzjonijiet tekniċi u tal-approvazzjoni tat-tip

Sabiex il-manipulazzjoni tal-qari tal-odometru ssir aktar diffiċli, għandu jiġi stabbilit livell ogħla ta' sigurtà fil-vettura stess għad-data tal-odometru. Dan għandu jinkiseb billi jiġu inklużi fil-proposta dawn li ġejjin:

—  Is-sorveljar tal-implimentazzjoni tal-punt (f) tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2017/1151 u l-preżentazzjoni ta’ rapport bir-riżultati lill-Parlament malajr kemm jista' jkun;

—  L-istabbiliment ta' rekwiżiti ċari biex jiżguraw il-qari tal-odometru kontra l-manipulazzjoni fosthom – jekk jiġu vvalutati pożittivament – protezzjoni kriptografika tal-manipulazzjoni, sistemi ta' rikonoxximent tal-manipulazzjoni, detezzjoni u reġistrazzjoni separati tal-kilometraġġ u sigurtà tal-hardware;

—  L-introduzzjoni ta' metodu ta' ttestjar jew applikazzjoni tal-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni għas-soluzzjonijiet preventivi provduti mir-Regolament (UE) 2017/1151 dwar il-frodi tal-odometri;

Sistemi ta' bażijiet tad-data

Il-bażijiet tad-data bil-qari tal-odometri jnaqqsu b'mod sinifikanti l-għadd ta' vetturi manipulati. Huwa importanti li tinkiseb soluzzjoni għall-Unjoni kollha, għax l-inizjattivi nazzjonali iżolati ma jistgħux jipprevjenu l-frodi tal-odometri fil-kummerċ transfruntier ta' vetturi użati. Għaldaqstant, il-proposta jenħtieġ li tipprovdi l-miżuri li ġejjin:

—  ir-reġistrazzjonijiet obbligatorji tal-qari tal-odometru pprovduti fid-Direttiva 2014/45/UE għandhom ikunu magħmula disponibbli għal skambju transfruntier, u jekk jintalbu, għall-klijenti wkoll;

—  jinħoloq qafas legali biex jitwaqqfu bażijiet tad-data kumparabbli tar-reġistrazzjonijiet tal-kilometraġġ fl-Istati Membri, filwaqt li jiġu żgurati l-iskambju internazzjonali u l-aċċess għall-informazzjoni, abbażi tal-aqwa prattika eżistenti li tipprovdi reġistrazzjoni frekwenti u affidabbli tad-data tal-kilometraġġ;

—  il-bażijiet tad-data tal-qari tal-odometri li jeżistu diġà fil-livell tal-Istati Membri għandhom ikunu interkonnessi, kompatibbli u interoperabbli fil-livell tal-UE u jippermettu skambju internazzjonali tad-data, filwaqt li l-infrastruttura eżistenti bħall-Eucaris għandha tintuża għal implimentazzjoni kosteffikaċi u f'waqtha;

—  ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għandhom jiġu rispettati u, fejn ikun meħtieġ, għandhom jiġu adatti b'mod li jippermetti l-ħżin u l-iskambju tad-data rilevanti u l-protezzjoni tal-privatezza filwaqt li jipprevjenu b'mod effikaċi l-użu frawdolenti tad-data miġbura;

—  ix-xerrejja ta' vetturi użati għandhom jiġu provduti b'mezzi biex jivverifikaw, qabel ix-xiri, l-eżattezza tal-qari tal-odometru tal-karozza, abbażi tad-data tal-kilometraġġ miġbura minn dik il-vettura indipendentement mill-Istat Membru fejn kienet reġistrata qabel;

Il-blockchain u l-konnettività bħala soluzzjonijiet fit-tul potenzjali u kumplimentari

Il-vetturi qed isiru dejjem aktar konnessi u s-sehem ta' vetturi konnessi fil-flotta tal-Unjoni qed jikber b'mod kostanti. Dawn diġà jittrażmettu data bħall-qari tal-kilometraġġ attwali lis-servers tal-manifatturi. Dik id-data diġà tista' tintuża biex tinkixef il-frodi tal-kilometraġġ.

Teknoloġija blockchain tista', biż-żmien, toffri għodda affidabbli li permezz tagħha data tiġi mdaħħla f'netwerk u li tgħin il-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tad-data li tiddaħħal. L-ikkombinar ta' dawk l-iżviluppi u tat-teknoloġija jista' jiġi esplorat bħala soluzzjoni fit-tul kontra l-frodi tal-odometri.

Għalhekk, għandhom jiġu proposti l-miżuri li ġejjin:

—  il-kosti u l-benefiċċji potenzjali tal-istabbiliment ta' netwerk Ewropew tal-blockchain għall-qari tal-odometru jenħtieġ li jiġu vvalutati;

—  jekk il-valutazzjoni tkun pożittiva: il-qafas legali u regolatorju għal trasmissjoni awtomatizzata tal-qari tal-odometru ta' karozzi li huma mgħammra b'funzjonijiet ta' konnettività u – irrispettivament mill-valutazzjoni tal-blockchain– għall-aċċessar tad-data tal-odometru maħżuna u miġbura mill-manifattur li tikkumplimenta r-reġistrazzjonijiet tal-kilomettraġġ minn entrati manwali fil-PTI u minn sorsi oħra jenħtieġ li jinħoloq;

—  it-trażmissjoni tal-qari tal-odometru mill-PTI, miż-żjarat u l-ispezzjonijiet fil-garaxxijiet jenħtieġ li tkun rikjesta, b'hekk il-bażi tad-data tiġi integrata u żviluppata ulterjorment;

Leġiżlazzjoni u infurzar

Il-frodi tal-odometru mhijiex reat kriminali fl-Istati Membri kollha, għalkemm id-Direttiva 2014/45/UE tipprovdi b'mod espliċitu biex dan iseħħ. L-infurzar ta' miżuri legali effettivi, inklużi penali, huwa kruċjali biex tinqered il-frodi tal-odometri. Il-miżuri li ġejjin għandhom għalhekk jiġu proposti:

—  il-frodi tal-odometri għandha titqies bħala reat imwettaq kemm mill-persuna li tordna l-modifikazzjoni tal-qari tal-miter (sid il-karozza) kif ukoll mill-persuna li timmodifika l-qari tal-miter, u għandu jkun punibbli b'penali effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji li jsegwu standard ferm komparabbli fl-Unjoni kollha.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Lulju 2019Avviż legali